22.3.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 76/35


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/499

tas-17 ta' Marzu 2017

dwar it-twaqqif ta' Infrastruttura Ewropea tax-Xjenza Elettronika u tat-Teknoloġija għar-Riċerka dwar il-Bijodiversità u l-Ekosistemi — Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea ta' Riċerka (LifeWatch ERIC)

(notifikata bid-dokument C(2017) 1648)

(It-testi bil-Franċiż, bil-Grieg, bl-Ispanjol, bin-Netherlandiż, bil-Portugiż, bir-Rumen, bis-Sloven u bit-Taljan biss huma awtentiċi)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 723/2009 tal-25 ta' Ġunju 2009 dwar il-qafas ġuridiku Komunitarju applikabbli għal Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea ta' Riċerka (ERIC) (1), u b'mod partikolari il-punt (a) tal-Artikolu 6(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Il-Belġju, il-Greċja, Spanja, l-Italja, in-Netherlands, il-Portugall, ir-Rumanija u s-Slovenja talbu lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi l-Infrastruttura Ewropea tax-Xjenza Elettronika u tat-Teknoloġija għar-Riċerka dwar il-Bijodiversità u l-Ekosistemi — Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea ta' Riċerka (LifeWatch ERIC). Huma qablu li Spanja għandha tkun l-Istat Membru ospitanti ta' LifeWatch ERIC.

(2)

Il-Kummissjoni vvalutat l-applikazzjoni skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 723/2009 u kkonkludiet li din tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti f'dak ir-Regolament.

(3)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 20 tar-Regolament (KE) Nru 723/2009,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   L-Infrastruttura Ewropea tax-Xjenza Elettronika u tat-Teknoloġija għar-Riċerka dwar il-Bijodiversità u l-Ekosistemi — Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea ta' Riċerka msejħa LifeWatch ERIC ġiet stabbilita.

2.   L-elementi essenzjali tal-Istatuti ta' LifeWatch ERIC huma stabbiliti fl-Anness.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tal-Belġju, lir-Repubblika Ellenika, lir-Renju ta' Spanja, lir-Repubblika Taljana, lir-Renju tan-Netherlands, lir-Repubblika Portugiża, lir-Rumanija u lir-Repubblika tas-Slovenja.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta' Marzu 2017.

Għall-Kummissjoni

Carlos MOEDAS

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 206, 8.8.2009, p. 1.


ANNESS

ELEMENTI ESSENZJALI TAL-ISTATUTI TA' LIFEWATCH ERIC

L-Artikoli u l-paragrafi li ġejjin tal-Istatuti ta' LifeWatch ERIC jipprevedu l-elementi essenzjali skont l-Artikolu 6(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 723/2009

Artikolu 2

Kompitu u attivitajiet, il-komponenti tal-ERIC

1.   Il-kompitu prinċipali ta' LifeWatch ERIC għandu jkun li jiġu stabbiliti u li jitħaddmu s-sistemi tal-infrastruttura u ta' informazzjoni meħtieġa biex jiġu mobilizzati u integrati dejta u algoritmi għal riċerka dwar il-bijodiversità u l-ekosistemi, kif ukoll li jsir t-titjib tal-fehim, tar-rabtiet u tas-sinerġiji ma' sfidi soċjetali oħra bħal pereżempju l-adattament għat-tibdil fil-klima u l-mitigazzjoni tiegħu, u li jiġu pprovduti kapaċitajiet analitiċi.

2.   Għal dan il-għan, LifeWatch ERIC għandu jwettaq u jikkoordina varjetà ta' attivitajiet, li jinkludu iżda li mhumiex limitati għal dawn li ġejjin:

(a)

It-tħaddim ta' infrastruttura ta' riċerka distribwita li għandha tinkludi kapaċitajiet li jaġevolaw l-abilitazzjoni għall-mobilizzazzjoni ta' dejta dwar il-bijodiversità xprunata mid-domanda; aċċess integrat għal riżorsi ta' dejta distribwiti; il-provvista ta' servizzi għall-iskoperta, l-analiżi, l-immudellar u l-viżwalizzazzjoni tad-dejta; appoġġ għall-utenti bbażat fuq l-Internet u fuq is-siti; u ambjenti diġitali għall-koperazzjoni u l-esperimentazzjoni xjentifika.

