10.8.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 215/23


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/1357

tad-9 ta' Awwissu 2016

li jagħmel l-importazzjonijiet ta' ċerta pjanċa tqila tal-azzar mhux illigat jew b'liga oħra tal-azzar li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina soġġetti għar-reġistrazzjoni

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”) u b'mod partikolari l-Artikolu 14(5) tiegħu,

Wara li infurmat lill-Istati Membri,

Billi:

(1)

Fit-13 ta' Frar 2016, il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) bdiet permezz ta' Notifika ta' Bidu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (2) investigazzjoni antidumping dwar l-importazzjonijiet fl-Unjoni ta' prodotti ċatti ta' azzar liga jew mhux (bl-esklużjoni tal-azzar inossidabbli, azzar tas-siliċju-elettriku, azzar tal-għodda u azzar għal veloċità għolja), b'laminazzjoni termali, mhux miksijin, indurati jew mgħottijin, mhux f'kolji, bi ħxuna ta' aktar minn 10 mm u wisa' ta' 600 mm jew aktar jew bi ħxuna ta' 4,75 mm jew aktar iżda mhux aktar minn 10 mm u wisa' ta' 2 050 mm jew aktar (“pjanċa tqila”) li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“RPĊ”).

1.   IL-PRODOTT IKKONĊERNAT

(2)

Il-prodott soġġett għar-reġistrazzjoni (“il-prodott ikkonċernat”) huwa prodotti ċatti ta' azzar illigat jew mhux (bl-esklużjoni tal-azzar inossidabbli, azzar tas-siliċju-elettriku, azzar tal-għodda u azzar għal veloċità għolja, b'laminazzjoni termali, mhux miksijin, indurati jew mgħottijin, mhux f'kolji, bi ħxuna ta' aktar minn 10 mm u wisa' ta' 600 mm jew aktar jew bi ħxuna ta' 4,75 mm jew aktar iżda mhux aktar minn 10 mm u wisa' ta' 2 050 mm jew aktar, li fil-preżent jaqgħu fi ħdan il-kodiċijiet NM ex 7208 51 20, ex 7208 51 91, ex 7208 51 98, ex 7208 52 91, ex 7208 90 20, ex 7208 90 80, 7225 40 40, ex 7225 40 60 u ex 7225 99 00 (“pjanċa tqila”) u li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina. Dawn il-kodiċijiet NM qed jingħataw biss għall-informazzjoni.

2.   TALBA

(3)

It-talba għar-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku saret mill-ilmentatur fit-18 ta' April 2016. Kienet issupplimentata b'informazzjoni addizzjonali fis-7 ta' Lulju 2016 L-ilmentatur talab li l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat isiru soġġetti għar-reġistrazzjoni sabiex sussegwentament ikunu jistgħu jiġu applikati miżuri kontra dawk l-importazzjonijiet mid-data ta' tali reġistrazzjoni.

3.   IR-RAĠUNIJIET GĦAR-REĠISTRAZZJONI

(4)

Skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni tista' tagħti struzzjonijiet lill-awtoritajiet tad-dwana sabiex jieħdu l-passi xierqa għar-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet, sabiex il-miżuri jkunu jistgħu jiġu applikati sussegwentement fuq dawk l-importazzjonijiet. L-importazzjonijiet jistgħu jsiru soġġetti għar-reġistrazzjoni wara talba mill-industrija tal-Unjoni li jkun fiha biżżejjed evidenza biex tiġġustifika din l-azzjoni.

(5)

L-ilmentatur jiddikjara li r-reġistrazzjoni hija ġġustifikata billi l-prodott ikkonċernat għadu qed ikun suġġett għal dumping u l-importaturi kienu jafu tajjeb dwar il-prattiki ta' dumping li kienu ilhom għaddejjin għal perjodu estiż ta' żmien u kienu qed jikkawżaw dannu għall-industrija tal-Unjoni. L-ilmentatur jiddikjara wkoll li l-importazzjonijiet mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina qed jikkawżaw dannu għall-industrija tal-Unjoni u li kien hemm żieda sostanzjali fil-livell ta' dawk l-importazzjonijiet, ukoll wara l-perjodu tal-investigazzjoni, li jimmina b'mod serju l-effett ta' rimedju tad-dazju ta' kontra d-dumping, jekk jiġi applikat tali dazju.

