30.5.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 169/11


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-23 ta’ Mejju 2017

dwar in-notifika lir-Repubblika tal-Liberja dwar il-possibbiltà li din tiġi identifikata bħala pajjiż terz li ma jikkooperax fil-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat

(2017/C 169/12)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 tad-29 ta’ Settembru 2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat, li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1936/2001 u (KE) Nru 601/2004 u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 1093/94 u (KE) Nru 1447/1999 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 32 tiegħu,

Billi:

1.   INTRODUZZJONI

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 1005/2008 (“ir-Regolament IUU”) jistabbilixxi sistema tal-Unjoni li tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (IUU).

(2)

Il-Kapitolu VI tar-Regolament IUU jistabbilixxi l-proċedura għall-identifikazzjoni ta’ pajjiżi terzi li ma jikkooperawx, id-démarches fir-rigward ta’ pajjiżi bħal dawn, l-istabbiliment ta’ lista ta’ tali pajjiżi, it-tneħħija minn dik il-lista, il-pubbliċità ta’ dik il-lista u kull miżura ta’ emerġenza.

(3)

Skont l-Artikolu 31 tar-Regolament IUU, il-Kummissjoni Ewropea għandha tidentifika l-pajjiżi terzi li hija tqis bħala pajjiżi li ma jikkooperawx fil-ġlieda kontra s-sajd IUU. Pajjiż terz għandu jiġi identifikat bħala pajjiż terz li ma jikkooperax jekk jonqos milli jaqdi dmirijietu skont id-dritt internazzjonali bħala Stat tal-bandiera, tal-port, kostali jew tas-suq, jew milli jieħu azzjoni sabiex jipprevjeni, jiskoraġġixxi u jelimina s-sajd IUU.

(4)

Qabel tidentifika l-pajjiżi terzi bħala li ma jikkooperawx skont l-Artikolu 31 tar-Regolament IUU, il-Kummissjoni għandha l-ewwel tinnotifika lill-pajjiżi terzi dwar il-possibbiltà li jiġu identifikati bħala pajjiżi li ma jikkooperawx f’konformità mal-Artikolu 32 ta’ dak ir-Regolament. Din in-notifika hija ta’ natura preliminari. In-notifika għandha tkun ibbażata fuq il-kriterji stipulati fl-Artikolu 31 tar-Regolament IUU. Il-Kummissjoni għandha tikkunsidra wkoll id-démarches kollha stabbiliti fl-Artikolu 32 ta’ dak ir-Regolament fir-rigward tal-pajjiżi terzi nnotifikati. B’mod partikolari, fin-notifika l-Kummissjoni għandha tinkludi informazzjoni dwar il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li jsejsu identifikazzjoni bħal din, tagħti l-opportunità lil dawk il-pajjiżi biex jirrispondu u jipprovdu evidenza li tikkontradixxi l-identifikazzjoni jew, fejn ikun xieraq, toffri pjan ta’ azzjoni għat-titjib u l-miżuri meħudin biex jirrettifikaw is-sitwazzjoni. Il-Kummissjoni għandha tagħti lill-pajjiżi terzi nnotifikati żmien adegwat sabiex iwieġbu għan-notifika u żmien raġonevoli sabiex jirrimedjaw is-sitwazzjoni.

(5)

L-identifikazzjoni ta’ pajjiżi terzi li ma jikkooperawx skont l-Artikolu 31 tar-Regolament IUU għandha tkun ibbażata fuq ir-rieżami tal-informazzjoni kollha kif stabbilit skont l-Artikolu 31(2) ta’ dak ir-Regolament.

(6)

F’konformità mal-Artikolu 33 tar-Regolament IUU, il-Kunsill għandu jistabbilixxi lista ta’ pajjiżi terzi li ma jikkooperawx. Il-miżuri stabbiliti, inter alia, fl-Artikolu 38 tar-Regolament IUU japplikaw għal dawk il-pajjiżi.

(7)

Skont l-Artikolu 20(1) tar-Regolament IUU, l-aċċettazzjoni ta’ ċertifikati tal-qabda vvalidati minn pajjiżi terzi li huma Stati tal-bandiera hija soġġetta għal notifika lill-Kummissjoni dwar l-arranġamenti għall-implimentazzjoni, il-kontroll u l-infurzar tal-liġijiet, ir-regolamenti u l-miżuri ta’ konservazzjoni u ġestjoni li l-bastimenti tas-sajd tal-pajjiżi terzi kkonċernati għandhom ikunu konformi magħhom.