(b)

L-appoġġ għal u l-kooperazzjoni ma' faċilitajiet nazzjonali u internazzjonali fuq il-bażi ta' ftehimiet dwar il-livell ta' servizz rigward il-mobilizzazzjoni tad-dejta u l-kondiviżjoni tad-dejta; kapaċità komputazzjonali; u l-iżvilupp ta' kapaċitajiet ġodda ta' infrastruttura — inkluż l-esplorazzjoni ta' rwol ta' intermedjarju li jikkoordina r-rekwiżiti u l-pjanijiet ta' twassil bejn il-faċilitajiet, l-istituzzjonijiet u l-organizzazzjonijiet nazzjonali u internazzjonali jekk dawn jitolbu li jsir hekk.

(c)

Il-bini ta' kapaċità sabiex jitrawmu opportunitajiet ġodda għall-iżvilupp xjentifiku fuq skala kbira; sabiex jitħaffef il-ġbir tad-dejta b'teknoloġiji ġodda; sabiex jiġi appoġġat teħid ta' deċiżjonijiet ibbażat fuq l-għarfien għall-ġestjoni tal-bijodiversità u tal-ekosistemi; u biex jingħata appoġġ lil programmi ta' taħriġ.

(d)

Iż-żamma ta' kapaċità għat-titjib tal-infrastruttura tar-riċerka, l-innovazzjoni u l-valorizzazzjoni tal-għarfien u tat-teknoloġija, u l-iżvilupp ta' kapaċitajiet analitiċi ġodda.

(e)

It-twettiq ta' kwalunkwe kompitu ieħor marbut mill-qrib mal-attivitajiet imsemmija hawn fuq li l-Assemblea Ġenerali tista' tiddeċiedi li għandu jsir.

Artikolu 1

Isem, sede, post u lingwa operattiva

1.   Għandu jkun hemm Infrastruttura Ewropea tax-Xjenza Elettronika u tat-Teknoloġija għar-Riċerka dwar il-Bijodiversità u l-Ekosistemi — Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea ta' Riċerka imsejħa “LifeWatch ERIC” stabbilita bħala Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea ta' Riċerka (ERIC) skont ir-Regolament (KE) Nru 723/2009.

3.   Is-sede statutorja ta' LifeWatch ERIC għandha tkun f'Sevilja, fir-Renju ta' Spanja (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ l-Istat Membru ospitanti).

Artikolu 18

Durata

LifeWatch ERIC għandu jitwaqqaf għal perjodu ta' żmien indefinit.

Artikolu 19

Stralċ u Insolvenza

1.   L-istralċ ta' LifeWatch ERIC għandu jiġi deċiż permezz ta' votazzjoni b'maġġoranza kwalifikata tal-Assemblea Ġenerali.

2.   Mingħajr dewmien bla bżonn, u fi kwalunkwe każ fi żmien 10 jiem minn meta tiġi adottata d-deċiżjoni ta' stralċ ta' LifeWatch ERIC, LifeWatch ERIC għandu jinnotifika lill-Kummissjoni Ewropea dwar id-deċiżjoni.

3.   Mal-adozzjoni tad-deċiżjoni favur l-istralċ ta' LifeWatch ERIC, il-Bord Eżekuttiv tiegħu, f'konformità mal-liġijiet tal-ġurisdizzjoni tal-Istat Membru Ospitanti, għandu jieħu ħsieb il-likwidazzjoni tal-assi u tal-attivitajiet tiegħu, skont il-prinċipji li ġejjin:

(a)

Kull oġġett ta' appoġġ fiżiku li jkun tqiegħed għad-dispożizzjoni ta' ħaddieħor mill-membru li jospita Faċilità Komuni jew Ċentru Distribwit għandu jingħata lura.

