18.3.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 73/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2017/470

tat-28 ta' Frar 2017

dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, ta' Ftehim fil-forma ta' Skambju ta' Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-akkumulazzjoni ta' oriġini bejn l-Unjoni Ewropea, l-Iżvizzera, in-Norveġja u t-Turkija fil-qafas tas-Sistema Ġeneralizzata ta' Preferenzi tal-Unjoni Ewropea

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 207(4), flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Taħt il-punt (b) tal-Artikolu 41 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2446 (1), prodotti li nkisbu fin-Norveġja, fl-Iżvizzera jew fit-Turkija li jinkorporaw materjali li ma jkunux inkisbu kompletament hemmhekk għandhom jitqiesu bħala li joriġinaw f'pajjiż benefiċjarju, dment li tali materjali jkunu għaddew minn xogħol jew ipproċessar suffiċjenti fis-sens tal-Artikolu 45 ta' dak ir-Regolament Delegat.

(2)

Taħt l-Artikolu 54 tar-Regolament Delegat (UE) 2015/2446, is-sistema ta' akkumulazzjoni tapplika bil-kundizzjoni li l-Iżvizzera tagħti, b'mod reċiproku, l-istess trattament lill-prodotti li joriġinaw f'pajjiżi benefiċjarji li jinkorporaw materjali li joriġinaw fl-Unjoni.

(3)

Sa fejn hija kkonċernata l-Iżvizzera, is-sistema ta' akkumulazzjoni ġiet stabbilita inizjalment permezz ta' Ftehim fil-forma ta' Skambju ta' Ittri bejn l-Unjoni u l-Iżvizzera. Dak l-iskambju ta' ittri seħħ fl-14 ta' Diċembru 2000, wara li l-Kunsill kien ta l-approvazzjoni tiegħu permezz tad-Deċiżjoni 2001/101/KE (2).

(4)

Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni ta' kunċett tal-oriġini li jikkorrispondi għal dak stabbilit fir-regoli ta' oriġini tas-Sistema Ġeneralizzata tal-Preferenzi (“SĠP”) tal-Unjoni, l-Iżvizzera mmodifikat ir-regoli tal-oriġini tas-SĠP tagħha. Għalhekk, huwa meħtieġ li jiġi rivedut il-Ftehim fil-forma ta' Skambju ta' Ittri bejn l-Unjoni u l-Iżvizzera.

(5)

Is-sistema ta' aċċettazzjoni reċiproka taċ-ċertifikati ta' oriġini ta' sostituzzjoni, Formola A, mill-Unjoni, min-Norveġja u mill-Iżvizzera għandha tkompli fl-ambitu tal-iskambju ta' ittri rivedut u tiġi applikata mit-Turkija b'mod kondizzjonali, sabiex jiġi ffaċilitat il-kummerċ bejn l-Unjoni, in-Norveġja, l-Iżvizzera u t-Turkija.

(6)

Barra minn hekk, ir-regoli tal-oriġini fis-SĠP tal-Unjoni, kif riformati fl-2010, jipprevedu l-implimentazzjoni ta' sistema ġdida għall-istabbiliment tal-provi ta' oriġini minn esportaturi reġistrati, li għandha tiġi applikata mill-1 ta' Jannar 2017. F'dan ir-rigward, jenħtieġ ukoll li jsiru modifiki fl-iskambju ta' ittri.

(7)

Sabiex jantiċipa l-applikazzjoni ta' dik is-sistema ġdida u r-regoli relatati magħha, fit-8 ta' Marzu 2012 il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni tinnegozja Ftehim mal-Iżvizzera, fil-forma ta' skambju ta' ittri, dwar l-aċċettazzjoni reċiproka taċ-ċertifikati ta' oriġini ta' sostituzzjoni, Formola A, jew dikjarazzjonijiet ta' sostituzzjoni dwar l-oriġini, li jipprovdi li l-prodotti b'kontenut ta' oriġini Norveġiża, Żvizzera jew Torka għandhom jiġu ttrattati mal-wasla tagħhom fit-territorju doganali tal-Komunità bħala prodotti b'kontenut ta' oriġini mill-Unjoni. In-negozjati ġew konklużi b'suċċess bl-inizjalar tal-Ftehim fil-forma ta' Skambju ta' Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-akkumulazzjoni ta' oriġini bejn l-Unjoni Ewropea, l-Iżvizzera, in-Norveġja u t-Turkija fil-qafas tas-Sistema Ġeneralizzata ta' Preferenzi tal-Unjoni Ewropea (“il-Ftehim”).

(8)

Jenħtieġ li l-Ftehim jiġi ffirmat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-iffirmar f'isem l-Unjoni tal-Ftehim fil-forma ta' Skambju ta' Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-akkumulazzjoni ta' oriġini bejn l-Unjoni Ewropea, l-Iżvizzera, in-Norveġja u t-Turkija fil-qafas tas-Sistema Ġeneralizzata ta' Preferenzi tal-Unjoni Ewropea huwa b'dan awtorizzat, soġġett għall-konklużjoni tal-imsemmi Ftehim (3).

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill huwa b'dan awtorizzat li jinnomina l-persuna jew persuni li jkollhom is-setgħa li jiffirmaw il-Ftehim f'isem l-Unjoni.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-18 ta' Marzu 2017.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta' Frar 2017.

Għall-Kunsill

Il-President

J. HERRERA


(1)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2446 tat-28 ta' Lulju 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' regoli dettaljati li jikkonċernaw uħud mid-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 1).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/101/KE tal-5 ta' Diċembru 2000 fir-rigward tal-approvazzjoni ta' Ftehim fil-forma ta' Skambju ta' Ittri bejn il-Komunità u kull wieħed mill-pajjiżi EFTA illi jagħti preferenzi fuq it-tariffi taħt is-Sistema Ġeneralizzata tal-Preferenzi (in-Norveġja u l-Iżvizzera), illi jipprovdi illi l-merkanzija illi toriġina fin-Norveġja jew l-Iżvizzera għandha tiġi trattata hekk kif tidħol fit-territorju doganali tal-Komunità bl-istess mod tal-merkanzija illi jkollha kontenut tal-oriġini Komunitarja (ftehim reċiproku) (ĠU L 38, 8.2.2001, p. 24).

(3)  It-test tal-Ftehm se jiġi ppubblikat flimkien mad-Deċiżjoni dwar il-konklużjoni tiegħu.