(8)

F’konformità mal-Artikolu 20(4) tar-Regolament IUU, il-Kummissjoni għandha tikkoopera b’mod amministrattiv ma’ pajjiżi terzi f’oqsma li jappartjenu għall-implimentazzjoni ta’ dak ir-Regolament.

2.   PROĊEDURA FIR-RIGWARD TAR-REPUBBLIKA TAL-LIBERJA

(9)

Ir-Repubblika tal-Liberja (minn hawn ‘il quddiem “il-Liberja”) ma ppreżentatx lill-Kummissjoni n-notifika tagħha bħala Stat tal-bandiera skont l-Artikolu 20 tar-Regolament IUU.

(10)

Mill-5 ta’ Frar 2014 sal-lum, il-Kummissjoni kkooperat b’mod amministrattiv mal-awtoritajiet tal-Liberja fil-kuntest tal-kooperazzjoni amministrattiva prevista fl-Artikolu 20(4) tar-Regolament IUU. Din il-kooperazzjoni kopriet kwistjonijiet li jappartjenu għall-implimentazzjoni, il-kontroll u l-infurzar tal-liġijiet, ir-regolamenti u l-miżuri ta’ konservazzjoni u ġestjoni mil-Liberja. Hija kienet tinvolvi l-iskambju ta’ kummenti bil-fomm u bil-miktub, kif ukoll żjara fil-Liberja bejn id-19 u t-23 ta’ Ottubru 2015, fejn il-Kummissjoni fittxet u vverifikat l-informazzjoni kollha meqjusa bħala meħtieġa dwar il-miżuri meħuda mil-Liberja sabiex timplimenta l-obbligi tagħha fil-ġlieda kontra s-sajd IUU.

(11)

Il-Liberja hija parti kontraenti tal-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku (ICCAT); Parti Mhux Kontraenti li Tikkoopera tal-Kummissjoni għat-Tonn tal-Oċean Indjan (IOTC), tal-Kummissjoni tas-Sajd tal-Atlantiku tal-Grigal (NEAFC) u tal-Organizzazzjoni Reġjonali għall-Ġestjoni tas-Sajd fin-Nofsinhar tal-Paċifiku (SPRFMO); u Kooperatur Mhux Membru tal-Kummissjoni għas-Sajd fil-Punent tal-Paċifiku u l-Paċifiku Ċentrali (WCPFC), kif ukoll tal-Kummissjoni Inter-Amerikana tat-Tonn Tropikali (IATTC). Il-Liberja rratifikat il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1982 dwar id-Dritt tal-Baħar (UNCLOS) u l-Ftehim tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Istokkijiet tal-Ħut (UNFSA). (2)

(12)

Sabiex tevalwa l-konformità tal-Liberja mal-obbligi internazzjonali tagħha bħala Stat tal-bandiera, tal-port, kostali jew tas-suq kif stabbilit fil-ftehimiet internazzjonali msemmija fil-premessa (11) u stabbiliti mill-Organizzazzjonijiet Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd (RFMO) rilevanti, il-Kummissjoni fittxet, ġabret u analizzat l-informazzjoni kollha meħtieġa għall-fini ta’ dan l-eżerċizzju.

3.   IL-POSSIBBILTÀ LI L-LIBERJA TIĠI IDENTIFIKATA BĦALA PAJJIŻ TERZ LI MA JIKKOPERAX

(13)

Skont l-Artikolu 31(3) tar-Regolament IUU, il-Kummissjoni analizzat id-dmirijiet tal-Liberja bħala Stat tal-bandiera, tal-port, kostali jew tas-suq. Għall-fini ta’ dan ir-rieżami, il-Kummissjoni qieset il-kriterji elenkati fl-Artikolu 31(4) sa (7) tar-Regolament IUU.

3.1.   Il-miżuri meħuda fir-rigward tar-rikorrenza ta’ attivitajiet tas-sajd IUU u l-flussi kummerċjali IUU (l-Artikolu 31(4) tar-Regolament IUU)

(14)

Il-qafas legali nazzjonali dwar is-sajd tal-Liberja (“ir-Regolamenti dwar is-Sajd tal-2010”) jiddefinixxi l-bastimenti tas-sajd bħala “kwalunkwe bastiment li jintuża għas-sajd jew għal attivitajiet relatati”. Il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolamenti dwar is-Sajd tal-2010 ikopri l-attivitajiet kollha tas-sajd u relatati mas-sajd fl-ilmijiet taħt il-ġurisdizzjoni tal-Liberja, kif ukoll l-attivitajiet tal-bastimenti u l-persuni Liberjani kollha fi kwalunkwe żona lil hinn mill-ġurisdizzjoni tal-Liberja, sakemm dan ma jkunx f’kunflitt mal-ġurisdizzjoni ta’ Stat ieħor.

