26.11.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 320/5


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/2072

tat-22 ta' Settembru 2016

dwar l-attivitajiet ta' verifika u l-akkreditament tal-verifikaturi skont ir-Regolament (UE) 2015/757 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika ta' emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju mit-trasport marittimu

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2015/757 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2015 dwar il-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika ta' emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju mit-trasport marittimu, u li jemenda d-Direttiva 2009/16/KE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 15(5) u l-Artikolu 16(3) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 15(5) u l-Artikolu 16(3) tar-Regolament (UE) 2015/757 jistipulaw, rispettivament, li l-Kummissjoni tadotta atti delegati li jistabbilixxu regoli oħrajn għall-attivitajiet ta' verifika u għall-metodi għall-akkreditament tal-verifikaturi. Billi dawk l-attivitajiet u l-metodi huma marbuta flimkien b'mod sostantiv, f'dan ir-Regolament jintużaw iż-żewġ bażijiet ġuridiċi.

(2)

L-implimentazzjoni tal-Artikolu 15(5) tar-Regolament (UE) 2015/757 teħtieġ qafas ġenerali ta' regoli li jiżguraw li l-valutazzjoni tal-pjanijiet ta' monitoraġġ u l-verifika tar-rapporti dwar l-emissjonijiet stabbiliti skont dak ir-Regolament jitwettqu b'mod armonizzat minn verifikaturi li jippossjedu l-kompetenza teknika sabiex iwettqu l-kompiti fdati bihom b'mod indipendenti u imparzjali.

(3)

Fl-implimentazzjoni tal-Artikolu 16(3) tar-Regolament (UE) 2015/757, jeħtieġ li tiġi żgurata sinerġija bejn il-qafas komprensiv għall-akkreditament stabbilit mir-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) u l-karatteristiċi speċifiċi tal-attivitajiet ta' verifika u akkreditament li japplikaw għall-emissjonijiet ta' CO2 mis-settur tat-trasport marittimu. Skont l-Artikolu 16(2) tar-Regolament (UE) 2015/757, ir-Regolament (KE) Nru 765/2008 għandu japplika għall-aspetti tal-akkreditament tal-verifikaturi li mhumiex indirizzati mir-Regolament (UE) 2015/757.

(4)

Sabiex jiġi żgurat li d-dejta rrapportata tkun robusta u affidabbli, jeħtieġ li jiġi żgurat li titwettaq verifika minn verifikaturi kompetenti u indipendenti. Jenħtieġ li s-sistema ta' verifika u akkreditament tevita kwalunkwe duplikazzjoni mhux meħtieġa ta' proċeduri u organizzazzjonijiet stabbiliti skont strumenti legali oħrajn tal-Unjoni, minħabba li din tista' tirriżulta f'piż akbar għall-Istati Membri jew għall-operaturi ekonomiċi. Għalhekk, huwa xieraq li wieħed jibbaża fuq l-aħjar prattiki li jirriżultaw mill-applikazzjoni ta' standards armonizzati adottati mill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni fuq il-bażi ta' mandat maħruġ mill-Kummissjoni skont id-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) (bħal dawk li jikkonċernaw ir-rekwiżiti għall-korpi ta' verifika u validazzjoni tal-gassijiet b'effett serra li jintużaw fl-akkreditament jew forom oħrajn ta' rikonoxximent, u dawk li jikkonċernaw ir-rekwiżiti ġenerali għall-korpi ta' akkreditament li jakkreditaw lill-korpi ta' valutazzjoni tal-konformità, li r-referenzi tagħhom ġew ippubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea), id-Dokument EA-6/03 u dokumenti tekniċi oħrajn żviluppati mill-Kooperazzjoni Ewropea għall-Akkreditament.

(5)

Ir-regoli armonizzati għall-valutazzjoni tal-pjanijiet ta' monitoraġġ, il-verifika tar-rapporti dwar l-emissjonijiet u l-ħruġ ta' dokumenti ta' konformità mill-verifikaturi jeħtieġ li jiddefinixxu b'mod ċar ir-responsabbiltajiet u l-attivitajiet tal-verifikaturi.

(6)

Meta jivvalutaw pjan ta' monitoraġġ, il-verifikaturi jeħtieġ li jwettqu għadd ta' attivitajiet sabiex jevalwaw il-kompletezza, ir-rilevanza u l-konformità tal-informazzjoni ppreżentata mill-kumpanija inkwistjoni fir-rigward tal-proċess ta' rappurtar u monitoraġġ tal-bastiment sabiex ikunu jistgħu jikkonkludu jekk il-pjan huwiex konformi mar-Regolament (UE) 2015/757.

(7)

Skont ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1927 (4), meta jippreżentaw il-pjan ta' monitoraġġ tal-bastiment, il-kumpaniji jistgħu jirreferu għal informazzjoni dwar il-proċeduri u l-kontrolli eżistenti tal-bastiment, kif koperti mill-istandards armonizzati tal-kwalità, tal-ambjent u tal-ġestjoni tal-enerġija (bħal EN ISO 9001:2015, EN ISO 14001:2015, EN ISO 50001:2011) jew skont il-Kodiċi tal-Ġestjoni Internazzjonali tas-Sikurezza (ISM) (5) jew il-Pjan dwar il-Ġestjoni tal-Effiċjenza Enerġetika tal-Bastimenti (SEEMP) (6). Sabiex jiżguraw approċċ issimplifikat, jenħtieġ li l-verifikaturi jkunu jistgħu jikkunsidraw dawn sakemm ikunu rilevanti għall-monitoraġġ u r-rappurtar tad-dejta skont ir-Regolament (UE) 2015/757 [u dan ir-Regolament].

(8)

Il-forniment tad-dokumenti u l-iskambju tal-informazzjoni rilevanti bejn il-kumpaniji u l-verifikaturi huma essenzjali għall-aspetti kollha tal-proċess ta' verifika, b'mod partikolari għall-valutazzjoni tal-pjan ta' monitoraġġ, għat-twettiq tal-valutazzjoni tar-riskju u għall-verifika tar-rapport dwar l-emissjonijiet. Jeħtieġ li jiġi stabbilit sett ta' rekwiżiti armonizzati li jirregolaw l-għoti ta' informazzjoni u dokumenti li jridu jkunu disponibbli għall-verifikatur qabel ikun jista' jibda l-attivitajiet ta' verifika tiegħu u f'punti oħrajn matul il-verifika.

(9)

Jenħtieġ li l-verifikatur jieħu approċċ ibbażat fuq ir-riskji meta jiġi biex jivverifika r-rapport dwar l-emissjonijiet, skont il-paragrafi 1, 2 u 3 tal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) 2015/757. L-analiżi tas-suxxettibbiltà tad-dejta rrapportata għad-dikjarazzjonijiet skorretti li jistgħu jkunu materjali hija parti essenzjali mill-proċess ta' verifika u tiddetermina kif il-verifikatur jeħtieġ li jwettaq l-attivitajiet tiegħu.

(10)

Kull parti mill-proċess ta' verifika tar-rapporti dwar l-emissjonijiet, inklużi ż-żjarat fuq il-post, hija marbuta mill-qrib mal-eżitu tal-analiżi tar-riskju ta' dikjarazzjoni skorretta. Jenħtieġ li l-verifikatur ikun obbligat li jaġġusta attività ta' verifika waħda jew aktar fid-dawl tas-sejbiet u tal-informazzjoni miksuba matul il-proċess ta' verifika, sabiex jissodisfa r-rekwiżiti tal-kisba ta' garanzija raġonevoli.

(11)

Sabiex jiġu żgurati l-konsistenza u l-komparabbiltà tad-dejta mmonitorjata matul iż-żmien skont l-Artikolu 4(3) tar-Regolament (UE) 2015/757, il-pjan ta' monitoraġġ li jkun ġie vvalutat bħala sodisfaċenti jeħtieġ li jkun il-punt ta' referenza għall-verifikatur meta jiġi biex jivvaluta r-rapport dwar l-emissjonijiet ta' bastiment. Il-verifikatur jeħtieġ li jevalwa jekk il-pjan u l-proċeduri meħtieġa ġewx implimentati b'mod korrett. Huwa jinnotifika lill-kumpanija dwar kwalunkwe nuqqas ta' konformità jew dikjarazzjoni skorretta li jidentifika. Il-verifikatur jirrapporta d-dikjarazzjonijiet skorretti jew in-nuqqasijiet ta' konformità mhux ikkoreġuti li jwasslu għal żbalji materjali f'rapport ta' verifika li jiddikjara li r-rapport dwar l-emissjonijiet mhuwiex konformi mar-Regolament (UE) 2015/757 u ma' dan ir-Regolament.

(12)

L-attivitajiet kollha fil-proċess ta' verifika tar-rapport dwar l-emissjonijiet huma konnessi ma' xulxin u jeħtieġ li jirriżultaw fil-ħruġ ta' rapport ta' verifika li jkun fih dikjarazzjoni tal-eżitu tal-verifika. Jenħtieġ li l-livell ta' garanzija ikun relatat mal-profondità u d-dettall tal-attivitajiet ta' verifika u mal-kliem użat fid-dikjarazzjoni tal-verifika. Ir-rekwiżiti armonizzati għat-twettiq tal-attivitajiet ta' verifika u r-rapporti ta' verifika jkunu jiżguraw li l-verifikaturi kollha japplikaw l-istess standards.

(13)

L-attivitajiet ta' verifika, inklużi l-valutazzjoni tal-pjanijiet ta' monitoraġġ u l-verifika tar-rapporti dwar l-emissjonijiet, jeħtieġ li jitwettqu minn verifikaturi u persunal kompetenti. Sabiex jiżguraw li l-persunal involut ikun kompetenti biex iwettaq il-kompiti fdati lilu, il-verifikaturi jeħtieġ li jistabbilixxu u jtejbu kontinwament il-proċessi interni. Il-kriterji sabiex jiġi ddeterminat jekk verifikatur huwiex kompetenti jew le jeħtieġ li jkunu l-istess fl-Istati Membri kollha u jeħtieġ li jkunu verifikabbli, oġġettivi u trasparenti.

(14)

Bil-għan li tiġi promossa kwalità għolja fl-attivitajiet ta' verifika, jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli armonizzati sabiex jiddeterminaw jekk verifikatur huwiex kompetenti, indipendenti u imparzjali u, b'hekk, jekk jikkwalifikax sabiex iwettaq l-attivitajiet meħtieġa.

(15)

Huwa meħtieġ qafas ġenerali ta' regoli għall-akkreditament tal-entitajiet legali bil-għan li jkun żgurat li l-verifikaturi jippossjedu l-kompetenza teknika sabiex iwettqu l-kompiti fdati lilhom b'mod indipendenti, imparzjali u f'konformità mar-rekwiżiti u l-prinċipji stabbiliti fir-Regolament (UE) 2015/757, fir-Regolament (KE) Nru 765/2008 u f'dan ir-Regolament.