(b)

Kwalunkwe assi oħra għandhom jintużaw biex jiġu koperti r-responsabbiltajiet ta' LifeWatch ERIC u l-ispejjeż relatati mal-istralċ tiegħu. Kwalunkwe assi finanzjarji eċċessivi għandhom jitqassmu fost il-membri eżistenti fiż-żmien tal-istralċ b'mod proporzjonali skont il-kontribuzzjonijiet finanzjarji bażiċi totali li jkunu saru mill-bidu tal-operat ta' LifeWatch ERIC.

(c)

Rigward il-kontribuzzjonijiet in natura u kontribuzzjonijiet oħra, il-Bord Eżekuttiv, wara approvazzjoni tal-Assemblea Ġenerali u, sa fejn ikun possibbli, jista' jittrasferixxi l-attivitajiet u l-għarfien ta' LifeWatch ERIC lil istituzzjonijiet li għandhom għanijiet simili għal tiegħu. F'każ li ma jkunx hemm istituzzjonijiet ekwivalenti, l-assi żejda għajr dawk finanzjarji li jifdal wara l-ħlas tad-djun ta' LifeWatch ERIC għandhom jitqassmu fost il-membri b'mod proporzjonali skont il-kontribuzzjonijiet annwali akkumulati tagħhom, sakemm ma jiġix previst mod ieħor mill-ftehimiet dwar il-livell ta' servizz. Fejn possibbli, l-allokazzjoni tal-assi jsiru lill-membri li jkunu kkontribwixxew għalihom.

4.   L-istralċ li jwassal għad-dekommissjonar ta' LifeWatch għandu jkun soġġett għal-limiti ta' żmien applikabbli għall-irtirar u t-terminazzjoni tas-sħubija previsti fl-Artikoli 5(1), 5(2), u 5(6).

5.   LifeWatch ERIC m'għandux jibqa' jeżisti mill-jum li fih il-Kummissjoni Ewropea tippubblika l-avviż korrispondenti f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 14

Riżorsi, Politiki Baġitarji, Responsabbilità u Assigurazzjoni

3.   LifeWatch ERIC għandu jkun responsabbli għad-djun tiegħu. Il-membri mhumiex responsabbli b'mod konġunt għad-djun ta' LifeWatch ERIC. Ir-responsabbiltà tal-membri għad-djun ta' LifeWatch ERIC għandha tkun limitata għall-kontribuzzjonijiet rispettivi tagħhom.

KAPITOLU 6

POLITIKI

Artikolu 15

Aċċess għall-Faċilitajiet tal-Infrastrutturi LifeWatch ERIC u l-Politika ta' Disseminazzjoni

1.   LifeWatch ERIC għandu jiffaċilita r-riċerka u t-tagħlim u ma għandux jirrestrinġi l-aċċess għal dejta u għal algoritmi disponibbli sakemm dawn ma jkunux f'kunflitt ma' kwalunkwe waħda mill-kondizzjonijiet ta' użu miftiehma minn qabel mas-sid(ien) tagħhom.

2.   LifeWatch għandu jistabbilixxi u jħaddem l-infrastruttura tiegħu għar-Riċerka dwar il-Bijodiversità u l-Ekosistemi fil-livell Ewropew. Is-servizzi pprovduti għandhom jiġu ddeterminati b'deċiżjoni tal-Assemblea Ġenerali li tista' tiddistingwi bejn is-servizzi pprovduti lill-membri, lil dawk li mhumiex membri u lir-riċerkaturi tagħhom.

3.   Id-deċiżjonijiet dwar il-prijoritizzazzjoni tas-servizzi speċifiċi pprovduti minn LifeWatch ERIC għandhom jiġu adottati mill-Assemblea Ġenerali, b'konsiderazzjoni tal-eżitu ta' proċess ta' evalwazzjoni indipendenti mmexxi mill-Bord Konsultattiv Xjentifiku u Tekniku.