(15)

Filwaqt li l-awtorità nazzjonali Liberjana responsabbli mir-reġistrazzjoni tal-bastimenti nazzjonali tikkonsulta mal-awtoritajiet tas-sajd dwar ir-reġistrazzjoni ta’ bastimenti tas-sajd ġodda li joperaw fl-ilmijiet nazzjonali, l-entità responsabbli mir-reġistru tal-bastimenti internazzjonali (l-Awtorità Marittima tal-Liberja) (3) ma tikkonsultax mal-awtoritajiet tas-sajd nazzjonali (4) qabel tirreġistra kwalunkwe bastiment tas-sajd li jopera barra miż-Żona Ekonomika Esklussiva (EEZ) tal-Liberja. Dan jipprevjeni l-istabbiliment ta’ lista kkonsolidata li tinkludi l-bastimenti tas-sajd kollha li jtajru l-bandiera tal-Liberja. Jidher li l-awtorità tas-sajd nazzjonali ma għandha ebda informazzjoni dwar il-bastimenti tas-sajd Liberjani li joperaw lil hinn mill-EEZ tal-Liberja. In-nuqqas apparenti ta’ kooperazzjoni bejn l-Awtorità Marittima tal-Liberja u l-awtoritajiet tas-sajd nazzjonali jista’ jitqies bħala sitwazzjoni li tikkomprometti l-abbiltà tal-Liberja li timmonitorja d-daqs u l-attivitajiet tal-flotta tagħha u potenzjalment tippermetti lil operaturi illegali jużaw il-bandiera tal-Liberja mingħajr kontroll xieraq.

(16)

Il-Kummissjoni stabbiliet li hemm aktar minn mitt bastiment tas-sajd li jtajru l-bandiera tal-Liberja li qegħdin joperaw lil hinn mill-EEZ tal-Liberja mingħajr l-awtorizzazzjoni mill-awtoritajiet tas-sajd rilevanti tal-Liberja. L-awtoritajiet tas-sajd tal-Liberja rrikonoxxew li filwaqt li l-Awtorità Marittima tal-Liberja timmonitorja l-flotta ta’ bastimenti internazzjonali li jtajru l-bandiera tal-Liberja, il-bastimenti tas-sajd li joperaw lil hinn mill-EEZ mhumiex soġġetti għal monitoraġġ, kontroll u sorveljanza mill-awtorità tas-sajd. Huma ma jirrapportawx il-pożizzjoni ġeografika tagħhom liċ-ċentru tal-monitoraġġ tas-sajd tal-Liberja u ma jaqsmux l-informazzjoni mal-awtoritajiet tas-sajd tal-Liberja rigward id-dejta dwar il-qabdiet, il-ħatt l-art jew it-trażbord.

(17)

Skont l-Artikolu 31(4)(b) tar-Regolament IUU, il-Kummissjoni eżaminat il-miżuri meħuda mil-Liberja fir-rigward tal-aċċess ta’ prodotti tas-sajd li jkunu ġejjin minn sajd IUU għas-suq tagħha.

(18)

Il-bastimenti Liberjani li joperaw lil hinn mill-EEZ tal-Liberja ma huma soġġetti għall-ebda forma ta’ kontroll mill-awtoritajiet tas-sajd tal-Liberja. Dawn il-bastimenti ma jirrapportaw jew jittrażmettu l-ebda informazzjoni rigward l-attivitajiet, il-ħatt l-art u t-trażbord tagħhom lill-awtoritajiet tas-sajd tal-Liberja. Għaldaqstant, mhuwiex probabbli li tkun tista’ tiġi garantita t-traċċabbiltà tal-ħut jew tal-prodotti tal-ħut li jkunu ġejjin minn dawn il-bastimenti.

