2.12.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 327/1


DIRETTIVA (UE) 2016/2102 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-26 ta' Ottubru 2016

dwar l-aċċessibbiltà tas-siti elettroniċi u tal-applikazzjonijiet mobbli tal-korpi tas-settur pubbliku

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 114(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Ix-xejra lejn soċjetà diġitali tagħti lill-utenti mezzi ġodda biex jaċċessaw l-informazzjoni u s-servizzi. Il-fornituri ta' informazzjoni u ta' servizzi, bħall-korpi tas-settur pubbliku, jiddependu dejjem iktar mill-internet sabiex jipproduċu, jiġbru u jipprovdu firxa wiesgħa ta' informazzjoni u servizzi elettroniċi, li huma essenzjali għall-pubbliku.

(2)

Fil-kuntest ta' din id-Direttiva, l-aċċessibbiltà għandha tinftiehem bħala l-prinċipji u t-tekniki li għandhom jiġu osservati waqt id-disinn, il-kostruzzjoni, iż-żamma u l-aġġornament ta' siti elettroniċi u ta' applikazzjonijiet mobbli sabiex dawn isiru aktar aċċessibbli għall-utenti, b'mod partikolari persuni b'diżabilità.

(3)

Is-suq li qed jikber b'ritmu mgħaġġel biex jagħmel il-prodotti u s-servizzi diġitali aktar aċċessibbli jinkludi firxa ta' operaturi ekonomiċi, bħal dawk li jiżviluppaw siti elettroniċi jew għodod tas-software biex joħolqu, jiġġestixxu u jittestjaw paġni fuq l-internet jew applikazzjonijiet mobbli, dawk li jiżviluppaw aġenti għall-utenti bħal browsers tal-internet u teknoloġiji relatati ta' assistenza, dawk li jimplimentaw servizzi ta' ċertifikazzjoni u dawk li jipprovdu taħriġ.

(4)

Kif issottolinjat fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' Mejju 2010 intitolata “Aġenda Diġitali għall-Ewropa”, l-awtoritajiet pubbliċi għandhom jagħtu sehemhom fil-promozzjoni tas-swieq għall-kontenut online. Il-gvernijiet jistgħu jistimulaw is-swieq tal-kontenut billi jrendu l-informazzjoni tas-settur pubbliku disponibbli f'termini trasparenti, effikaċi u nondiskriminatorji. Dan huwa sors importanti ta' tkabbir potenzjali ta' servizzi online innovattivi.

(5)

Diversi Stati Membri adottaw miżuri msejsa fuq linji gwida użati internazzjonalment għad-disinn ta' siti elettroniċi aċċessibbli, iżda dawk il-miżuri ta' sikwit jirreferu għal verżjonijiet differenti jew għal livelli differenti ta' konformità ma' dawk l-istess linji gwida, jew introduċew differenzi tekniċi fir-rigward ta' siti elettroniċi aċċessibbli fil-livell nazzjonali.

(6)

Il-fornituri ta' siti elettroniċi aċċessibbli, applikazzjonijiet mobbli, u software u teknoloġiji relatati jinkludu għadd kbir ta' intrapriżi żgħar u medji (SMEs). Tali fornituri, u l-SMEs b'mod partikolari, huma skoraġġuti milli jidħlu fi proġetti ta' negozji 'l barra mis-swieq nazzjonali tagħhom. Minħabba fid-differenzi bejn l-Istati Membri fl-ispeċifikazzjonijiet u r-regolamenti tal-aċċessibbiltà, il-kompetittività u t-tkabbir tal-fornituri jixxekklu mill-kostijiet addizzjonali li jkunu jġarrbu fl-iżvilupp u fil-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti u servizzi marbutin mal-aċċessibbiltà ta' siti elettroniċi transkonfinali.

(7)

Minħabba kompetizzjoni limitata, ix-xerrejja ta' siti elettroniċi, applikazzjonijiet mobbli u prodotti u servizzi relatati jħabbtu wiċċhom ma' prezzijiet għoljin fl-għoti ta' servizzi, jew ma' dipendenza minn fornitur wieħed. Il-fornituri spiss jiffavorixxu varjazzjonijiet ta' “standards” proprjetarji, fatt li jfixkel il-possibbiltà ta' firxa usa' fil-futur għall-interoperabbiltà ta' aġenti għall-utenti kif ukoll l-aċċess mal-Unjoni kollha għall-kontenut ta' siti elettroniċi u l-applikazzjonijiet mobbli. Il-frammentazzjoni fost ir-regolamenti nazzjonali tnaqqas il-benefiċċji li jistgħu jirriżultaw mill-kondiviżjoni ta' esperjenzi ma' pari nazzjonali u internazzjonali fir-risposta tagħhom għall-iżviluppi soċjetali u teknoloġiċi.

(8)

F'qafas armonizzat, l-industrija tad-disinn u l-iżvilupp ta' siti elettroniċi u applikazzjonijiet mobbli għandha tħabbat wiċċha ma' inqas ostakli biex topera fis-suq intern, waqt li l-ispejjeż għall-korpi tas-settur pubbliku u oħrajn li jipprokuraw prodotti u servizzi relatati mal-aċċessibbiltà ta' siti elettroniċi u applikazzjonijiet mobbli għandhom jonqsu.

(9)

Din id-Direttiva timmira li tiżgura li s-siti elettroniċi u applikazzjonijiet mobbli ta' korpi tas-settur pubbliku jsiru aktar aċċessibbli fuq il-bażi ta' rekwiżiti komuni ta' aċċessibbiltà. Biex tintemm il-frammentazzjoni tas-suq intern, jeħtieġ li jitqarrbu l-miżuri nazzjonali fuq il-livell tal-Unjoni, abbażi ta' rekwiżiti ta' aċċessibbiltà miftehma għas-siti elettroniċi u l-applikazzjonijiet mobbli tal-korpi tas-settur pubbliku. Dan inaqqas l-inċertezza għall-iżviluppaturi u jrawwem l-interoperabbiltà. L-użu ta' rekwiżiti ta' aċċessibbiltà li jkunu teknoloġikament newtrali mhux ser ifixkel l-innovazzjoni, u jista' saħansitra jistimulaha.

(10)

L-approssimazzjoni ta' miżuri nazzjonali għandha tippermetti wkoll lill-korpi tas-settur pubbliku u lill-intrapriżi tal-Unjoni jiksbu benefiċċji ekonomiċi u soċjali mit-twessigħ tal-għoti ta' servizzi online jew mobbli biex jiġu inklużi aktar ċittadini u konsumaturi. Dan għandu jżid il-potenzjal tas-suq intern għal prodotti u servizzi marbutin mal-aċċessibbiltà tas-siti elettroniċi u l-applikazzjonijiet mobbli. It-tkabbir tas-suq li jirriżulta minn dan għandu jippermetti lill-impriżi jikkontribwixxu lejn it-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi u fi ħdan l-Unjoni. It-tisħiħ tas-suq intern għandu jagħmel l-investiment fl-Unjoni aktar attraenti. Il-korpi tas-settur pubbliku jibbenefikaw minn forniment orħos ta' prodotti u servizzi tal-internet marbutin mal-aċċessibbiltà.

(11)

Iċ-ċittadini jgawdu minn aċċess usa' għal servizzi tas-settur pubbliku permezz ta' siti elettroniċi u applikazzjonijiet mobbli u jirċievu servizzi u informazzjoni li jiffaċilitaw il-ħajjiet tagħhom ta' kuljum u t-tgawdija tad-drittijiet tagħhom fl-Unjoni kollha, b'mod partikolari d-dritt tagħhom li jiċċaqalqu u jgħixu bil-libertà kollha fit-territorju tal-Unjoni, u l-libertà ta' stabbiliment tagħhom u l-libertà tagħhom li jipprovdu servizzi.

(12)

Billi rratifikaw u kkonkludew rispettivament il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità, adottata fit-13 ta' Diċembru 2006 (“il-Konvenzjoni tan-NU”), il-maġġoranza tal-Istati Membri u l-Unjoni impenjaw ruħhom li jieħdu miżuri xierqa biex jiżguraw l-aċċess għall-persuni b'diżabilità, fuq bażi ugwali ma' persuni oħra, fost affarijiet oħra, għat-teknoloġiji u s-sistemi tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni, biex jiżviluppaw, ixandru u jissorveljaw l-implimentazzjoni ta' standards minimi u ta' linji gwida għall-aċċessibbiltà ta' faċilitajiet u servizzi miftuħa jew mogħtija lill-pubbliku, u biex jippromwovu aċċess għall-persuni b'diżabilità għal teknoloġiji u sistemi ġodda tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni, inkluż l-internet, u impenjaw rwieħhom li jżommu lura milli jinvolvu ruħhom fi kwalunkwe att jew prattika li huwa inkonsistenti ma' dik il-Konvenzjoni u li jiżguraw l-awtoritajiet u l-instituzzjonijiet li jaġixxu f'konformità magħha. Il-Konvenzjoni tan-NU tistipula wkoll li d-disinn ta' prodotti, ambjenti, programmi u servizzi għandu jippermetti l-użu tagħhom mill-persuni kollha, sal-iktar punt possibbli, mingħajr il-bżonn għal adattament jew disinn speċjalizzat. Tali “disinn universali” m'għandux jeskludi apparat ta' assistenza għal gruppi partikolari ta' persuni b'diżabilità, meta dan ikun meħtieġ. Skont il-Konvenzjoni tan-NU, il-persuni b'diżabilità jinkludu dawk li għandhom limitazzjonijiet fiżiċi, mentali, intellettwali jew sensorjali fit-tul li jistgħu, flimkien ma' ostakoli oħra, ixekklu l-parteċipazzjoni sħiħa u effettiva tagħhom fis-soċjetà fuq bażi ugwali mal-oħrajn.

