26.5.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 138/102


DIRETTIVA (UE) 2016/798 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-11 ta' Mejju 2016

dwar is-sikurezza ferrovjarja

(riformulazzjoni)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 91(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz ta' att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2004/49/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) ġiet emendata b'mod sostanzjali. Peress li għandhom isiru iktar emendi, din għandha tiġi rriformulata fl-interessi taċ-ċarezza.

(2)

Id-Direttiva 2004/49/KE stabbilixxiet qafas regolatorju komuni għas-sikurezza ferrovjarja bis-saħħa tal-armonizzazzjoni tar-regoli tas-sikurezza, iċ-ċertifikazzjoni tas-sikurezza tal-impriżi ferrovjarji, il-kompiti u r-rwoli tal-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza u l-investigazzjoni tal-inċidenti. Madankollu, sabiex jitkomplew l-isforzi biex tiġi stabbilita ulterjorment żona ferrovjarja unika Ewropea, jinħtieġ li d-Direttiva 2004/49/KE tiġi riveduta b'mod komplet.

(3)

Il-metro, il-linji tat-tramm u s-sistemi oħra ferrovjarji ħfief huma f'ħafna Stati Membri soġġetti għal rekwiżiti tekniċi lokali u huma esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva (UE) 2016/797 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5). Sabiex tkun iffaċilitata l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva u tad-Direttiva (UE) 2016/797, iż-żewġ Direttivi għandu jkollhom l-istess kamp ta' applikazzjoni. Għalhekk, tali sistemi lokali għandhom jiġi esklużi mill-kamp tal-applikazzjoni ta' din id-Direttiva.

(4)

Sa fejn xi kunċetti msemmija f'din id-Direttiva jistgħu jiġu applikati b'mod siewi għall-metro u sistemi oħra lokali, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jiddeċiedu, mingħajr preġudizzju għall-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva, li japplikaw ċerti dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva li huma jqisu xierqa. F'tali każijiet, l-Istati Membri għandu jkollhom il-possibbiltà li ma japplikawx obbligi bħan-notifika ta' regoli nazzjonali u r-rappurtar.

(5)

Il-livelli tas-sikurezza fis-sistema ferrovjarja tal-Unjoni ġeneralment huma għoljin speċjalment meta mqabbla mat-trasport bit-triq. Is-sikurezza ferrovjarja għandha tingħata manutenzjoni ġenerali u, meta jkun prattikabbli, tittejjeb kontinwament, b'kont meħud tal-progress tekniku u xjentifiku, u l-iżvilupp tal-liġi tal-Unjoni u dak internazzjonali. Għandha tingħata prijorità għall-prevenzjoni tal-inċidenti. Għandu jiġi kkunsidrat ukoll l-impatt tal-fatturi umani.

(6)

Jekk Stat Membru jintroduċi livell ogħla ta' sikurezza, għandu jiżgura li r-regola adottata ma toħloqx ostaklu għall-interoperabbiltà jew twassal għal diskriminazzjoni.

(7)

L-atturi ewlenin fis-sistema ferrovjarja tal-Unjoni, l-amministraturi tal-infrastruttura u l-impriżi ferrovjarji għandhom jieħdu responsabbiltà sħiħa għas-sikurezza tas-sistema, kull wieħed minnhom għall-parti tiegħu. Kull meta xieraq, dawn għandhom jikkooperaw biex jimplimentaw il-miżuri tal-kontroll tar-riskju.

(8)

Mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà tal-amministraturi tal-infrastruttura u impriżi ferrovjarji għall-iżvilupp u t-titjib tas-sikurezza ferrovjarja, atturi oħra, bħall-entitajiet inkarigati mill-manutenzjoni, il-manifatturi, it-trasportaturi, il-konsenjaturi, id-destinatarji, l-impriżi tal-mili, l-impriżi tal-iżvujtar, il-karigaturi, l-iskarigaturi, il-fornituri tal-manutenzjoni, id-detenturi, il-fornituri ta' servizzi u entitajiet kontraenti, ma għandhomx jiġu preklużi milli jieħdu r-responsabbiltà għall-prodotti, servizzi u proċessi tagħhom. Kull attur fis-sistema ferrovjarja tal-Unjoni għandu jkun responsabbli, fir-rigward tal-atturi l-oħra, għall-komunikazzjoni kompleta u veritiera tal-informazzjoni kollha rilevanti biex jivverifikaw jekk il-vetturi humiex f'kundizzjoni li jaħdmu. b'mod partikolari, dan jikkonċerna l-informazzjoni dwar il-qagħda u l-istorja tal-vettura partikolari, fajls ta' manutenzjoni, traċċabbiltà tal-operazzjonijiet tat-tagħbija, u noti tal-kunsinna.