(16)

B'konformità mal-Artikolu 16(2) tar-Regolament (UE) 2015/757, l-Artikoli 4 sa 12 tar-Regolament (KE) Nru 765/2008 jeħtieġ li japplikaw għall-prinċipji u r-rekwiżiti ġenerali għall-korpi nazzjonali ta' akkreditament.

(17)

Skont il-prattika tas-soltu tal-Kummissjoni li tikkonsulta mal-esperti meta tkun qed tħejji atti delegati, twaqqaf 'sottogrupp ta' verifika u akkreditament MRV tat-trasport marittimu', li jlaqqa' flimkien esperti mill-Istati Membri, mill-industrija u minn organizzazzjonijiet rilevanti oħrajn, inkluż mis-soċjetà ċivili, taħt l-umbrella tal-Forum Ewropew dwar Trasport Marittimu Sostenibbli (ESSF). Is-sottogrupp irrakkomanda li għadd ta' elementi jkunu koperti minn dan ir-Regolament. Il-plenarja tal-ESSF approvat l-abbozz ta' rakkomandazzjonijiet tagħha dwar dawk l-aspetti fit-28 ta' Ġunju 2016,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

ID-DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Is-suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi dispożizzjonijiet dwar il-valutazzjoni tal-pjanijiet ta' monitoraġġ u l-verifika tar-rapporti dwar l-emissjonijiet. Huwa jistabbilixxi wkoll rekwiżiti f'termini ta' kompetenzi u proċeduri.

Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli dwar l-akkreditament u s-superviżjoni tal-verifikaturi mill-korpi nazzjonali ta' akkreditament skont ir-Regolament (KE) Nru 765/2008.

Artikolu 2

Id-definizzjonijiet

Għall-fini ta' dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“akkreditament” tfisser attestazzjoni minn korp tal-akkreditament nazzjonali li verifikatur jissodisfa r-rekwiżiti ta' standards armonizzati skont it-tifsira tal-punt (9) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 765/2008 u r-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament u b'hekk huwa kkwalifikat biex iwettaq l-attivitajiet ta' verifika skont il-Kapitolu II;

(2)

“nuqqas ta' konformità” tfisser waħda minn dawn li ġejjin:

(a)

għall-fini tal-valutazzjoni ta' pjan ta' monitoraġġ, li l-pjan ma jissodisfax ir-rekwiżiti skont l-Artikoli 6 u 7 tar-Regolament (UE) 2015/757 u r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/1927;

(b)

għall-fini tal-verifika ta' rapport dwar l-emissjonijiet, li l-emissjonijiet tas-CO2 u informazzjoni rilevanti oħra ma jiġux irrapportati skont il-metodoloġija tal-monitoraġġ deskritta fi pjan ta' monitoraġġ li jkun ġie vvalutat minn verifikatur akkreditat bħala sodisfaċenti;

(c)

għall-fini tal-akkreditament, kwalunkwe att jew ommissjoni mill-verifikatur li jmorru kontra r-rekwiżiti skont ir-Regolament (UE) 2015/757 u dan ir-Regolament;

(3)

“garanzija raġonevoli” tfisser livell ta' garanzija għoli iżda mhux assolut, espress pożittivament fid-dikjarazzjoni tal-verifika, dwar jekk ir-rapport dwar l-emissjonijiet soġġett għal verifika huwiex ħieles minn dikjarazzjonijiet skorretti materjali;

(4)

“livell ta' materjalità” tfisser il-limitu kwantitattiv jew il-punt ta' limitu li 'l fuq minnu l-verifikatur iqis id-dikjarazzjonijiet skorretti, individwalment jew meta meqjusa flimkien ma' dikjarazzjonijiet skorretti oħrajn, bħala materjali;

(5)

“riskju inerenti” tfisser is-suxxettibbiltà ta' parametru fir-rapport dwar l-emissjonijiet għad-dikjarazzjonijiet skorrretti li jistgħu jkunu materjali, individwalment jew meta meqjusa flimkien ma' dikjarazzjonijiet skorretti oħrajn, qabel ma jiġi kkunsidrat l-effett ta' kwalunkwe attività ta' kontroll relatata;

(6)

“riskju ta' kontroll” tfisser is-suxxettibbiltà ta' parametru fir-rapport dwar l-emissjonijiet għad-dikjarazzjonijiet skorretti li jistgħu jkunu materjali, individwalment jew meta meqjusa flimkien ma' dikjarazzjonijiet skorretti oħrajn, u li ma jkunux se jiġu evitati jew individwati u kkoreġuti fil-ħin mis-sistema ta' kontroll;

(7)

“riskju tad-detezzjoni” tfisser ir-riskju li verifikatur ma jindividwax dikjarazzjoni skorretta materjali;

(8)

“riskju ta' verifika” tfisser ir-riskju (funzjoni ta' riskju inerenti, riskju ta' kontroll u riskju tad-detezzjoni) li l-verifikatur jesprimi opinjoni ta' verifika mhux xierqa meta r-rapport dwar l-emissjonijiet ma jkunx ħieles minn dikjarazzjonijiet skorretti materjali;

(9)

“dikjarazzjoni skorretta” tfisser ommissjoni, dikjarazzjoni falza jew żball fid-dejta rrapportata, minbarra l-inċertezza permessibbli skont ir-Regolament (UE) 2015/757 u wara li jittieħdu f'kunsiderazzjoni l-linji gwida żviluppati mill-Kummissjoni dwar dawn il-kwistjonijiet;

(10)

“dikjarazzjoni skorretta materjali” tfisser dikjarazzjoni skorretta li, fl-opinjoni tal-verifikatur, individwalment jew meta meqjusa flimkien ma' dikjarazzjonijiet skorretti oħrajn, taqbeż il-livell ta' materjalità jew tista' inkella, tħalli impatt fuq it-total ta' emissjonijiet irrapportati jew informazzjoni rilevanti oħra;

(11)

“post”, għall-finijiet ta' valutazzjoni tal-pjan ta' monitoraġġ jew verifika tar-rapport dwar l-emissjonijiet ta' bastiment, tfisser post fejn jiġi definit u ġestit il-proċess ta' monitoraġġ, inklużi l-postijiet fejn jiġu kkontrollati u maħżuna d-dejta u l-informazzjoni rilevanti;

(12)

“dokumentazzjoni ta' verifika interna” tfisser id-dokumentazzjoni interna kollha li jkun ġabar verifikatur sabiex jirreġistra l-evidenza dokumentarja u l-ġustifikazzjoni tal-attivitajiet imwettqa għall-valutazzjoni tal-pjan ta' monitoraġġ jew għall-verifika ta' rapport dwar l-emissjonijiet skont dan ir-Regolament;

(13)

“awditur MRV tat-trasport marittimu” tfisser membru individwali ta' tim ta' verifika responsabbli mill-valutazzjoni ta' pjan ta' monitoraġġ jew mill-verifika ta' rapport dwar l-emissjonijiet;

(14)

“eżaminatur indipendenti” tfisser persuna magħżula mill-verifikatur speċifikament sabiex twettaq l-attivitajiet ta' analiżi interna, li tkun tappartjeni għall-istess entità, iżda li ma tkun wettqet ebda waħda mill-attivitajiet ta' verifika soġġetti għal analiżi;

(15)

“espert tekniku” tfisser persuna li tipprovdi għarfien dettaljat u kompetenza dwar suġġett speċifiku kif meħtieġ għat-twettiq tal-attivitajiet ta' verifika għall-finijiet tal-Kapitolu II u għat-twettiq tal-attivitajiet ta' akkreditament għall-finijiet tal-Kapitoli IV u V;

(16)

“assessur” tfisser persuna magħżula minn korp nazzjonali ta' akkreditament sabiex tivvaluta verifikatur skont dan ir-Regolament, individwalment jew bħala parti minn tim ta' valutazzjoni;

(17)

“assessur ewlieni” tfisser assessur li jingħata responsabbiltà ġenerali għall-valutazzjoni ta' verifikatur skont dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Il-preżunzjoni ta' konformità

Verifikatur li juri l-konformità tiegħu mal-kriterji stabbiliti fl-istandards armonizzati rilevanti, skont it-tifsira tal-Artikolu 2(9) tar-Regolament (KE) Nru 765/2008, jew partijiet minnu, li r-referenzi tiegħu ġew ippubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi preżunt li jikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti fil-Kapitoli II u III ta' dan ir-Regolament sal-punt li l-istandards armonizzati applikabbli jkopru dawk ir-rekwiżiti.

KAPITOLU II

L-ATTIVITAJIET TA' VERIFIKA

TAQSIMA 1

Valutazzjoni tal-pjanijiet ta' monitoraġġ

Artikolu 4

L-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta mill-kumpaniji

1.   Il-kumpaniji għandhom jipprovdu lill-verifikatur bil-pjan ta' monitoraġġ tal-bastiment tagħhom bl-użu ta' mudell li jkun jikkorrespondi għall-mudell stabbilit fl-Anness I tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/1927. Jekk il-pjan ta' monitoraġġ ikun b'lingwa oħra minbarra l-Ingliż, huma għandhom jipprovdu traduzzjoni bl-Ingliż.

2.   Qabel il-bidu tal-valutazzjoni tal-pjan ta' monitoraġġ, il-kumpanija għandha tipprovdi wkoll lill-verifikatur b'mill-inqas l-informazzjoni li ġejja:

(a)

dokumentazzjoni rilevanti jew deskrizzjoni tal-installazzjonijiet tal-bastiment, inklużi ċertifikati tas-sorsi tal-emissjonijiet, l-apparat li jintuża biex ikejjel il-fluss (jekk applikabbli), il-proċeduri u l-proċessi jew il-flowcharts imħejjija u miżmuma barra l-pjan, fejn applikabbli, li ssir referenza għalihom fil-pjan;

(b)

fil-każ ta' dawk il-bidliet fis-sistema ta' rapportar u monitoraġġ imsemmija fil-punti (c) u (d) tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament (UE) 2015/757, verżjonijiet aġġornati rilevanti jew dokumenti ġodda li jippermettu li ssir il-valutazzjoni tal-pjan emendat.

3.   Il-kumpanija għandha, fuq talba, tipprovdi kwalunkwe informazzjoni oħra meqjusa bħala rilevanti sabiex il-verifikatur ikun jista' jwettaq il-valutazzjoni tiegħu tal-pjan.

Artikolu 5

Valutazzjoni tal-pjanijiet ta' monitoraġġ

1.   Meta jivvaluta l-pjan ta' monitoraġġ, il-verifikatur għandu jindirizza d-dikjarazzjonijiet tal-kompletezza, tal-preċiżjoni, tar-rilevanza u tal-konformità mar-Regolament (UE) 2015/757 tal-informazzjoni pprovduta fil-pjan ta' monitoraġġ.

