20.5.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 131/1


DEĊIŻJONI (UE) 2017/864 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-17 ta' Mejju 2017

dwar Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali (2018)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 167 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

L-ideali, il-prinċipji u l-valuri integrati fil-wirt kulturali tal-Ewropa jikkostitwixxu sors kondiviż ta' tifkira, fehim, identità, djalogu, koeżjoni u kreattività għall-Ewropa. Il-wirt kulturali għandu rwol fl-Unjoni Ewropea u l-preambolu għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) jgħid li l-firmatarji ġew ispirati mill-wirt kulturali, reliġjuż u umanist tal-Ewropa.

(2)

L-Artikolu 3(3) tat-TUE jgħid li l-Unjoni għandha tirrispetta r-rikkezza tad-diversità kulturali u lingwistika tagħha, u għandha tiżgura li jitħares u jkun żviluppat il-wirt kulturali Ewropew.

(3)

L-Artikolu 167 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jagħti lill-Unjoni l-kompitu li tikkontribwixxi għat-trawwim tal-kulturi tal-Istati Membri, filwaqt li tirrispetta d-diversità nazzjonali u reġjonali tagħhom u fl-istess waqt tirriżalta l-wirt kulturali komuni. Jenħtieġ li l-azzjoni tal-Unjoni jkollha l-mira li tħeġġeġ il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u, jekk jenħtieġ, tappoġġa u tissupplimenta l-azzjoni tagħhom fl-oqsma, fost l-oħrajn, tat-titjib fit-tagħrif u fit-tixrid tal-kultura u l-istorja tal-popli Ewropej, u tal-konservazzjoni u l-protezzjoni tal-wirt kulturali Ewropew sinifikanti.

(4)

Kif enfasizzat mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha tat-22 ta' Lulju 2014 intitolata “Lejn approċċ integrat għall-Ewropa lejn il-wirt kulturali”, il-wirt kulturali għandu jiġi kkunsidrat bħala riżorsa kondiviża u ġid komuni miżmum għall-ġenerazzjonijiet futuri. Għaldaqstant hija r-responsabbiltà komuni tal-partijiet ikkonċernati kollha li jieħdu ħsieb il-wirt kulturali.

(5)

Il-wirt kulturali huwa ta' valur kbir għas-soċjetà Ewropea mil-lat kulturali, ambjentali, soċjali u ekonomiku. Għalhekk, il-ġestjoni sostenibbli tiegħu tikkostitwixxi għażla strateġika għas-seklu wieħed u għoxrin, kif enfasizzat mill-Kunsill fil-konklużjonijiet tiegħu tal-21 ta' Mejju 2014 (3). Il-kontribut tal-wirt kulturali f'termini ta' ħolqien ta' valuri, ħiliet u impjiegi, u kwalità tal-ħajja hu ssottovalutat.

(6)

Il-wirt kulturali huwa fil-qalba tal-Aġenda Ewropea għall-kultura (4) u jikkontribwixxi għall-għanijiet tagħha, li huma l-promozzjoni tad-diversità kulturali u d-djalogu interkulturali, il-promozzjoni tal-kultura bħala katalizzatur għall-kreattività, u l-promozzjoni tal-kultura bħala element vitali fir-relazzjonijiet internazzjonali tal-Unjoni. Huwa wkoll wieħed mill-erba' prijoritajiet għal kooperazzjoni Ewropea dwar il-kultura għall-perijodu 2015-2018, kif stabbilit fil-Pjan ta' Ħidma għall-Kultura attwali, adottat mill-Kunsill u mir-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, li ltaqgħu fi ħdan il-Kunsill, fil-25 ta' Novembru 2014 (5).

(7)

Il-Kunsill, fil-konklużjonijiet tiegħu tal-21 ta' Mejju 2014, iddikjara li l-wirt kulturali jħaddan firxa wiesgħa ta' riżorsi li ntirtu mill-imgħoddi fil-forom u l-aspetti kollha — tanġibbli, mhux tanġibbli u diġitali (imwielda fl-era diġitali u diġitalizzati), inklużi monumenti, siti, pajsaġġi, ħiliet, prattiki, għarfien u espressjonijiet ta' kreattività umana, kif ukoll kollezzjonijiet ikkonservati u amministrati minn korpi pubbliċi u privati bħal mużewijiet, libreriji u arkivji. Il-wirt kulturali jinkludi wkoll il-wirt ċinematografiku.