(19)

Il-prestazzjoni tal-Liberja deskritta fil-premessi (15) sa (17) mhijiex konformi mal-Artikoli 94(1) u (2) tal-UNCLOS, li jgħidu li kull Stat għandu jiżgura b’mod effettiv il-ġurisdizzjoni u l-kontroll tiegħu fuq il-vapuri li jtajru l-bandiera tiegħu. Barra minn hekk, din mhijiex konformi lanqas mal-punt 24 tal-Pjan ta’ Azzjoni Internazzjonali tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti (FAO) maħsub sabiex jipprevjeni, jiskoraġġixxi u jelimina s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (IPOA IUU) (5) li jipprevedi l-obbligu li jitwettaq kontroll effettiv u komprensiv tal-attivitajiet tas-sajd, u mal-punt 35 tal-IPOA IUU, li jistipula li Stat tal-bandiera għandu jiżgura li, qabel ma jirreġistra bastiment, dan jista’ jeżerċita r-responsabbiltà tiegħu sabiex jiżgura li l-bastiment ma jkunx involut f’sajd IUU. Hija tmur ukoll kontra l-punt 36 tal-IPOA IUU, li jistipula li l-Istati tal-bandiera għandhom jevitaw li jirreġistraw taħt il-bandiera tagħhom bastimenti li jkollhom storja ta’ nuqqas ta’ konformità, kif ukoll kontra l-punt 42 tal-IPOA IUU, li jistipula li kull Stat għandu jżomm reġistru ta’ vapuri li jkun fih l-ismijiet u d-dettalji tal-vapuri li jtajru l-bandiera tiegħu. Hija tonqos ukoll milli tikkonforma mal-punt 71 tal-IPOA IUU, li jirrakkomanda lill-Istati jieħdu passi sabiex itejbu t-trasparenza tas-swieq tagħhom bil-għan li jiżguraw it-traċċabbiltà tal-ħut jew tal-prodotti tal-ħut. Bl-istess mod, hija tonqos milli tikkonforma mal-Artikolu 11 tal-Kodiċi ta’ Kondotta għal Sajd Responsabbli tal-FAO (il-Kodiċi ta’ Kondotta tal-FAO) li jistabbilixxi prattiki tajba għall-attivitajiet ta’ wara l-qabda u għal kummerċ internazzjonali responsabbli.

(20)

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ippreżentati f’din it-Taqsima u abbażi tal-elementi fattwali kollha miġbura mill-Kummissjoni, kif ukoll tad-dikjarazzjonijiet kollha magħmula mill-pajjiż, seta’ jiġi stabbilit, skont l-Artikolu 31(3), (4)(a) u (4)(b) tar-Regolament IUU, li l-Liberja naqset milli taqdi d-dmirijiet tagħha skont id-dritt internazzjonali bħala Stat tal-bandiera, tal-port, kostali u tas-suq fir-rigward tal-bastimenti IUU u tas-sajd IUU mwettaq jew appoġġjat mill-bastimenti li jtajru l-bandiera tagħha jew miċ-ċittadini tagħha u milli tipprevjeni l-aċċess tal-prodotti tas-sajd li joriġinaw minn sajd IUU għas-suq tagħha.

3.2.   In-nuqqas ta’ kooperazzjoni u ta’ infurzar (l-Artikolu 31(5) tar-Regolament IUU)

(21)

Filwaqt li l-awtoritajiet tas-sajd tal-Liberja ġeneralment ikkooperaw mal-Kummissjoni u wieġbu għat-talbiet għal informazzjoni u pprovdew rispons, il-kapaċità tagħhom li jwieġbu għal ċerti talbiet kienet limitata mill-istatus tar-reġistru tal-bastimenti internazzjonali u min-nuqqas ta’ kooperazzjoni bejn l-Awtorità Marittima tal-Liberja u l-awtoritajiet tas-sajd nazzjonali, kif stabbilit fit-Taqsima 3.1.

(22)