3.1.   L-importaturi kienu jew kellhom ikunu jafu dwar id-dumping u l-ħsara allegata jew misjuba.

(6)

Il-Kummissjoni tqis li l-importaturi kienu jafu, jew kellhom ikunu jafu, dwar il-prattiki ta' dumping tal-esportaturi. Evidenza prima facie suffiċjenti f'dan ir-rigward kienet tinsab fl-ilment u dan kien ippreżentat fin-notifika ta' bidu għal dan il-proċediment (3). Il-verżjoni mhux kunfidenzjali tal-ilment stmat marġni ta' dumping minn 28 % sa 73 % għall-importazzjonijiet mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina. Fl-ilment l-ilmentatur ipprovda biżżejjed evidenza li tiddeskrivi l-prattiki ta' dumping mill-produtturi li jesportaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u li prima facie ma setgħux u ma kellhomx jiġu injorati mill-importaturi. B'mod partikolari, fl-ilment l-ilmentatur ipprovda evidenza dwar il-paragun bejn il-valur normali kkalkulat abbażi tal-informazzjoni dwar il-prezz rrapportat fir-Rapport Finali USITC (għall-perjodu minn Lulju 2014 sa Ġunju 2015) mal-prezz tal-esportazzjoni abbażi ta' kull tliet xhur għal valur ta' unità medju għall-importazzjonijiet ta' pjanċa tqila mir-RPĊ għall-kodiċijiet NM applikabbli kif miksuba mid-dejta tal-Eurostat. Barra minn hekk, l-ilmentatur inkluda wkoll evidenza prima facie fl-ilment dwar ix-xejra ta' tnaqqis tal-prezzijiet tal-importazzjoni għar-RPĊ. Il-prezz medju tal-bejgħ tal-importazzjonijiet mir-RPĊ lejn l-Unjoni naqas b'25 % bejn l-2012 u l-perjodu minn Ottubru 2014 sa Settembru 2015. Fit-talba għar-reġistrazzjoni, il-prezzijiet medji tal-importazzjoni mir-RPĊ għall-perjodu ta' investigazzjoni (2015) tqabblu mal-prezzijiet għall-2012, bi tnaqqis ta' madwar 30 %. Fl-aħħarnett, fl-ilment hemm biżżejjed evidenza prima facie li qed tiġi kkawżata ħsara. Abbażi ta' dik l-informazzjoni kollha li tinsab fil-verżjoni mhux kunfidenzjali tal-ilment, iżda wkoll meta titqies il-firxa tad-dumping li jista' jkun qed iseħħ u li l-informazzjoni għall-ilmentaturi kienet pubblikament disponibbli, huwa raġonevoli li jiġi konkluż, abbażi ta' evidenza prima facie disponibbli għall-Kummissjoni, li l-importaturi kienu jafu, jew misshom kienu jafu, bid-dumping u l-ħsara allegata jew misjuba.

3.2.   Żieda sostanzjali ulterjuri fl-importazzjonijiet

(7)

Sa mill-bidu tal-proċediment fi Frar 2016, żieda ulterjuri ta' madwar 15 % għar-RPĊ kienet osservata meta l-volumi tal-importazzjoni matul il-perjodu ta' investigazzjoni (2015) kienu mqabbla mad-dejta disponibbli għall-perjodu wara l-bidu (minn Marzu sa Mejju 2016). Dan juri li kien hemm żieda sostanzjali ulterjuri fl-importazzjonijiet mir-RPĊ tal-prodott ikkonċernat fl-ewwel tliet xhur wara l-bidu tal-investigazzjoni attwali.

3.3.   L-imminar tal-effett rimedjali tad-dazju

(8)

Fis-sottomissjonijiet li saru fil-qafas tal-investigazzjoni, inkluża fit-talba għar-reġistrazzjoni, hemm evidenza li ssir ħsara addizzjonali biż-żieda kontinwa ta' dawn l-importazzjonijiet bi prezzijiet dejjem iktar jonqsu. Dwar il-prezzijiet, l-ilmentatur inkluda evidenza prima facie fit-talba għar-reġistrazzjoni dwar ix-xejra ta' tnaqqis tal-prezzijiet tal-importazzjoni għar-RPĊ. F'dak li jirrigwarda l-prezzijiet ta' importazzjoni wara l-bidu tal-każ fi Frar 2016, tnaqqis ulterjuri ta' 30 % kien osservat għal prezzijiet medji ta' importazzjoni mir-RPĊ meta jitqabblu l-prezzijiet ta' Marzu — Mejju 2016 mal-prezzijiet għall-perjodu ta' investigazzjoni (2015). Żieda sostanzjali ulterjuri fl-importazzjonijiet, li għaliha hemm biżżejjed evidenza prima facie kif imsemmi fil-premessa (6), jekk jitqies meta nzertat, il-volum tal-allegat dumping u ċirkostanzi oħrajn (bħall-kapaċità eċċessiva fir-RPĊ u l-komportament tal-ipprezzar tal-produtturi Ċiniżi li jesportaw) x'aktarx li timmina serjament l-effett ta' rimedju ta' kwalunkwe dazju definittiv, sakemm tali dazju ma jiġix applikat b'mod retroattiv.