2.   Il-verifikatur għandu mill-inqas:

(a)

jivvaluta li l-kumpanija użat il-mudell tal-pjan ta' monitoraġġ xieraq u li tiġi pprovduta informazzjoni għall-elementi obbligatorji kollha msemmija fl-Anness I tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/1927;

(b)

jivverifika li l-informazzjoni fil-pjan ta' monitoraġġ tiddeskrivi b'mod preċiż u komplet is-sorsi tal-emissjonijiet u l-apparat tal-kejl installat abbord il-bastiment, kif ukoll is-sistemi u l-proċeduri fis-seħħ għall-monitoraġġ u r-rapportar tal-informazzjoni rilevanti skont ir-Regolament (UE) 2015/757;

(c)

jiżgura li jiġu previsti arranġamenti ta' monitoraġġ adegwati f'każ li l-bastiment ifittex li jibbenefika mid-deroga ta' monitoraġġ 'fuq bażi ta' kull vjaġġ' tal-fjuwil u tal-emissjonijiet ta' CO2 skont l-Artikolu 9(2) tar-Regolament (UE) 2015/757;

(d)

fejn applikabbli, jivvaluta jekk l-informazzjoni sottomessa mill-kumpanija rigward l-elementi, il-proċeduri jew il-kontrolli implimentati bħala parti mis-sistemi ta' ġestjoni eżistenti tal-bastiment jew koperti mill-istandards armonizzati rilevanti tal-kwalità, tal-ambjent jew tal-ġestjoni hijiex rilevanti għall-monitoraġġ tal-emissjonijiet ta' CO2 u għal informazzjoni u rapportar rilevanti oħrajn skont ir-Regolament (UE) 2015/757 u r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1928 (7).

3.   Għall-fini ta' valutazzjoni tal-pjan ta' monitoraġġ, il-verifikatur jista' jirrikorri għal inkjesta, spezzjoni tad-dokumenti, osservazzjoni u kwalunkwe teknika ta' verifika oħra meqjusa xierqa.

Artikolu 6

Iż-żjarat fuq il-post

1.   Il-verifikatur għandu jwettaq żjarat fuq il-post sabiex jikseb biżżejjed għarfien tal-proċeduri deskritti fil-pjan ta' monitoraġġ u jivvalida li l-informazzjoni fih hija preċiża.

2.   Il-verifikatur għandu jiddetermina l-post jew postijiet fejn issir iż-żjara fuq il-post wara li jieħu f'kunsiderazzjoni l-post fejn tinħażen il-massa kritika tad-dejta rilevanti, inklużi kopji elettroniċi jew stampati tad-dokumenti li l-oriġinali tagħhom għandhom jinżammu fuq il-bastiment, kif ukoll il-post fejn jitwettqu l-attivitajiet ta' fluss tad-dejta.

3.   Il-verifikatur għandu jiddetermina wkoll l-attivitajiet li jridu jitwettqu u ż-żmien meħtieġ għaż-żjara fuq il-post.

4.   Permezz ta' deroga mill-paragrafu 1, il-verifikatur jista' jirrinunzja żjara fuq il-post sakemm tiġi ssodisfata waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

ikollu biżżejjed għarfien tas-sistemi ta' rapportar u monitoraġġ tal-bastiment, inklużi l-eżistenza, l-implimentazzjoni u l-operat effettiv tagħhom mill-kumpanija;

(b)

in-natura u l-livell ta' kumplessità tas-sistema ta' rapportar u monitoraġġ tal-bastiment ikunu tali li ma jkunx hemm bżonn li ssir żjara fuq il-post;

(c)

ikollu l-ħila li jikseb u jivvaluta l-informazzjoni meħtieġa kollha mill-bogħod.

5.   Jekk il-verifikatur jirrinunzja żjara fuq il-post skont il-paragrafu 4, huwa għandu jipprovdi ġustifikazzjoni għan-nuqqas ta' twettiq ta' żjarat fuq il-post fid-dokumentazzjoni tal-verifika interna.

Artikolu 7

L-indirizzar tan-nuqqas ta' konformitajiet fil-pjan ta' monitoraġġ

1.   Fejn il-verifikatur jidentifika nuqqasijiet ta' konformità matul il-valutazzjoni tal-pjan ta' monitoraġġ, huwa għandu jinforma lill-kumpanija bihom mingħajr dewmien bla bżonn u jitlob li jsiru l-korrezzjonijiet rilevanti f'perjodu ta' żmien propost.

2.   Il-kumpanija għandha tikkoreġi n-nuqqasijiet ta' konformità kollha kkomunikati mill-verifikatur u tippreżenta pjan ta' monitoraġġ rivedut lill-verifikatur skont il-perjodu ta' żmien miftiehem, li jippermetti lill-verifikatur jivvalutah mill-ġdid qabel jibda l-perjodu ta' rapportar.

3.   Il-verifikatur għandu jiddokumenta fid-dokumentazzjoni tal-verifika interna, u jimmarkahom bħala riżolti, in-nuqqasijiet ta' konformità kollha li jkunu ġew ikkoreġuti matul il-valutazzjoni tal-pjan ta' monitoraġġ.

Artikolu 8

L-analiżi indipendenti tal-valutazzjoni tal-pjan ta' monitoraġġ

1.   It-tim tal-verifika għandu jippreżenta d-dokumentazzjoni tal-verifika interna u jabbozza konklużjonijiet mill-valutazzjoni tal-pjan lil eżaminatur indipendenti maħtur mingħajr dewmien u qabel ma jikkomunikahom lill-kumpanija.

2.   L-eżaminatur indipendenti għandu jwettaq analiżi sabiex jiżgura li l-pjan ta' monitoraġġ ikun ġie vvalutat skont dan ir-Regolament u li jkunu ġew eżerċitati attenzjoni u ġudizzju professjonali xierqa.

3.   Il-kamp ta' applikazzjoni tal-analiżi indipendenti għandu jinkludi l-proċess sħiħ ta' valutazzjoni deskritt f'din it-Taqsima u rreġistrat fid-dokumentazzjoni tal-verifika interna.

4.   Il-verifikatur għandu jinkludi r-riżultati tal-analiżi indipendenti fid-dokumentazzjoni tal-verifika interna.

Artikolu 9

Il-konklużjonijiet tal-verifikatur dwar il-valutazzjoni tal-pjan ta' monitoraġġ

Abbażi tal-informazzjoni miġbura matul il-valutazzjoni tal-pjan ta' monitoraġġ, il-verifikatur għandu jinforma mingħajr dewmien lill-kumpanija bil-miktub dwar il-konklużjonijiet milħuqa u jindika jekk il-pjan ta' monitoraġġ:

(a)

huwiex ivvalutat bħala konformi mar-Regolament (UE) 2015/757;

(b)

fihx nuqqasijiet ta' konformità li jagħmluh mhux konformi mar-Regolament (UE) 2015/757.

TAQSIMA 2

Verifika tar-rapporti dwar l-emissjonijiet

Artikolu 10

L-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta mill-kumpaniji

1.   Qabel il-bidu tal-verifika tar-rapport dwar l-emissjonijiet, il-kumpaniji għandhom jipprovdu lill-verifikatur bl-informazzjoni ta' sostenn li ġejja:

(a)

lista tal-vjaġġi mwettqa mill-bastiment inkwistjoni matul il-perjodu ta' rappurtar skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) 2015/757;

(b)

kopja tar-rapport dwar l-emissjonijiet mis-sena ta' qabel, fejn xieraq, jekk il-verifikatur ma jkunx wettaq il-verifika għal dak ir-rapport;

(c)

kopja tal-pjan jew pjanijiet ta' monitoraġġ applikati, inkluża evidenza tal-konklużjonijiet mill-valutazzjoni mwettqa minn verifikatur akkreditat, fejn xieraq.

2.   Ladarba l-verifikatur ikun identifika t-taqsima/taqsimiet jew id-dokument(i) speċifiċi meqjusa bħala rilevanti għall-fini tal-verifika tiegħu, il-kumpaniji għandhom jipprovdu wkoll l-informazzjoni ta' sostenn li ġejja:

(a)

kopji tal-ġurnal ta' abbord uffiċjali tal-bastiment u tal-ktieb tar-reġistrazzjoni taż-żejt (jekk dan jinżamm separat);

(b)

kopji tad-dokumenti tal-bunkering;

(c)

kopji tad-dokumenti li fihom informazzjoni dwar l-għadd ta' passiġġieri ttrasportati u l-ammont ta' merkanzija li tinġarr, id-distanza li tiġi vvjaġġata u ż-żmien imqatta' fuq il-baħar għall-vjaġġi tal-bastiment matul il-perjodu tar-rapportar.

3.   Barra minn hekk, u jekk ikun applikabbli fuq il-bażi tal-metodu ta' monitoraġġ applikat, il-verifikaturi jistgħu jitolbu lill-kumpanija sabiex tipprovdi:

(a)

ħarsa ġenerali lejn il-perspettiva tal-IT li turi l-fluss tad-dejta għall-bastiment rilevanti;

(b)

evidenza tal-manutenzjoni u tal-preċiżjoni/inċertezza tal-apparat tal-kejl/apparat li jkejjel il-fluss (eż. iċ-ċertifikati ta' kalibrazzjoni);

(c)

silta mid-dejta dwar l-attività tal-konsum tal-fjuwil minn apparat li jkejjel il-fluss;

(d)

kopji ta' evidenza tal-qari tal-miter mit-tank tal-fjuwil;

(e)

silta mid-dejta dwar l-attività mis-sistemi li jkejlu l-emissjonijiet diretti;

(f)

kwalunkwe informazzjoni oħra rilevanti għall-verifika tar-rapport dwar l-emissjonijiet.

4.   Fil-każ ta' bidla tal-kumpanija, il-kumpaniji involuti għandhom jeżerċitaw diliġenza xierqa sabiex jipprovdu lill-verifikatur bid-dokumenti ta' sostenn imsemmija fuq jew b'informazzjoni relatata mal-vjaġġi mwettqa taħt ir-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom.

5.   Il-kumpaniji għandhom iżommu l-informazzjoni msemmija fuq għall-perjodi stabbiliti skont il-Konvenzjoni Internazzjonali tal-1973 għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis minn Vapuri (il-Konvenzjoni MARPOL) u l-Konvenzjoni Internazzjonali tal-1988 għas-Salvagwardja tal-Ħajja Umana fuq il-Baħar (il-Konvenzjoni SOLAS). Sakemm jinħareġ id-Dokument ta' konformità skont l-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2015/757, il-verifikatur jista' jitlob kwalunkwe mill-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1, 2 u 3.

Artikolu 11

Il-valutazzjoni tar-riskju li trid issir minn verifikaturi

1.   Minbarra l-elementi msemmija fil-paragrafi 1, 2 u 3 tal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) 2015/757, il-verifikatur għandu jidentifika u janalizza dawn kollha li ġejjin:

(a)

ir-riskji inerenti;

(b)

ir-riskji ta' kontroll;

(c)

ir-riskji tad-detezzjoni.