(13)

Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta' Novembru 2010 intitolata “Strateġija Ewropea tad-Diżabilità 2010-2020: Impenn għal Ewropa mingħajr Ostakli” tibni fuq il-Konvenzjoni tan-UN u għandha l-għan li telimina l-ostakli li jipprevjenu persuni b'diżabilità milli jipparteċipaw fis-soċjetà fuq bażi ugwali. Din tistabbilixxi azzjonijiet li għandhom jittieħdu f'diversi oqsma ta' prijorità, inkluża l-aċċessibbiltà għat-teknoloġiji u s-sistemi tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni u l-għan tagħha li tiġi żgurata l-aċċessibbiltà għall-prodotti, għas-servizzi (inklużi s-servizzi pubbliċi) u t-tagħmir ta' assistenza għall-persuni b'diżabilità.

(14)

Ir-Regolamenti (UE) Nru 1303/2013 (3) u (UE) Nru 1304/2013 (4) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jinkludu dispożizzjonijiet dwar l-aċċessibbiltà inkluż għat-Teknoloġija tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni (ICT). Madankollu, dawn ma jindirizzax l-ispeċifiċitajiet tal-aċċessibbiltà tas-siti elettroniċi jew ta' applikazzjonijiet mobbli.

(15)

Orizzont 2020 — Il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 1291/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), jappoġġa r-riċerka dwar, u l-iżvilupp ta', soluzzjonijiet teknoloġiċi għall-problemi tal-aċċessibbiltà.

(16)

Fil-komunikazzjoni tagħha tal-15 ta' Diċembru 2010 intitolata “Il-Pjan ta' Azzjoni Ewropew dwar il-gvern elettroniku 2011-2015 — L-użu tal-ICT għall-promozzjoni ta' gvern intelliġenti, sostenibbli u innovattiv”, il-Kummissjoni sejħet għal azzjoni biex jiġu żviluppati servizzi ta' gvern elettroniku li jiżguraw l-inklużività u l-aċċessibbiltà. Dan jinkludi miżuri biex titnaqqas id-differenza fl-użu tal-ICT u jiġi promoss l-użu tal-ICT biex tingħeleb l-esklużjoni, u b'hekk ikun żgurat li l-utenti kollha jkunu kapaċi jagħmlu l-aħjar użu mill-opportunitajiet ippreżentati. Fil-komunikazzjoni tagħha tad-19 ta' April 2016 intitolata “Il-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar il-gvern elettroniku 2016-2020 — L-aċċellerazzjoni tat-trasformazzjoni diġitali tal-gvern”, il-Kummissjoni ttenni l-importanza tal-inklussività u l-aċċessibbiltà.

(17)

Fl-Aġenda Diġitali għall-Ewropa, il-Kummissjoni ħabbret li s-siti elettroniċi tas-settur pubbliku għandhom ikunu aċċessibbli bis-sħiħ sal-2015, biex b'hekk tiġi riflessa d-Dikjarazzjoni Ministerjali ta' Riga tal-11 ta' Ġunju 2006.

(18)

Fl-Aġenda Diġitali għall-Ewropa, il-Kummissjoni enfasizzat li jeħtieġu azzjonijiet miftiehma biex jiġi żgurat li l-kontenut elettroniku ġdid kien disponibbli bis-sħiħ għall-persuni b'diżabilità, sabiex jipprovdi lill-Ewropej bi kwalità tal-ħajja aħjar permezz ta', pereżempju, aċċess eħfef għas-servizzi pubbliċi u l-kontenut kulturali. Hija ħeġġet ukoll il-faċilitazzjoni tal-Memorandum ta' Qbil dwar l-aċċess diġitali għall-persuni b'diżabilità.

(19)

Il-kontenut ta' siti elettroniċi u ta' applikazzjonijiet mobbli jinkludi informazzjoni testwali kif ukoll dak mhux testwali, dokumenti u formoli li jistgħu jitniżżlu, u interazzjoni f'żewġ direzzjonijiet bħall-ipproċessar ta' formoli diġitali u t-twettiq ta' proċessi ta' awtentikazzjoni, identifikazzjoni u ħlas.

(20)

Ir-rekwiżiti ta' aċċessibbiltà stipulati f'din id-Direttiva m'għandhomx japplikaw għal kontenut li jinsab esklussivament fuq apparat mobbli, jew għal aġenti għall-utenti għal apparat mobbli, li huwa żviluppat għal gruppi magħluqin ta' utenti jew għal użu speċifiku f'ċerti ambjenti u li mhumiex disponibbli għal jew użati minn partijiet kbar tal-pubbliku.

(21)

Din id-Direttiva hi mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) u b'mod partikolari l-Artikolu 42 tagħha, u d-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) u b'mod partikolari l-Artikolu 60 tagħha, li jirrikjedu li l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-akkwisti kollha li huma maħsubin għall-użu minn persuni fiżiċi, kemm jekk il-pubbliku ġenerali kif ukoll jekk il-persunal ta' awtorità kontraenti, għandhom, minbarra f'każijiet debitament ġustifikati, jitfasslu b'mod li jieħdu kont tal-kriterji ta' aċċessibbiltà għal persuni b'diżabbiltà jew ta' disinn għall-utenti kollha.

(22)

Minħabba fin-nuqqas ta' mezzi awtomatizzati jew effiċjenti u faċli biex jiġu implimentati biex ċerti tipi ta' kontenut pubblikat ikun aċċessibbli, u sabiex jiġi limitat il-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva għal kontenut ta' siti elettroniċi u l-applikazzjonijiet mobbli effettivament taħt il-kontroll ta' korpi tas-settur pubbliku, din id-Direttiva tipprovdi l-esklużjoni temporanja jew permanenti mill-kamp ta' applikazzjoni tagħha ta' xi tipi ta' kontenut ta' siti elettroniċi jew applikazzjonijiet mobbli. Dawk l-esklużjonijiet għandhom jiġu ikkunsidrati mill-ġdid fil-kuntest tar-rieżami ta' din id-Direttiva, fid-dawl ta' avvanzi teknoloġiċi futuri.

(23)

Id-dritt tal-persuni b'diżabilità u tal-anzjani li jipparteċipaw u jiġu integrati fil-ħajja soċjali u kulturali tal-Unjoni huwa marbut b'mod li ma jistax jinfired mal-provvista ta' servizzi tal-media awdjoviżiva aċċessibbli. Madankollu, dak id-dritt jista' jkun żviluppat aħjar fil-kuntest ta' leġiżlazzjoni tal-Unjoni speċifika għas-settur jew leġiżlazzjoni tal-Unjoni li tiffoka fuq l-aċċessibbiltà li tapplika wkoll għal xandara privati sabiex jiġu garantiti kondizzjonijiet ta' kompetizzjoni ġusta mingħajr preġudizzju għar-rwol tal-interess pubbliku mwettaq mis-servizzi tal-media awdjoviżiva. Din id-Direttiva għalhekk m'għandhiex tapplika għal siti elettroniċi u applikazzjonijiet mobbli tax-xandara tas-servizz pubbliku.

(24)

Xejn f'din id-Direttiva mhuwa maħsub biex jirrestrinġi l-libertà tal-espressjoni u l-libertà u l-pluraliżmu tal-media kif inhuma garantiti fl-Unjoni u fl-Istati Membri, b'mod partikolari skont l-Artikolu 11 tal-Karta tad-Drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea (“il-Karta”).

(25)

Xi organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs), li huma korpi awtonomi volontarji stabbiliti biex jintlaħqu objettivi essenzjalment mingħajr skop ta' qligħ, jipprovdu servizzi li mhumiex essenzjali għall-pubbliku, bħal servizzi li mhumiex direttament inkarigati minn awtoritajiet tal-Istat, reġjonali jew lokali, jew servizzi li ma jindirizzawx speċifikament il-bżonnijiet ta' persuni b'diżabilità b'mod partikolari, u jistgħu jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva. Sabiex tiġi evitata l-impożizzjoni ta' piż sproporzjonat fuq tali NGOs, din id-Direttiva m'għandhiex tapplika għalihom.

(26)

Fajls fil-format tal-uffiċċju għandhom jinftiehmu bħala dokumenti li mhumiex intenzjonati primarjament għall-użu fuq l-internet u li huma inklużi f'paġni fuq l-internet, bħal l-Adobe Portable Document Format (PDF), dokumenti tal-Microsoft Office jew l-ekwivalenti tagħhom (sors miftuħ).