(9)

Barra minn hekk, fid-dawl tat-tnedija tal-proċedimenti attwali u filwaqt li jitqiesu l-iżviluppi tal-importazzjonijiet mir-RPĊ f'termini ta' prezzijet u volumi sa issa, huwa raġonevoli li wieħed jassumi li l-livell tal-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat jista' jiżdied ulterjorment qabel l-adozzjoni ta' miżuri provviżorji, jekk ikun hemm minnhom, u li l-inventarji jistgħu jinbnew b'mod rapidu mill-importaturi.

4.   PROĊEDURA

(10)

Fid-dawl ta' dak li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-ilmentatur ipprovda biżżejjed evidenza prima facie biex jiġġustifika li l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat ikunu soġġetti għar-reġistrazzjoni, b'konformità mal-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku.

(11)

Il-partijiet kollha interessati huma mistiedna jippreżentaw il-fehmiet tagħhom bil-miktub u jipprovdu evidenza ta' sostenn. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tista' tisma' lill-partijiet interessati, sakemm jagħmlu talba bil-miktub u juru li hemm raġunijiet partikolari għalfejn għandhom jinstemgħu.

5.   REĠISTRAZZJONI

(12)

Skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat jenħtieġ li jkunu soġġetti għar-reġistrazzjoni bl-iskop li jiżguraw li, jekk l-investigazzjoni tirriżulta f'konklużjonijiet li jwasslu għall-impożizzjoni ta' dazju antidumping, dak id-dazju jista', jekk il-kundizzjonijiet neċessarji jiġu ssodisfati, jiġi impost b'mod retroattiv fuq l-importazzjonijiet irreġistrati f'konformità mal-Artikolu 10(4) tar-Regolament bażiku.

(13)

Fl-ilment l-ilmentatur jikkalkula marġini tad-dumping ta' 28 % sa 73 % u marġni medju ta' twaqqigħ tal-prezz ta' 11 % għal importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat mir-RPĊ. L-ammont stmat ta' responsabbiltà possibbli fil-futur huwa stabbilit għar-RPĊ għallinqas fil-livell ta' twaqqigħ stmat abbażi tal-ilment, jiġifieri 11 % ad valorem fuq il-valur ta' importazzjoni CIF tal-prodott ikkonċernat.

6.   IPPROĊESSAR TA' DEJTA PERSONALI

(14)

Kull dejta personali miġbura fil-kuntest ta' din ir-reġistrazzjoni se tiġi trattata skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4),

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   L-aworitajiet tad-Dwana huma hawn mogħtija struzzjonijiet, skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament (UE) 2016/1036 (5) sabiex jieħdu l-passi xierqa biex jirreġistraw l-importazzjonijiet fl-Unjoni ta' prodotti ċatti ta' azzar illigat jew mhux (bl-esklużjoni tal-azzar inossidabbli, azzar tas-siliċju-elettriku, azzar tal-għodda u azzar għal veloċità għolja), b'laminazzjoni termali, mhux miksijin, indurati jew mgħottijin, mhux f'kolji, bi ħxuna ta' aktar minn 10 mm u wisa' ta' 600 mm jew aktar jew bi ħxuna ta' 4,75 mm jew aktar iżda mhux aktar minn 10 mm u wisa' ta' 2 050 mm jew aktar, li fil-preżent jaqgħu fi ħdan il-kodiċijiet NM ex 7208 51 20, ex 7208 51 91, ex 7208 51 98, 7208 52 91, ex 7208 90 20, ex 7208 90 80, 7225 40 40, ex 7225 40 60 u ex 7225 99 00 (il-kodiċijiet TARIC: 7208512010, 7208519110, 7208519810, 7208529110, 7208902010, 7208908020, 7225406010, 7225990030) u li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.

Ir-reġistrazzjoni għandha tiskadi disa' xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

2.   Il-partijiet interessati kollha huma mistiedna jippreżentaw il-fehmiet tagħhom bil-miktub, biex jipprovdu evidenza ta' sostenn jew jitolbu li jinstemgħu fi żmien 20 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta' Awwissu 2016.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21

(2)  ĠU C 58, 13.2.2016, p. 20.

(3)  ĠU C 58, 13.2.2016, p. 20 (it-Taqsima 3 tan-notifika ta' bidu).

(4)  Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta' dik id-dejta (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.).

(5)  Ir-Regolament (UE) 2016/1036 tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21).