2.   Il-verifikatur għandu jikkunsidra l-oqsma ta' riskju ta' verifika ogħla u mill-inqas dawn li ġejjin: id-dejta tul il-vjaġġ, il-konsum tal-fjuwil, l-emissjonijiet tas-CO2, id-distanza vvjaġġata, iż-żmien imqatta' fuq il-baħar, il-merkanzija li tinġarr u l-aggregazzjoni tad-dejta fir-rapport dwar l-emissjonijiet.

3.   Meta jidentifika u janalizza l-aspetti msemmija fil-paragrafu 2, il-verifikatur għandu jikkunsidra l-eżistenza, il-kompletezza, il-preċiżjoni, il-konsistenza, it-trasparenza u r-rilevanza tal-informazzjoni rrapportata.

4.   Fejn ikun xieraq, fid-dawl tal-informazzjoni miksuba matul il-verifika, il-verifikatur għandu jirrevedi l-valutazzjoni tar-riskju u jimmodifika jew jirrepeti l-attivitajiet ta' verifika li jridu jitwettqu.

Artikolu 12

Il-pjan ta' verifika

Il-verifikatur għandu jabbozza pjan ta' verifika proporzjonat mal-informazzjoni miksuba u r-riskji identifikati waqt il-valutazzjoni tar-riskju. Il-pjan ta' verifika għandu jinkludi mill-inqas:

(a)

programm ta' verifika li jiddeskrivi n-natura u l-kamp ta' applikazzjoni tal-attivitajiet ta' verifika, kif ukoll il-ħin li fih u l-mod li bih iridu jitwettqu dawn l-attivitajiet;

(b)

pjan ta' kampjunar tad-dejta li jistabbilixxi l-kamp ta' applikazzjoni u l-metodi tal-kampjunar tad-dejta marbuta mal-punti tad-dejta sottostanti għall-emissjonijiet ta' CO2 aggregati, il-konsum tal-fjuwil jew informazzjoni rilevanti oħra fir-rapport dwar l-emissjonijiet.

Artikolu 13

L-attivitajiet ta' verifika li jikkonċernaw ir-rapport dwar l-emissjonijiet

1.   Il-verifikatur għandu jimplimenta l-pjan ta' verifika u, abbażi tal-valutazzjoni tar-riskju, jivverifika jekk is-sistemi ta' rapportar u monitoraġġ, kif deskritti fil-pjan ta' monitoraġġ li kien ivvalutat bħala sodisfaċenti, jeżistux fil-prattika u jekk ġewx implimentati kif suppost.

Għal dak il-għan, il-verifikatur għandu jikkunsidra li jwettaq mill-inqas it-tipi ta' proċedura li ġejjin:

(a)

inkjesta mal-persunal rilevanti;

(b)

spezzjoni tad-dokumenti;

(c)

proċeduri ta' osservazzjoni u ta' proċess mill-bidu sal-aħħar ('walkthrough').

2.   Jekk ikun applikabbli, il-verifikatur għandu jivverifika jekk l-attivitajiet ta' kontroll intern deskritti fil-pjan ta' monitoraġġ humiex implimentati b'mod effettiv. Għal dak l-iskop, huwa jista' jikkunsidra li jittestja l-effettività tal-kontrolli ddokumentati abbażi ta' kampjun.

Artikolu 14

Il-verifika tad-dejta rrapportata

1.   Il-verifikatur għandu jivverifika d-dejta rrapportata fir-rapport dwar l-emissjonijiet permezz ta': ittestjar dettaljat, inkluż permezz tat-traċċar tagħhom lura għas-sors primarju tad-dejta; kontroverifiki tagħhom mas-sorsi esterni tad-dejta, inkluża dejta dwar it-traċċar tal-bastimenti; twettiq ta' rikonċiljazzjonijiet; verifika tal-limiti fir-rigward tad-dejta xierqa; u twettiq ta' kalkoli mill-ġdid.

2.   Bħala parti mill-verifika tad-dejta msemmija fil-paragrafu 1, il-verifikatur għandu jivverifika:

(a)

il-kompletezza tas-sorsi tal-emissjonijiet kif deskritt fil-pjan ta' monitoraġġ;

(b)

il-kompletezza tad-dejta, inkluża dik dwar il-vjaġġi, irrapportata bħala li taqa' taħt ir-Regolament (UE) 2015/757;

(c)

il-konsistenza bejn id-dejta aggregata rrapportata u d-dejta mid-dokumentazzjoni rilevanti jew minn sorsi primarji;

(d)

il-konsistenza bejn il-konsum aggregat tal-fjuwil u d-dejta dwar il-fjuwil mixtri jew fornut b'mod ieħor lill-bastiment inkwistjoni, jekk applikabbli;

(e)

l-affidabilità u l-preċiżjoni tad-dejta.

Artikolu 15

Il-livell ta' materjalità

1.   Għall-fini tal-verifika tal-konsum tal-fjuwil u tad-dejta dwar l-emissjonijiet ta' CO2 fir-rapport dwar l-emissjonijiet, il-livell ta' materjalità għandu jkun ta' 5 % tat-total rispettiv irrapportat għal kull element fil-perjodu tar-rapportar.

2.   Għall-fini tal-verifika ta' informazzjoni rilevanti oħra fir-rapport dwar l-emissjonijiet, dwar it-tagħbija li tinġarr, ix-xogħol tat-trasport, id-distanza vvjaġġata u ż-żmien imqatta' fuq il-baħar, il-livell ta' materjalità għandu jkun ta' 5 % tat-total rispettiv irrapportat għal kull element fil-perjodu tar-rapportar.

Artikolu 16

Iż-żjarat fuq il-post

1.   Il-verifikatur għandu jwettaq żjarat fuq il-post bl-iskop li jikseb biżżejjed għarfien tal-kumpanija u tas-sistema ta' rapportar u monitoraġġ tal-bastiment kif deskritta fil-pjan ta' monitoraġġ.

2.   Il-verifikatur għandu jiddetermina l-post jew postijiet fejn issir iż-żjara fuq il-post abbażi tar-riżultati tal-valutazzjoni tar-riskju u wara li jieħu f'kunsiderazzjoni l-post fejn tinħażen il-massa kritika tad-dejta rilevanti, inklużi kopji elettroniċi jew stampati tad-dokumenti li l-oriġinali tagħhom għandhom jinżammu fuq il-bastiment, kif ukoll il-post fejn jitwettqu l-attivitajiet ta' fluss tad-dejta.

3.   Il-verifikatur għandu jiddetermina wkoll l-attivitajiet li jridu jitwettqu u ż-żmien meħtieġ għaż-żjara fuq il-post.

4.   Permezz ta' deroga mill-paragrafu 1, il-verifikatur jista' jirrinunzja żjara fuq il-post sakemm, abbażi tal-eżitu tal-valutazzjoni tar-riskju, tiġi ssodisfata waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

ikollu biżżejjed għarfien tas-sistemi ta' rapportar u monitoraġġ tal-bastiment, inklużi l-eżistenza, l-implimentazzjoni u l-operat effettiv tagħhom mill-kumpanija;

(b)

in-natura u l-livell ta' kumplessità tas-sistema ta' rapportar u monitoraġġ tal-bastiment ikunu tali li ma jkunx hemm bżonn li ssir żjara fuq il-post;

(c)

ikollu l-ħila li jikseb u jivvaluta mill-bogħod l-informazzjoni kollha meħtieġa, inkluża l-applikazzjoni korretta tal-metodoloġija deskritta fil-pjan ta' monitoraġġ u l-verifika tad-dejta rrapportata fir-rapport dwar l-emissjonijiet.

5.   Abbażi tal-eżitu ta' żjara fuq il-post fuq l-art, fejn jikkonkludi li hija meħtieġa verifika abbord sabiex jitnaqqas ir-riskju ta' dikjarazzjonijiet skorretti materjali fir-rapport dwar l-emissjonijiet, il-verifikatur jista' jiddeċiedi li jżur il-bastiment.

6.   Jekk il-verifikatur jirrinunzja żjara fuq il-post skont il-paragrafu 4, huwa għandu jipprovdi ġustifikazzjoni għal dan fid-dokumentazzjoni ta' verifika interna.

Artikolu 17

L-indirizzar tad-dikjarazzjonijiet skorretti u tan-nuqqasijiet ta' konformità fir-rapport dwar l-emissjonijiet

1.   Meta l-verifikatur jidentifika dikjarazzjonijiet skorretti jew nuqqasijiet ta' konformità matul il-verifika tar-rapport dwar l-emissjonijiet, huwa għandu jinforma lill-kumpanija bihom mingħajr dewmien bla bżonn u jitlob li jsiru l-korrezzjonijiet rilevanti f'perjodu ta' skadenza raġonevoli.

2.   Il-verifikatur għandu jiddokumenta fid-dokumentazzjoni tal-verifika interna, billi jimmarkahom bħala riżolti, id-dikjarazzjonijiet skorretti jew in-nuqqasijiet ta' konformità kollha li jkunu ġew ikkoreġuti matul il-verifika.

3.   Meta l-kumpanija ma tikkoreġix id-dikjarazzjonijiet skorretti jew in-nuqqasijiet ta' konformità msemmija fil-paragrafu 1, il-verifikatur għandu, qabel joħroġ ir-rapport tal-verifika, jitlob lill-kumpanija sabiex tispjega l-kawżi ewlenin tad-dikjarazzjonijiet skorretti jew tan-nuqqasijiet ta' konformità.

4.   Il-verifikatur għandu jiddetermina jekk id-dikjarazzjonijiet mhux ikkoreġuti, individwalment jew flimkien ma' dikjarazzjonijiet skorretti oħrajn, għandhomx impatt fuq l-emissjonijiet totali rrapportati jew informazzjoni rilevanti oħra, u jekk dak l-impatt iwassalx għal dikjarazzjonijiet skorretti materjali.

5.   Il-verifikatur jista' jqis id-dikjarazzjonijiet skorretti jew in-nuqqasijiet ta' konformità li, individwalment jew flimkien ma' dikjarazzjonijiet skorretti oħrajn, ikunu taħt il-livell ta' materjalità stabbilit fl-Artikolu 15 bħala dikjarazzjonijiet skorretti materjali fejn dan ikun ġustifikat mill-iskala u n-natura tagħhom jew miċ-ċirkostanzi partikolari tal-okkorrenza tagħhom.