4.   F'każ li l-kapaċità li jiġi pprovdut aċċess tkun limitata għal raġunijiet finanzjarji u/jew tekniċi, l-Assemblea Ġenerali għandha tistabbilixxi, mir-riżorsi disponibbli tagħha, programmi ta' għotjiet kompetittivi li jippermettu lill-applikanti jibbenefikaw mill-kapaċitajiet proposti. L-applikazzjonijiet minn kwalunkwe pajjiż tad-dinja għandhom jiġu stmati minn Kumitati ta' Evalwazzjoni indipendenti nominati mill-Bord Eżekuttiv, skont suġġerimenti mill-Bord Konsultattiv Xjentifiku u Tekniku. Il-programmi ta' għotja, il-proċedura ta' evalwazzjoni u t-termini ta' referenza li l-Assemblea Ġenerali tista' tistabbilixxi għandhom jissodisfaw rekwiżiti ġeneriċi ta' eċċellenza xjentifika u prattiki ġusti.

5.   Il-Bord Eżekuttiv jista' jipproponi lill-Assemblea Ġenerali politiki dwar ir-rekwiżiti li jikkonċernaw relazzjonijiet ġenerali jew legali ad hoc mal-utenti tad-dejta. Għandu jingħata aċċess lill-pubbliku ġenerali, sakemm is-servizzi jew riżorsi ma jkunux restritti mill-kondizzjonijiet tal-liċenzjar imposti mis-sidien. LifeWatch ERIC għandu jsegwi l-politiki u r-regolamenti rilevanti tal-Unjoni Ewropea.

6.   B'vot ta' maġġoranza assoluta, l-Assemblea Ġenerali tista' tiddeċiedi, soġġett għall-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 723/2009, li titlob ħlasijiet għal aċċess ġenerali għal komunitajiet speċifiċi jew għall-komunitajiet kollha b'rabta ma' servizzi speċifiċi pprovduti minn LifeWatch ERIC, u li tilliċenzja l-għodod jew il-prodotti tagħha stess jew bħala oġġetti komuni jew bħala oġġetti sottomessi għal liċenzja.

7.   Il-politika dwar l-aċċess u d-disseminazzjoni tad-dejta ta' LifeWatch ERIC għandha ssegwi l-aħjar prattiki internazzjonali fir-rigward tad-dejta pubblika, bħal dawk stabbiliti mill-Unjoni Ewropea, u għandha tirrikonoxxi d-drittijiet tas-sidien tad-dejta u tal-algoritmi filwaqt li tqis bis-sħiħ kwalunkwe kwistjonijiet etiċi jew legali relatati. LifeWatch ERIC għandu jippromwovi l-eċċellenza fir-riċerka u fit-tagħlim, filwaqt li jappoġġa kultura “tal-aħjar prattika” permezz ta' attivitajiet promozzjonali u ta' taħriġ.

8.   LifeWatch ERIC għandu jinkoraġġixxi lir-riċerkaturi jagħmlu użu minn LifeWatch ERIC biex jippubblikaw ir-riżultati tar-riċerka tagħhom, filwaqt li għandu jitlob lir-riċerkaturi tal-membri biex jagħmlu r-riżultati tagħhom disponibbli permezz ta' LifeWatch ERIC.

9.   Il-politika ta' disseminazzjoni għandha tidentifika d-diversi gruppi mira, u LifeWatch ERIC għandu juża diversi mezzi biex jilħaq lil dawn il-gruppi, bħal pereżempju portali tal-Internet, bullettini, sessjonijiet ta' ħidma, preżenza f'konferenzi, u artikli f'rivisti u fil-gazzetti ta' kuljum.

Artikolu 16

Evalwazzjonijiet Xjentifiċi u Tekniċi

1.   LifeWatch ERIC għandu jistabbilixxi Bord Konsultattiv Xjentifiku u Tekniku bħala korp indipendenti ta' xjentisti u esperti kwalifikati. It-termini ta' referenza tiegħu għandhom jiġu proposti mill-Bord Eżekuttiv lill-Assemblea Ġenerali għall-approvazzjoni. Il-membri tal-Bord Konsultattiv Xjentifiku u Tekniku għandhom jinħatru għal terminu li jista' jiġġedded ta' erba' snin. Il-Bord Konsultattiv Xjentifiku u Tekniku jista' jagħmel rakkomandazzjonijiet lill-Bord Eżekuttiv. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet għandhom jiġu divulgati b'mod sħiħ lill-Assemblea Ġenerali, li tista' toħroġ Regoli ta' Implimentazzjoni jew Linji Gwida bħala gwida ulterjuri għall-Bord Eżekuttiv.