(8)

Il-wirt kulturali ssawwar tul is-sekli bis-saħħa tal-interazzjoni bejn l-espressjonijiet kulturali tad-diversi ċivilizzazzjonijiet li ppopolaw l-Ewropa. Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali tgħin biex tħeġġeġ u tavvanza fehim tal-importanza tal-protezzjoni u l-promozzjoni tad-diversità tal-espressjonijiet kulturali. Mod kif jinkiseb dan il-fehim jista' jkun permezz ta' programmi edukattivi u ta' sensibilizzazzjoni pubblika akbar, f'konformità mal-obbligi stabbiliti fil-Konvenzjoni tal-Unesco dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità tal-Espressjonijiet Kulturali tal-2005, li l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha huma parti minnha.

(9)

B'konformità mal-Artikolu 30 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabbiltà, li l-Unjoni u ħafna mill-Istati Membri huma parti minnha il-Partijiet għall-Konvenzjoni jagħrfu d-dritt ta' persuni b'diżabbiltà li jieħdu sehem fuq bażi ugwali mal-oħrajn fil-ħajja kulturali, u għandhom jieħdu miżuri xierqa biex jiżguraw li persuni b'diżabbiltà, fost l-oħrajn, igawdu l-aċċess għal postijiet fejn isiru attivitajiet jew servizzi kulturali, bħal ma huma teatri, mużewijiet, ċinema, libreriji u servizzi turistiċi, u, sa fejn hu possibbli, igawdu aċċess għal monumenti u siti ta' importanza kulturali u nazzjonali.

(10)

Il-Premju Ewropew għall-Belt Aċċessibbli wera li huwa kemm fattibbli kif ukoll prattika tajba biex il-wirt kulturali tal-bliet nagħmluh aċċessibbli, b'modi li jirrispettaw in-natura u l-valuri tagħhom, għall-persuni b'diżabbiltà, persuni anzjani u dawk b'mobbiltà mnaqqsa jew tipi oħrajn ta' nuqqasijiet temporanji.

(11)

Il-wirt kulturali għandu rwol importanti għall-koeżjoni tal-komunità fi żmien meta d-diversità kulturali qed tiżdied fis-soċjetajiet Ewropej. Is-siti li ngħataw iċ-Ċertifikat tal-Patrimonju Ewropew għandhom dimensjoni Ewropea qawwija, peress li ntgħażlu minħabba r-rwol tagħhom fl-istorja Ewropea. Flimkien mal-Bliet Kapitali Ewropej tal-Kultura, dawk is-siti jsaħħu s-sens ta' appartenenza taċ-ċittadini Ewropej għal spazju Ewropew komuni. Għaldaqstant, jenħtieġ jinstabu l-komplementarjetajiet mas-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali. L-approċċi parteċipatorji u interkulturali ġodda għall-politiki dwar il-wirt u l-inizjattivi edukattivi li jattribwixxu dinjità ugwali lill-forom kollha ta' wirt kulturali għandhom il-potenzjal li jżidu l-fiduċja, ir-rikonoxximent reċiproku u l-koeżjoni soċjali, kif uriet il-kooperazzjoni internazzjonali fil-qafas tal-Kunsill tal-Ewropa.

(12)

Ir-rwol tal-wirt kulturali huwa rikonoxxut ukoll fl-Aġenda 2030 tan-NU għall-Iżvilupp Sostenibbli (“Aġenda 2030”), li tirrikonoxxi ċ-ċittadinanza globali, id-diversità kulturali u d-djalogu interkulturali bħala prinċipji predominanti tal-iżvilupp sostenibbli. L-Aġenda 2030 tirrikonoxxi li l-kulturi u ċ-ċivilizzazzjonijiet kollha jistgħu jikkontribwixxu għal żvilupp sostenibbli u huma fatturi kruċjali ta' dan l-iżvilupp. Il-kultura hija msemmija espliċitament f'diversi Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tal-Agenda 2030, b'mod partikolari Għan 11 (bliet-wirt), kif ukoll Għan 4 (edukazzjoni), u, fir-rigward tat-turiżmu, Għan 8 (tkabbir sostenibbli) u Għan 12 (mudelli ta' konsum).

(13)

Rikonoxximent akbar fil-livell internazzjonali tal-ħtieġa li l-valuri tan-nies u tal-bnedmin jitqiegħdu fiċ-ċentru ta' kunċett imkabbar u transdixxiplinarju ta' wirt kulturali jsaħħaħ il-ħtieġa li jitrawwem aċċess usa' għall-wirt kulturali, fost l-oħrajn, fid-dawl tal-effetti pożittivi tagħha fuq il-kwalità tal-ħajja. Tali aċċess usa' jista' jinkiseb billi jintlaħqu udjenzi differenti u billi tiżdied l-aċċessibilità għal postijiet, bini, prodotti, u servizzi, b'kunsiderazzjoni tal-ħtiġijiet speċjali u l-implikazzjonijiet tal-bidla demografika.