Artikolu 18

Il-konklużjoni tal-verifika tar-rapport dwar l-emissjonijiet

Sabiex jikkompleta l-verifika tar-rapport dwar l-emissjonijiet, il-verifikatur għandu mill-inqas:

(a)

jikkonferma li twettqu l-attivitajiet ta' verifika kollha;

(b)

iwettaq proċeduri analitiċi finali fuq id-dejta aggregata sabiex jiżgura li din tkun ħielsa minn dikjarazzjonijiet skorretti materjali;

(c)

jivverifika jekk l-informazzjoni fir-rapport tissodisfax ir-rekwiżiti tar-Regolament (UE) 2015/757;

(d)

qabel joħroġ ir-rapport, iħejji d-dokumentazzjoni tal-verifika interna u l-abbozz ta' rapport u jibgħathom lill-eżaminatur indipendenti b'konformità mal-Artikolu 21;

(e)

jawtorizza persuna sabiex tawtentiċizza r-rapport abbażi tal-konklużjonijiet milħuqa mill-eżaminatur indipendenti u l-evidenza tad-dokumentazzjoni tal-verifika interna, u jinnotifika lill-kumpanija dwarhom;

(f)

jinnotifika lill-Kummissjoni u lill-Istat tal-bandiera tal-bastiment jekk il-kundizzjonijiet għall-ħruġ tad-dokument tal-konformità ġewx issodisfati.

Artikolu 19

Ir-rakkomandazzjonijiet għat-titjib

1.   Il-verifikatur għandu jikkomunika lill-kumpanija rakkomandazzjonijiet għal titjib b'rabta mad-dikjarazzjonijiet skorretti u n-nuqqasijiet ta' konformità mhux ikkoreġuti li ma jwasslux għal dikjarazzjonijiet skorretti materjali.

2.   Il-verifikatur jista' jikkomunika rakkomandazzjonijiet oħrajn għal titjib li huwa jqis bħala rilevanti, fid-dawl tal-eżitu tal-attivitajiet ta' verifika.

3.   Meta jikkomunika r-rakkomandazzjonijiet lill-kumpanija, il-verifikatur għandu jibqa' imparzjali vis-à-vis il-kumpanija, il-bastiment u s-sistema ta' rapportar u monitoraġġ. Huwa ma għandux jipperikola l-imparzjalità tiegħu billi jagħti pariri jew jiżviluppa partijiet mill-proċess ta' rapportar u monitoraġġ skont ir-Regolament (UE) 2015/757.

Artikolu 20

Ir-rapport ta' verifika

1.   Abbażi tal-informazzjoni miġbura, il-verifikatur għandu joħroġ rapport ta' verifika lill-kumpanija fuq kull rapport dwar l-emissjonijiet soġġett għal verifika.

2.   Ir-rapport ta' verifika għandu jinkludi dikjarazzjoni li tivverifika r-rapport dwar l-emissjonijiet bħala sodisfaċenti jew mhux sodisfaċenti, f'każ li jkun fih dikjarazzjonijiet skorretti materjali li ma ġewx ikkoreġuti qabel inħareġ ir-rapport.

3.   Għall-finijiet tal-paragrafu 2, ir-rapport dwar l-emissjonijiet għandu jitqies li kien ivverifikat bħala sodisfaċenti biss jekk ikun ħieles minn dikjarazzjonijiet skorretti materjali.

4.   Ir-rapport ta' verifika għandu jinkludi mill-inqas l-elementi li ġejjin:

(a)

l-isem tal-kumpanija u l-identifikazzjoni tal-bastiment;

(b)

titolu li jagħmilha ċara li huwa rapport ta' verifika;

(c)

l-identità tal-verifikatur;

(d)

referenza għar-rapport dwar l-emissjonijiet u l-perjodu ta' rapportar soġġett għal verifika;

(e)

referenza għal pjan ta' monitoraġġ wieħed jew aktar li jkunu ġew ivvalutati bħala sodisfaċenti;

(f)

referenza għall-istandard(s) ta' verifika użati;

(g)

sommarju tal-proċeduri tal-verifikatur, inkluża informazzjoni dwar iż-żjarat fuq il-post jew ir-raġunijiet għar-rinunzja tagħhom;

(h)

sommarju tal-bidliet sinifikanti fil-pjan ta' monitoraġġ u fid-dejta dwar l-attività fil-perjodu tar-rapportar, fejn applikabbli;

(i)

dikjarazzjoni tal-verifika;

(j)

deskrizzjoni tad-dikjarazzjonijiet skorretti u n-nuqqasijiet ta' konformità mhux ikkoreġuti, inklużi n-natura u l-iskala tagħhom, jekk dawn għandhomx impatt materjali jew le u l-element(i) tar-rapport dwar l-emissjonijiet li miegħu/magħhom huma marbuta, jekk ikun hemm;

(k)

fejn applikabbli, rakkomandazzjonijiet għal titjib;

(l)

id-data tar-rapport ta' verifika u l-firma ta' persuna awtorizzata f'isem il-verifikatur.

Artikolu 21

L-analiżi indipendenti tar-rapport dwar l-emissjonijiet

1.   L-eżaminatur indipendenti għandu janalizza d-dokumentazzjoni tal-verifika interna u l-abbozz tar-rapport ta' verifika sabiex jivverifika li l-proċess ta' verifika tmexxa b'konformità ma' dan ir-Regolament u li ġew eżerċitati attenzjoni u ġudizzju professjonali xierqa.

2.   Il-kamp ta' applikazzjoni tal-analiżi indipendenti għandu jinkludi l-proċess ta' verifika sħiħ stabbilit f'din it-Taqsima u rreġistrat fid-dokumentazzjoni tal-verifika interna.

3.   Wara l-awtentifikazzjoni tar-rapport dwar l-emissjonijiet skont l-Artikolu 18(e), il-verifikatur għandu jinkludi r-riżultati tal-analiżi indipendenti fid-dokumentazzjoni tal-verifika interna.

KAPITOLU III

IR-REKWIŻITI GĦALL-VERIFIKATURI

Artikolu 22

Il-proċess kontinwu ta' kompetenza

1.   Il-verifikatur għandu jistabbilixxi, jiddokumenta, jimplimenta u jżomm proċess kontinwu ta' kompetenza sabiex jiżgura li l-membri tal-persunal kollha fdati bl-attivitajiet ta' verifika jkunu kompetenti sabiex iwettqu l-kompiti li jiġu allokati lilhom.

2.   Għall-fini tal-proċess ta' kompetenza msemmi fil-paragrafu 1, il-verifikatur għandu jistabbilixxi, jiddokumenta, jimplimenta u jżomm dawn li ġejjin:

(a)

kriterji ta' kompetenza ġenerali għall-membri tal-persunal kollha li jwettqu attivitajiet ta' verifika skont l-Artikolu 23(3);

(b)

kriterji ta' kompetenza speċifiċi għal kull funzjoni fi ħdan il-verifikatur li jwettaq l-attivitajiet ta' verifika, b'mod partikolari għall-awditur MRV tat-trasport marittimu, għall-validatur indipendenti u għall-espert tekniku skont l-Artikoli 24, 25 u 26;

(c)

metodu sabiex jiġu żgurati l-kompetenza kontinwa u l-evalwazzjoni regolari tal-prestazzjoni tal-membri tal-persunal kollha li jwettqu l-attivitajiet ta' verifika;

(d)

proċess sabiex jiġi żgurat it-taħriġ kontinwu tal-membri tal-persunal li jkunu qed iwettqu l-attivitajiet ta' verifika.

3.   Il-verifikatur għandu jimmonitorja regolarment, mill-inqas darba fis-sena, il-prestazzjoni tal-membri tal-persunal kollha li jwettqu l-attivitajiet ta' verifika, sabiex jikkonferma l-kompetenza kontinwa tagħhom.

Artikolu 23

It-timijiet ta' verifika

1.   Għal kull impenn ta' verifika, il-verifikatur għandu jlaqqa' tim ta' verifika li kapaċi jwettaq l-attivitajiet ta' verifika msemmija fl-Artikoli 5 sa 20.

2.   It-tim tal-verifika għandu jikkonsisti minn mill-inqas awditur MRV wieħed tat-trasport marittimu u, fejn xieraq, fid-dawl tal-għarfien tal-verifikatur tal-kumplessità tal-kompiti li jridu jitwettqu u tal-ħila tiegħu li jmexxi l-valutazzjoni tar-riskju meħtieġa, għadd xieraq ta' awdituri MRV tat-trasport marittimu addizzjonali u/jew esperti tekniċi.

3.   Il-membri tat-tim għandu jkollhom għarfien ċar tar-rwol speċifiku tagħhom fil-proċess ta' verifika u għandhom ikunu jistgħu jikkomunikaw b'mod effettiv bil-lingwa meħtieġa sabiex iwettqu l-kompiti ta' verifika tagħhom u jeżaminaw l-informazzjoni ppreżentata mill-kumpanija.

Artikolu 24

Ir-rekwiżiti tal-kompetenza għall-awdituri MRV tat-trasport marittimu

1.   L-awdituri MRV tat-trasport marittimu għandu jkollhom il-kompetenza sabiex jivvalutaw il-pjanijiet ta' monitoraġġ u jivverifikaw ir-rapporti dwar l-emissjonijiet b'konformità mar-Regolament (UE) 2015/757 u ma' dan ir-Regolament.

2.   Għal dak il-għan, l-awdituri MRV tat-trasport marittimu għandu jkollhom, mill-inqas:

(a)

għarfien tar-Regolament (UE) 2015/757, ta' dan ir-Regolament, tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/1927, tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/1928 u tal-linji gwida rilevanti maħruġa mill-Kummissjoni;

(b)

għarfien u esperjenza tal-awditjar tad-dejta u l-informazzjoni, inklużi:

(i)

il-metodoloġiji tal-awditjar tad-dejta u l-informazzjoni, l-applikazzjoni tal-livell ta' materjalità u l-valutazzjoni tal-materjalità tad-dikjarazzjonijiet skorretti;

(ii)

l-analiżi tar-riskji inerenti u tar-riskji ta' kontroll;

(iii)

it-tekniki ta' kampjunar b'rabta mal-kampjunar tad-dejta u l-verifika tal-attivitajiet ta' kontroll;

(iv)

il-valutazzjoni tas-sistemi tad-dejta u tal-informazzjoni, is-sistemi tal-IT, l-attivitajiet ta' fluss tad-dejta, l-attivitajiet ta' kontroll, is-sistemi ta' kontroll u l-proċeduri għall-attivitajiet ta' kontroll.

3.   Barra minn hekk, għandhom jittieħdu f'kunsiderazzjoni l-għarfien speċifiku għas-settur u l-esperjenza tal-aspetti rilevanti kif speċifikati fl-Anness.

Artikolu 25

Ir-rekwiżiti ta' kompetenza għal eżaminaturi indipendenti

1.   L-eżaminatur indipendenti għandu jissodisfa r-rekwiżiti ta' kompetenza li japplikaw għall-awdituri MRV tat-trasport marittimu, kif imsemmi fl-Artikolu 24.

2.   Sabiex jivvaluta jekk id-dokumentazzjoni tal-verifika interna hijiex kompleta u jekk inġabritx biżżejjed evidenza matul l-attivitajiet ta' verifika, l-eżaminatur indipendenti għandu jkollu l-kompetenza meħtieġa sabiex:

(a)

janalizza l-informazzjoni pprovduta u jikkonferma l-kompletezza u l-integrità tagħha;

(b)

jikkontesta l-informazzjoni nieqsa jew kontradittorja;

(c)

jivverifika t-traċċi tad-dejta sabiex jivvaluta jekk id-dokumentazzjoni tal-verifika interna tipprovdix biżżejjed informazzjoni li tappoġġja l-abbozz ta' konklużjonijiet eżaminati fl-analiżi interna.