(9)

Kull impriża ferrovjarja, amministratur tal-infrastruttura u entitajiet inkarigati mill-manutenzjoni għandhom jiżguraw li l-kuntratturi tagħhom u partijiet oħra jimplimentaw miżuri ta' kontroll tar-riskju. Għal dak il-għan, kull impriża ferrovjarja, amministratur tal-infrastruttura u korp inkarigat mill-manutenzjoni għandu japplika l-metodi komuni għall-monitoraġġ stipulati fil-metodi komuni tas-sikurezza (“CSMs”). Il-kuntratturi tagħhom għandhom japplikaw il-proċess permezz ta' arranġamenti kuntrattwali. Fid-dawl tal-fatt li arranġamenti bħal dawn huma parti essenzjali mis-sistema tal-ġestjoni tas-sikurezza tal-impriżi ferrovjarji u tal-amministraturi tal-infrastruttura, l-impriżi ferrovjarji u tal-amministraturi tal-infrastruttura għandhom jiżvelaw l-arranġamenti kuntrattwali tagħhom fuq talba mill-Aġenzija Ferrovjarja tal-Unjoni Ewropea (“l-Aġenzija”) stabbilita bir-Regolament (UE) 2016/796 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) jew tal-awtorità nazzjonali tas-sikurezza fil-kuntest tal-attivitajiet ta' superviżjoni.

(10)

L-Istati Membri għandhom jippromwovu kultura ta' fiduċja reċiproka, kunfidenza u tagħlim li fiha l-persunal tal-impriżi ferrovjarji u l-amministraturi tal-infrastruttura huma inkoraġġuti jikkontribwixxu għall-iżvilupp tas-sikurezza filwaqt li tkun żgurata l-kunfidenzjalità.

(11)

Il-miri komuni tas-sikurezza (“CSTs”) u s-CSMs għandhom ikunu introdotti gradwalment biex jiżguraw li jinżamm livell għoli ta' sikurezza u, fejn meħtieġ u raġonevolment prattikabbli b'mod raġonevoli, imtejjeb. Għandhom jipprovdu l-għodda għall-valutazzjoni tal-livell ta' sikurezza u l-prestazzjoni tal-operaturi fil-livell tal-Unjoni kif ukoll fl-Istati Membri. Indikaturi komuni tas-sikurezza (“CSIs”) ġew stabbiliti sabiex jiġi vvalutat jekk is-sistemi jikkonformawx mas-CSTs u sabiex jiġi ffaċilitat il-monitoraġġ tal-prestazzjoni tas-sikurezza ferrovjarja.

(12)

Ir-regoli nazzjonali tas-sikurezza, li huma ta' spiss ibbażati fuq standards tekniċi nazzjonali, qed jiġu sostitwiti gradwalment mir-regoli bbażati fuq standards komuni u speċifikazzjonijiet tekniċi għall-interoperabbiltà (“TSIs”). Sabiex jiġu eliminati l-ostakli għall-interoperabbiltà, il-volum tar-regoli nazzjonali, inklużi regoli operattivi, għandu jitnaqqas b'mod progressiv bħala konsegwenza tal-estensjoni tal-kamp ta' applikazzjoni tat-TSIs għas-sistema ferrovjarja kollha tal-Unjoni u tal-għeluq tal-punti miftuħa fit-TSIs. Għal dak il-għan, l-Istati Membri għandhom iżommu s-sistema tagħhom tar-regoli nazzjonali aġġornati, iħassru r-regoli li ma għadhomx jgħoddu u jgħarrfu lill-Kummissjoni u lill-Aġenzija bihom mingħajr dewmien.