Il-Liberja hija Stat tal-bandiera sinifikanti, li topera t-tieni l-akbar reġistru internazzjonali fid-dinja, billi tattira bastimenti minn pajjiżi terzi mingħajr rabta diretta mal-pajjiż. Kif ġie spjegat fil-premessa (16), dawn il-bastimenti joperaw lil hinn mill-EEZ tal-Liberja, fl-ibħra miftuħa u fl-ilmijiet ta’ pajjiżi terzi. Il-Liberja hija wkoll membru ta’ jew parti minn sitt RFMOs u tikkoopera ma’ pajjiżi oħrajn fil-livell subreġjonali permezz tal-Kumitat tas-Sajd għall-Golf tal-Guinea Ċentrali tal-Punent (FCWC). Madankollu, il-Kummissjoni sabet li l-awtoritajiet tas-sajd tal-Liberja ma jidhrux li jikkooperaw jew li jinsabu f’pożizzjoni li jikkooperaw ma’ pajjiżi terzi fir-reġjuni kollha fejn joperaw il-bastimenti tas-sajd Liberjani, minbarra fil-lvant tal-Atlantiku. Dan in-nuqqas apparenti ta’ kooperazzjoni jeżisti minkejja l-fatt li l-Liberja hija membru ta’ jew parti minn sitt RFMOs u jista’ jirriżulta mill-fatt li l-awtoritajiet tas-sajd tal-Liberja jidhru li ma għandhom ebda informazzjoni dwar il-bastimenti li jtajru l-bandiera tal-Liberja li joperaw barra l-EEZ nazzjonali u ż-żona li taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku, minħabba n-nuqqas ta’ koordinazzjoni amministrattiva interna mal-bastimenti rreġistrati mill-Awtorità Marittima tal-Liberja.

(23)

Ir-Regolamenti tas-Sajd tal-2010 huma skaduti u jeħtieġ li jiġu riveduti sabiex tiġi żgurata l-konsistenza bejn il-liġi nazzjonali u r-regoli internazzjonali u reġjonali applikabbli. Id-definizzjoni tal-attivitajiet tas-sajd ipprovduta mir-Regolamenti tas-Sajd tal-2010 tinkludi t-tfittxija għall-ħut u l-qbid, it-teħid jew il-ġbir tiegħu, kif ukoll kwalunkwe attività b’appoġġ għal jew bi tħejjija ta’ dawn l-attivitajiet, inkluż permezz tal-użu ta’ inġenji tal-ajru. Id-definizzjoni ta’ bastimenti tas-sajd tinkludi bastimenti li jwettqu attivitajiet relatati mas-sajd. L-attivitajiet relatati mas-sajd jinkludu t-trażbord, il-ħażna, l-ipproċessar, it-trasportazzjoni u r-riforniment tal-fjuwil, kif ukoll il-forniment ta’ bastimenti tas-sajd. Is-sistema tas-sanzjonar hija kkategorizzata f’termini tas-severità tar-reat riflessa mill-ammont tal-multa għal kull tip ta’ reat u s-sanzjonijiet jistgħu jkunu ta’ deterrent u proporzjonati kif meħtieġ mill-obbligi internazzjonali. Madankollu, dawn it-testi ma jiddefinixxux speċifikament l-attivitajiet tas-sajd IUU jew il-ksur serju skont id-dritt internazzjonali.

(24)

L-Uffiċċju tas-Sajd Nazzjonali Liberjan jopera Ċentru tal-Monitoraġġ tas-Sajd (ĊMS) sabiex jikkonforma mad-dmirijiet tal-Monitoraġġ, il-Kontroll u s-Sorveljanza (MCS) tas-sajd. Iċ-ĊMS huwa mgħammar sabiex iwettaq il-funzjonijiet tal-MCS. Madankollu, huma biss il-bastimenti li għandhom il-liċenzja sabiex joperaw fl-EEZ nazzjonali li jiġu mmonitorjati miċ-ĊMS; Il-bastimenti li jtajru l-bandiera tal-Liberja li joperaw fl-ibħra miftuħa jew fl-ilmijiet ta’ pajjiżi terzi ma jiġux immonitorjati miċ-ĊMS. Barra minn hekk, minħabba l-finanzjament limitat, b’mod partikolari għas-sorveljanza mill-ajru, ċerti funzjonijiet tal-MCS jidhru li huma ristretti. Dan jimpedixxi lil-Liberja milli tiggarantixxi sistema ta’ MCS effettiva u komprensiva għall-bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tagħha. Għalhekk, jidher li l-Liberja ma għandhiex jew qed tonqos milli talloka riżorsi adegwati sabiex jiġi miġġieled is-sajd IUU.