Artikolu 26

L-użu tal-esperti tekniċi

1.   Fejn ikunu meħtieġa għarfien dettaljat u għarfien espert speċifiku matul l-attivitajiet ta' verifika jew il-proċess ta' analiżi, l-awditur MRV tat-trasport marittimu jew l-eżaminatur indipendenti jistgħu jagħmlu użu minn esperti tekniċi, taħt id-direzzjoni u r-responsabbiltà sħiħa rispettivi tagħhom.

2.   Minbarra l-għarfien tas-suġġett speċifiku, l-esperti tekniċi għandu jkollhom biżżejjed għarfien tal-kwistjonijiet imsemmija fl-Artikolu 24.

Artikolu 27

Il-proċeduri għall-attivitajiet ta' verifika

1.   Il-verifikaturi għandhom jistabbilixxu, jiddokumentaw, jimplimentaw u jżommu proċedura waħda jew aktar u proċess wieħed jew aktar għall-attivitajiet ta' verifika deskritti fl-Artikoli 5 sa 21.

2.   Meta jiġi biex jistabbilixxi u jimplimenta tali proċeduri u proċessi, il-verifikatur għandu jwettaq l-attivitajiet b'konformità mal-istandard armonizzat skont ir-Regolament (KE) Nru 765/2008 dwar ir-rekwiżiti għall-korpi ta' verifika u validazzjoni tal-gassijiet b'effett serra għall-użu fl-akkreditament jew f'forom oħrajn ta' rikonoxximent.

3.   Il-verifikaturi għandhom ifasslu, jiddokumentaw, jimplimentaw u jżommu sistema ta' ġestjoni tal-kwalità sabiex jiżguraw l-iżvilupp, l-implimentazzjoni, it-titjib u l-analiżi konsistenti tal-proċeduri u l-proċessi b'konformità mal-istandard armonizzat imsemmi fil-paragrafu 2.

4.   Barra minn hekk, il-verifikaturi għandhom jistabbilixxu l-proċeduri, il-proċessi u l-arranġamenti li ġejjin b'konformità mal-istandard armonizzat imsemmi fil-paragrafu 2:

(a)

proċess u politika għall-komunikazzjoni mal-kumpanija;

(b)

arranġamenti adegwati għas-salvagwardja tal-kunfidenzjalità tal-informazzjoni miksuba;

(c)

proċess għall-indirizzar tal-appelli tal-kumpaniji;

(d)

proċess għall-indirizzar tal-ilmenti (inkluża skeda taż-żmien indikattiva) tal-kumpaniji;

(e)

proċess għall-ħruġ ta' rapport ta' verifika rivedut fejn ikun ġie identifikat żball fir-rapport ta' verifika jew fir-rapport dwar l-emissjonijiet wara li l-verifikatur ikun ippreżenta r-rapport ta' verifika lill-kumpanija.

Artikolu 28

Id-dokumentazzjoni ta' verifika interna

1.   Il-verifikatur għandu jipprepara u jikkompila dokumentazzjoni tal-verifika interna li tkun tinkludi mill-inqas:

(a)

ir-riżultati tal-attivitajiet ta' verifika mwettqa;

(b)

il-pjan ta' verifika u l-valutazzjoni tar-riskju;

(c)

biżżejjed informazzjoni li tappoġġja l-valutazzjoni tal-pjan ta' monitoraġġ u tal-abbozz tar-rapport ta' verifika, inklużi l-ġustifikazzjonijiet għall-ġudizzji dwar jekk id-dikjarazzjonijiet skorretti kinux materjali jew le.

2.   Id-dokumentzzjoni tal-verifika interna għandha tiġi abbozzata b'tali mod li l-eżaminatur indipendenti msemmi fl-Artikoli 8 u 21 u l-korp nazzjonali ta' akkreditament ikunu jistgħu jivvalutaw jekk il-verifika tkunx twettqet b'konformità ma' dan ir-Regolament.

Artikolu 29

Ir-rekords u komunikazzjoni

1.   Il-verifikaturi għandhom iżommu rekords sabiex juru l-konformità ma' dan ir-Regolament, inkluż fir-rigward tal-kompetenza u l-imparzjalità tal-persunal tagħhom.

2.   Il-verifikaturi għandhom jissalvagwardjaw il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni miksuba matul il-verifika, b'konformità mal-istandard armonizzat imsemmi fl-Artikolu 27.

Artikolu 30

L-imparzjalità u indipendenza

1.   Il-verifikaturi għandhom ikunu organizzati b'tali mod li jissalvagwardjaw l-oġġettività, l-indipendenza u l-imparzjalità tagħhom. Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, għandhom japplikaw ir-rekwiżiti rilevanti stabbiliti fl-istandard armonizzat imsemmi fl-Artikolu 27.

2.   Il-verifikaturi ma għandhomx iwettqu attivitajiet ta' verifika għal kumpanija li tippreżenta riskju inaċċettabbli għall-imparzjalità tagħhom jew li fir-rigward tagħha għandhom kunflitt ta' interess.

3.   Għandu jitqies li rriżulta riskju inaċċettabbli għall-imparzjalità jew kunflitt ta' interess, inter alia, fejn verifikatur, jew kwalunkwe parti mill-istess entità legali jew persunal u persuni kkuntrattati involuti fil-verifika, jipprovdu:

(a)

servizzi ta' konsulenza sabiex tiġi żviluppata parti mill-proċess ta' rapportar u monitoraġġ deskritt fil-pjan ta' monitoraġġ, inkluż l-iżvilupp tal-metodoloġija ta' monitoraġġ, l-abbozzar tar-rapport dwar l-emissjonijiet u l-abbozzar tal-pjan ta' monitoraġġ;

(b)

assistenza teknika għall-iżvilupp jew iż-żamma tas-sistema għall-monitoraġġ u r-rapportar tal-emissjonijiet jew ta' informazzjoni rilevanti oħra skont ir-Regolament (UE) 2015/757.

4.   Il-verifikaturi ma għandhomx jesternalizzaw l-analiżi indipendenti jew il-ħruġ tar-rapport ta' verifika.

5.   Meta l-verifikaturi jesternalizzaw attivitajiet ta' verifika oħrajn, huma jeħtieġ li jissodisfaw ir-rekwiżiti rilevanti stabbiliti fl-istandard armonizzat imsemmi fl-Artikolu 27.

6.   Il-verifikaturi għandhom jistabbilixxu, jiddokumentaw, jimplimentaw u jżommu proċess sabiex jiżguraw l-imparzjalità u l-indipendenza kontinwi tagħhom, u dawk tal-partijiet mill-istess entità legali u tal-membri tal-persunal kollha. Fil-każ tal-esternalizzazzjoni, l-istess obbligi japplikaw għall-persuni kkuntrattati involuti fil-verifika. Dak il-proċess għandu jissodisfa r-rekwiżiti rilevanti stabbiliti fl-istandard armonizzat imsemmi fl-Artikolu 27.

KAPITOLU IV

L-AKKREDITAMENT TAL-VERIFIKATURI

Artikolu 31

Il-kamp ta' applikazzjoni tal-akkreditament

Il-kamp ta' applikazzjoni tal-akkreditament tal-verifikaturi għandu jkopri l-valutazzjoni tal-pjanijiet ta' monitoraġġ u l-verifika tar-rapporti dwar l-emissjonijiet.

Artikolu 32

L-għanijiet tal-proċess tal-akkreditament

Matul il-proċess tal-akkreditament u tas-sorveljanza annwali tal-verifikaturi akkreditati, skont l-Artikoli 36 sa 41, il-korpi nazzjonali ta' akkreditament għandhom jivvalutaw jekk il-verifikatur u l-persunal tiegħu li jkunu qegħdin iwettqu attivitajiet ta' verifika:

(a)

għandhomx il-kompetenza sabiex jivvalutaw il-pjanijiet ta' monitoraġġ u sabiex jivverifikaw ir-rapporti dwar l-emissjonijiet skont dan ir-Regolament;

(b)

humiex fil-fatt qegħdin jivvalutaw il-pjanijiet ta' monitoraġġ u jivverifikaw ir-rapport dwar l-emissjonijiet b'konformità ma' dan ir-Regolament;

(c)

jissodisfawx ir-rekwiżiti għall-verifikaturi msemmija fl-Artikoli 22 sa 30, inklużi dawk li jirrigwardaw l-imparzjalità u l-indipendenza.

Artikolu 33

Ir-rekwiżiti minimi għall-akkreditament

Fir-rigward tar-rekwiżiti minimi għall-akkreditament u r-rekwiżiti għall-korpi tal-akkreditament, għandu japplika l-istandard armonizzat skont ir-Regolament (KE) Nru 765/2008 li jikkonċerna r-rekwiżiti ġenerali għall-korpi ta' akkreditament li jakkreditaw il-korpi ta' valutazzjoni tal-konformità.

Artikolu 34

Il-kriterji sabiex jintalab l-akkreditament mill-korpi nazzjonali ta' akkreditament

1.   L-entitajiet legali stabbiliti fi Stat Membru għandhom jitolbu l-akkreditament skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 765/2008.

2.   Meta l-entità legali li titlob l-akkreditament ma tkunx stabbilita fi Stat Membru, hija tista' tindirizza t-talba tagħha lill-korp nazzjonali ta' akkreditament ta' kwalunkwe Stat Membru li jipprovdi akkreditament skont it-tifsira tal-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) 2015/757.

Artikolu 35

It-talbiet għal akkreditament

1.   It-talbiet għal akkreditament għandhom jinkludu l-informazzjoni meħtieġa abbażi tal-istandard armonizzat imsemmi fl-Artikolu 33.

2.   Barra minn hekk, qabel il-bidu tal-valutazzjoni msemmija fl-Artikolu 36, l-applikanti għandhom jagħmlu disponibbli għall-korp nazzjonali ta' akkreditament, fuq talba, informazzjoni dwar:

(a)

il-proċeduri u l-proċessi msemmija fl-Artikolu 27(1) u s-sistema ta' ġestjoni tal-kwalità msemmija fl-Artikolu 27(3);

(b)

il-kriterji ta' kompetenza msemmija fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 22(2), ir-riżultati tal-proċess ta' kompetenza kontinwa msemmi f'dak l-Artikolu u dokumentazzjoni rilevanti oħra dwar il-kompetenza tal-membri tal-persunal kollha involuti fl-attivitajiet ta' verifika msemmija fl-Artikoli 24 u 25;

(c)

il-proċess għall-iżgurar tal-imparzjalità u l-indipendenza kontinwi, kif imsemmi fl-Artikolu 30(6);

(d)

l-esperti tekniċi u l-membri tal-persunal ewlenin involuti fil-valutazzjoni tal-pjanijiet ta' monitoraġġ u fil-verifika tar-rapporti dwar l-emissjonijiet;

(e)

il-proċeduri u l-proċessi għall-iżgurar ta' verifika xierqa, inklużi dawk li jikkonċernaw id-dokumentazzjoni tal-verifika interna msemmija fl-Artikolu 28;

(f)

ir-rekords rilevanti msemmija fl-Artikolu 29;

(g)

aspetti oħrajn meqjusa bħala rilevanti mill-korp nazzjonali ta' akkreditament.

