22.12.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 343/73


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2017/2425

tat-18 ta' Diċembru 2017

dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kumitat ta' Assoċjazzjoni li jiltaqa' fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ stabbilit mill-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Repubblika tal-Moldova, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-pjan direzzjonali komprensiv ippreżentat mir-Repubblika tal-Moldova f'relazzjoni mal-implimentazzjoni tal-Ftehim fil-qasam tal-akkwist pubbliku

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4) flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r- Repubblika tal-Moldova, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim”) ġie konkluż mill-Unjoni bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/839 (1) u daħal fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 2016.

(2)

F'konformità mal-Artikolu 272(1) u (2) tal-Ftehim, ir-Repubblika tal-Moldova għandha tissottometti lill-Kumitat ta' Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ, kif stabbilit fl-Artikolu 438(4) ta' dak il-Ftehim, pjan direzzjonali komprensiv għall-implimentazzjoni tal-kapitolu dwar l-akkwist pubbliku bi skedi ta' żmien u miri li għandhom jinkludu r-riformi kollha f'termini ta' approssimazzjoni lejn l-acquis tal-Unjoni u ta' bini ta' kapaċità istituzzjonali.

(3)

L-Artikolu 272(3) tal-Ftehim jistipula li wara opinjoni favorevoli mill-Kumitat ta' Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ, il-pjan direzzjonali għandu jitqies bħala d-dokument ta' referenza għall-implimentazzjoni tal-Kapitolu 8 tat-Titolu V tal-Ftehim. L-Unjoni għandha tagħmel mill-aħjar biex tassisti lir-Repubblika tal-Moldova fl-implimentazzjoni tal-pjan direzzjonali.

(4)

Il-Kumitat ta' Assoċjazzjoni li jiltaqa' fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ għandu jadotta deċiżjoni għall-finijiet tal-għoti ta' opinjoni favorevoli dwar il-pjan direzzjonali komprensiv ippreżentat mir-Repubblika tal-Moldova f'relazzjoni mal-implimentazzjoni tal-Ftehim fil-qasam tal-akkwist pubbliku. F'konformità mal-Artikolu 438(3) tal-Ftehim, id-deċiżjoni tal-imsemmi Kumitat għandha tkun vinkolanti fuq il-Partijiet, li għandhom jieħdu miżuri adatti biex jimplimentawha.

(5)

Ikun xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni fil-Kumitat ta' Assoċjazzjoni li jiltaqa' fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ, peress li l-pjan direzzjonali ppreżentat mir-Repubblika tal-Moldova huwa konformi mar-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 272(1) u (2) tal-Ftehim,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni, għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta' Deċiżjoni tal-Kumitat ta' Assoċjazzjoni li jiltaqa' fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ li jinsab mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fit-18 ta' Diċembru 2017,

Għall-Kunsill

Il-President

K. SIMSON


(1)  Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/839 tat-23 ta' Mejju 2016 dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Moldova, min-naħa l-oħra (ĠU L 141, 28.5.2016, p. 28).


ABBOZZ

DEĊIŻJONI Nru …/… TAL-KUMITAT TA' ASSOĊJAZZJONI UE-MOLDOVA LI JILTAQA' FIL-KONFIGURAZZJONI TAL-KUMMERĊ

ta' …

li tagħti opinjoni favorevoli rigward il-pjan direzzjonali komprensiv dwar l-akkwist pubbliku

IL-KUMITAT TA' ASSOĊJAZZJONI FIL-KONFIGURAZZJONI TAL-KUMMERĊ,

Wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Repubblika tal-Moldova, min-naħa l-oħra, iffirmat fi Brussell fis-27 ta' Ġunju 2014, u b'mod partikolari l-Artikolu 272(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa, u r-Repubblika tal-Moldova, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim”), ġie konkluż mill-Unjoni bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/839 (1) u daħal fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 2016.

(2)

L-Artikolu 272(1) u (2) tal-Ftehim jistipula li r-Repubblika tal-Moldova għandha tissottometti lill-Kumitat ta' Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ pjan direzzjonali komprensiv għall-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni relatata mal-akkwist pubbliku bi skedi taż-żmien u miri li għandhom jinkludu r-riformi kollha f'termini ta' approssimazzjoni leġiżlattiva lejn l-acquis tal-Unjoni u ta' bini ta' kapaċità istituzzjonali.

(3)

L-Artikolu 272(3) jispeċifika li opinjoni favorevoli mill-Kumitat ta' Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ hija meħtieġa biex il-pjan direzzjonali komprensiv isir dokument ta' referenza għall-proċess ta' implimentazzjoni, jiġifieri għall-approssimazzjoni leġiżlattiva tal-leġiżlazzjoni tar-Repubblika tal-Moldova relatata mal-akkwist pubbliku għall-acquis tal-Unjoni.

(4)

F'konformità mal-Artikolu 438(3) tal-Ftehim, il-Kumitat ta' Assoċjazzjoni għandu jkollu s-setgħa li jadotta deċiżjonijiet fil-każijiet previsti fil-Ftehim. Dawk id-deċiżjonijiet għandhom ikunu vinkolanti fuq il-Partijiet, li għandhom jieħdu l-miżuri adatti biex jimplimentawhom. Il-Kumitat ta' Assoċjazzjoni għandu jadotta d-deċiżjonijiet tiegħu bi ftehim bejn il-Partijiet.

(5)

Skont l-Artikolu 438(4) tal-Ftehim, il-Kumitat ta' Assoċjazzjoni għandu jiltaqa' fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ sabiex jindirizza l-kwistjonijiet kollha dwar il-kummerċ u relatati mal-kummerċ skont it-Titolu V tal-Ftehim.

(6)

Il-pjan direzzjonali dwar l-akkwist pubbliku ppreżentat mir-Repubblika tal-Moldova huwa konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 272(1) u (2) tal-Ftehim.

(7)

Huwa għalhekk xieraq li l-Kumitat ta' Assoċjazzjoni li jiltaqa' fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ jadotta deċiżjoni li tagħti opinjoni favorevoli fir-rigward tal-pjan direzzjonali komprensiv dwar l-akkwist pubbliku ppreżentat mir-Repubblika tal-Moldova,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

B'dan tingħata opinjoni favorevoli rigward l-Istrateġija Nazzjonali għall-Akkwist Pubbliku għall-perjodu 2016-2020 u l-pjan ta' azzjoni għall-implimentazzjoni tiegħu, adottati mill-Gvern tar-Repubblika tal-Moldova permezz tad-Deċiżjoni tal-Gvern Nru 1332 tal-14 ta' Diċembru 2016.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi …, …

Għall-Kumitat ta' Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ

Il-President


(1)  Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/839 tat-23 ta' Mejju 2016 dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Moldova, min-naħa l-oħra (ĠU L 141, 28.5.2016, p. 28).