(13)

Ir-regoli nazzjonali għandhom jiġu abbozzati u ppubblikati b'tali mod li kull utent potenzjali ta' netwerk nazzjonali jista' jifhimhom. Madankollu, tali regoli spiss jirreferu għal dokumenti oħra bħal standards nazzjonali, standards Ewropej, standards internazzjonali jew speċifikazzjonijiet tekniċi oħra li jistgħu jkunu parzjalment jew kompletament protetti mid-drittijiet tal-proprjetà intellettwali. Għaldaqstant huwa xieraq li l-obbligu tal-pubblikazzjoni ma għandux japplika għal xi dokument imsemmi direttament jew indirettament fir-regola nazzjonali.

(14)

Ir-regoli nazzjonali spiss jinkludu rekwiżiti li huma parzjalment rilevanti kemm għal skopijiet ta' interoperabbiltà kif ukoll għal skopijiet ta' sikurezza. Peress li s-sikurezza hija rekwiżit essenzjali tad-Direttiva (UE) 2016/797, regola nazzjonali tista' tkun rilevanti għad-Direttiva (UE) 2016/797 u għal din id-Direttiva. Għaldaqstant, id-distinzjoni bejn it-termini “regoli nazzjonali tas-sikurezza” u “regoli tekniċi nazzjonali” kif definiti fid-Direttiva 2004/49/KE u d-Direttiva 2008/57/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) rispettivament għandha titneħħa u tiġi sostitwita bil-kunċett ta' “regoli nazzjonali” li għandhom jiġu notifikati skont id-Direttiva (UE) 2016/797 u/jew skont din id-Direttiva. Ir-regoli nazzjonali għandhom jiġu notifikati skont id-Direttiva (UE) 2016/797 prinċipalment meta jirrigwardaw it-tqegħid fis-suq jew it-tqegħid fis-servizz ta' sottosistemi strutturali. Huma għandhom jiġu notifikati skont din id-Direttiva meta jkunu jirrigwardaw l-operazzjonitas-sistema ferrovjarja tal-Unjoni, jew is-suġġetti speċifiċi ta' din id-Direttiva, inkluż ir-rwol tal-atturi, iċ-ċertifikazzjoni tas-sikurezza, l-awtorizzazzjoni tas-sikurezza u l-investigazzjoni ta' inċidenti.

(15)

Fid-dawl tal-approċċ gradwali sabiex jiġu eliminati l-ostakli għall-interoperabbiltà tas-sistema ferrovjarja tal-Unjoni u tal-ħin konsegwentement meħtieġ għall-adozzjoni tat-TSIs, għandhom jittieħdu passi biex tiġi evitata sitwazzjoni fejn Stati Membri jadottaw regoli nazzjonali ġodda jew jidħlu għal proġetti biex tiżdied id-diversità tas-sistema preżenti ħlief fis-sitwazzjonijiet speċifiċi kif previst f'din id-Direttiva. Is-sistema tal-ġestjoni tas-sikurezza hija l-għodda rikonoxxuta biex jiġu kkontrollati r-riskji, filwaqt li l-amministraturi tal-infrastruttura u l-impriżi ferrovjarji huma responsabbli milli jieħdu azzjoni korrettiva immedjata biex jipprevjenu li jerġgħu jseħħu l-inċidenti. L-Istati Membri għandhom jevitaw li jistabbilixxu regoli nazzjonali ġodda eżatt wara inċident, sakemm dawn ir-regoli l-ġodda ma jkunux meħtieġa bħala miżura preventiva urġenti.

(16)

Is-sistemi tal-kontroll u s-sinjalazzjoni tal-ferroviji għandhom rwol kruċjali sabiex tiġi żgurata s-sikurezza ferrovjarja. F'dan ir-rigward, l-operazzjoni tas-Sistema Ewropea tal-Ġestjoni tat-Traffiku Ferrovjarju (ERTMS) fin-netwerk ferrovjarju tal-Unjoni jikkostitwixxi kontribut importanti għat-titjib tal-livelli tas-sikurezza.