(25)

Il-qafas legali u l-miżuri ta’ infurzar fil-Liberja jidhru li mhumiex konformi mar-rekwiżiti bażiċi fl-Artikoli 61, 62 u 117 sa 119 tal-UNCLOS. Il-fatti deskritti fil-premessi (20) sa (23) jindikaw li l-Liberja tonqos milli tissodisfa l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 94 tal-UNCLOS, li jirrikjedi li l-Istat tal-bandiera jassumi l-ġurisdizzjoni skont il-liġi interna tiegħu fuq kull vapur li jtajjar il-bandiera tiegħu u l-kaptan, l-uffiċjali u l-ekwipaġġ tiegħu, filwaqt li qed tikser l-Artikolu 18(3) tal-UNFSA, li jispeċifika l-miżuri li jridu jittieħdu minn Stat fir-rigward tal-bastimenti li jtajru l-bandiera tiegħu. Jidher li l-Liberja naqset milli tqis ir-rakkomadazzjonijiet fil-punt 24 tal-IPOA IUU, li jirrakkomanda lill-Istati tal-bandiera jiżguraw il-monitoraġġ, il-kontroll u s-sorveljanza komprensivi u effettivi tas-sajd, mill-qabda sal-punt tal-ħatt l-art u sad-destinazzjoni finali, inkluż permezz tal-użu tas-Sistemi ta’ Monitoraġġ tal-Bastimenti (VMS) abbord il-bastimenti tas-sajd f’konformità mal-istandards nazzjonali, reġjonali u internazzjonali rilevanti.

(26)

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ippreżentati f’din it-Taqsima u abbażi tal-elementi fattwali kollha miġbura mill-Kummissjoni, kif ukoll tad-dikjarazzjonijiet kollha magħmula mill-pajjiż, seta’ jiġi stabbilit, skont l-Artikolu 31(3) u (5) tar-Regolament IUU, li l-Liberja naqset milli taqdi d-dmirijiet tagħha skont id-dritt internazzjonali fir-rigward tal-kooperazzjoni u l-infurzar.

3.3   In-nuqqas ta’ implimentazzjoni tar-regoli internazzjonali (l-Artikolu 31(6) tar-Regolament IUU)

(27)

Il-Kummissjoni analizzat l-informazzjoni kollha meqjusa bħala rilevanti fir-rigward tal-istatus tal-Liberja bħala parti kontraenti tal-UNCLOS, tal-UNFSA u tal-ICCAT; bħala Parti Mhux Kontraenti li Tikkoopera tal-NEAFC, tal-SPRFMO u tal-IOTC u bħala Kooperatur Mhux Membru tad-WCPFC u tal-IATTC.

(28)

Bejn l-2014 u l-2016, il-Liberja saret parti li tikkoopera, parti mhux kontraenti li tikkoopera jew kooperatur mhux membru ta’ sitt RFMOs (6). Madankollu, matul il-missjoni ta’ evalwazzjoni f’Monrovia bejn id-19 u t-23 ta’ Ottubru 2015 jirriżulta li kienet l-Awtorità Marittima tal-Liberja li ħadet il-passi sabiex tgħaqqad dawn l-RFMOs kollha, minbarra l-ICCAT, mingħajr ma kkonsultat mal-awtoritajiet tas-sajd nazzjonali. L-awtoritajiet tas-sajd nazzjonali kienu responsabbli għas-sħubija tal-ICCAT. Din is-sitwazzjoni qed tirriskja li tfixkel l-abbiltà tal-Liberja li tissodisfa l-impenji ta’ konformità f’kull RFMO u rriżultat f’sottomissjoni tard tar-rapporti (ICCAT) jew f’nuqqas ta’ rapportar (SPRFMO) fi ksur tal-obbligi tagħhom skont l-RFMO rispettiva.

(29)

Il-Liberja rratifikat żewġ strumenti legali internazzjonali relatati mal-ġestjoni tas-sajd: l-UNCLOS u l-UNFSA. Il-prestazzjoni tal-Liberja fl-implimentazzjoni tal-istrumenti internazzjonali mhijiex f’konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-punt 11 tal-IPOA IUU, li jinkoraġġixxi lill-Istati, bħala materja ta’ prijorità, jirrattifikaw, jaċċettaw jew jaderixxu mhux biss mal-UNCLOS u l-UNFSA, iżda wkoll mal-Ftehim tal-FAO, sabiex jippromwovu l-konformità mal-miżuri ta’ ġestjoni u konservazzjoni internazzjonali permezz ta’ bastimenti tas-sajd fuq l-ibħra miftuħa. Barra minn hekk, hija tmur kontra l-punt 14 tal-IPOA IUU li jistipula li l-Istati għandhom jimplimentaw b’mod sħiħ u effettiv il-Kodiċi ta’ Kondotta u l-Pjanijiet ta’ Azzjoni Internazzjonali assoċjati miegħu.