Artikolu 36

Il-valutazzjoni

1.   Għall-finijiet tal-valutazzjoni msemmija fl-Artikolu 32, it-tim tal-valutazzjoni għandu, mill-inqas:

(a)

janalizza d-dokumenti u r-reġistri rilevanti kollha fornuti mill-applikant skont l-Artikolu 35;

(b)

iwettaq żjara fuq il-post sabiex janalizza kampjun rappreżentattiv tad-dokumentazzjoni tal-verifika interna u jivvaluta l-implimentazzjoni tas-sistema tal-ġestjoni tal-kwalità tal-applikant u l-proċeduri jew il-proċessi għall-attivitajiet ta' verifika msemmija fl-Artikolu 27;

(c)

jixhed il-prestazzjoni u l-kompetenza ta' għadd rappreżentattiv tal-persunal tal-applikant involuti fil-valutazzjoni tal-pjanijiet ta' monitoraġġ u fil-verifika tar-rapporti dwar l-emissjonijiet sabiex jiżgura li dawn joperaw b'mod konformi ma' dan ir-Regolament.

2.   It-tim ta' valutazzjoni għandu jwettaq l-attivitajiet deskritti fil-paragrafu 1 f'konformità mar-rekwiżiti tal-istandard armonizzat imsemmi fl-Artikolu 33.

3.   It-tim ta' valutazzjoni għandu jirrapporta s-sejbiet tiegħu u kwalunkwe nuqqasijiet ta' konformità lill-applikant u jitlob tweġiba, b'konformità mar-rekwiżiti tal-istandard armonizzat imsemmi fl-Artikolu 33.

4.   L-applikant għandu jieħu azzjoni korrettiva sabiex jindirizza kwalunkwe nuqqas ta' konformità rrapportat skont il-paragrafu 3 u jindika fit-tweġiba tiegħu x'azzjoni ħa jew qed jippjana li jieħu fi żmien stabbilit mill-korp nazzjonali ta' akkreditament bil-għan li jirrisolvi tali nuqqasijiet ta' konformità.

5.   Il-korp nazzjonali ta' akkreditament għandu janalizza t-tweġiba li jagħti l-applikant skont il-paragrafu 4.

6.   Meta l-korp nazzjonali ta' akkreditament isib li t-tweġiba tal-applikant jew l-azzjoni meħuda jkunu insuffiċjenti jew ineffettivi, huwa għandu jitlob lill-applikant sabiex jissottometti aktar informazzjoni jew jieħu azzjoni ulterjuri.

7.   Il-korp nazzjonali ta' akkreditament jista' jitlob ukoll evidenza ta', jew iwettaq valutazzjoni ta' segwitu sabiex jivvaluta, l-implimentazzjoni effettiva tal-azzjoni korrettiva.

Artikolu 37

Id-deċiżjoni dwar l-akkreditament u ċ-ċertifikat tal-akkreditament

1.   Meta jkun qed iħejji u jieħu d-deċiżjoni dwar jekk għandux jagħti, jestendi jew iġedded l-akkreditament ta' applikant, il-korp nazzjonali ta' akkreditament għandu jieħu f'kunsiderazzjoni r-rekwiżiti tal-istandard armonizzat imsemmi fl-Artikolu 33.

2.   Meta l-korp nazzjonali ta' akkreditament ikun iddeċieda li jagħti jew iġedded akkreditament ta' applikant, huwa għandu joħroġ ċertifikat ta' akkreditament għal dak l-effett.

3.   Iċ-ċertifikat ta' akkreditament għandu jinkludi mill-inqas l-informazzjoni meħtieġa abbażi tal-istandard armonizzat imsemmi fl-Artikolu 33.

4.   Iċ-ċertifikat tal-akkreditament għandu jkun validu għal perjodu ta' ħames snin mid-data tal-ħruġ tiegħu.

Artikolu 38

Is-sorveljanza annwali

1.   Il-korp nazzjonali ta' akkreditament għandu jwettaq sorveljanza annwali ta' kull verifikatur li jkun inħariġlu ċertifikat tal-akkreditament. Dik is-sorveljanza għandha tinkludi, mill-inqas:

(a)

żjara fuq il-post kif imsemmi fl-Artikolu 36(1)(b);

(b)

xhieda tal-prestazzjoni u l-kompetenza ta' għadd rappreżentattiv tal-persunal tal-verifikatur skont l-Artikolu 36(1)(c).

2.   Il-korp nazzjonali ta' akkreditament għandu jwettaq l-ewwel sorveljanza ta' verifikatur skont il-paragrafu 1 fi żmien 12-il xahar mid-data li fiha jkun inħareġ iċ-ċertifikat ta' akkreditament.

3.   L-ippjanar tas-sorveljanza għandu jippermetti lill-korp nazzjonali ta' akkreditament jivvaluta l-kampjuni rappreżentanti tal-attivitajiet tal-verifikatur fil-kamp ta' applikazzjoni taċ-ċertifikat ta' akkreditament, kif ukoll tal-membri tal-persunal involuti fl-attivitajiet ta' verifika, skont ir-rekwiżiti tal-istandard armonizzat imsemmi fl-Artikolu 33.

4.   Abbażi tar-riżultati tas-sorveljanza, il-korp nazzjonali ta' akkreditament għandu jiddeċiedi jekk jikkonfermax jew le l-kontinwazzjoni tal-akkreditament.

5.   Meta verifikatur iwettaq verifika fi Stat Membru ieħor, il-korp nazzjonali ta' akkreditament li jkun akkreditah jista' jitlob lill-korp nazzjonali ta' akkreditament tal-Istat Membru l-ieħor sabiex iwettaq attivitajiet ta' sorveljanza f'ismu u taħt ir-responsabbiltà tiegħu.

Artikolu 39

Ir-rivalutazzjoni

1.   Qabel l-iskadenza ta' ċertifikat ta' akkreditament maħruġ minnu, il-korp nazzjonali ta' akkreditament għandu jerġa' jivvaluta lill-verifikatur inkwistjoni sabiex jiddetermina jekk il-validità taċ-ċertifikat tistax tiġi estiża.

2.   L-ippjanar tar-rivalutazzjoni għandu jiżgura li l-korp nazzjonali ta' akkreditament jivvaluta kampjun rappreżentattiv tal-attivitajiet tal-verifikatur koperti miċ-ċertifikat.

Waqt l-ippjanar u t-twettiq tar-rivalutazzjoni, il-korp nazzjonali ta' akkreditament għandu jissodisfa r-rekwiżiti tal-istandard armonizzat imsemmi fl-Artikolu 33.

Artikolu 40

Il-valutazzjoni straordinarja

1.   Il-korp nazzjonali ta' akkreditament jista' jwettaq valutazzjoni straordinarja tal-verifikatur fi kwalunkwe ħin sabiex jiżgura li dan ikompli jissodisfa r-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament.

2.   Sabiex il-korp nazzjonali ta' akkreditament ikun jista' jevalwa l-ħtieġa għal valutazzjoni straordinarja, il-verifikatur għandu jgħarraf lill-korp minnufih bi kwalunkwe bidliet sinifikanti rilevanti għall-akkreditament tiegħu dwar kwalunkwe aspett tal-istat jew l-operat tiegħu.

Dawk il-bidliet sinifikanti għandhom jinkludu l-bidliet imsemmija fl-istandard armonizzat imsemmi fl-Artikolu 33.

Artikolu 41

Il-miżuri amministrattivi

1.   Il-korp nazzjonali ta' akkreditament jista' jissospendi jew jirtira l-akkreditament ta' verifikatur fejn il-verifikatur ma jissodisfax ir-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament.

2.   Il-korp nazzjonali ta' akkreditament għandu jissospendi jew jirtira l-akkreditament ta' verifikatur fejn il-verifikatur jitlob dan.

3.   Il-korp nazzjonali ta' akkreditament għandu jistabbilixxi, jiddokumenta, jimplimenta u jżomm proċedura għas-sospensjoni u l-irtirar tal-akkreditament skont l-istandard armonizzat imsemmi fl-Artikolu 33.

4.   Il-korp nazzjonali ta' akkreditament għandu jissospendi l-akkreditament ta' verifikatur fejn il-verifikatur ikun:

(a)

naqas milli jissodisfa r-rekwiżiti dwar il-kompetenza skont l-Artikolu 22, dwar il-proċeduri għall-attivitajiet ta' verifika skont l-Artikolu 27, dwar id-dokumentazzjoni tal-verifika interna skont l-Artikolu 28 jew dwar l-imparzjalità u l-indipendenza skont l-Artikolu 30;

(b)

kiser kwalunkwe termini u kundizzjonijiet speċifiċi oħrajn stipulati mill-korp nazzjonali ta' akkreditament.

5.   Il-korp nazzjonali ta' akkreditament għandu jirtira l-akkreditament ta' verifikatur meta:

(a)

il-verifikatur ikun naqas milli jirrimedja r-raġunijiet għal deċiżjoni ta' sospensjoni taċ-ċertifikat tal-akkreditament;

(b)

membru tal-ġestjoni superjuri tal-verifikatur ikun instab ħati ta' frodi;

(c)

il-verifikatur ikun ipprovda intenzjonalment informazzjoni falza.

6.   Id-deċiżjonijiet ta' korp nazzjonali ta' akkreditament li jissospendi jew jirtira akkreditament b'konformità mal-paragrafi 1, 4 u 5 għandhom ikunu soġġetti għal appell b'konformità mal-proċeduri stabbiliti mill-Istati Membri skont l-Artikolu 5(5) tar-Regolament (KE) Nru 765/2008.

7.   Id-deċiżjonijiet ta' korp nazzjonali ta' akkreditament li jissospendi jew jirtira akkreditament għandhom jidħlu fis-seħħ wara li jiġu nnotifikati lill-verifikatur. Il-korp nazzjonali ta' akkreditament għandu jikkunsidra l-impatt fuq l-attivitajiet imwettqa qabel dawk id-deċiżjonijiet fid-dawl tan-natura tan-nuqqas ta' konformità.

8.   Il-korp nazzjonali ta' akkreditament għandu jtemm is-sospensjoni ta' ċertifikat ta' akkreditament fejn ikun irċieva informazzjoni sodisfaċenti u jikkonkludi li l-verifikatur jissodisfa r-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament.