(17)

Fil-qadi tad-dmirijiet u tar-responsabbiltajiet tagħhom, l-amministraturi tal-infrastruttura u l-impriżi ferrovjarji għandhom jimplimentaw sistema ta' ġestjoni tas-sikurezza, li taqdi r-rekwiżiti tal-Komunità u li jkun fiha elementi komuni. L-informazzjoni fuq is-sikurezza u fuq l-implimentazzjoni tas-sistema tal-ġestjoni tas-sikurezza għandha titressaq lill-Aġenzija u lill-awtorità nazzjonali tas-sikurezza fl-Istat Membru kkonċernat.

(18)

Permezz tal-proċessi tagħha, is-sistema ta' ġestjoni tas-sikurezza għandha tiżgura li l-kapaċitajiet u l-limitazzjonijiet umani u l-influwenzi fuq il-prestazzjoni umana jiġu indirizzati bl-applikazzjoni ta' għarfien dwar il-fatturi umani u bl-użu ta' metodi rikonoxxuti.

(19)

Servizzi ferrovjarji ta' merkanzija għandhom jinkludu wkoll it-trasport ta' oġġetti perikolużi. Madankollu, għandha ssir distinzjoni bejn l-objettiv ta' din id-Direttiva, li tinżamm u, fejn possibbli, li ttejjeb is-sikurezza tas-sistema ferrovjarja tal-Unjoni, u dak tad-Direttiva 2008/68/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8), li hu, prinċipalment huwa li jirregola l-klassifikazzjoni tas-sustanzi u l-ispeċifikazzjoni tal-konteniment tagħhom, inkluż it-tagħbija sikura, il-ħatt u l-użu tal-konteniment fis-sistema ferrovjarja eżistenti. Konsegwentement, mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 2008/68/KE, is-sistema tal-ġestjoni tas-sikurezza tal-impriżi ferrovjarji u tal-amministraturi tal-infrastruttura għandha tikkunsidra kif xieraq ir-riskji addizzjonali potenzjali ġġenerati mit-trasport ta' kontenimenti ta' oġġetti perikolużi.

(20)

L-impriżi ferrovjarji kollha għandhom ikunu soġġetti għall-istess rekwiżiti ta' sikurezza sabiex jiġu żgurati livell għoli ta' sikurezza ferrovjarja u kundizzjonijiet ugwali għalihom kollha. Impriża ferrovjarja għandha żżomm ċertifikat ta' sikurezza bħala kundizzjoni biex titħalla tikseb aċċess għall-infrastruttura ferrovjarja. Iċ-ċertifikat ta' sikurezza għandu jagħti xhieda li l-impriża ferrovjarja stabbilixxiet is-sistema tagħha tal-ġestjoni tas-sikurezza u li hija kapaċi tħares l-istandards u r-regoli rilevanti tas-sikurezza għaż-żona rilevanti tal-operazzjoni. Meta l-Aġenzija toħroġ ċertifikat ta' sikurezza uniku lil impriża ferrovjarja li jkollha żona tal-operazzjoni fi Stat Membru wieħed jew aktar, hija għandha tkun l-unika awtorità li tivvaluta jekk l-impriża ferrovjarja tkunx stabbilixxiet b'mod korrett is-sistema ta' ġestjoni tas-sikurezza tagħha. L-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza kkonċernati miż-żona maħsuba tal-operazzjoni għandhom jiġu involuti fil-valutazzjoni tar-rekwiżiti stabbiliti fir-regoli nazzjonali rilevanti.

(21)

Ġew stabbiliti metodi armonizzati bbażati fuq id-Direttiva 2004/49/KE, biex jiġu applikati lill-atturi fis-sistema ferrovjarja tal-Unjoni u l-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza, dwar il-monitoraġġ, il-valutazzjoni tal-konformità, is-superviżjoni u l-evalwazzjoni u l-valutazzjoni tar-riskju. Dak il-qafas regolatorju huwa matur biżżejjed biex jimxi progressivament lejn “ċertifikat ta' sikurezza” uniku validu fiż-żona tal-operazzjoni tal-impriża ferrovjarja kkonċernata.