(27)

Media temporali live li jinżammu online jew li jiġu ppubblikati mill-ġdid wara x-xandira live għandhom jitqiesu bħala media temporali rrekordjata minn qabel mingħajr dewmien żejjed mid-data tal-ewwel xandira jew il-pubblikazzjoni mill-ġdid tal-media temporali, mingħajr ma jaqbżu l-ħin strettament meħtieġ biex il-media temporali ikunu aċċessibbli bi prijorità tingħata lil informazzjoni essenzjali dwar is-saħħa, il-benesseri u s-sigurtà tal-pubbliku. Dak il-perijodu ta' żmien meħtieġ fil-prinċipju m'għandux ikun itwal minn 14-il jum. F'każijiet iġġustifikati, bħal pereżempju meta jkun impossibbli li jipprokuraw is-servizzi rilevanti fi żmien dovut, dak il-perijodu jista' eċċezzjonalment jiġi estiż għall-inqas ħin meħtieġ sabiex il-kontenut isir aċċessibbli.

(28)

Din id-Direttiva, filwaqt li tinkoraġġixxi lill-korpi tas-settur pubbliku biex jagħmlu l-kontenut kollu aċċessibbli, mhijiex maħsuba li tillimita l-kontenut li l-korpi tas-settur pubbliku jqiegħdu fuq is-siti elettroniċi tagħhom jew fl-applikazzjonijiet mobbli tagħhom għal kontenut aċċessibbli biss. Kull meta jiżdied il-kontenut mhux aċċessibbli, il-korpi tas-settur pubbliku għandhom, sa fejn ikun raġonevolment possibbli, iżidu alternattivi aċċessibbli fuq is-siti tal-internet tagħhom jew fl-applikazzjonijiet mobbli tagħhom.

(29)

Meta l-mapep ikunu maħsuba għan-navigazzjoni, kif distinta minn deskrizzjoni ġeografika, informazzjoni aċċessibbli tista' tkun meħtieġa biex tgħin lill-persuni li ma jistgħux jużaw sew informazzjoni viżiva jew funzjonalitajiet kumplessi ta' navigazzjoni, pereżempju biex isibu bini jew żoni fejn jiġu pprovduti s-servizzi. Għalhekk għandha tiġi pprovduta alternattiva aċċessibbli, bħal indirizzi postali u waqfiet tat-trasport pubbliku fil-qrib, jew l-ismijiet ta' postijiet jew reġjuni li ta' spiss huma diġà disponibbli għall-korp tas-settur pubbliku f'forma li tkun sempliċi u leġibbli għall-kotra l-kbira ta' utenti.

(30)

Kontenut inkorporat, bħal immaġini jew vidjos inkorporati, għandu jkun kopert minn din id-Direttiva. Madankollu, xi kultant jinħolqu siti elettroniċi u applikazzjonijiet mobbli li fihom kontenut addizzjonali jista' jiżdied sussegwentement, pereżempju programm tal-email, blog, artikolu li jippermetti lill-utenti jżidu l-kummenti, jew applikazzjonijiet li jappoġġaw kontenut ikkontribwit mill-utent. Eżempju ieħor huwa paġna, bħal portal jew sit tal-aħbarijiet, magħmul minn kontenut miġbur minn kontributuri multipli, jew siti li awtomatikament idaħħlu kontenut minn sorsi oħra matul iż-żmien, bħal meta jiddaħħlu reklami b'mod dinamiku. Tali kontenut ta' parti terza, dment li la huwa ffinanzjat u lanqas żviluppat minn korp tas-settur pubbliku kkonċernat u lanqas mhu taħt il-kontroll tiegħu, għandu jkun eskluż mill-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva. Dan il-kontenut, fil-prinċipju, m'għandux jintuża jekk ifixkel jew inaqqas il-funzjonalità tas-servizz pubbliku offrut fis-sit tal-internet jew l-applikazzjoni mobbli kkonċernati. Fejn l-għan tal-kontenut ta' siti elettroniċi jew applikazzjonijiet mobbli ta' korpi tas-settur pubbliku, huwa li jagħmlu konsultazzjonijiet jew li jorganizzaw forum ta' diskussjonijiet, dak il-kontenut ma jistax jitqies bħala kontenut ta' parti terza u għalhekk għandu jkun aċċessibbli, ħlief fil-każ ta' kontenut ikkontribwit mill-utenti mhux fil-kontroll tal-korp tas-settur pubbliku kkonċernat.

(31)

Xi rekwiżiti tal-aċċessibbiltà għas-siti elettroniċi jew l-applikazzjonijiet mobbli xorta għandhom jiġu rispettati fir-rigward tal-metadata marbuta mal-produzzjoni mill-ġdid tal-oġġetti ta' kollezzjonijiet patrimonjali.

(32)

Din id-Direttiva m'għandhiex tirrikjedi li l-Istati Membri jagħmlu l-kontenut ta' siti elettroniċi jew applikazzjonijiet mobbli arkivjati aċċessibbli jekk dan ma jiġix iktar aġġornat jew rivedut u jekk ma jkunx meħtieġ għat-twettiq ta' proċessi amministrattivi. Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, manutenzjoni purament teknika m'għandhiex titqies li tikkostitwixxi aġġornar jew editjar ta' sit elettroniku jew applikazzjoni mobbli.

(33)

Funzjonijiet amministrattivi online essenzjali ta' skejjel, kindergartens jew skejjel tat-trabi għandhom ikunu aċċessibbli. Meta dak il-kontenut essenzjali jkun provdut b'mod aċċessibbli minn sit elettroniku ieħor, ma jeħtieġx li jkun aċċessibbli mill-ġdid fuq is-sit elettroniku tal-istabbiliment ikkonċernat.

(34)

L-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jestendu l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva għal tipi oħra ta' siti elettroniċi u applikazzjonijiet mobbli, b'mod partikolari siti tal-intranet jew tal-extranet u applikazzjonijiet mobbli mhux koperti minn din id-Direttiva li huma ddisinjati u użati minn numru limitat ta' persuni fuq il-post tax-xogħol jew fl-edukazzjoni, u li jżommu jew jintroduċu miżuri f'konformità mal-liġi tal-Unjoni li jmorru lil hinn mir-rekwiżiti minimi għall-aċċessibbiltà ta' siti elettroniċi u applikazzjonijiet mobbli. L-Istati Membri għandhom ukoll jiġu mħeġġa jwessgħu l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva għal entitajiet privati li joffru faċilitajiet u servizzi li huma miftuħa jew provduti lill-pubbliku, inkluż fl-oqsma tal-kura tas-saħħa, l-indukrar tat-tfal, l-inklużjoni soċjali u tas-sigurtà soċjali, kif ukoll fis-settur tat-trasport u tal-elettriku, gass, sħana, ilma, il-komunikazzjoni elettronika u s-servizzi postali, b'attenzjoni partikolari tingħata għal dawk is-servizzi msemmija fl-Artikoli 8 sa 13 tad-Direttiva 2014/25/UE.

(35)

Minkejja li din id-Direttiva ma tapplikax għal siti elettroniċi u applikazzjonijiet mobbli ta' istituzzjonijiet tal-Unjoni, dawk l-istituzzjonijiet huma mħeġġa jkunu konformi mar-rekwiżiti tal-aċċessibbiltà stipulati f'din id-Direttiva.

(36)

Ir-rekwiżiti ta' aċċessibbiltà stipulati f'din id-Direttiva huma intiżi bħala teknoloġikament newtrali. Huma jiddeskrivu dak li għandu jinkiseb sabiex l-utent ikun jista' jipperċipixxi, jopera, jinterpreta u jifhem sit elettroniku, applikazzjoni mobbli u kontenut relatat. Dawn ma jispeċifikawx liema teknoloġija għandha tintgħażel għal sit elettroniku, informazzjoni online jew applikazzjoni mobbli partikolari. Minnhom infushom, dawn ma jfixklux l-innovazzjoni.

(37)

L-erba' prinċipji ta' aċċessibbiltà huma: il-perċezzjoni, jiġifieri li l-komponenti tal-interfaċċa mal-informazzjoni u l-utent għandhom ikunu preżentabbli għall-utenti f'diversi modi li jistgħu jipperċepixxu; l-operabbiltà, jiġifieri li l-komponenti tal-interfaċċa mal-utenti u n-navigazzjoni għandhom ikunu operabbli; il-fehim, jiġifieri li l-informazzjoni u t-tħaddim ta' interfaċċa tal-utent għandhom ikunu faċli biex jinftiehmu; u s-saħħa, jiġifieri li l-kontenut għandu jkun b'saħħtu biżżejjed li jkun jista' jiġi interpretat b'mod affidabbli permezz ta' varjetà wiesgħa ta' aġenti għall-utenti, inklużi teknoloġiji assistivi. Dawk il-prinċipji ta' aċċessibbiltà huma tradotti fi kriterji ta' suċċess li jistgħu jiġu ttestjati bħal dawk li jifformaw il-bażi tal-Istandard Ewropew EN 301 549 V1.1.2 “Rekwiżiti ta' aċċessibbiltà adatti għax-xiri pubbliku ta' prodotti u servizzi tal-ICT fl-Ewropa” (2015-04) (Standard Ewropew EN 301 549 V1.1.2 (2015-04)), permezz ta' standards armonizzati u metodoloġija komuni sabiex tiġi ttestjata l-konformità tal-kontenut fuq is-siti elettroniċi u l-applikazzjonijiet mobbli għal dawk il-prinċipji. Dak l-istandard Ewropew ġie adottat fuq il-bażi tal-mandat M/376 mogħti mill-Kummissjoni lill-organizzazzjonijiet Ewropej għall-istandardizzazzjoni. Sakemm ir-referenzi tal-istandards armonizzati, jew ta' partijiet minnhom, jiġu ppubblikati, f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, il-klawżoli rilevanti tal-Istandard Ewropew EN 301 549 V1.1.2 (2015-04) għandhom jiġu kkunsidrati bħala l-mezzi minimi għall-applikazzjoni ta' dawn il-prinċipji.

