23.12.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 352/48


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/2376

tat-13 ta' Ottubru 2016

li jistabbilixxi pjan għall-iskart tal-mollusk bivalv Venus spp. fl-ilmijiet territorjali tal-Italja

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 15(6) tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 tal-21 ta' Diċembru 2006 dwar miżuri ta' ġestjoni għall-isfruttament sostenibbli ta' riżorsi tas-sajd fil-Baħar Mediterran u li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2847/93 u jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1626/94 (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 15a tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 għandu l-għan li jelimina progressivament l-iskart fis-sajd kollu tal-Unjoni bl-introduzzjoni tal-obbligu tal-ħatt l-art għall-qabdiet ta' speċijiet li huma soġġetti għal-limiti ta' qbid.

(2)

L-Artikolu 15(6) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta pjanijiet għall-iskart permezz ta' atti delegati għal perjodu ta' mhux iktar minn tliet snin abbażi tar-rakkomandazzjonijiet konġunti żviluppati mill-Istati Membri b'konsultazzjoni mal-Kunsilli Konsultattivi rilevanti. Il-pjanijiet għall-iskart jistgħu jinkludu wkoll miżuri tekniċi dwar is-sajd.

(3)

Bħala l-uniku Stat Membru li għandu interess ta' ġestjoni dirett fis-sajd tal-mollusk bivalv Venus spp. fl-ilmijiet territorjali Taljani, l-Italja ressqet rakkomandazzjoni lill-Kummissjoni skont il-proċedura tal-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013. Din ir-rakkomandazzjoni tressqet fil-forma ta' pjan nazzjonali ta' ġestjoni għall-iskart tal-istokk tal-Venus spp. wara konsultazzjoni mal-Kunsill Konsultattiv dwar il-Mediterran (MEDAC). Meta tressqet din ir-rakkomandazzjoni, il-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF) eżamina l-kontribut xjentifiċi li ppreżentat l-Italja. Il-miżuri li hemm fir-rakkomandazzjoni konġunta jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 18(3) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013.

(4)

Bil-għan li jiġu adottati l-pjanijiet għall-iskart, l-Artikolu 15a tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi daqs minimu ta' referenza għall-konservazzjoni tal-ispeċijiet soġġetti għall-obbligu tal-ħatt l-art, biex jiġu mħarsa ż-żgħar tal-organiżmi marittimi. Meta jkun xieraq, id-daqs minimu ta' referenza għall-konservazzjoni jista' jidderoga mid-daqsijiet stabbiliti fl-Anness III ta' dak ir-Regolament.

(5)

Skont il-konklużjonijiet tal-STECF dwar il-pjan ta' ġestjoni nazzjonali għall-iskart tal-istokk tal-Venus spp., dan il-bivalv huwa fost l-ispeċijiet li għandhom rata għolja ta' sopravvivenza, u dan jiġġustifika t-talba ta' deroga mill-obbligu tal-ħatt l-art għall-porzjon tal-qabda li jintrema. It-tnaqqis tad-daqs minimu ta' referenza minn 25 mm għal 22 mm mhuwiex inkompatibbli mat-tul tal-molluski meta jkunu waslu fl-istadju tal-maturità, għaldaqstant ma għandux ikollu impatt sinifikanti fuq il-protezzjoni tal-organiżmi ż-żgħar. Huwa previst li dan mhuwiex se jwassal għal xi tnaqqis kbir fil-potenzjal riproduttiv tal-istokk, u għalhekk mhuwiex meqjus li se jkollu xi impatt kbir fuq l-istokk. Fl-aħħar nett ġie konkluż li l-programm ta' monitoraġġ xjentifiku propost aktarx li jipprovdi biżżejjed dejta biex jiġu evalwati l-effetti tal-pjan għall-iskart.

(6)

Biex ikun żgurat kontroll tajjeb fuq l-implimentazzjoni tal-obbligu tal-ħatt l-art, l-Istat Membru għandu jistabbilixxi lista tal-bastimenti li jidħlu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

(7)

Billi l-miżuri previsti f'dan ir-Regolament għandhom impatt dirett fuq l-attivitajiet ekonomiċi marbutin mas-sajd u fuq l-ippjanar tal-istaġun tas-sajd għall-bastimenti tal-Unjoni, ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Skont l-Artikolu 15(6) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, dan ir-Regolament għandu japplika għal mhux iktar minn tliet snin,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jispeċifika d-dettalji biex jiġi implimentat l-obbligu tal-ħatt l-art li għandu japplika għas-sajd tal-Venus spp. fl-ilmijiet territorjali Taljani, skont l-Artikolu 15(1)(d) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013.

Artikolu 2

Id-daqs minimu ta' referenza għall-konservazzjoni

1.   B'deroga mid-daqs minimu ta' referenza għall-konservazzjoni stabbilit fl-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006, u għall-finijiet tal-Artikolu 15(11) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, id-daqs minimu ta' referenza għall-konservazzjoni tal-Venus spp. fl-ilmijiet territorjali Taljani għandu jkun ta' tul totali ta' 22 mm.

2.   Il-kejl tad-daqs tal-Venus spp. għandu jsir skont l-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006.

Artikolu 3

Il-lista tal-bastimenti

1.   L-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom jagħżlu l-bastimenti li jkunu suġġetti għall-obbligu tal-ħatt l-art.

2.   Sal-31 ta' Diċembru 2016, permezz tas-sit web sikur tal-kontroll tal-Unjoni, l-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni l-lista tal-bastimenti kollha awtorizzati biex jistadu għall-Venus spp. bl-użu ta' gangmi idrawliċi fl-ilmijiet territorjali Taljani. L-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom iżommu din il-lista aġġornata f'kull ħin.

Artikolu 4

Id-dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Japplika mill-1 ta' Jannar 2017 sal-31 ta' Diċembru 2019.

Iżda l-Artikolu 3 għandu japplika mid-data tad-dħul fis-seħħ.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri skont it-Trattati.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta' Ottubru 2016.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22.

(2)  ĠU L 409, 30.12.2006, p. 11.