(22)

Sabiex il-proċeduri għall-ħruġ taċ-ċertifikati ta' sikurezza uniċi għall-impriżi ferrovjarji jsiru aktar effiċjenti u koerenti, jeħtieġ li l-Aġenzija tkun assenjata rwol ċentrali fil-ħruġ ta' dawn iċ-ċertifikati. Fejn iż-żona tal-operazzjoni tkun limitata għal Stat Membru wieħed, l-applikant għandu jkollu l-possibilità li jagħżel jekk jippreżentax l-applikazzjoni tiegħu għal ċertifikat ta' sikurezza uniku, permezz tal-punt uniku ta' kuntatt msemmi fir-Regolament (UE) 2016/796 lill-awtorità nazzjonali tas-sikurezza ta' dak l-Istat Membru jew lill-Aġenzija. L-għażla magħmula mill-applikant għandha tkun vinkolanti sakemm l-applikazzjoni titlesta jew tintemm. Din is-sistema l-ġdida għandha tagħmel is-sistema ferrovjarja tal-Unjoni aktar effettiva u effiċjenti billi tnaqqas il-piżijiet amministrattivi fuq l-impriżi ferrovjarji.

(23)

L-Aġenzija u l-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza għandhom jikkooperaw u jikkondividu l-kompetenzi kif xieraq għall-ħruġ ta' ċertifikati ta' sikurezza uniċi. Għandhom jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet ċari proċedurali u ta' arbitraġġ biex jiġu indirizzati sitwazzjonijiet fejn l-Aġenzija u l-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza ma jaqblux dwar valutazzjonijiet li jkunu saru fir-rigward tal-ħruġ ta' ċertifikati ta' sikurezza uniċi.

(24)

L-allokazzjoni l-ġdida ta' funzjonijiet u kompiti bejn l-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza u l-Aġenzija dwar il-ħruġ ta' ċertifikati ta' sikurezza għandha ssir b'mod effiċjenti. Għal dak l-għan, il-ftehimiet ta' kooperazzjoni bejn l-Aġenzija u l-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza għandhom jiġu stabbiliti.

(25)

b'mod partikolari, jeħtieġ li l-ftehimiet ta' kooperazzjoni jieħdu kont tas-sitwazzjoni ġeografika u storika speċifika ta' ċerti Stati Membri, filwaqt li jiżguraw il-funzjonament tajjeb tas-suq intern. Meta l-operazzjoni tkun limitata għal netwerks li jeħtieġu kompetenza esperta speċifika għal raġunijiet ġeografiċi jew storiċi, u meta dawk in-netwerks ikunu iżolati mill-bqija tas-sistema ferrovjarja tal-Unjoni, għandu jkun possibbli li l-applikant jissodisfa l-formalitajiet meħtieġa lokalment billi jinteraġixxi mal-awtoritajiet nazzjonali rilevanti tas-sikurezza. Għal dak il-għan, sabiex jonqsu l-piżijiet u l-ispejjeż amministrattivi, għandu jkun possibbli li l-ftehimiet ta' kooperazzjoni jiġu konklużi bejn l-Aġenzija u l-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza rilevanti biex tiġi prevista allokazzjoni xierqa tal-kompiti, mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà aħħarija tal-Aġenzija fil-ħruġ taċ-ċertifikat ta' sikurezza uniku.

(26)

In-netwerks ferrovjarji li jinsabu fl-Istati Baltiċi (l-Estonja, il-Latvja u l-Litwanja) għandhom wisa' bejn il-linji ta' 1520 mm, li hija l-istess bħal fil-pajjiżi terzi ġirien, iżda differenti minn dik tan-netwerk ferrovjarju prinċipali fl-Unjoni. Dawn in-netwerks Baltiċi wirtu rekwiżiti tekniċi u operattivi komuni, li jipprovdu interoperabbiltà de facto bejniethom, u, f'dan ir-rigward, iċ-ċertifikat ta' sikurezza maħruġ f'wieħed minn dawn l-Istati Membri jista' jiġi estiż għall-bqija ta' dawn in-netwerks. Sabiex tiġi ffaċilitata l-allokazzjoni effiċjenti u proporzjonali ta' riżorsi għaċ-ċertifikazzjoni ta' sikurezza u sabiex jitnaqqas il-piż finanzjarju u amministrattiv għall-applikant f'dawn il-każijiet, l-arranġamenti speċifiċi ta' kooperazzjoni bejn l-Aġenzija u l-awtoritajiet nazzjonali rilevanti tas-sikurezza għandhom jinkludu, fejn meħtieġ, il-possibbiltà li l-kompiti jingħataw lil dawn l-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza.

