15.6.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 152/3


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/1003

tat-13 ta' Ġunju 2017

dwar l-importazzjoni ta' oġġetti bla dazju maħsuba biex jitqassmu jew biex ikunu disponibbli bla ħlas għall-vittmi tat-terremot li seħħ fl-Italja f'Awwissu u f'Ottubru 2016

(notifikata bid-dokument C(2017) 3865)

(It-test bit-Taljan biss huwa awtentiku)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1186/2009 tas-16 ta' Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta' eżenzjonijiet mid-dazju doganali (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 76 tiegħu,

Wara li kkunsidrat it-talba mir-Repubblika Taljana datata l-14 ta' Marzu 2017, għall-importazzjoni ta' oġġetti bla dazju maħsuba biex jitqassmu jew biex ikunu disponibbli bla ħlas lill-vittmi tat-terremoti li seħħew fl-Italja f'Awwissu u f'Ottubru 2016,

Billi:

(1)

Terremoti bħal dawk li seħħew fl-Italja fl-24 ta' Awwissu u fis-26 u fit-30 ta' Ottubru 2016 jikkostitwixxu diżastru skont it-tifsira tal-Kapitolu XVII, Taqsima C, tar-Regolament (KE) Nru 1186/2009; għalhekk hemm raġuni għall-awtorizzazzjoni tal-importazzjoni ta' oġġetti bla dazju li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikoli 74 sa 80 tar-Regolament imsemmi hawn fuq.

(2)

Ir-Repubblika Taljana għandha tinforma lill-Kummissjoni bin-natura u l-kwantitajiet tad-diversi oġġetti li jiddaħħlu mingħajr dazju għall-benefiċċju tal-vittmi tat-terremoti li seħħew fl-Italja fl-2016, bl-organizzazzjonijiet li tkun tathom approvazzjoni biex iqassmu jew biex jagħmlu disponibbli dawk l-oġġetti u bil-miżuri meħuda biex l-oġġetti ma jitħallewx jintużaw għal xi skop ieħor għajr dak li tingħata għajnuna f'każ ta' diżastru lil dawk il-vittmi.

(3)

L-eżenzjoni mid-dazju doganali għandha tingħata fir-rigward tal-importazzjoni mid-data ta' meta seħħ l-ewwel terremot.

(4)

L-Istati Membri l-oħra ġew ikkonsultati kif stabbilit fl-Artikolu 76 tar-Regolament (KE) Nru 1186/2009,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   L-oġġetti jiddaħħlu ħielsa mid-dazji tal-importazzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 2(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1186/2009 fejn ikunu rispettati dawn il-kundizzjonijiet:

(a)

l-oġġetti jkunu maħsuba għal xi wieħed minn dawn l-iskopijiet:

(i)

id-distribuzzjoni tal-oġġetti bla ħlas lill-vittmi tat-terremot li seħħ fl-Italja fl-2016 mill-korpi u l-organizzazzjonijiet imsemmija fil-punt (c);

(ii)

li dawk il-vittmi jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom dawn l-oġġetti bla ħlas filwaqt li l-oġġetti jibqgħu proprjetà tal-organizzazzjonijiet imsemmija;

(b)

l-oġġetti jkunu jissodisfaw ir-rekwiżiti stipulati fl-Artikoli 75, 78 u 79 tar-Regolament (KE) Nru 1186/2009;

(c)

l-oġġetti jkunu importati biex jiġu rilaxxati għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa minn korpi Statali jew minn organizzazzjonijiet approvati mill-awtoritajiet Taljani kompetenti.

2.   Oġġetti jiddaħħlu wkoll bla dazju skont it-tifsira tal-Artikolu 2(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1186/2009 meta dawn jiġu importati biex jiġu rilaxxati għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa minn aġenziji li jagħtu għajnuna f'każ ta' diżastru sabiex ikunu jistgħu jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tagħhom matul il-perjodu li fih ikunu qed joffru għajnuna lill-vittmi tat-terremoti li seħħew fl-Italja fl-2016.

Artikolu 2

Ir-Repubblika Taljana għandha tikkomunika l-informazzjoni li ġejja lill-Kummissjoni, sa mhux aktar tard mit-30 ta' Settembru 2017:

(a)

lista tal-organizzazzjonijiet approvati msemmija fl-Artikolu 1(1);

(b)

informazzjoni dwar in-natura u l-kwantitajiet tad-diversi oġġetti li jkunu ddaħħlu bla dazju skont l-Artikolu 1;

(c)

miżuri meħuda biex tiġi żgurata l-konformità mal-Artikoli 78, 79, u 80 tar-Regolament (KE) Nru 1186/2009 għar-rigward tal-oġġetti li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3

L-Artikolu 1 għandu japplika għall-importazzjonijiet li saru mill-24 ta' Awwissu 2016 sat-30 ta' Ġunju 2017.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Taljana.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta' Ġunju 2017.

Għall-Kummissjoni

Pierre MOSCOVICI

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 324, 10.12.2009, p. 23.