7.10.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 272/2


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/1776

tas-6 ta' Ottubru 2016

li jemenda l-Anness II għar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-użu tas-Sukralożju (E 955) bħala tejjieb il-benna fiċ-ċuwingamm b'zokkrijiet jew polijoli miżjuda

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar l-addittivi tal-ikel (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 10(3) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 jistabbilixxi lista tal-Unjoni ta' addittivi tal-ikel approvati għall-użu fl-ikel u l-kundizzjonijiet tal-użu tagħhom.

(2)

Dik il-lista tista' tiġi aġġornata skont il-proċedura komuni msemmija fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), jew bl-inizjattiva tal-Kummissjoni jew inkella wara applikazzjoni.

(3)

Fid-19 ta' Jannar 2015 tressqet applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni tal-użu tas-sukralożju (E 955) bħala tejjieb il-benna fiċ-ċuwingamm biz-zokkrijiet jew il-polijoli miżjuda. Sussegwentement l-applikazzjoni tpoġġiet għad-disponibbiltà tal-Istati Membri skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008.

(4)

Is-sukralożju ġie evalwat fl-2000 mill-Kumitat Xjentifiku dwar l-Ikel tal-Unjoni Ewropea (SCF) li stabbilixxa doża aċċettabbli ta' kuljum (ADI) ta' 15 mg/kg ta' piż tal-ġisem/kuljum (3).

(5)

L-użu tas-sukralożju (E 955) bħala tejjieb il-benna fiċ-ċuwingamm biz-zokkrijiet jew il-polijoli miżjuda żżid l-intensità globali fit-togħma taċ-ċuwingamm, u żżomm l-intensità tul perjodu itwal ta' żmien hekk kif wieħed jomgħod iċ-ċuwingamm, meta mqabbla ma' formulazzjonijiet ta' addittiv(i) tal-ikel oħrajn. Żieda fl-intensità u l-lonġevità tat-togħma għalhekk tipprovdi lill-klijent esperjenza ġenerali taċ-ċuwingamm aktar sodisfaċenti hekk kif ikun qed jomgħodu.

(6)

L-awtorizzazzjoni tas-sukralożju fil-livell ta' 1 200 mg/kg fiċ-ċuwingamm biz-zokkrijiet jew il-polijoli miżjuda twassal għal żieda fil-konsum ta' E955 fil-limiti li ġejjin: bejn 0 sa 0,1 % tad-DAK fil-każ ta' konsum intermedju u bejn 0 sa 4,3 % tad-DAK f'każ ta' livell għoli ta' konsum. Dan huwa kkunsidrat bħala esponiment minuri addizzjonali għall-konsumatur u għalhekk mhuwiex ta' tħassib għas-sikurezza.

(7)

Skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008, il-Kummissjoni għandha tfittex l-opinjoni tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) sabiex taġġorna l-lista tal-Unjoni tal-addittivi tal-ikel stipulata fl-Anness II għar-Regolament (KE) Nru 1333/2008, ħlief meta dak l-aġġornament ma jkunx mistenni li jħalli effett fuq is-saħħa tal-bniedem. Peress li l-awtorizzazzjoni tal-użu tas-sukralożju (E 955) bħala tejjieb il-benna fiċ-ċuwingamm biz-zokkrijiet jew il-polijoli miżjuda tikkostitwixxi aġġornament ta' dik il-lista li mhux mistenni jħalli effett fuq saħħet il-bniedem, m'hemmx bżonn tintalab l-opinjoni tal-Awtorità.

(8)

Għalhekk, huwa xieraq li jkun awtorizzat l-użu tas-Sukralożju (E 955) bħala tejjieb il-benna f'livell massimu ta' 1 200 mg/kg fiċ-ċuwingamm biz-zokkrijiet jew il-polijoli miżjuda (sottokategorija tal-ikel 5.3).

(9)

L-Anness II għar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan.

(10)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 huwa emendat skont l-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-6 ta' Ottubru 2016.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 354, 31.12.2008, p. 16.

(2)  Ir-Regolament (KE) Nru 1331/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 li jistabbilixxi proċedura ta' awtorizzazzjoni komuni għall-addittivi tal-ikel, l-enżimi tal-ikel u l-aromatizzanti tal-ikel (ĠU L 354, 31.12.2008, p. 1).

(3)  L-Opinjoni tal-Kumitat Xjentifiku dwar l-Ikel dwar is-sukralożju (Adottata mill-SCF fis-7 ta' Settembru 2000) hija disponibbli onlajn: http://ec.europa.eu/food/fs/sc/scf/out68_en.pdf


ANNESS

Il-Parti E tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 hija emendata kif ġej:

1.

Il-kategorija tal-ikel 5.3 “Chewing gum” (ċuwingamm) hija emendata kif ġej:

(a)

tiddaħħal l-annotazzjoni li ġejja wara l-annotazzjoni għal E 951:

 

“E 955

Is-sukralożju

1 200

(12)

b'zokkrijiet jew polijoli miżjuda biss, bħala tejjieba l-benna”

(b)

in-nota f'qiegħ il-paġna (12) hija emendata kif ġej:

“(12)

Jekk E 950, E 951, E 955, E 957, E 959 u E 961 jintużaw flimkien fiċ-ċuwingamm, il-livell massimu għal kull wieħed jitnaqqas b'mod proporzjonali”