(38)

Jekk ir-rekwiżiti ta' aċċessibbiltà mniżżla f'din id-Direttiva mhumiex applikabbli, f'konformità mad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE (8), il-Konvenzjoni tan-NU u leġiżlazzjoni rilevanti oħra, ir-rekwiżiti għal “akkomodazzjoni raġonevoli” jibqgħu japplikaw u għandhom jiġu pprovduti fejn meħtieġ, partikolarment fuq il-post tax-xogħol u fl-edukazzjoni.

(39)

Il-korpi tas-settur pubbliku għandhom japplikaw ir-rekwiżiti tal-aċċessibbilità stipulati f'din id-Direttiva sal-punt li dawn ma jimponux piż sproporzjonat fuqhom. Dan ifisser li, f'każijiet ġustifikati, dan jista' ma jkunx raġonevolment possibbli għal korp tas-settur pubbliku li jagħmel kontenut speċifiku kompletament aċċessibbli. Madankollu, dak il-korp tas-settur pubbliku xorta għandu jagħmel dak il-kontenut kemm jista' jkun aċċessibbli u jagħmel kontenut ieħor kompletament aċċessibbli. Eċċezzjonijiet biex jiġu rispettati r-rekwiżiti ta' aċċessibbiltà minħabba piż sproporzjonat li jimponu m'għandhomx imorru lil hinn minn dak li huwa strettament meħtieġ sabiex jillimita dak il-piż fir-rigward tal-kontenut partikolari kkonċernat f'kull każ individwali. Miżuri li jkunu jimponu piż sproporzjonat għandhom jinftiehmu bħala miżuri li jkunu jimponu piż organizzattiv jew finanzjarju eċċessiv fuq korp tas-settur pubbliku, jew li jipperikola l-kapaċità tal-korp biex jew jissodisfa l-għan tiegħu jew jippubblika l-informazzjoni meħtieġa għall-kompiti u s-servizzi tiegħu jew rilevanti għalihom, filwaqt li jitqies il-benefiċċju jew ħsara probabbli li jirriżultaw għaċ-ċittadini, b'mod partikolaru għal persuni b'diżabilità. Huma biss raġunijiet leġittimi li għandhom jiġu kkunsidrati fi kwalunkwe valutazzjoni tal-punt li għalih ir-rekwiżiti ta' aċċessibbiltà ma jistgħux jintlaħqu minħabba li f'dak il-każ dawn ikunu jimponu piż sproporzjonat. Nuqqas ta' prijorità, ħin jew għarfien m'għandhomx jitqiesu bħala raġunijiet leġittimi. Bl-istess mod, m'għandux ikun hemm raġunijiet leġittimi biex ma jiġux akkwistati jew żviluppati sistemi ta' software għall-ġestjoni tal-kontenut fuq siti elettroniċi u applikazzjonijiet mobbli b'mod aċċessibbli, peress li huma disponibbli biżżejjed tekniki u tekniki ta' konsulenza biex dawk is-sistemi jirrispettaw il-ħtiġijiet ta' aċċessibbiltà stipulati f'din id-Direttiva.

(40)

L-interoperabbiltà marbuta mal-aċċessibbiltà għandha timmassimizza l-kompatibbiltà tal-kontenut ma' aġenti għall-utenti attwali u tal-futur u ma' teknoloġiji assistivi. B'mod aktar speċifiku, il-kontenut tas-siti elettroniċi u l-applikazjzonijiet mobbli għandu jipprovdi lill-aġenti għall-utenti b'kodifikazzjoni interna komuni ta' lingwa naturali, strutturi, relazzjonijiet u sekwenzi, kif ukoll bid-data ta' kwalunkwe komponent integrat ta' interfaċċa għall-utenti. Għaldaqstant, l-interoperabbiltà tibbenefika lill-utenti, billi tippermettilhom iħaddmu l-aġenti għall-utenti tagħhom b'mod mifrux biex jaċċessaw siti elettroniċi u applikazzjonijiet mobbli; huma jistgħu jibbenefikaw ukoll minn għażla akbar u prezzijiet imraħħsa fl-Unjoni kollha. L-interoperabbiltà tkun tibbenefika wkoll lill-fornituri u lix-xerrejja tal-prodotti u s-servizzi relatati mal-aċċessibbiltà tas-siti elettroniċi u l-applikazzjonijiet mobbli.

(41)

Din id-Direttiva tistipula rekwiżiti ta' aċċessibbiltà għas-siti elettroniċi u l-applikazzjonijiet mobbli tal-korpi tas-settur pubbliku. Sabiex tiġi ffaċilitata l-konformità ta' tali siti elettroniċi u applikazzjonijiet mobbli ma' dawk ir-rekwiżiti, jeħtieġ li tkun ipprovduta l-preżunzjoni tal-konformità għas-siti elettroniċi u l-applikazzjonijiet mobbli kkonċernati li jilħqu standards armonizzati jew partijiet minnhom imfassla u ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea skont ir-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9), bil-għan li jiġu espressi speċifikazzjonijiet tekniċi fir-rigward ta' dawk ir-rekwiżiti. Skont dan ir-Regolament, l-Istati Membri u l-Parlament Ewropew għandu jkollhom il-possibbiltà li joġġezzjonaw għal kwalunkwe standard armonizzat li, fil-fehma tagħhom, ma jissodisfax bis-sħiħ ir-rekwiżiti ta' aċċessibbiltà stipulati f'din id-Direttiva.

(42)

L-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni adottaw l-istandard Ewropew EN 301 549 V1.1.2 (2015-04), li jispeċifika r-rekwiżiti ta' aċċessibbiltà funzjonali għall-prodotti u s-servizzi tal-ICT, inkluż il-kontenut ta' siti elettroniċi, li jistgħu jintużaw fl-akkwist pubbliku jew għall-appoġġ ta' politiki u leġiżlazzjoni oħra. Il-preżunzjoni tal-konformità mar-rekwiżiti ta' aċċessibbiltà stipulati f'din id-Direttiva għandhom ikunu bbażati fuq il-klawsoli 9, 10 u 11 tal-istandards Ewropej EN 301 549 V1.1.2 (2015-04). L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi adottati abbażi ta' din id-Direttiva għandhom jagħtu aktar dettalji dwar l-istandards Ewropej EN 301 549 V1.1.2 (2015–04) fir-rigward ta' applikazzjonijiet mobbli.

(43)

L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u l-istandards żviluppati fir-rigward tar-regoli dwar l-aċċessibbiltà stipulati f'din id-Direttiva għandhom, barra minn hekk, jieħdu kont tal-ispeċifiċitajiet kunċettwali u tekniki ta' apparat mobbli.

(44)

Għandha tingħata dikjarazzjoni ta' aċċessibbiltà mill-korpi tas-settur pubbliku dwar il-konformità tas-siti elettroniċi tagħhom u applikazzjonijiet mobbli bir-rekwiżiti ta' aċċessibbiltà stabbiliti b'din id-Direttiva. Dik id-dikjarazzjoni ta' aċċessibbiltà għandha tinkludi, fejn adatt, l-alternattivi aċċessibbli previsti.

(45)

L-applikazzjonijiet mobbli huma disponibbli minn sorsi varji, inklużi ħwienet ta' applikazzjonijiet privati. Informazzjoni dwar l-aċċessibbiltà tal-applikazzjonijiet mobbli tal-korpi tas-settur pubbliku mniżżla minn sorsi ta' partijiet terzi, għandhom jiġu pprovduti flimkien mad-deskrizzjoni tal-applikazzjoni mobbli ppreżentata lill-utenti qabel ma jniżżlu l-applikazzjoni mobbli. Din ma tirrikjedix lill-fornituri prinċipali tal-pjattaforma li jbiddlu l-mekkaniżmi tad-distribuzzjoni tal-applikazzjoni tagħhom iżda minflok timponi fuq il-korp tas-settur pubbliku r-rekwiżit li l-istqarrija ta' aċċessibbiltà tkun disponibbli bl-użu ta' teknoloġiji eżistenti jew futuri.