(14)

Il-politiki għall-manutenzjoni, ir-restawr, il-konservazzjoni, l-użu mill-ġdid, l-aċċessibilità u l-promozzjoni ta' wirt kulturali u servizzi relatati huma primarjament responsabilitajiet nazzjonali, reġjonali jew lokali. Madankollu, il-wirt kulturali għandu dimensjoni Ewropea ċara li hija indirizzata, flimkien mal-politika kulturali, permezz ta' politiki oħra tal-Unjoni bħall-edukazzjoni, l-agrikoltura u l-iżvilupp rurali, l-iżvilupp reġjonali, il-koeżjoni soċjali, l-affarijiet marittimi, l-ambjent, it-turiżmu, l-aġenda diġitali, ir-riċerka u l-innovazzjoni, u l-komunikazzjoni.

(15)

Is-sena 2018 għandha importanza simbolika u storika għall-Ewropa u l-wirt kulturali tagħha, peress li tfakkar għadd ta' avvenimenti sinifikanti bħall-100 anniversarju minn tmiem l-Ewwel Gwerra Dinjija u l-indipendenza ta' bosta Stati Membri kif ukoll l-400 anniversarju mill-bidu tal-Gwerra tat-Tletin Sena. Għaldaqstant, is-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali tista' toffri opportunitajiet biex il-preżent jinftiehem aħjar permezz ta' fehim aktar rikk u kondiviż tal-passat.

(16)

Bil-għan li l-potenzjal tal-wirt kulturali jintlaħaq b'mod sħiħ għas-soċjetajiet u l-ekonomiji Ewropej, is-salvagwardja, it-titjib u l-ġestjoni tal-wirt kulturali jeħtieġu governanza effikaċi u parteċipattiva (jiġifieri fuq diversi livelli u minn diversi partijiet ikkonċernati) u kooperazzjoni transsettorjali msaħħa, kif iddikjarat mill-Kunsill fil-konklużjonijiet tiegħu tal-25 ta' Novembru 2014 (6). Tali governanza u kooperazzjoni jinvolvu l-partijiet ikkonċernati kollha, inklużi l-awtoritajiet pubbliċi, is-settur tal-wirt kulturali, l-atturi privati u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, bħal NGOs u organizzazzjonijiet fis-settur tal-volontarjat.

(17)

Barra minn hekk, fil-konklużjonijiet tiegħu tal-25 ta' Novembru 2014, il-Kunsill stieden lill-Kummissjoni biex tikkunsidra li tippreżenta proposta għal Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali.

(18)

Fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Settembru 2015, il-Parlament Ewropew irrakkomanda d-deżinjazzjoni, preferibbilment għall-2018, ta' Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali.

(19)

Fl-opinjoni tiegħu tas-16 ta' April 2015 (7), il-Kumitat tar-Reġjuni laqa' s-sejħa tal-Kunsill sabiex tiġi kkunsidrata “Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali”, filwaqt li saħaq fuq il-kontribut tagħha fil-kisba tal-għanijiet kondiviżi fil-kuntest pan-Ewropew.

(20)

Id-dikjarazzjoni ta' Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali hija mod effikaċi biex jiżdied l-għarfien tal-pubbliku, tinxtered l-informazzjoni dwar l-prattiki tajba, jiġu promossi d-dibattitu pubbliku, ir-riċerka u l-innovazzjoni u tittejjeb il-kapaċità għall-ġbir u l-analiżi tal-evidenza kwalitattiva u d-data kwantitattiva, inkluża l-istatistika, dwar l-impatt soċjali u ekonomikutal-wirt kulturali. Permezz tal-ħolqien ta' ambjent għall-promozzjoni simultanja ta' dawn l-għanijiet fil-livell tal-Unjoni, nazzjonali, reġjonali u lokali, sinerġija akbar u użu aħjar tar-riżorsi jistgħu jinkisbu. F'dak ir-rigward, il-Kummissjoni jenħtieġ tipprovdi informazzjoni f'waqtha u tikkoopera mill-qrib mal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Istati Membri, il-Kumitat tar-Reġjuni u l-korpi u l-assoċjazzjonijiet attivi fil-qasam tal-wirt kulturali fil-livell tal-Unjoni. Bil-għan li jiġi żgurat li l-attivitajiet żviluppati għas-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali jkollhom dimensjoni Ewropea, l-Istati Membri jitħeġġu wkoll jikkollaboraw ma' xulxin.

