14.9.2017 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 236/1 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2017/1541
tas-17 ta' Lulju 2017
dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Emenda ta' Kigali għall-Protokoll ta' Montreal dwar sustanzi li jnaqqsu s-saff tal-ożonu
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 192(1) flimkien mal-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(6) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew (1),
Billi:
(1) |
L-Unjoni saret parti għall-Konvenzjoni ta' Vjenna għall-ħarsien tas-saff tal-ożonu (“il-Konvenzjoni ta' Vjenna”) u l-Protokoll ta' Montreal dwar sustanzi li jnaqqsu s-saff tal-ożonu (“il-Protokoll ta' Montreal”) bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 88/540/KEE (2). Sussegwentement, ġew approvati l-emendi li ġejjin għall-Protokoll ta' Montreal: l-Ewwel Emenda, bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 91/690/KEE (3); it-Tieni Emenda, bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/68/KE (4); it-tielet Emenda, bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/646/KE (5); u r-Raba' Emenda, bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/215/KE (6). |
(2) |
Fit-28 Laqgħa tal-Partijiet għall-Protokoll ta' Montreal, li saret f'Kigali, ir-Rwanda, mill-10 sal-15 ta' Ottubru 2016, ġie adottat it-test ta' emenda oħra għall-Protokoll ta' Montreal (“l-Emenda ta' Kigali”), li jżid tnaqqis gradwali fil-konsum u l-produzzjoni tal-idrofluworokarburi għall-miżuri ta' kontroll tal-Protokoll ta' Montreal. |
(3) |
Tnaqqis gradwali fil-konsum u l-produzzjoni tal-idrofluworokarburi huwa meħtieġ biex jitnaqqas il-kontribut ta' dawk is-sustanzi għat-tibdil fil-klima u biex jipprevjeni l-introduzzjoni illimitata tagħhom, b'mod partikolari fil-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp. |
(4) |
L-Emenda ta' Kigali hija kontribut meħtieġ għall-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Pariġi, approvat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1841 (7), f'dak li jirrigwarda l-objettiv tiegħu biex iż-żieda fit-temperatura globali tinżamm ferm taħt 2 °C aktar mil-livelli preindustrijali u biex jitkomplew l-isforzi biex tiġi limitata aktar iż-żieda fit-temperatura għal 1,5 °C aktar mil-livelli preindustrijali. |
(5) |
Il-punt sa fejn il-kompetenza eżerċitata mill-Unjoni rigward materji regolati mill-Konvenzjoni ta' Vjenna u l-Protokoll ta' Montreal żviluppa b'mod sinifikanti mill-1988 'il hawn. Jenħtieġ li d-Depożitarju jiġi mgħarraf b'kwalunkwe modifika sostanzjali fil-firxa ta' kompetenza tal-Unjoni f'dawk il-materji, f'konformità mal-Artikolu 13(3) tal-Konvenzjoni ta' Vjenna. |
(6) |
L-Unjoni diġà adottat strumenti dwar il-materji koperti mill-Emenda ta' Kigali, inkluż ir-Regolament (UE) Nru 517/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8). |
(7) |
Jenħtieġ li l-Emenda ta' Kigali tiġi approvata, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-Emenda ta' Kigali għall-Protokoll ta' Montreal dwar sustanzi li jnaqqsu s-saff tal-ożonu hija b'dan approvata f'isem l-Unjoni Ewropea.
Id-Dikjarazzjoni tal-Kompetenza skont l-Artikolu 13(3) tal-Konvenzjoni ta' Vjenna hija b'dan approvata wkoll.
It-testi tal-Emenda ta' Kigali u d-Dikjarazzjoni tal-Kompetenza huma mehmuża ma' din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Il-President tal-Kunsill għandu jaħtar il-persuna jew persuni bis-setgħa li jiddepożitaw, f'isem l-Unjoni, l-istrument ta' approvazzjoni previst fl-Artikolu 13(1) tal-Konvenzjoni ta' Vjenna flimkien mad-Dikjarazzjoni tal-Kompetenza (9).
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data wara dik tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, is-17 ta' Lulju 2017.
Għall-Kunsill
Il-President
T. TAMM
(1) Kunsens tal-5 ta' Lulju 2017 (għadu ma ġiex ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali).
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 88/540/KEE tal-14 ta' Ottubru 1988 dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni ta' Vjenna għall-ħarsien tas-saff tal-ożonu u l-Protokoll ta' Montreal dwar sustanzi li jdgħajfu s-saff tal-ożonu (ĠU L 297, 31.10.1988, p. 8).
(3) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 91/690/KEE tat-12 ta' Diċembru 1991 li tikkonċerna l-finalizzazzjoni tal-emendament għall-Protokoll ta' Montreal dwar is-sustanzi li qegħdin jeqirdu s-saff tal-ożonu kif adottat f'Ġunju 1990 f'Londra mill-Partijiet għall-Protokoll (ĠU L 377, 31.12.1991, p. 28).
(4) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/68/KE tat-2 ta' Diċembru 1993 li tikkonċerna l-konklużjoni tal-emendar għall-Protokoll ta' Montreal dwar sustanzi li jnaqqsu s-saff tal-ożonu (ĠU L 33, 7.2.1994, p. 1).
(5) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/646/KE tas-17 ta' Ottubru 2000 dwar il-konklużjoni tal-emenda għall-Protokoll ta' Montreal dwar sustanzi li jnaqqsu s-saff tal-ożonu (ĠU L 272, 25.10.2000, p. 26).
(6) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/215/KE tal-4 ta' Marzu 2002 rigward il-konklużjoni tar-Raba' Emenda tal-Protokoll ta' Montreal dwar sustanzi li jħassru s-saff tal-ożonu (ĠU L 72, 14.3.2002, p. 18).
(7) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1841 tal-5 ta' Ottubru 2016 dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim ta' Pariġi adottat skont il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (ĠU L 282, 19.10.2016, p. 1).
(8) Ir-Regolament (UE) Nru 517/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 dwar gassijiet fluworurati b'effett ta' serra u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 842/2006 (ĠU L 150, 20.5.2014, p. 195).
(9) Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Emenda ta' Kigali ser tkun ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.