(30)

Il-Liberja ma rratifikatx il-Ftehim dwar il-Miżuri tal-Istat tal-Port (PSMA) tal-FAO tal-2009. Filwaqt li l-ħatt l-art dirett ta’ prodotti tas-sajd fil-Liberja mhuwiex frekwenti bħalissa, din l-attività xorta waħda teżisti u l-Liberja qed tiżviluppa faċilitajiet għall-ħatt l-art taħt proġett internazzjonali. Imbagħad, l-awtoritajiet ikun jeħtiġilhom li jkunu jistgħu jwettqu l-obbligi tagħhom bħala Stat tal-port.

(31)

Għall-kuntrarju tar-rakkomandazzjonijiet fil-punti 25 sa 27 tal-IPOA IUU, il-Liberja ma żviluppat ebda pjan ta’ azzjoni nazzjonali kontra s-sajd IUU.

(32)

Barra minn hekk, l-awtoritajiet tal-Liberja spjegaw lill-Kummissjoni matul il-laqgħa ta’ evalwazzjoni li saret fl-24 ta’ Marzu 2015 li l-ġestjoni tar-reġistru internazzjonali tal-Liberja titwettaq minn kumpanija privata li tinsab barra l-Liberja. Matul din il-laqgħa u l-iskambji sussegwenti, il-Liberja naqset milli turi kif hija tiżgura li l-bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tagħha għandhom rabta ġenwina mal-pajjiż. Dan imur kontra l-Artikolu 91 tal-UNCLOS li jistipula li għandha teżisti rabta ġenwina bejn l-Istat tal-bandiera u l-vapuri tiegħu.

(33)

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ippreżentati f’din it-Taqsima u abbażi tal-elementi fattwali kollha miġbura mill-Kummissjoni, kif ukoll tad-dikjarazzjonijiet kollha magħmula mill-pajjiż, seta’ jiġi stabbilit, skont l-Artikolu 31(3) u (6) tar-Regolament IUU, li l-Liberja naqset milli taqdi d-dmirijiet tagħha skont id-dritt internazzjonali fir-rigward tar-regoli, ir-regolamenti u l-miżuri ta’ konservazzjoni u ġestjoni internazzjonali.

3.4.   Limitazzjonijiet speċifiċi tal-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp (l-Artikolu 31(7) tar-Regolament IUU)

(34)

Skont l-Indiċi tal-Iżvilupp tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti (UNHDI) (7), fl-2015 il-Liberja kienet meqjusa bħala pajjiż baxx fir-rigward tal-iżvilupp tal-bniedem, fejn ġiet ikklassifikata fil-177 post minn fost 188 pajjiż.

(35)

Għalkemm jista’ jkun hemm limitazzjonijiet speċifiċi ta’ kapaċità fir-rigward tal-monitoraġġ, il-kontroll u s-sorveljanza, il-limitazzjonijiet speċifiċi tal-Liberja li ġejjin mil-livell ta’ żvilupp tagħha ma jiġġustifikawx in-nuqqasijiet kollha identifikati fit-taqsimiet preċedenti. Dan jikkonċerna b’mod partikolari n-nuqqas ta’ koordinazzjoni interna fir-rigward tar-reġistrazzjoni tal-bastimenti tas-sajd fir-reġistru internazzjonali tal-Liberja u n-nuqqas ta’ informazzjoni kkonsolidata dwar l-identità ta’ dawn il-bastimenti, bin-nuqqas ta’ abbiltà konsegwenti li jiġi eżerċitat kontroll effettiv.

(36)

Jidher li n-nuqqasijiet identifikati jirriżultaw primarjament minn ambjent amministrattiv inadegwat sabiex jiġi żgurat li l-Liberja twettaq id-dmirijiet tagħha b’mod effettiv bħala Stat tal-bandiera, kostali, tal-port u tas-suq. Il-Liberja rċeviet appoġġ minn inizjattivi reġjonali li għandhom l-għan li jsaħħu l-governanza u jiġġieldu s-sajd IUU, inkluż permezz ta’ MCS imtejba, kif ukoll appoġġ settorjali skont il-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli (SFPA) konkluż mal-Unjoni Ewropea. Hija rċeviet ukoll appoġġ għal sorveljanza mill-ajru permezz tal-Missjoni tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Liberja. Madankollu, il-prelevament ta’ dik il-Missjoni ġab fi tmiemu dak l-appoġġ u ma ġie pprovdut ebda appoġġ nazzjonali sabiex tinżamm din l-attività ta’ MCS, li b’hekk ifixkel l-MCS tal-Liberja milli topera b’mod effettiv.