(21)

Il-wirt kulturali huwa wkoll qasam ta' intervent f'diversi programmi fil-qasam tar-relazzjonijiet esterni, primarjament, iżda mhux esklużivament, fil-Lvant Nofsani. Il-promozzjoni tal-valur tal-wirt kulturali hija wkoll reazzjoni għad-distruzzjoni intenzjonata tat-teżori kulturali fiż-żoni ta' kunflitt, kif enfasizzat mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u l-Kummissjoni fil-komunikazzjoni konġunta tat-8 ta' Ġunju 2016 intitolata “Lejn Strateġija tal-UE għal relazzjonijiet kulturali internazzjonali”. Huwa importanti li tkun żgurata l-komplementarjetà bejn is-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali u l-inizjattivi tar-relazzjonijiet esterni kollha żviluppati fi ħdan oqfsa adegwati. Jenħtieġ li l-azzjonijiet għall-protezzjoni u l-promozzjoni tal-wirt kulturali taħt strumenti ta' relazzjonijiet esterni rilevanti, fost l-oħrajn, jirriflettu l-interess reċiproku assoċjat mal-iskambju ta' esperjenzi u valuri ma' pajjiżi terzi. Jenħtieġ li s-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali tippromwovi l-għarfien reċiproku, ir-rispett u l-fehim tal-kulturi rispettivi.

(22)

Jenħtieġ li l-pajjiżi kandidati u l-pajjiżi kandidati potenzjali jkunu assoċjati mill-qrib ma' azzjonijiet taħt is-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali. Jenħtieġ jintalab ukoll, kif ikun xieraq, l-involviment tal-pajjiżi li jaqgħu fi ħdan l-għan tal-Politika Ewropea tal-Viċinat u pajjiżi sħab oħrajn. Tali involviment jista' jinkiseb taħt l-oqfsa rilevanti għall-kooperazzjoni u d-djalogu, b'mod partikolari fil-kuntest tad-djalogu tas-soċjetà ċivili bejn l-Unjoni u dawk il-pajjiżi.

(23)

Is-salvagwardja, il-konservazzjoni u t-titjib tal-wirt kulturali tal-Ewropa jaqgħu taħt l-għanijiet ta' programmi eżistenti tal-Unjoni. Għaldaqstant, Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali tista' tiġi implimentata bl-użu ta' dawk il-programmi skont id-dispożizzjonijiet eżistenti tagħhom u billi jiġu stabbiliti prijoritajiet ta' finanzjament fuq bażi annwali jew pluriennali. Il-programmi u l-politiki f'oqsma bħall-kultura, l-edukazzjoni, l-iżvilupp agrikolu u rurali, l-iżvilupp reġjonali, il-koeżjoni soċjali, l-affarijiet marittimi, l-ambjent, it-turiżmu, l-Istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali, ir-riċerka u l-innovazzjoni, u l-komunikazzjoni jikkontribwixxu direttament u indirettament għall-protezzjoni, it-tisħiħ, l-użu mill-ġdid innovattiv u l-promozzjoni tal-wirt kulturali tal-Ewropea, u jistgħu jappoġġaw is-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali skont l-oqfsa legali rispettivi tagħhom. Jaf jitqiesu l-kontributi nazzjonali li jikkomplementaw il-kofinanzjament fil-livell tal-Unjoni, fosthom permezz ta' mekkaniżmi ta' finanzjament flessibbli bħas-sħubijiet bejn is-settur pubbliku u dak privat jew il-finanzjament kollettiv (crowd funding), bil-għan li jiġu appoġġati l-għanijiet tas-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali.

(24)

Jenħtieġ li l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jitħarsu permezz ta' miżuri proporzjonali tul iċ-ċiklu tal-infiq kollu kemm hu, li jinkludi l-prevenzjoni, il-kxif u l-investigazzjoni tal-irregolaritajiet, l-irkupru tal-fondi mitlufa, imħallsa bi żball jew użati ħażin u, fejn xieraq, il-pieni amministrattivi u finanzjarji.

(25)

Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi pakkett finanzjarju għat-tul kollu tas-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali, li għandu jikkostitwixxi l-ammont primarju ta' referenza, skont it-tifsira tal-Punt 17 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (8), għall-Parlament Ewropew u l-Kunsill tul il-proċedura baġitarja annwali.