KAPITOLU V

IR-REKWIŻITI GĦALL-KORPI NAZZJONALI TA' AKKREDITAMENT

Artikolu 42

Il-korpi nazzjonali ta' akkreditament

1.   Il-kompiti relatati mal-akkreditament skont dan ir-Regolament għandhom jitwettqu minn korpi nazzjonali ta' akkreditament maħtura skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 765/2008.

2.   Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, il-korp nazzjonali ta' akkreditament għandu jwettaq il-funzjonijiet tiegħu skont ir-rekwiżiti tal-istandard armonizzat imsemmi fl-Artikolu 33.

Artikolu 43

It-tim ta' valutazzjoni

1.   Il-korp nazzjonali ta' akkreditament għandu jaħtar tim ta' valutazzjoni għal kull valutazzjoni mwettqa skont ir-rekwiżiti tal-istandard armonizzat imsemmi fl-Artikolu 33.

2.   Tim ta' valutazzjoni għandu jikkonsisti minn assessur ewlieni responsabbli mit-twettiq ta' valutazzjoni skont dan ir-Regolament u, fejn meħtieġ, għadd adegwat ta' assessuri jew esperti tekniċi bl-għarfien u l-esperjenza rilevanti għall-kamp ta' applikazzjoni speċifiku tal-akkreditament.

3.   Tim ta' valutazzjoni għandu jinkludi, mill-inqas, persuna waħda bil-ħiliet li ġejjin:

(a)

għarfien tar-Regolament (UE) 2015/757, ta' dan ir-Regolament u ta' leġiżlazzjoni rilevanti oħra msemmija fl-Artikolu 24(2)(a);

(b)

għarfien tal-karatteristiċi tad-diversi tipi ta' bastimenti u tal-monitoraġġ u r-rapportar tal-emissjonijiet ta' CO2, tal-konsum tal-fjuwil u informazzjoni rilevanti oħra skont ir-Regolament (UE) 2015/757.

Artikolu 44

Ir-rekwiżiti ta' kompetenza għall-assessuri

1.   L-assessuri għandu jkollhom il-kompetenza sabiex iwettqu l-attivitajiet imsemmija fl-Artikoli 36 sa 41. Għal dak il-għan, l-assessur għandu:

(a)

jissodisfa r-rekwiżiti tal-istandard armonizzat imsemmi fl-Artikolu 33;

(b)

ikollu għarfien tal-awditjar tad-dejta u tal-informazzjoni, kif imsemmi fl-Artikolu 24(2)(b), miksub permezz ta' taħriġ jew aċċess għal persuna li jkollha għarfien u esperjenza ta' tali dejta u informazzjoni.

2.   Minbarra r-rekwiżiti tal-kompetenza stabbiliti fil-paragrafu 1, l-assessuri ewlenin għandhom juru li għandhom il-kompetenza sabiex imexxu tim ta' valutazzjoni.

3.   Minbarra r-rekwiżiti tal-kompetenza stabbiliti fil-paragrafu 1, l-eżaminaturi interni u l-persuni li jieħdu d-deċiżjonijiet dwar l-għoti, l-estensjoni jew it-tiġdid ta' akkreditament għandu jkollhom biżżejjed għarfien u esperjenza sabiex jevalwaw l-akkreditament.

Artikolu 45

L-esperti tekniċi

1.   Il-korp nazzjonali ta' akkreditament jista' jinkludi esperti tekniċi fit-tim ta' valutazzjoni sabiex jipprovdu għarfien dettaljat u għarfien espert dwar suġġett speċifiku bil-għan li huwa jkun jista' jappoġġa lill-assessur ewlieni jew lill-assessur.

2.   L-esperti tekniċi għandhom iwettqu kompiti speċifikati taħt id-direzzjoni u r-responsabbiltà sħiħa tal-assessur ewlieni tat-tim ta' valutazzjoni inkwistjoni.

Artikolu 46

Il-bażijiet tad-dejta tal-verifikaturi akkreditati

1.   Il-korpi nazzjonali ta' akkreditament għandhom jistabbilixxu u jiġġestixxu bażi ta' dejta li għandha tkun disponibbli għall-pubbliku u tinkludi, mill-inqas, l-informazzjoni li ġejja:

(a)

l-isem, in-numru tal-akkreditament u l-indirizz ta' kull verifikatur akkreditat minn dak il-korp nazzjonali ta' akkreditament;

(b)

l-Istati Membri li fihom il-verifikatur ikun qed iwettaq verifika, jekk applikabbli;

(c)

id-data li fiha jkun ingħata l-akkreditament u d-data ta' skadenza tiegħu;

(d)

informazzjoni dwar il-miżuri amministrattivi imposti fuq il-verifikatur.

2.   Kwalunkwe bidla fl-istatus tal-verifikaturi għandha tiġi kkomunikata lill-Kummissjoni bl-użu ta' mudell standardizzat rilevanti.

3.   Il-korp rikonoxxut skont l-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 765/2008 għandu jiffaċilita u jarmonizza l-aċċess għall-bażijiet ta' dejta nazzjonali.

KAPITOLU VI

ID-DISPOŻIZZJONI FINALI

Artikolu 47

Id-dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jiħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta' Settembru 2016.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 123, 19.5.2015, p. 55.

(2)  Ir-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Lulju 2008 li jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-akkreditament u għas-sorveljanza tas-suq relatati mal-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 339/93 (ĠU L 218, 13.8.2008, p. 30).

(3)  Id-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ġunju 1998 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta' informazzjoni fil-qasam tal-istandards u r-regolamenti tekniċi u r-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika (ĠU L 204. 21.7.1998, p. 37).

(4)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1927 tal-4 ta' Novembru 2016 dwar il-mudelli għall-pjanijiet ta' monitoraġġ, għar-rapporti dwar l-emissjonijiet u għad-dokumenti ta' konformità skont ir-Regolament (UE) 2015/757 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika ta' emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju mit-trasport marittimu (ĠU L 299, 5.11.2016, p. 1).

(5)  Adottat mill-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI) permezz tar-Riżoluzzjoni tal-Assemblea A.741(18).

(6)  Ir-Regolament 22 ta' MARPOL, l-Anness VI.

(7)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1928 tal-4 ta' Novembru 2016 dwar id-determinazzjoni ta' merkanzija li tinġarr għall-kategoriji ta' bastimenti li mhumiex bastimenti tal-passiġġieri, bastimenti ro-ro u bastimenti tal-kontejners skont ir-Regolament (UE) 2015/757 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika ta' emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju mit-trasport marittimu (ĠU L 299, 5.11.2016, p. 22).


ANNESS

Għarfien u esperjenza speċifiċi għas-settur tal-baħar

Għall-finijiet tal-Artikolu 24(3) għandhom jittieħdu f'kunsiderazzjoni l-għarfien u l-esperjenza ta' dawn li ġejjin:

il-fehim tar-regolamenti rilevanti skont il-Konvenzjoni ta' MARPOL u l-Konvenzjoni ta' SOLAS, bħal dawk dwar l-effiċjenza enerġetika għall-bastimenti (1), il-Kodiċi Tekniku tal-NOx (2), ir-Regolament dwar l-Ossidi tal-Kubrit (3), ir-Regolament dwar il-Kwalità taż-Żejt Kombustibbli, (4) il-Kodiċi dwar l-Istabbiltà Intatta tal-2008 u l-linji gwida rilevanti (bħall-gwida dwar l-iżvilupp tal-SEEMP);

is-sinerġiji possibbli bejn il-monitoraġġ u r-rappurtar skont ir-Regolament (UE) 2015/757 u s-sistemi tal-ġestjoni eżistenti speċifiċi għas-settur marittimu, (eż. il-Kodiċi ISM) u gwida rilevanti oħra speċifika għas-settur (bħall-gwida dwar l-iżvilupp tal-SEEMP);

is-sorsi tal-emissjonijiet abbord il-bastiment;

ir-reġistrazzjoni tal-vjaġġi u l-proċeduri li jiżguraw il-kompletezza u l-preċiżjoni tal-lista ta' vjaġġi (kif ippreżentata mill-kumpanija);

is-sorsi esterni affidabbli (inkluża d-dejta dwar it-traċċar tal-bastimenti) li jistgħu jservu biex jikkontroverifikaw l-informazzjoni b'dejta mill-bastimenti;

il-metodi għall-kalkolazzjoni tal-konsum tal-fjuwil, kif applikati mill-bastimenti fil-prattika;

l-applikazzjoni ta' livelli ta' inċertezza skont ir-Regolament (UE) 2015/757 u l-gwida rilevanti;

l-applikazzjoni tal-fatturi tal-emissjonijiet għall-fjuwils kollha użati abbord il-bastiment, inklużi l-LNG, il-fjuwils ibridi u l-bijofjuwil;

it-trattament tal-fjuwil, it-tindif tal-fjuwil, is-sistemi tat-tankijiet;

il-manutenzjoni tal-bastiment/il-kontroll tal-kwalità tal-apparat tal-kejl;

dokumenti tal-bunkering, inklużi noti tal-kunsinna tal-bunker;

reġistri operazzjonali, astratti tal-vjaġġ u astratti tal-port, reġistri tal-gverta tal-bastiment;

dokumentazzjoni kummerċjali, pereżempju, ftehimiet ta' noleġġ, poloz ta' kargu;

ir-rekwiżiti statutorji eżistenti;

l-operat tas-sistemi tal-bunkering tal-bastiment;

id-determinazzjoni tad-densità tal-fjuwil mill-bastimenti fil-prattika;

il-proċessi tal-fluss tad-dejta u l-attivitajiet għall-kalkolazzjoni tal-merkanzija li tinġarr (f'volum jew massa), kif applikati għat-tipi ta' bastimenti u l-attivitajiet skont ir-Regolament (UE) 2015/757;

il-kunċett ta' piż mejjet li jinġarr kif applikabbli għat-tipi ta' bastimenti u l-attivitajiet skont ir-Regolament (UE) 2015/757 b'konformità mar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/1928;

il-proċessi tal-fluss tad-dejta li jintużaw sabiex tiġi kkalkolata d-distanza vvjaġġata u ż-żmien fuq il-baħar għall-vjaġġi skont ir-Regolament (UE) 2015/757;

il-makkinarju u s-sistemi tekniċi użati abbord il-bastiment għad-determinazzjoni tal-konsum tal-fjuwil, ix-xogħol tat-trasport u informazzjoni rilevanti oħra.


(1)  ir-Regolament 22, l-Anness VI tal-Konvenzjoni ta' MARPOL.

(2)  Il-Kodiċi tekniku rivedut dwar il-Kontroll tal-Emissjoni tal-Ossidi tan-Nitroġenu mill-Magni Diżil għal Użu Marittimu, (Riżoluzzjoni MEPC.176(58), kif emendata mir-riżoluzzjoni MEPC.177(58)).

(3)  ir-Regolament 14, l-Anness VI għall-Konvenzjoni ta' MARPOL.

(4)  ir-Regolament 18, l-Anness VI għall-Konvenzjoni ta' MARPOL.