(27)

Din id-Direttiva ma għandhiex twassal għal livell imnaqqas ta' sikurezza u ma għandhiex iżżid l-ispejjeż fil-linji ferrovjarji tal-Unjoni. Għal dak il-għan, l-Aġenzija u l-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza għandhom jieħdu responsabbiltà sħiħa għaċ-ċertifikati ta' sikurezza uniċi li joħorġu, billi jassumi b'mod partikolari obbligi kuntrattwali u mhux kuntrattwali f'dak ir-rigward. Fil-każ ta' investigazzjoni ġudizzjarja li tinvolvi lill-Aġenzija jew il-persunal tagħha, l-Aġenzija għandha tikkoopera bis-sħiħ mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru jew l-Istati Membri kkonċernati.

(28)

Għandha ssir distinzjoni ċara bejn, minn naħa l-waħda, ir-responsabbiltà immedjata tal-Aġenzija u l-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza għas-sikurezza li tirriżulta mill-ħruġ taċ-ċertifikati ta' sikurezza u awtorizzazzjonijiet ta' sikurezza, u min-naħa l-oħra, il-kompitu tal-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza li jipprovdu qafas regolatorju nazzjonali u li jissorveljaw il-prestazzjoni tal-partijiet kollha kkonċernati fuq bażi kontinwa. Kull awtorità nazzjonali tas-sikurezza għandha tissorvelja l-konformità kontinwa mal-obbligu legali impost fuq impriża ferrovjarja jew fuq amministratur tal-infrastruttura sabiex tiġi stabbilita sistema ta' ġestjoni tas-sikurezza. L-istabbiliment ta' evidenza ta' din il-konformità jista' jeħtieġ mhux biss spezzjonijiet fuq il-post tal-impriża ferrovjarja jew l-amministratur tal-infrastruttura kkonċernati, iżda wkoll kompiti ta' superviżjoni li għandhom jitwettqu mill-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza sabiex jiġi vvalutat li l-impriża ferrovjarja jew l-amministratur tal-infrastruttura jkomplu japplikaw kif dovut is-sistema tal-ġestjoni tas-sikurezza tagħhom wara li jkun inħarġilhom ċertifikat ta' sikurezza jew awtorizzazzjoni ta' sikurezza. L-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza għandhom jikkoordinaw l-attivitajiet ta' superviżjoni tagħhom fir-rigward ta' impriżi ferrovjarji stabbiliti fi Stati Membri differenti, u għandhom jikkondividu l-informazzjoni bejniethom u, fejn xieraq, mal-Aġenzija. L-Aġenzija għandha tassisti lill-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza fil-kooperazzjoni tagħhom. F'dak il-kuntest, għandhom jiġu stabbiliti l-arranġamenti meħtieġa mill-Aġenzija u l-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza sabiex jiġi ffaċilitat l-iskambju ta' informazzjoni bejniethom.

(29)

L-Aġenzija u l-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza għandhom jikkooperaw mill-qrib f'każijiet fejn awtorità nazzjonali tas-sikurezza tikkonkludi li detentur ta' ċertifikat tas-sikurezza uniku maħruġ mill-Aġenzija ma jibqax jissodisfa l-kundizzjonijiet għaċ-ċertifikazzjoni. F'tali każ, hija għandha titlob lill-Aġenzija biex tirrestrinġi jew tirrevoka dak iċ-ċertifikat. Għandha tiġi stabbilita proċedura ta' arbitraġġ biex jiġu trattati każijiet ta' nuqqas ta' qbil bejn l-Aġenzija u l-awtorità nazzjonali tas-sikurezza. Jekk awtorità nazzjonali tas-sikurezza tidentifika riskju serju għas-sikurezza waqt is-superviżjoni, hija għandha tinforma lill-Aġenzija u lil kwalunkwe awtorità nazzjonali tas-sikurezza kkonċernata oħra fiż-żona fejn topera l-impriża ferrovjarja. L-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza kkonċernati għandhom jitħallew japplikaw miżuri temporanji ta' sikurezza, inkluż ir-restrizzjoni jew is-sospensjoni immedjata tal-operazzjonijiet rilevanti. Riskju serju għas-sikurezza f'dan il-kuntest għandu jinftiehem bħala każ serju ta' nuqqas ta' konformità mal-obbligi legali jew mar-rekwiżiti tas-sikurezza li jista' minnu nnifsu, jew f'serje ta' ġrajjiet konsegwenzjali, joħloq inċident jew inċident serju.