(26)

Minħabba li l-għanijiet ta' din id-Deċiżjoni, jiġifieri li jitħeġġeġ l-iskambju u l-apprezzament tal-wirt kulturali tal-Ewropa, li jiżdied l-għarfien dwar l-istorja u l-valuri komuni, u li jissaħħaħ is-sens ta' appartenenza għal spazju komuni Ewropew, ma jistgħux jinkisbu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri minħabba l-bżonn ta' skambju transnazzjonali ta' informazzjoni u tixrid ta' prattika tajba fl-Unjoni kollha, iżda jistgħu jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà, kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-TUE. F'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Deċiżjoni ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħqu dawk l-għanijiet,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Suġġett

1.   Is-sena 2018 ser tinħatar bħala “Is-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali” (“Is-Sena Ewropea”).

2.   L-għan tas-Sena Ewropea għandu jkun li jitħeġġeġ l-iskambju u l-apprezzament tal-wirt kulturali Ewropew bħala riżorsa komuni, biex titqajjem kuxjenza dwar l-istorja u l-valuri komuni, u jissaħħaħ is-sens ta' appartenenza għal spazju komuni Ewropew.

Artikolu 2

Għanijiet

1.   L-għanijiet ġenerali tas-Sena Ewropea għandhom ikunu li jitħeġġu u jiġu appoġġati l-isforzi tal-Unjoni, l-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali u lokali, b'kooperazzjoni mas-settur tal-wirt kulturali u s-soċjetà ċivili f'sens usa', biex jiġi protett, salvagwardat, utilizzat mill-ġdid, imsaħħaħ, ivvalorizzat u promoss il-wirt kulturali tal-Ewropa. B'mod partikolari, is-Sena Ewropea għandha:

(a)

tikkontribwixxi għall-promozzjoni tar-rwol tal-wirt kulturali tal-Ewropa bħala komponent ċentrali tad-diversità kulturali u d-djalogu interkulturali. Filwaqt li tirrispetta bis-sħiħ il-kompetenzi tal-Istati Membri, jenħtieġ li din tenfasizza l-aqwa mezzi biex ikunu żgurati l-konservazzjoni u s-salvagwardja tal-wirt kulturali tal-Ewropa kif ukoll it-tgawdija tiegħu minn udjenza usa' u aktar diversifikata, inkluż permzz ta' miżuri tal-iżvilupp tal-udjenza u l-edukazzjoni dwar il-wirt, biex b'hekk jiġu promossi l-inklużjoni u l-integrazzjoni soċjali;

(b)

issaħħaħ il-kontribut tal-wirt kulturali tal-Ewropa għas-soċjetà u għall-ekonomija, permezz tal-potenzjal ekonomiku dirett u indirett tagħha, li jinkludi l-kapaċità li ssostni s-setturi kulturali u kreattivi, inklużi l-impriżi żgħar u ta' daqs medju, u li tispira l-ħolqien u l-innovazzjoni, li tippromwovi l-iżvilupp sostenibbli u t-turiżmu, li ssaħħaħ il-koeżjoni soċjali u li tiġġenera impjieg lokali fuq medda twila ta' żmien;

(c)

tikkontribwixxi għall-promozzjoni ta' wirt kulturali bħala element importanti fir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni u pajjiżi terzi, filwaqt li tibni fuq l-interess u l-ħtiġijiet f'pajjiżi sħab u fuq l-għarfien espert tal-Ewropa fir-rigward tal-wirt kulturali.

2.   L-għanijiet speċifiċi tas-Sena Ewropea għandhom ikunu biex:

(a)

tinkoraġġixxi approċċi lejn politiki dwar il-wirt kulturali li huma ffukati fuq il-persuni, inklużivi, iħarsu 'l quddiem, aktar integrati, sostenibbli u transettorjali;

(b)

tippromwovi l-mudelli innovattivi ta' governanza parteċipattiva u l-ġestjoni tal-wirt kulturali, li jinvolvu lill-partijiet ikkonċernati kollha, inklużi l-awtoritajiet pubbliċi, is-settur tal-wirt kulturali, atturi privati u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili;

(c)

tippromwovi d-dibattitu, ir-riċerka u l-iskambju ta' prattiki tajbin fir-rigward tal-kwalità tal-konservazzjoni, is-salvagwardja, l-użu mill-ġdid innovattiv u t-tisħiħ tal-wirt kulturali, u dwar interventi kontemporanji fl-ambjent storiku;

(d)

tippromwovi soluzzjonijiet li jagħmlu l-wirt kulturali aċċessibbli għal kulħadd, inkluż permezz ta' mezzi diġitali, billi jitneħħew l-ostakli soċjali, kulturali u fiżiċi, filwaqt li jitqiesu l-persuni bi bżonnijiet speċjali;

(e)

tenfasizza u ssaħħaħ il-kontribut pożittiv tal-wirt kulturali għas-soċjetà u l-ekonomija permezz tar-riċerka u l-innovazzjoni, inkluż permezz tat-tisħiħ tal-bażi ta' evidenza għat-tali kontribuzzjoni fil-livell tal-Unjoni;

