16.12.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 342/1


DIRETTIVA TAL-KUNSILL (UE) 2016/2258

tas-6 ta' Diċembru 2016

li temenda d-Direttiva 2011/16/UE fir-rigward tal-aċċess mill-awtoritajiet tat-taxxa għal informazzjoni dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u b'mod partikolari l-Artikoli 113 u 115 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),

Filwaqt li jaġixxi skont proċedura leġislattiva speċjali,

Billi:

(1)

Id-Direttiva tal-Kunsill 2014/107/UE (3), li temenda d-Direttiva 2011/16/UE (4), tapplika mill-1 ta' Jannar 2016 għal 27 Stat Membru u mill-1 ta' Jannar 2017 għall-Awstrija. Dik id-Direttiva timplimenta l-Istandard globali għall-Iskambju Awtomatiku ta' Informazzjoni dwar Kontijiet Finanzjarji fi Kwistjonijiet tat-Taxxa fl-Unjoni u b'dan il-mod tiżgura li informazzjoni dwar Detenturi ta' Kontijiet Finanzjarji tiġi rapportata lill-Istat Membru fejn id-Detentur tal-Kontijiet ikun residenti.

(2)

Id-Direttiva 2011/16/UE tistipula li, fejn id-Detentur ta' Kont ikun struttura intermedjarja, l-Istituzzjonijiet Finanzjarji għandhom jinvestigaw dik l-istruttura, u jidentifikaw u jirrapportaw dwar is-sidien benefiċjarji tagħha. Dak l-element importanti fl-applikazzjoni ta' dik id-Direttiva jibbaża ruħu fuq informazzjoni dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus (“AML”) miksuba bis-saħħa tad-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) għall-identifikazzjoni tas-sidien benefiċjarji.

(3)

Biex jiġi żgurat il-monitoraġġ effettiv tal-applikazzjoni minn Istituzzjonijiet Finanzjarji tal-proċeduri ta' diliġenza dovuta stabbiliti fid-Direttiva 2011/16/UE, l-awtoritajiet tat-taxxa jeħtieġu li jkollhom aċċess għall-informazzjoni dwar l-AML. Fin-nuqqas ta' tali aċċess, dawk l-awtoritajiet ma jkunux jistgħu jimmonitorjaw, jikkonfermaw u jikkontrollaw li l-Istituzzjonijiet Finanzjarji jkunu qed japplikaw tajjeb id-Direttiva 2011/16/UE billi jidentifikaw b'mod korrett u jirrapportaw dwar is-sidien benefiċjarji ta' strutturi intermedjarji.

(4)

Id-Direttiva 2011/16/UE tinkludi skambji ta' informazzjoni u forom ta' kooperazzjoni amministrattiva oħrajn bejn l-Istati Membri. L-aċċess għall-informazzjoni dwar l-AML miżmuma mill-entitajiet bis-saħħa tad-Direttiva (UE) 2015/849 fil-qafas tal-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni jiżgura li l-awtoritajiet tat-taxxa ikunu f'pożizzjoni aħjar biex jonoraw l-obbligi tagħhom taħt id-Direttiva 2011/16/UE u biex jikkumbattu l-evażjoni u l-frodi tat-taxxa b'mod aktar effettiv.

(5)

Huwa għalhekk meħtieġ li jiġi żgurat li l-awtoritajiet tat-taxxa jkunu jistgħu jkollhom aċċess għall-informazzjoni, il-proċeduri, id-dokumenti u l-mekkaniżmi dwar l-AML sabiex iwettqu dmirijiethom fil-monitoraġġ tal-applikazzjoni korretta tad-Direttiva 2011/16/UE u għall-funzjonament ta' kull forma ta' kooperazzjoni amministrattiva prevista f'dik id-Direttiva.

(6)

Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Fejn din id-Direttiva tirrikjedi li l-aċċess għad-data personali minn awtoritajiet tat-taxxa jiġi pprovdut bil-liġi, dan mhux neċessarjament jirrikjedi att tal-Parlament, mingħajr preġudizzju għall-ordni kostituzzjonali tal-Istat Membru kkonċernat. Madankollu, tali liġi għandha tkun ċara u preċiża, u l-applikazzjoni tagħha għandha tkun ċara u prevedibbli għall-persuni soġġetti għaliha, skont il-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

(7)

Billi l-objettiv ta' din id-Direttiva, jiġifieri l-kooperazzjoni amministrattiva effiċjenti bejn l-Istati Membri u l-monitoraġġ effettiv tagħha taħt kondizzjonijiet kompatibbli mal-funzjonament tajjeb tas-suq intern, ma jistax jinkiseb b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jista', minħabba l-uniformità u l-effikaċja meħtieġa, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, konformement mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Konformement mal-prinċipju ta' proporzjonalità kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-objettiv.

(8)

Il-proċeduri ta' diliġenza dovuta tal-konsumatur imwettqa minn Istituzzjonijiet Finanzjarji taħt id-Direttiva 2011/16/UE diġà bdew, u l-ewwel skambji ta' informazzjoni għandhom jiġu ffinalizzati sa Settembru 2017. Għalhekk, sabiex jiġi żgurat li l-monitoraġġ effettiv tal-applikazzjoni ta' dik id-Direttiva isir mingħajr dewmien, din id-Direttiva emendatorja għandha tidħol fis-seħħ u tiġi trasposta kemm jista' jkun malajr u mhux aktar tard mill-1 ta' Jannar 2018.

(9)

Id-Direttiva 2011/16/UE għandha għalhekk tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 22 tad-Direttiva 2011/16/UE, jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“(1a)   Għall-finijiet tal-implimentazzjoni u l-infurzar tal-liġijiet tal-Istati Membri li jagħtu effett lil din id-Direttiva u sabiex jiġi żgurat il-funzjonament tal-kooperazzjoni amministrattiva li din tistabbilixxi, l-Istati Membri għandhom jipprevedu bil-liġi l-aċċess mill-awtoritajiet tat-taxxa għall-mekkaniżmi, il-proċeduri, id-dokumenti u l-informazzjoni msemmija fl-Artikoli 13, 30, 31 u 40 tad-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1).

Artikolu 2

1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2017, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex ikun hemm konformità ma' din id-Direttiva. Huma għandhom jinfurmaw minnufih lill-Kummissjoni b'dan.

Għandhom japplikaw dawk il-miżuri mill-1 ta' Jannar 2018.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, dawn għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi kif issir tali referenza għandhom jiġu stabbiliti mill--Istati Membri.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tal-miżuri prinċipali tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, is-6 ta' Diċembru 2016.

Għall-Kunsill

Il-President

P. KAŽIMÍR


(1)  Opinjoni tat-22 ta' Novembru 2016 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Opinjoni tad-19 ta' Ottubru 2016 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(3)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2014/107/UE tad-9 ta' Diċembru 2014 li temenda d-Direttiva 2011/16/UE fir-rigward tal-iskambju awtomatiku obbligatorju ta' informazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni (ĠU L 359, 16.12.2014, p. 1).

(4)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE tal-15 ta' Frar 2011 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni u li tħassar id-Direttiva 77/799/KEE (ĠU L 64, 11.3.2011, p. 1).

(5)  Id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (ĠU L 141, 5.6.2015, p. 73).