(30)

L-Aġenzija għandha tkun tista' tistabbilixxi għodda li tiffaċilita l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-atturi rilevanti li jidentifikaw jew jiġu infurmati dwar riskju ta' sikurezza relatat ma' difetti u nonkonformitajiet fil-kostruzzjoni jew funzjonament ħażin ta' tagħmir tekniku.

(31)

Iċ-ċertifikat ta' sikurezza uniku għandu jinħareġ abbażi ta' evidenza li impriża ferrovjarja tkun stabbiliet is-sistema tal-ġestjoni tas-sikurezza.

(32)

L-amministraturi tal-infrastruttura għandu jkollhom responsabbiltà kruċjali għad-disinn, il-manutenzjoni u l-operazzjoni siguri tan-netwerk ferrovjarju tagħhom. L-amministraturi tal-infrastruttura għandhom ikunu soġġetti għal awtorizzazzjoni tas-sikurezza mill-awtorità nazzjonali tas-sikurezza fir-rigward tas-sistema tal-ġestjoni tas-sikurezza tagħhom u għal provvedimenti oħra b'mod li jissodisfaw ir-rekwiżiti tas-sikurezza.

(33)

Iċ-ċertifikazzjoni ta' persunal ferrovjarju tista' toħloq diffikultajiet għal min jidħol ġdid fis-suq. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-faċilitajiet għat-taħriġ u ċ-ċertifikazzjoni tal-persunal ferrovjarju neċessarji biex ikopru r-rekwiżiti fir-regoli nazzjonali huma disponibbli għall-impriżi ferrovjarji li biħsiebhom joperaw fuq in-netwerk rilevanti.

(34)

L-entità inkarigata mill-manutenzjoni għandha tiġi ċċertifikata għall-vaguni tal-merkanzija. Meta l-entità inkarigata mill-manutenzjoni tkun amministratur tal-infrastruttura, din iċ-ċertifikazzjoni għandha tkun inkluża fil-proċedura għall-awtorizzazzjoni tas-sikurezza. Iċ-ċertifikat maħruġ lil entità bħal din għandu jiggarantixxi li r-rekwiżiti tal-manutenzjoni ta' din id-Direttiva jkunu sodisfatti għal kwalunkwe vagun tal-merkanzija li għalih hija responsabbli. Dak iċ-ċertifikat għandu jkun validu fl-Unjoni kollha u għandu jingħata minn korp li jkollu l-kapaċità li jawditja s-sistema ta' manutenzjoni stabbilita mill-entità. Billi l-vaguni tal-merkanzija huma spiss użati fit-traffiku internazzjonali, u billi l-entità inkarigata mill-manutenzjoni jista' jkun li tkun trid tuża workshops stabbiliti f'aktar minn Stat Membru wieħed, il-korp taċ-ċertifikazzjoni għandu jkun kapaċi jwettaq il-kontrolli tiegħu fl-Unjoni kollha. L-Aġenzija għandha tevalwa s-sistema taċ-ċertifikazzjoni tal-entità inkarigata mill-manutenzjoni tal-vaguni tal-merkanzija u għandha, jekk xieraq, tirrakkomanda l-estensjoni tagħha għall-vetturi ferrovjarji kollha.