(f)

tinkoraġġixxi sinerġiji bejn il-politiki dwar il-wirt kulturali u ambjentali permezz tal-integrazzjoni ta' wirt kulturali fil-politiki ambjentali, arkitettoniċi u tal-ippjanar, u billi tiġi promossal-effiċjenza enerġetika;

(g)

tinkoraġġixxi strateġiji ta' żvilupp reġjonali u lokali li jisfruttaw il-potenzjal tal-wirt kulturali, saħansitra permezz tal-promozzjoni tat-turiżmu sostenibbli;

(h)

tappoġġa l-iżvilupp ta' ħiliet speċjalizzati u ttejjeb il-ġestjoni tal-għarfien u t-trasferiment tal-għarfien fis-settur tal-wirt kulturali, b'kunsiderazzjoni tal-implikazzjonijiet tal-bidla diġitali;

(i)

tinkoraġġixxi l-wirt kulturali bħala sors ta' ispirazzjoni għall-kreazzjoni u l-innovazzjoni kontemporanja, u li jiġu enfasizzati l-potenzjal għal arrikkament reċiproku u interazzjoni aktar b'saħħitha bejn is-settur tal-wirt kulturali u setturi kulturali u kreattivi oħra;

(j)

trawwem kuxjenza dwar l-importanza tal-wirt kulturali tal-Ewropa permezz tal-edukazzjoni u t-tagħlim tul il-ħajja, b'mod partikolari billi tiffoka fuq it-tfal, iż-żgħażagħ u l-anzjani, il-komunitajiet lokali u dawk il-gruppi li huma diffiċli li jintlaħqu;

(k)

tenfasizza l-potenzjal ta' kooperazzjoni fi kwistjonijiet ta' wirt kulturali għall-iżvilupp ta' rabtiet aktar b'saħħithom fl-Unjoni u ma' pajjiżi barra mill-Unjoni, u l-inkoraġġiment tad-djalogu interkulturali, ir-rikonċiljazzjoni wara l-kunflitt u l-prevenzjoni ta' kunflitti;

(l)

li tiġi promossa r-riċerka u l-innovazzjoni fir-rigward tal-wirt kulturali, li tiġi ffaċilitata l-adozzjoni u l-isfruttament ta' riżultati tar-riċerka mill-partijiet ikkonċernati kollha, b'mod partikolari awtoritajiet pubbliċi u s-settur privat, u jiġi ffaċilitat it-tixrid ta' riżultati tar-riċerka għal udjenza usa';

(m)

tinkoraġġixxi sinerġiji bejn l-Unjoni u l-Istati Membri, inkluż permezz tat-tisħiħ ta' inizjattivi li jipprevjenu t-traffikar illeċitu ta' oġġetti kulturali; u

(n)

tenfasizza, matul l-2018, avvenimenti sinifikanti li jkunu ta' importanza simbolika għall-istorja u l-wirt kulturali tal-Ewropa.

Artikolu 3

Kontenut tal-miżuri

1.   Il-miżuri li għandhom jittieħdu biex jintlaħqu l-għanijiet stipulati fl-Artikolu 2 għandhom jinkludu l-attivitajiet li ġejjin fil-livell tal-Unjoni, nazzjonali, reġjonali jew lokali marbuta mal-għanijiet tas-Sena Ewropea:

(a)

inizjattivi u avvenimenti li jippromwovu d-dibattitu u jissensibilizzaw dwar l-importanza u l-valur tal-wirt kulturali u biex jiffaċilitaw l-involviment taċ-ċittadini u l-partijiet ikkonċernati;

(b)

kampanji ta' informazzjoni, wirjiet, edukazzjoni u ta' sensibilizzazzjoni sabiex iwasslu valuri bħad-diversità u d-djalogu interkulturali bl-użu ta' evidenza mir-rikkezza tal-wirt kulturali tal-Ewropa u sabiex jistimulaw il-kontribut tal-pubbliku ġenerali fil-protezzjoni u l-ġestjoni tal-wirt kulturali u b'mod aktar ġenerali fil-kisba tal-għanijiet tas-Sena Ewropea;

(c)

l-iskambju ta' esperjenza u prattiki tajbin ta' amministrazzjonijiet nazzjonali, reġjonali u lokali u organizzazzjonijiet oħrajn, u t-tixrid ta' informazzjoni dwar il-wirt kulturali, inkluż permezz ta' Europeana;

(d)

it-twettiq ta' studji u attivitajiet ta' riċerka u innovazzjoni u t-tixrid tar-riżultati tagħhom fuq skala Ewropea jew nazzjonali; u

(e)

il-promozzjoni ta' proġetti u netwerks konnessi mas-Sena Ewropea, inkluż permezz tal-midja u n-netwerks soċjali.