(46)

Għandu jiġi stabbilit mekkaniżmu ta' reazzjoni biex kwalunkwe persuna tkun tista' tinnotifika lill-korp tas-settur pubbliku kkonċernat bi kwalunkwe nuqqas tas-sit elettroniku jew applikazzjoni mobbli li jikkonċerna r-rekwiżiti ta' aċċessibbiltà stiuplati f'din id-Direttiva u biex titlob informazzjoni eskluża. Talbiet ta' informazzjoni ta' din ix-xorta jistgħu jikkonċernaw kontenut li hu eskluż mill-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva jew inkella eżentat mill-konformità mar-rekwiżiti ta' aċċessibbiltà stipulati f'din id-Direttiva, bħal formats ta' fajls tal-uffiċċju, media temporali rrekordjata minn qabel, jew kontenut ta' siti elettroniċi arkivjati. Permezz tal-użu tal-mekkaniżmu ta' reazzjoni marbut ma' proċedura ta' eżekuzzjoni, għandu jkun possibbli għall-utenti ta' siti elettroniċi jew applikazzjonijiet mobbli ta' korpi tas-settur pubbliku li jitolbu li l-informazzjoni meħtieġa, inklużi servizzi u dokumenti. Bħala rispons għal talba leġittima u raġonevoli, il-korp tas-settur pubbliku kkonċernat għandu jipprovdi informazzjoni b'mod adegwat u adatt f'perijodu ta' żmien raġonevoli.

(47)

L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri xierqa biex iqajmu kuxjenza ta' u jippromwovu programmi ta' taħriġ dwar l-internet dwar, l-aċċessibbiltà tas-siti elettroniċi u l-applikazzjonijiet mobbli, għal partijiet interessati rilevanti u b'mod partikolari l-persunal responsabbli għall-aċċessibbiltà tas-siti elettroniċi jew l-applikazzjonijiet mobbli. Il-partijiet interessati rilevanti għandhom jiġu kkonsultati jew involuti fit-tħejjija tal-kontenut tat-taħriġ relatat mal-aċċessibbiltà u l-iskemi ta' sensibilizzazzjoni.

(48)

Huwa importanti li l-Istati Membri, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni, jippromwovu l-użu ta' għodod tal-awtur li jippermettu implimentazzjoni aħjar tar-rekwiżiti tal-aċċessibbiltà li jinsabu f'din id-Direttiva. Tali promozzjoni tista' tieħu forom passivi, bħal pereżempju l-pubblikazzjoni ta' lista ta' għodod tal-awtur kompatibbli mingħajr il-ħtieġa li jintużaw dawn l-għodod, jew forom attivi, bħal pereżempju r-rekwiżit tal-użu ta' għodod tal-awtur kompatibbli jew tal-finanzjament tal-iżvilupp tagħhom.

(49)

Sabiex tkun żgurata l-implimentazzjoni xierqa ta' din id-Direttiva, u b'mod partikolari l-implimentazzjoni tar-regoli ta' konformità mar-rekwiżiti ta' aċċessibbiltà, huwa ta' importanza kbira għall-Kummissjoni u l-Istati Membri li jikkonsultaw mal-partijiet interessati rilevanti fuq bażi regolari. Partijiet interessati rilevanti fis-sens ta' din id-Direttiva għandhom jinftiehmu bħala li jinkludu organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw l-interessi ta' persuni b'diżabbiltà u tal-anzjani, is-sħab soċjali, l-industrija involuta fil-ħolqien ta' software tal-aċċessibbiltà relatat ma' siti elettroniċi u applikazzjonijiet mobbli u s-soċjetà ċivili.

(50)

Il-konformità ma' rekwiżiti ta' aċċessibbiltà stipulati f'din id-Direttiva għandhom jiġu mmonitorjati perjodikament. Metodoloġija armonizzata ta' monitoraġġ tkun tipprovdi għal deskrizzjoni tal-mod ta' verifika, fuq bażi uniformi fl-Istati Membri kollha, tal-grad ta' konformità mar-rekwiżiti ta' aċċessibbiltà, il-ġbir ta' kampjuni rappreżentattivi u l-perjodiċità tal-monitoraġġ. L-Istati Membri għandhom jirrapportaw perjodikament dwar l-eżitu tal-monitoraġġ u mill-inqas darba dwar il-lista ta' miżuri li jkunu ttieħdu fl-applikazzjoni ta' din id-Direttiva.

(51)

Il-metodoloġija tal-monitoraġġ li għandha tiġi stabbilita mill-Kummissjoni għandha tkun trasparenti, trasferibbli, komparabbli u riproduċibbli. Ir-riproduċibbiltà tal-metodoloġija ta' monitoraġġ għandha tiġi massimizzata b'kont meħud tal-fatt li l-fatturi umani, bħall-ittestjar mill-utenti, jistgħu jkollhom influwenza fuq dik ir-riproduċibbiltà. Sabiex tittejjeb il-komparabbiltà tad-data bejn l-Istati Membri, il-metodoloġija ta' monitoraġġ għandha tiddeskrivi l-mod ta' kif ir-riżultati ta' testijiet differenti jridu jiġu jew jistgħu jiġu ppreżentati. Sabiex ir-riżorsi ma jiġux iddevjati mill-kompiti li l-kontenut ikun aktar aċċessibbli, il-metodoloġija tal-monitoraġġ għandha tkun faċli biex tintuża.

(52)

Sabiex ma tiġix imfixkla l-innovazzjoni fir-rigward tal-modi ta' kif titkejjel l-aċċessibbiltà ta' siti elettroniċi u ta' applikazzjonijiet mobbli, u sakemm din ma xxekkilx il-komparabbiltà tad-data madwar l-Unjoni, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jużaw teknoloġiji ta' monitoraġġ aktar avvanzati fuq il-bażi tal-metodoloġija ta' monitoraġġ li għandha tiġi stabbilita mill-Kummissjoni.

(53)

Sabiex jiġi evitat rikors sistematiku għal proċedimenti fil-qorti, għandu jiġi pprovdut id-dritt ta' rikors għal proċedura adegwata u effettiva biex tiġi żgurata l-konformità ma' din id-Direttiva. Dan huwa mingħajr preġudizzju għad-dritt għal rimedju effettiv kif stipulat fl-Artikolu 47 tal-Karta. Dik il-proċedura għandha tinftiehem li tinkludi d-dritt li wieħed iressaq ilmenti quddiem kwalunkwe awtorità nazzjonali kompetenti biex tiddeċiedi dwar dawk l-ilmenti.

(54)

Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni tajba tal-preżunzjoni tal-konformità mar-rekwiżiti ta' aċċessibbiltà stipulati f'din id-Direttiva, is-setgħa li jiġu adottati atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għandha tiġi ddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-emendar ta' din id-Direttiva billi jiġu aġġornati r-referenzi għall-istandard Ewropew EN 301 549 V1.1.2 (2015–04). Huwa ta' importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet adatti matul il-ħidma preparatorja tagħha, inkluż fil-livell tal-esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jitwettqu f'konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (10). B'mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta' atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta' atti delegati.

(55)

Sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet relevanti ta' din id-Direttiva, il-Kummissjoni għandu jingħatawlha setgħat ta' implimentazzjoni. Il-proċedura ta' eżami għandha tintuża sabiex jiġu stabbiliti: speċifikazzjonijiet tekniċi għar-rekwiżiti ta' aċċessibbiltà; il-metodoloġija li għandhom jużaw l-Istati Membri għall-monitoraġġ tal-konformità tas-siti elettroniċi u l-applikazzjonijiet mobbli kkonċernati ma' dawk ir-rekwiżiti; l-arranġamenti għar-rappurtar mill-Istati Membri lill-Kummissjoni dwar l-eżitu tal-monitoraġġ. Il-proċedura konsultattiva għandha tintuża għall-adozzjoni tal-atti ta' implimentazzjoni li jistabbilixxu mudell ta' dikjarazzjoni ta' aċċessibbiltà, li ma għandha ebda impatt fuq in-natura u l-kamp ta' applikazzjoni tal-obbligi li joħorġu minn din id-Direttiva iżda li sservi biex tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni tar-regoli li tistabbilixxi. Dawn is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11).

(56)

Minħabba li l-għan ta' din id-Direttiva, jiġifieri, l-istabbiliment ta' suq armonizzat għall-aċċessibbiltà tas-siti elettroniċi u l-applikazzjonijiet mobbli tal-korpi tas-settur pubbliku, ma jistax jinkiseb b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri, minħabba li jirrikjedi l-armonizzazzjoni ta' regoli differenti li bħalissa jeżistu fis-sistemi legali rispettivi tagħhom, iżda jista' jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jinkiseb dak l-għan,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta' applikazzjoni

1.   Sabiex jitjieb il-funzjonament tas-suq intern, din id-Direttiva għandha l-għan li tqarreb il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri relatati mar-rekwiżiti ta' aċċessibbiltà tas-siti elettroniċi u l-applikazzjonijiet mobbli tal-korpi tas-settur pubbliku, biex b'hekk dawn is-siti elettroniċi u l-applikazzjonijiet mobbli jsiru aktar aċċessibbli għall-utenti, b'mod partikolari għal persuni b'diżabilità.

2.   Din id-Direttiva tistabbilixxi r-regoli li jeħtieġu li l-Istati Membri jiżguraw li s-siti elettroniċi, indipendentement mit-tagħmir użat għal aċċess għalihom, u l-applikazzjonijiet mobbli tal-korpi tas-settur pubbliku jissodisfaw ir-rekwiżiti ta' aċċessibbiltà stipulati fl-Artikolu 4.