2.   L-Assemblea Ġenerali tista' tapprova kumpens xieraq għall-kompiti mwettqa mill-membri tal-Bord Konsultattiv Xjentifiku u Tekniku u tal-Kumitati ta' Evalwazzjoni.

3.   Fir-raba' sena ta' kull perjodu ta' ħames snin ta' ppjanar għandu jitwaqqaf Kumitat ta' Evalwazzjoni ad hoc sabiex jivvaluta l-prestazzjoni xjentifika u teknika globali ta' LifeWatch ERIC u biex jagħti rakkomandazzjonijiet strateġiċi għall-perjodu ta' ħames snin li jmiss. Il-membri tiegħu għandhom jinħatru mill-Assemblea Ġenerali, filwaqt li jitqiesu r-rakkomandazzjonijiet tal-Bord Konsultattiv Xjentifiku u Tekniku. Dawn għandhom jinħatru fuq bażi personali, u ma għandhom jirrappreżentaw l-ebda pajjiż jew istituzzjoni partikolari.

Artikolu 17

Politiki dwar l-Aċċess għad-Dejta u dwar id-Drittijiet ta' Proprjetà Intellettwali

1.   LifeWatch ERIC jirrikonoxxi li parti mill-valur tiegħu bħala infrastruttura huwa bbażat fuq it-titjib tal-benefiċċji tal-għarfien li jinsab fid-dominju pubbliku. Se jiġu ffavoriti l-prinċipji ta' Sors Miftuħ u ta' Aċċess Miftuħ.

2.   LifeWatch ERIC għandu jipprovdi gwida lir-riċerkaturi biex jiżgura li r-riċerka mwettqa bl-użu ta' materjal magħmul aċċessibbli permezz ta' LifeWatch ERIC jitwettaq fi ħdan qafas li jirrikonoxxi d-drittijiet tas-sidien tad-dejta u l-privatezza tal-individwi. Il-provenjenza tad-dejta għandha tkun żgurata u l-politika ta' LifeWatch ERIC dwar id-dejta, meta tiddependi fuq l-għoti ta' kontribuzzjonijiet ta' riżorsi ta' dejta esterni u/jew infrastrutturi oħrajn, għandha tkun soġġetta għal ftehimiet ma' dawn l-imsieħba f'konformità ma' dan l-Artikolu, u għandha tkun amministrata minn wieħed mill-membri tal-Bord Eżekuttiv stabbiliti mill-Assemblea Ġenerali.

3.   L-utenti u l-fornituri tas-servizzi li jkollhom aċċess għal dejta, għal għarfien espert jew għal riżorsi oħra ta' drittijiet ta' proprjetà intelletwali li jkunu taħt il-kustodja ta' LifeWatch ERIC jew li jkunu ġew iġġenerati minnu, għandhom jirrikonoxxu d-drittijiet ta' proprjetà intellettwali u drittijiet oħra ta' sidien vestiti fil-protokolli jew fil-ftehimiet dwar l-informazzjoni u l-memoranda ta' qbil li jkunu ġew sottomessi. L-utenti tad-dejta u l-fornituri tas-servizzi LifeWatch ERIC għandhom juru d-diliġenza kollha dovuta biex jiżguraw li d-drittijiet li jinsabu fid-dejta taħt il-kustodja tagħhom tiġi ġestiti b'mod xieraq.

4.   LifeWatch ERIC għandu jiżgura li l-utenti jiftiehmu dwar it-termini u kondizzjonijiet li jirregolaw l-aċċess u li arranġamenti xierqa dwar is-sigurtà jkunu fis-seħħ fir-rigward tal-ħżin u l-ġestjoni interni.

5.   LifeWatch ERIC għandu jippubblika l-arranġamenti għall-investigazzjoni u għas-soluzzjoni ta' allegazzjonijiet ta' kondotta professjonali interna ħażina, ta' ksur tas-sigurtà jew ta' ksur tal-kunfidenzjalità b'rabta mal-iżvelar ta' dejta u ta' servizzi fil-kustodja tiegħu.