2.   Il-Kummissjoni u l-Istati Membri, fil-livell tal-Unjoni u dak nazzjonali rispettivament, jistgħu jidentifikaw attivitajiet oħrajn barra dawk imsemmija fil-paragrafu 1, sakemm dawn jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-għanijiet tas-Sena Ewropea kif jinsabu fl-Artikolu 2.

3.   L-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni, kif ukoll l-Istati Membri, fil-livell tal-Unjoni u dak nazzjonali rispettivament, jistgħu jirreferu għas-Sena Ewropea u jagħmlu użu mil-logo tagħha biex jippromwovu l-attivitajiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2.

Artikolu 4

Koordinazzjoni fil-livell tal-Istati Membri

L-organizzazzjoni tal-parteċipazzjoni fis-Sena Ewropea fil-livell nazzjonali hija responsabilità tal-Istati Membri. Sabiex jintlaħaq dan l-għan, l-Istati Membri għandhom jaħtru koordinaturi nazzjonali. Il-koordinaturi nazzjonali għandhom jiżguraw il-koordinazzjoni ta' attivitajiet rilevanti fil-livell nazzjonali.

Artikolu 5

Koordinazzjoni fil-livell tal-Unjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha regolarment torganizza laqgħat tal-koordinaturi nazzjonali sabiex tikkoordina t-tmexxija tas-Sena Ewropea. Dawk il-laqgħat għandhom iservu wkoll bħala opportunitajiet biex isir skambju tat-tagħrif dwar l-implimentazzjoni tas-Sena Ewropea fil-livell nazzjonali u dak tal-Unjoni; rappreżentanti tal-Parlament Ewropew jistgħu jipparteċipaw f'dawk il-laqgħat bħala osservaturi.

2.   Il-koordinazzjoni tas-Sena Ewropea fil-livell tal-Unjoni għandu jkollha approċċ trasversali bil-għan li jinħolqu sinerġiji bejn id-diversi programmi u inizjattivi tal-Unjoni għall-finanzjament ta' proġetti fil-qasam tal-wirt kulturali.

3.   Il-Kummissjoni għandha ssejjaħ laqgħat regolari tal-partijiet interessati u r-rappreżentanti ta' organizzazzjonijiet jew korpi attivi fil-qasam tal-wirt kulturali, inkluż netwerks kulturali transnazzjonali eżistenti u l-NGOs rilevanti, kif ukoll ta' organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, biex jassistuha fl-implimentazzjoni tas-Sena Ewropea fil-livell tal-Unjoni.

Artikolu 6

Kooperazzjoni internazzjonali

Għall-finijiet tas-Sena Ewropea, il-Kummissjoni għandha tikkoopera ma' organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti, b'mod partikolari l-Kunsill tal-Ewropa u l-Unesco, filwaqt li tiżgura l-viżibilità tal-parteċipazzjoni tal-Unjoni.

Artikolu 7

Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha tieħu miżuri adatti li jiżguraw li, meta jiġu implimentati azzjonijiet iffinanzjati taħt din id-Deċiżjoni, l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jkunu protetti permezz tal-applikazzjoni ta' miżuri preventivi kontra l-frodi, il-korruzzjoni jew kwalunkwe attività illegali oħra, permezz ta' spezzjonijiet u verifiki effettivi u, jekk jiġu individwati irregolaritajiet, permezz tal-irkupru tal-ammonti mħallsa indebitament, u fejn adatt, permezz ta' penali amministrattivi u finanzjarji effettivi, proporzjonati u dissważivi.

2.   Il-Kummissjoni jew ir-rappreżentanti tagħha u l-Qorti tal-Awdituri għandu jkollhom is-setgħa ta' awditjar, abbażi ta' dokumenti u ta' verifiki u spezzjonijiet fuq il-post, fuq il-benefiċjarji tal-għotjiet, il-kuntratturi u s-sottokuntratturi kollha li jkunu rċevew fondi tal-Unjoni taħt din id-Deċiżjoni.

3.   L-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) jista' jwettaq investigazzjonijiet, inkluż verifiki u spezzjonijiet fuq il-post, skont id-dispożizzjonijiet u l-proċeduri stabbiliti fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) u fir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 (10) u bil-ħsieb li jistabbilixxi jekk kienx hemm frodi, korruzzjoni jew xi attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni fir-rigward ta' ftehim dwar għotja jew deċiżjoni dwar għotja jew kuntratt iffinanzjat skont din id-Deċiżjoni.