3.   Din id-Direttiva ma tapplikax għas-siti elettroniċi u l-applikazzjonijiet mobbli li ġejjin:

(a)

is-siti elettroniċi u l-applikazzjonijiet mobbli tax-xandara tas-servizz pubbliku u tas-sussidjarji tagħhom, u ta' korpi oħrajn jew tas-sussidjarji tagħhom li jissodisfaw il-mandat tax-xandir tas-servizz pubbliku;

(b)

is-siti elettroniċi u l-applikazzjonijiet mobbli ta' NGOs li ma jipprovdux servizzi li huma essenzjali għall-pubbliku, jew servizzi li jindirizzaw speċifikament il-bżonnijiet ta', jew li huma maħsuba għal, persuni b'diżabilità.

4.   Din id-Direttiva ma tapplikax għall-kontenut li ġej ta' siti elettroniċi u applikazzjonijiet mobbli:

(a)

formats ta' fajls tal-uffiċċju ppubblikati qabel it-23 ta' Settembru 2018, dment li tali kontenut ikunu meħtieġ għall-proċessi amministrattivi attivi relatati mal-kompiti mwettqa mill-korp tas-settur pubbliku kkonċernat;

(b)

media temporali rrekordjata minn qabel ippubblikata qabel it-23 ta' Settembru 2020;

(c)

media temporali live;

(d)

servizzi ta' mapep u mmappjar online, sakemm l-informazzjoni essenzjali tkun ipprovduta b'mod diġitali aċċessibbli għal mapep maħsuba għal użu ta' navigazzjoni;

(e)

kontenut ta' parti terza li la hu ffinanzjat u lanqas żviluppat minn, u lanqas taħt il-kontroll ta', il-korp tas-settur pubbliku kkonċernat;

(f)

riproduzzjonijiet ta' oġġetti f'kollezzjonijiet patrimonjali li ma jistgħux ikunu kompletament aċċessibbli minħabba jew:

(i)

l-inkopatibbiltà tar-rekwiżiti ta' aċċessibbiltà ma' jew il-preservazzjoni tal-oġġett ikkonċernat jew mal-awtentiċità tar-riproduzzjoni (eż. kuntrast); jew

(ii)

in-nuqqas ta' disponibbiltà ta' soluzzjonijiet awtomatizzati u kost-effiċjenti li faċilment jestrarru t-test ta' manuskritti jew oġġetti oħra f'kollezzjonijiet patrimonjali u jittrasformah f'kontenut kompatibbli mar-rekwiżiti ta' aċċessibbiltà;

(g)

il-kontenut ta' extranets u intranets, jiġifieri, siti elettroniċi disponibbli biss għal grupp magħluq ta' nies u mhux għall-pubbliku inġenerali fih innifsu, ppubblikat qabel it-23 ta' Settembru 2019, sakemm tali siti elettroniċi jsirilhom reviżjoni sostanzjali;

(h)

il-kontenut tas-siti elettroniċi u l-applikazzjonijiet mobbli li jikkwalifikaw bħala arkivji, li jfisser li dawn fihom biss kontenut li la huwa meħtieġ għal proċessi amministrattivi attivi u lanqas aġġornat jew editjat wara t-23 ta' Settembru 2019.

5.   L-Istati Membri jistgħu jeskludu mill-applikazzjoni ta' din id-Direttiva s-siti elettroniċi u l-applikazzjonijiet mobbli ta' skejjel, kindergartens jew skejjel tat-trabi, ħlief il-kontenut tagħhom relatat ma' funzjonijiet amministrattivi essenzjali online.

Artikolu 2

Armonizzazzjoni minima

L-Istati Membri jistgħu jżommu jew jintroduċu miżuri f'konformità mal-liġi tal-Unjoni li jmorru lil hinn mir-rekwiżiti minimi ta' aċċessibbiltà għal siti elettroniċi u applikazzjonijiet mobbli stabbiliti minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“korp tas-settur pubbliku” tfisser l-awtoritajiet jew il-korpi tal-Istat, dawk reġjonali jew lokali rregolati mid-dritt pubbliku, kif definit fil-punt (4) tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/24/UE, jew assoċjazzjonijiet iffurmati minn tali awtoritajiet waħda jew aktar jew tali korpi wieħed jew aktar irregolati mid-dritt pubbliku, jekk dawk l-assoċjazzjonijiet huma stabbiliti għall-iskop speċifiku li jissodisfaw il-bżonnijiet fl-interess ġenerali, li ma jkunux ta' karattru industrijali jew kummerċjali;

(2)

“applikazzjoni mobbli” tfisser software applikattiv iddisinjat u żviluppat, minn jew f'isem il-korpi tas-settur pubbliku, għal użu mill-pubbliku inġenerali, f'apparat mobbli bħal smartphones u tablets. Dan ma jinkludix is-software li tikkontrolla dak l-apparat (sistemi operattivi mobbli) jew hardware.

(3)

“standard” tfisser standard kif definit fil-punt (1) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012;

(4)

“standard Ewropew” tfisser standard Ewropew kif definit fil-punt (1)(b) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012;

(5)

“standard armonizzat” tfisser standard armonizzat kif definit fil-punt(1)(c) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012;

(6)

“media temporali” tfisser media tat-tipi li ġejjin: awdjo-biss, vidjo-biss, awdjo-vidjo, awdjo u/jew vidjo kkombinati ma' interazzjoni;

(7)

“oġġetti f'kollezzjonijiet patrimonjali” tfisser oġġetti ta' proprjetà pubblika jew privata li jippreżentaw interess storiku, artistiku, arkeoloġiku, estetiku, xjentifiku jew tekniku u li jagħmlu parti minn kollezzjonijiet ippreservati minn istituzzjonijiet kulturali bħal libreriji, arkivji u mużewijiet;

(8)

“data dwar il-kejl” tfisser ir-riżultati kkwantifikati tal-attività ta' monitoraġġ imwettqa sabiex tiġi vverifikata l-konformità tas-siti elettroniċi u tal-applikazzjonijiet mobbli ta' korpi tas-settur pubbliku mar-rekwiżiti ta' aċċessibbiltà stipulati fl-Artikolu 4. Din tkopri kemm informazzjoni kwantitattiva dwar il-kampjun ta' siti elettroniċi u applikazzjonijiet mobbli ittestjati (għadd ta' siti elettroniċi u applikazzjonijiet flimkien ma', potenzjalment, għadd ta' viżitaturi jew utenti, eċċ) u informazzjoni kwantitattiva dwar il-livell ta' aċċessibbiltà.

Artikolu 4

Rekwiżiti għall-aċċessibbiltà ta' siti elettroniċi u applikazzjonijiet mobbli

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-korpi tas-settur pubbliku jieħdu l-miżuri neċessarji biex jagħmlu s-siti elettroniċi u l-applikazzjonijiet mobbli tagħhom iktar aċċessibbli billi jagħmluhom perċettibbli, operabbli, li jinftiehmu u b'saħħithom.

Artikolu 5

Piż sproporzjonat

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-korpi tas-settur pubbliku japplikaw ir-rekwiżiti ta' aċċessibbiltà stipulati fl-Artikolu 4 sa fejn dawk ir-rekwiżiti ma jimponux piż sproporzjonat fuq il-korpi tas-settur pubbliku għall-finijiet ta' dan l-Artikolu.

2.   Sabiex jiġi vvalutat il-punt sa fejn il-konformità mar-rekwiżiti ta' aċċessibbiltà stipulati fl-Artikolu 4 timponi piż sproporzjonat, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-korpi tas-settur pubbliku kkonċernat jieħu kont taċ-ċirkostanzi rilevanti, inklużi dawn li ġejjin:

(a)

id-daqs, ir-riżorsi u n-natura tal-korp tas-settur pubbliku kkonċernat; u

(b)

l-ispejjeż u l-benefiċċji stmati għall-korp tas-settur pubbliku kkonċernat b'rabta mal-benefiċċji stmati għal persuni b'diżabilitajiet, filwaqt li jitqiesu l-frekwenza u t-tul ta' żmien tal-użu tas-sit elettroniku jew l-applikazzjoni mobbli speċifika.

3.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, il-korp tas-settur pubbliku kkonċernat għandu jwettaq il-valutazzjoni inizjali ta' kemm il-konformità mar-rekwiżiti ta' aċċessibbiltà msemmija fl-Artikolu 4 timponi piż sproporzjonat.

4.   Fejn korp tas-settur pubbliku jagħmel użu mid-deroga prevista fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għal sit elettroniku jew applikazzjoni mobbli speċifika wara li ssir valutazzjoni kif imsemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, dan għandu jispjega, fid-dikjarazzjoni msemmija fl-Artikolu 7, il-partijiet tar-rekwiżiti ta' aċċessibbiltà li ma setgħux jiġu osservati u għandu, fejn xieraq, jipprovdi alternattivi aċċessibbli.