(37)

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ippreżentati f’din it-Taqsima u abbażi tal-elementi fattwali kollha miġbura mill-Kummissjoni, kif ukoll tad-dikjarazzjonijiet magħmula mill-pajjiż, seta’ jiġi stabbilit, skont l-Artikolu 31(7) tar-Regolament IUU, li l-istat ta’ żvilupp u l-prestazzjoni ġenerali tal-Liberja fir-rigward tal-ġestjoni tas-sajd jistgħu jiddgħajfu mil-livell ta’ żvilupp tagħha. Madankollu, meta wieħed iqis in-natura tan-nuqqasijiet stabbiliti tal-Liberja, il-livell ta’ żvilupp tal-Liberja ma jistax jiskuża għal kollox jew inkella jiġġustifika l-prestazzjoni globali tagħha bħala Stat tal-bandiera, tal-port, kostali jew tas-suq fir-rigward tas-sajd u l-insuffiċjenza tal-azzjonijiet tagħha sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina s-sajd IUU.

4.   KONKLUŻJONI DWAR L-IDENTIFIKAZZJONI POSSIBBLI BĦALA PAJJIŻ TERZ LI MA JIKKOOPERAX

(38)

Fid-dawl tal-konklużjonijiet li ntlaħqu fir-rigward tan-nuqqas tal-Liberja milli taqdi dmirijietha skont id-dritt internazzjonali bħala Stat tal-bandiera, tal-port, kostali jew tas-suq u milli tieħu azzjoni sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina s-sajd IUU, il-Liberja għandha tiġi nnotifikata, f’konformità mal-Artikolu 32 tar-Regolament IUU, dwar il-possibbiltà li tiġi identifikata mill-Kummissjoni bħala pajjiż terz li ma jikkooperax fil-ġlieda kontra s-sajd IUU.

(39)

Il-Kummissjoni għandha tieħu f’kunsiderazzjoni wkoll id-démarches kollha stabbiliti fl-Artikolu 32 tar-Regolament IUU fir-rigward tal-Liberja. Fl-interess ta’ amministrazzjoni tajba, għandu jiġi stabbilit perjodu taż-żmien li matulu dak il-pajjiż jista’ jwieġeb bil-miktub għan-notifika u jirranġa s-sitwazzjoni.

(40)

Barra minn hekk, in-notifika lil-Liberja dwar il-possibbiltà li tiġi identifikata bħala pajjiż li l-Kummissjoni tqis li huwa pajjiż terz li ma jikkooperax għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni la tipprekludi u lanqas ma tfisser b’mod awtomatiku li l-Kummissjoni jew il-Kunsill se jieħdu xi azzjoni sussegwenti għall-finijiet tal-identifikazzjoni u tal-istabbiliment ta’ lista ta’ pajjiżi terzi li ma jikkooperawx.

IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:

Artikolu Uniku

Il-Liberja għandha tiġi nnotifikata dwar il-possibbiltà li tiġi identifikata mill-Kummissjoni bħala pajjiż terz li ma jikkooperax fil-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Mejju 2017.

Għall-Kummissjoni

Karmenu VELLA

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 286, 29.10.2008, p. 1.

(2)  https://treaties.un.org/

(3)  Dan huwa implimentat permezz tar-Reġistru Liberjan tal-Bastimenti u l-Kumpaniji Internazzjonali.

(4)  L-Uffiċċju tas-Sajd Nazzjonali.

(5)  Pjan ta’ Azzjoni Internazzjonali maħsub sabiex jipprevjeni, jiskoraġġixxi u jelimina s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat, l-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti, 2001

(6)  Parti Kontraenti tal-ICCAT; Parti Mhux Kontraenti li Tikkoopera tal-NEAFC, tal-SPRFMO u tal-IOTC; Kooperatur Mhux Membru tad-WCPFC u tal-IATTC. Il-Liberja mhijiex membru/Kooperatur mhux membru fis-CCSBT, iżda hemm 18-il bastiment li huma awtorizzati joperaw f’din l-RFMO.

(7)  Informazzjoni miksuba minn: http://hdr.undp.org/sites/default/files/2015_human_development_report_1.pdf