Artikolu 12

Politiki dwar l-Impjiegi

1.   LifeWatch ERIC m'għandux jiddiskrimina abbażi tar-razza, tal-etniċità, tar-reliġjon, tas-sess, tal-età, ta' diżabbiltajiet fiżiċi jew mentali, tal-orjentazzjoni sesswali, jew abbażi tal-istat ċivili jew l-istatus tal-ġenituri. Din il-politika għandha tiġi estiża għad-drittijiet, il-privileġġi u l-attivitajiet kollha tal-persunal. LifeWatch ERIC jista' jfittex involviment f'politiki ta' azzjoni pożittiva rigward persunal femminili, għal liema skop l-Assemblea Ġenerali għandha tapprova pjan ta' azzjoni pożittiva qabel ma titħabbar kwalunkwe forma ta' kuntratt għall-membri tal-persunal.

2.   L-uffiċjal kap eżekuttiv għandu jkollu awtorità ta' ġestjoni fuq il-persunal u għandu jkun responsabbli għall-kundizzjonijiet tal-impjieg u għal kull pożizzjoni mħabbra għar-reklutaġġ, soġġett għal-limiti baġitarji approvati mill-Assemblea Ġenerali, mir-Regoli ta' Implimentazzjoni, mil-Linji Gwida u mid-deċiżjonijiet ta' politika meħuda mill-Assemblea Ġenerali. Sakemm ma jiġix dikjarat mod ieħor, is-CEO jista' jiddelega funzjonijiet speċifiċi lil membru wieħed jew aktar tal-Bord Eżekuttiv.

3.   L-attivitajiet ta' reklutaġġ, ta' intervistar, ta' reklutaġġ u ta' promozzjoni/dimozzjoni ta' LifeWatch ERIC għandhom jitwettqu b'mod li huwa konsistenti mal-prinċipji tal-paragrafu 1 u għandhom jimxu fuq il-prinċipji u r-restrizzjonijiet dwar l-impjiegi stabbiliti f'Regoli ta' Implimentazzjoni, f'Linji Gwida jew f'mandati ġenerali jew politiki approvati mill-Assemblea Ġenerali.

4.   Il-politiki dwar l-impjiegi stabbiliti fir-Regoli ta' Implimentazzjoni għandhom ikunu bbażati fuq il-prinċipji u l-kundizzjonijiet approvati mill-Assemblea Ġenerali u għandhom ikunu soġġetti għal-liġijiet u r-regolamenti applikabbli tal-Istat Membru Ospitanti jew għal-liġijiet tal-pajjiż fejn jitwettqu l-attivitajiet ta' LifeWatch ERIC.

Artikolu 13

Politiki dwar l-Akkwist u l-Eżenzjoni mit-Taxxa

1.   L-offerti kollha għandhom ikunu ppubblikati fuq is-sit web ta' LifeWatch ERIC u fit-territorji tal-membri u l-osservaturi. Fir-rapport ta' attività annwali, LifeWatch ERIC għandu jinkludi dikjarazzjoni ta' sejħiet għall-offerti għall-akkwisti.

2.   L-Assemblea Ġenerali għandha tapprova r-Regoli ta' Implimentazzjoni dwar l-akkwist pubbliku li għandhom jiddeterminaw l-ammont minimu li jekk jinqabez iwassal biex il-kuntratti jingħataw biss wara parir tal-Bord Konsultattiv Xjentifiku u Tekniku.

3.   Il-politika tal-akkwist ta' LifeWatch ERIC għandha tkun ibbażata fuq il-prinċipji tat-trasparenza, tan-nondiskriminazzjoni u tal-kompetizzjoni, b'konsiderazzjoni tal-ħtieġa li jiġi żgurat li l-offerti jissodisfaw l-aħjar rekwiżiti tekniċi, finanzjarji u ta' twassil, filwaqt li jipprovdu notifika minn qabel lill-industrija u lill-fornituri ta' servizzi dwar l-ispeċifikazzjonijiet meħtieġa.