Artikolu 6

Preżunzjoni ta' konformità mar-rekwiżiti ta' aċċessibbiltà

1.   Il-kontenut ta' siti elettroniċi u applikazzjonijiet mobbli li jissodisfa l-istandards armonizzati jew ma' partijiet minnhom li r-referenzi għalihom ikunu ġew ippubblikati mill-Kummissjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea skont ir-Regolament (UE) Nru 1025/2012 għandu jkun preżunt li jkun konformi mar-rekwiżiti ta' aċċessibbiltà stipulati fl-Artikolu 4 koperti minn dawk l-istandards jew minn partijiet minnhom.

2.   Fejn ma jkunu ġew ippubblikati ebda referenzi għall-istandards armonizzati msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, il-kontenut tal-applikazzjonijiet mobbli li jissodisfa l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi jew partijiet minnhom għandu jkun preżunt li huwa konformi mar-rekwiżiti ta' aċċessibbiltà stipulati fl-Artikolu 4, li huma koperti minn dawk l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi jew minn partijiet minnhom.

Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni li jistabbilixxu l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi msemmija fl-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu. Dawk l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti ta' aċċessibbiltà stipulati fl-Artikolu 4 u għandhom jiżguraw tal-anqas livell ta' aċċessibbiltà ekwivalenti għal dak żgurat mill-Istandard Ewropew EN 301 549 V1.1.2 (2015–04).

L-atti ta' implimentazzjoni msemmija fit-tieni subparagrafu ta' dan il-paragrafu għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 11(3). L-ewwel att ta' implimentazzjoni ta' dan it-tip għandu jiġi adottat, fejn l-ebda referenzi għall-istandards armonizzati msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu ma jkunu ġew ippubblikati, sat-23 ta' Diċembru 2018.

3.   Fejn ebda referenza għall-istandards armonizzati msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu ma tkun ġiet ippubblikata, il-kontenut ta' siti elettroniċi li jissodisfa r-rekwiżiti rilevanti tal-istandard Ewropew EN 301 549 V1.1.2 (2015-04) jew partijiet minnu għandu jiġi preżunt li huwa konformi mar-rekwiżiti ta' aċċessibbiltà stipulati fl-Artikolu 4 li huma koperti minn dawk ir-rekwiżiti rilevanti jew minn partijiet minnhom.

Fejn ma tkun ġiet ippubblikata ebda referenza għall-istandards armonizzati msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, u fin-nuqqas tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi msemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, il-kontenut ta' applikazzjonijiet mobbli li jissodisfa r-rekwiżiti rilevanti tal-Istandard Ewropew EN 301 549 V1.1.2 (2015-04) jew partijiet minnu għandu jkun preżunt li huwa f'konformità mar-rekwiżiti ta' aċċessibbiltà stipulati fl-Artikolu 4 li huma koperti minn dawk ir-rekwiżiti rilevanti jew minn partijiet minnhom.

4.   Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 10 sabiex temenda l-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu billi taġġorna r-referenza għall-istandard Ewropew EN 301 549 V1.1.2 (2015–04) sabiex issir referenza għal verżjoni aktar reċenti ta' dak l-istandard, jew għal standard Ewropew li jissostitwixxiha, meta dik il-verżjoni jew l-istandard jissodisfa r-rekwiżiti ta' aċċessibbiltà stabbiliti fl-Artikolu 4 u tiżgura mill-inqas livell ekwivalenti ta' aċċessibbiltà għal dak żgurat mill-istandard Ewropew EN 301 549 V1.1.2 (2015–04).

Artikolu 7

Miżuri addizzjonali

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-korpi tas-settur pubbliku jipprovdu u jaġġornaw regolarment dikjarazzjoni ta' aċċessibbiltà dettaljata, komprensiva u ċara dwar il-konformità tas-siti elettroniċi u applikazzjonijiet mobbli tagħhom ma' din id-Direttiva.

Għal siti elettroniċi, id-dikjarazzjoni ta' aċċessibbiltà għandha tingħata f'format aċċessibbli, bl-użu tad-dikjarazzjoni ta' aċċessibbiltà mudell imsemmija fil-paragrafu 2, u għandha tiġi ppubblikata fis-sit elettroniku rilevanti.

Għal applikazzjonijiet mobbli, id-dikjarazzjoni ta' aċċessibbiltà għandha tingħata f'format aċċessibbli, bl-użu tad-dikjarazzjoni ta' aċċessibbiltà mudell imsemmija fil-paragrafu 2, u għandha tkun disponibbli fis-sit elettroniku tal-korp tas-settur pubbliku li żviluppa l-applikazzjoni mobbli kkonċernata, jew flimkien ma' informazzjoni oħra disponibbli waqt it-tniżżil tal-applikazzjoni.

Id-dikjarazzjoni għandha tinkludi dan li ġej:

(a)

spjegazzjoni dwar dawk il-partijiet tal-kontenut li mhumiex aċċessibbli, u r-raġunijiet għal dak in-nuqqas ta' aċċessibbiltà u, fejn xieraq, l-alternattivi aċċessibbli previsti;

(b)

deskrizzjoni ta', u link għal, mekkaniżmu ta' reazzjoni li jippermetti lil kwalunkwe persuna li tinnotifika lill-korp tas-settur pubbliku kkonċernat dwar kwalunkwe nuqqas tas-sit elettroniku jew l-applikazzjoni mobbli tagħha li jikkonforma mar-rekwiżiti ta' aċċessibbiltà stipulati fl-Artikolu 4 u sabiex jitolbu informazzjoni eskluża skont l-Artikoli 1(4) u 5; u

(c)

link għall-proċedura ta' eżekuzzjoni stabbilita fl-Artikolu 9 li wieħed jista' jirrikorri għaliha f'każ ta' rispons mhux sodisfaċenti għan-notifika jew it-talba.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-korpi tas-settur pubbliku jagħtu rispons adegwat għan-notifika jew talba f'perijodu ta' żmien raġonevoli.

2.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni li jistabbilixxu dikjarazzjoni mudell dwar l-aċċessibbiltà. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' konsultazzjoni msemmija fl-Artikolu 11(2). Sat-23 ta' Diċembru 2018, il-Kummissjoni għandha tadotta l-ewwel att ta' implimentazzjoni ta' dan it-tip.

3.   L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri biex jiffaċilitaw l-applikazzjoni tar-rekwiżiti ta' aċċessibbiltà stipulati fl-Artikolu 4 għal tipi oħra ta' siti elettroniċi jew applikazzjonijiet mobbli minbarra dawk imsemmija fl-Artikolu 1(2) u, b'mod partikolari, għas-siti elettroniċi jew l-applikazzjonijiet mobbli koperti minn liġijiet nazzjonali eżistenti dwar l-aċċessibbiltà.

4.   L-Istati Membri għandhom jippromwovu u jiffaċilitaw programmi ta' taħriġ, relatati mal-aċċessibbiltà ta' siti elettroniċi u applikazzjonijiet mobbli, għall-partijiet konċernati rilevanti u l-persunal tal-korpi tas-settur pubbliku, maħsuba biex iħarrġuhom dwar kif joħolqu, jamministraw u jaġġornaw il-kontenut aċċessibbli ta' siti elettroniċi u applikazzjonijiet mobbli.

5.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex iqajmu kuxjenza dwar ir-rekwiżiti ta' aċċessibbiltà stipulati fl-Artikolu 4, tal-benefiċċji tagħhom għall-utenti u s-sidien ta' siti elettroniċi u applikazzjonijiet mobbli, u dwar il-possibbiltà li tingħata reazzjoni fil-każ ta' kwalunkwe nuqqas ta' konformità mar-rekwiżiti ta' din id-Direttiva, kif stipulat f'dan l-Artikolu.

6.   Għall-finijiet ta' monitoraġġ u rappurtar imsemmija fl-Artikolu 8, il-Kummissjoni għandha tiffaċilita l-kooperazzjoni fil-livell tal-Unjoni bejn l-Istati Membri, u bejn l-Istati Membri u l-partijiet interessati rilevanti, bil-ħsieb tal-iskambju tal-aħjar prattika bejniethom u rieżami tal-metodoloġija tal-monitoraġġ kif imsemmi fl-Artikolu 8(2), l-iżviluppi teknoloġiċi u tas-suq u l-progress fl-aċċessibbiltà ta' siti elettroniċi u applikazzjonijiet mobbli.

Artikolu 8

Monitoraġġ u rappurtar

1.   L-Istati Membri għandhom perjodikament jagħmlu monitoraġġ tal-konformità tas-siti elettroniċi u l-applikazzjonijiet mobbli tal-korpi tas-settur pubbliku mar-rekwiżiti ta' aċċessibbiltà stipulati fl-Artikolu 4 abbażi tal-metodoloġija ta' monitoraġġ prevista fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu.

2.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni li jistabbilixxu metodoloġija għall-monitoraġġ tal-konformità ta' siti elettroniċi u applikazzjonijiet mobbli mar-rekwiżiti ta' aċċessibbiltà stipulati fl-Artikolu 4. Dik il-metodoloġija għandha tkun trasparenti, trasferibbli, komparabbli, riproduċibbli u faċli li tintuża. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 11(3). Sat-23 ta' Diċembru 2018, il-Kummissjoni għandha tadotta l-ewwel att ta' implimentazzjoni ta' dan it-tip.