4.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 1, 2 u 3, il-ftehimiet ta' kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi u ma' organizzazzjonijiet internazzjonali, kuntratti, ftehimiet dwar għotja u deċiżjonijiet ta' għotja li jirriżultaw mill-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni għandu jkollhom dispożizzjonijiet li espliċitament jagħtu s-setgħa lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Awdituri u lill-OLAF biex iwettqu tali awditi u investigazzjonijiet, skont il-kompetenzi rispettivi tagħhom.

Artikolu 8

Finanzjament

Il-kofinanzjament fil-livell tal-Unjoni ta' attivitajiet li jimplimentaw is-Sena Ewropea għandu jkun skont ir-regoli applikabbli għal programmi eżistenti, bħall-Programm Ewropa Kreattiva, u fi ħdan il-possibbilitajiet eżistenti għall-istabbiliment tal-prijoritajiet fuq bażi annwali jew pluriennali. Fejn xieraq, programmi u politiki oħrajn, fi ħdan id-dispożizzjonijiet legali u finanzjarji eżistenti tagħhom, ukoll jistgħu jappoġġaw is-Sena Ewropea.

Artikolu 9

Baġit

Il-pakkett finanzjarju għall-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni għall-perjodu mill-1 ta' Jannar 2017 sal-31 ta' Diċembru 2018 għandu jkun ta' EUR 8 miljun.

L-approprjazzjonijiet annwali għandhom jiġu awtorizzati mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill fil-limiti tal-qafas finanzjarju pluriennali.

Artikolu 10

Monitoraġġ u evalwazzjoni

Sal-31 ta' Diċembru 2019, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-implimentazzjoni, ir-riżultati u l-valutazzjoni ġenerali tal-inizjattivi previsti f'din id-Deċiżjoni. Ir-rapport għandu jinkludi ideat għal aktar sforzi komuni fil-qasam tal-wirt kulturali.

Artikolu 11

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmula fi Strasburgu, is-17 ta' Mejju 2017.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

A. TAJANI

Għall-Kunsill

Il-President

C. ABELA


(1)  ĠU C 88, 21.3.2017, p. 7.

(2)  Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-27 ta' April 2017 (għadha mhix ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2017.

(3)  Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2014 dwar il-wirt kulturali bħala riżorsa strateġika għal Ewropa sostenibbli (ĠU C 183, 14.6.2014, p. 36).

(4)  Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2007 dwar Aġenda Ewropea għall-Kultura (ĠU C 287, 29.11.2007, p. 1).

(5)  Konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill, dwar Pjan ta' Ħidma għall-Kultura (2015-2018) (ĠU C 463, 23.12.2014, p. 4).

(6)  Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-governanza parteċipattiva tal-patrimonju kulturali (ĠU C 463, 23.12.2014, p. 1).

(7)  Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni — Lejn approċċ integrat għall-wirt kulturali tal-Ewropa (ĠU C 195, 12.6.2015, p. 22).

(8)  ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.

(9)  Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1).

(10)  Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta' Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolaritajiet oħra (ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2).


DIKJARAZZJONI KONĠUNTA MILL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL

F'konformità mal-Artikolu 9 tad-Deċiżjoni, il-pakkett finanzjarju għall-implimentazzjoni tas-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali (2018) huwa ta' EUR 8 miljun. Sabiex tiġi ffinanzjata t-tħejjija tas-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali, EUR 1 miljun ser ikunu ffinanzjati mir-riżorsi eżistenti fil-baġit tal-2017. Għall-baġit tal-2018, EUR 7 miljun ser ikunu riżervati għas-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali u jsiru viżibbli f'linja baġitarja. EUR 3 miljun ta' dak l-ammont ser jiġu minn riżorsi li attwalment huma previsti fil-Programm Ewropa Kreattiva u EUR 4 miljun ser jiġu prijoritizzati mill-ġdid minn riżorsi oħra eżistenti, mingħajr ma jintużaw il-marġni eżistenti u mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-awtorità baġitarja.

DIKJARAZZJONI MILL-KUMMISSJONI

Il-Kummissjoni tieħu nota tal-ftehim tal-koleġislaturi biex jintroduċu pakkett finanzjarju ta' EUR 8 miljun fl-Artikolu 9 tad-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tikkonċerna Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali (2018). Il-Kummissjoni tfakkar li hi l-prerogattiva tal-awtorità baġitarja li tawtorizza l-ammont ta' approprjazzjonijiet fil-baġit annwali, f'konformità mal-Artikolu 314 tat-TFUE.