3.   Il-metodoloġija ta' monitoraġġ imsemmija fil-paragrafu 2 tista' tieħu kont tal-analiżi esperta u għandha tinkludi:

(a)

il-perjodiċità tal-monitoraġġ, kif ukoll it-teħid ta' kampjuni tas-siti elettroniċi u l-applikazzjonijiet mobbli li jridu jkunu soġġetti għall-monitoraġġ;

(b)

fil-livell tas-sit elettroniku, it-teħid ta' kampjuni tal-paġni elettroniċi u tal-kontenut f'dawk il-paġni;

(c)

fil-livell tal-applikazzjoni mobbli, il-kontenut li jrid jiġi ttestjat, b'kont meħud tal-mument tar-rilaxx inizjali tal-applikazzjoni u tal-aġġornamenti sussegwenti dwar il-funzjonalità;

(d)

deskrizzjoni tal-mod li bih il-konformità jew in-nonkonformità mar-rekwiżiti tal-aċċessibbiltà stipulati fl-Artikolu 4 ser tiġi murija b'mod suffiċjenti, waqt li jsir referenzjar dirett, fejn adatt, tad-deskrizzjonijiet rilevanti fl-istandard armonizzat jew, fin-nuqqas ta' dan, fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi msemmija fl-Artikolu 6(2), jew fl-istandard Ewropew imsemmi fl-Artikolu 6(3);

(e)

fil-każ li jiġu identifikati nuqqasijiet, mekkaniżmu li jipprovdi data u informazzjoni dwar il-konformità mar-rekwiżiti ta' aċċessibbiltà stipulati fl-Artikolu 4 f'format li jista' jintuża mill-korpi tas-settur pubbliku sabiex jikkoreġu dawk in-nuqqasijiet; u

(f)

arranġamenti adatti, inkluż fejn meħtieġ eżempji u gwida għal testijiet awtomatiċi, manwali u tal-użu, flimkien mal-parametri tat-teħid ta' kampjuni, b'mod li jkun kompatibbli mal-perjodiċità tal-monitoraġġ u r-rappurtar.

4.   Sat-23 ta' Diċembru 2021, u kull tliet snin wara dan, l-Istati Membri għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni rapport dwar l-eżitu tal-monitoraġġ inkluża d-data ta' kejl. Dak ir-rapport għandu jitfassal fuq il-bażi tal-arranġamenti għar-rappurtar imsemmija fil-paragrafu 6 ta' dan l-Artikolu. Ir-rapport għandu jkopri wkoll l-informazzjoni dwar l-użu tal-proċedura ta' eżekuzzjoni stipulata fl-Artikolu 9.

5.   Fir-rigward tal-miżuri adottati skont l-Artikolu 7, l-ewwel rapport għandu jkopri wkoll dan li ġej:

(a)

deskrizzjoni tal-mekkaniżmi stabbiliti mill-Istati Membri għall-konsultazzjoni mal-partijiet interessati rilevanti dwar l-aċċessibbiltà ta' siti elettroniċi u applikazzjonijiet mobbli;

(b)

il-proċeduri biex isir pubbliku kwalunkwe żvilupp fil-politika tal-aċċessibbiltà rigward siti elettroniċi u applikazzjonijiet mobbli;

(c)

l-esperjenzi u s-sejbiet mill-implimentazzjoni tar-regoli dwar il-konformità mar-rekwiżiti ta' aċċessibbiltà stipulati fl-Artikolu 4; u

(d)

l-informazzjoni dwar taħriġ u attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni.

Fejn saru bidliet sinifikanti fir-rigward tal-elementi msemmija fl-ewwel subparagrafu, l-Istati Membri għandhom jinkludu fir-rapporti sussegwenti tagħhom informazzjoni dwar dawk il-bidliet.

6.   Il-kontenut tar-rapporti kollha, li ma jeħtiġux li jelenkawis-siti elettroniċi, l-applikazzjonijiet mobbli jew il-korpi tas-settur pubbliku eżaminati, għandu jkun disponibbli għall-pubbliku f'format aċċessibbli. Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni li jistabbilixxu l-arranġamenti ta' rappurtar mill-Istati Membri lill-Kummissjoni. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 11(3). Sat-23 ta' Diċembru 2018, il-Kummissjoni għandha tadotta l-ewwel att ta' implimentazzjoni ta' dan it-tip.

7.   Sat-23 ta' Settembru 2018, l-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar il-korp magħżul biex iwettaq il-funzjonijiet ta' monitoraġġ u rappurtar.

Artikolu 9

Proċedura ta' eżekuzzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw id-disponibbiltà ta' proċedura ta' eżekuzzjoni adegwata u effettiva, biex tkun garantita l-konformità ma' din id-Direttiva, fir-rigward tar-rekwiżiti stipulati fl-Artikoli 4 u 5 u l-Artikolu 7(1). B'mod partikolari, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun hemm fis-seħħ proċedura ta' eżekuzzjoni, bħall-possibbiltà li jiġi kkuntattjat ombudsman, sabiex jiġi garantit it-trattament effettiv ta' notifiki u talbiet li jaslu kif previst fil-punt (b) tal-Artikolu 7(1) u tiġi rieżaminata l-valutazzjoni msemmija fl-Artikolu 5.

2.   Sat-23 ta' Settembru 2018, l-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar il-korp responsabbli għall-eżekuzzjoni ta' din id-Direttiva.

Artikolu 10

Eżerċizzju tad-delega

1.   Is-setgħa li tadotta atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni soġġett għall-kondizzjonijiet stipulati f'dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa għall-adozzjoni ta' atti delegati msemmija fl-Artikolu 6(4) għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta' żmien indeterminat mit-23 ta' Ġunju 2017.

3.   Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 6(4) tista' tiġi revokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta' revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Din għandha tieħu effett fil-jum ta' wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fiha. Din ma għandha tolqot il-validità tal-ebda att iddelegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.   Qabel l-adozzjoni ta' att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti maħtura minn kull Stat Membru f'konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.

5.   Malli tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

6.   Att delegat adottat skont l-Artikolu 6(4) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġi espressa l-ebda oġġezzjoni la mill-Parlament Ewropew u lanqas mill-Kunsill fi żmien perijodu ta' xahrejn min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill jew jekk, qabel l-iskadenza ta' dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill it-tnejn li huma jkunu informaw lill-Kummissjoni li mhumiex se joġġezzjonaw. Dak il-perijodu ta' żmien għandu jiġi estiż b'xahrejn fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 11

Proċedura ta' Kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

3.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 12

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sat-23 ta' Settembru 2018. Huma għandhom jinformaw lill-Kummissjoni minnufih b'dan.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, dawn għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn tali referenza fil-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi biex issir tali referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tal-miżuri ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-kamp kopert minn din id-Direttiva.

3.   L-Istati Membri għandhom japplikaw dawk il-miżuri kif ġej:

(a)

għas-siti elettroniċi ta' korpi tas-settur pubbliku li ma jkunux ġew ippubblikati qabel it-23 ta' Settembru 2018: mit-23 ta' Settembru 2019;

(b)

għas-siti elettroniċi tal-korpi tas-settur pubbliku mhux koperti mill-punt (a): mit-23 ta' Settembru 2020.

(c)

għall-applikazzjonijiet mobbli ta' korpi tas-settur pubbliku: mit-23 ta' Ġunju 2021.

Artikolu 13

Rieżami

Il-Kummissjoni għandha twettaq rieżami tal-applikazzjoni ta' din id-Direttiva sat-23 ta' Ġunju 2022. Dak ir-rieżami għandu jqis ir-rapporti tal-Istati Membri dwar l-eżitu tal-monitoraġġ previst fl-Artikolu 8 u l-użu tal-proċedura ta' eżekuzzjoni stabbilita fl-Artikolu 9. Dan għandu jinkludi wkoll rieżami tal-avvanzi teknoloġiċi li jistgħu jagħmlu l-aċċessibbiltà aktar faċli għal xi tipi ta' kontenut esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva. Ir-riżultati ta' dak ir-rieżami għandhom ikunu disponibbli għall-pubbliku f'format aċċessibbli.

Artikolu 14

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 15

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Strasburgu, is-26 ta' Ottubru 2016.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

I. LESAY


(1)  ĠU C 271, 19.9.2013, p. 116.

(2)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Frar 2014 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tat-18 ta' Lulju 2016 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali). Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-25 ta' Ottubru 2016 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320).

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 1304/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Soċjali Ewropew u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1081/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 470).

(5)  Ir-Regolament (UE) Nru 1291/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi Orizzont 2020 — il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 104).

(6)  Id-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 65).

(7)  Id-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali u li tħassar id-Direttiva 2004/17/KE (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 243).

(8)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta' Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU L 303, 2.12.2000, p. 16).

(9)  Ir-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar l-Istandardizzazzjoni Ewropea, li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 89/686/KEE u 93/15/KEE u d-Direttivi 94/9/KE, 94/25/KE, 95/16/KE, 97/23/KE, 98/34/KE, 2004/22/KE, 2007/23/KE, 2009/23/KE u 2009/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar id-Deċiżjoni 87/95/KEE u d-Deċiżjoni 1673/2006/KE (ĠU L 316, 14.11.2012, p. 12).

(10)  ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.

(11)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).