(35)

L-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza għandhom ikunu indipendenti b'mod sħiħ fl-organizzazzjoni, fl-istruttura legali u fit-teħid tad-deċiżjonijiet tagħhom, minn kwalunkwe impriża ferrovjarja, amministratur tal-infrastruttura, applikant, entità kontraenti jew entità li tagħti kuntratti ta' servizz pubbliku. Huma għandhom iwettqu l-kompiti b'mod miftuħ u mhux diskriminatorju u għandhom jikkooperaw mal-Aġenzija biex joħolqu żona ferrovjarja Ewropea unika u jikkoordinaw il-kriterji tat-teħid tad-deċiżjonijiet tagħhom. Fejn meħtieġ, għandu jkun hemm il-possibbiltà li l-Istati Membri jiddeċiedu li jinkludu l-awtorità nazzjonali tas-sikurezza tagħhom fil-ministeru nazzjonali responsabbli għall-affarijiet tat-trasport, dment li tiġi rispettata l-indipendenza tal-awtorità nazzjonali tas-sikurezza. Sabiex jaqdu l-kompiti tagħhom, l-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza għandu jkollhom il-kapaċità organizzattiva interna u esterna neċessarja f'termini ta' riżorsi umani u materjali.

(36)

Il-korpi investigattivi nazzjonali għandhom rwol ewlieni fil-proċess tal-investigazzjoni tas-sikurezza. Il-ħidma tagħhom hija mill-aktar importanti biex jiġu determinati l-kawżi ta' inċident jew ta' aċċident. Għalhekk huwa essenzjali li dawn għandu jkollhom ir-riżorsi finanzjarji u umani meħtieġa biex iwettqu investigazzjonijiet effikaċi u effiċjenti. Il-korpi investigattivi nazzjonali għandhom jikkooperaw bil-ħsieb li jiskambjaw informazzjoni u l-aħjar prattiki. Huma għandhom jistabbilixxu programm ta' reviżjonijiet bejn il-pari sabiex jissorveljaw l-effettività tal-investigazzjonijiet tagħhom. Ir-rapporti tar-reviżjoni bejn il-pari għandhom jiġu pprovduti lill-Aġenzija sabiex tkun tista' tissorvelja l-prestazzjoni tas-sikurezza globali tas-sistema ferrovjarja tal-Unjoni.

(37)

Inċidenti serji fuq il-linji tal-ferrovija huma rari. Madankollu, jista' jkollhom konsegwenzi diżastrużi u li jqajmu tħassib fost il-pubbliku dwar il-prestazzjoni tas-sikurezza tas-sistema ferrovjarja tal-Unjoni. Dawn l-inċidenti kollha għandhom, għalhekk, ikunu investigati minn perspettiva ta' sikurezza biex jiġi evitat li jerġgħu jiġru meta r-riżultati tal-investigazzjonijiet isiru disponibbli pubblikament. Inċidenti u aċċidenti oħra għandhom wkoll ikunu soġġetti għal investigazzjonijiet tas-sikurezza meta jinvolvu prekursuri sinifikanti għal inċident serju.

(38)

Investigazzjoni tas-sikurezza għandha tinżamm separata minn kwalunkwe inkjesta ġudizzjarja dwar l-istess aċċident, u dawk li jwettquha għandhom jingħataw aċċess għall-evidenza u għax-xhieda. Għandha titwettaq minn korp permanenti li huwa indipendenti mill-atturi fis-sistema ferrovjarja tal-Unjoni. Il-korp għandu jiffunzjona b'tali mod li jevita kwalunkwe kunflitt ta' interess u kwalunkwe involviment possibbli fil-kawżi tal-okkorrenzi li jiġu investigati. b'mod partikolari, l-indipendenza funzjonali tiegħu ma għandhiex tkun affettwata jekk hija marbuta mill-qrib, għal raġunijiet organizzattivi u ta' strutturi legali, mal-awtorità nazzjonali tas-sikurezza, l-Aġenzija jew ir-regolatur tal-ferroviji. L-investigazzjonijiet tiegħu għandhom jitwettqu bl-akbar trasparenza possibbli. Għal kull okkorrenza, il-korp investigattiv għandu jistabbilixxi l-grupp rilevanti tal-investigazzjoni li jkollu l-għarfien espert meħtieġ biex isib il-kawżi immedjati u sottostanti.

(39)

Investigazzjoni wara inċident serju għandha titwettaq b'tali mod li l-partijiet kollha jingħataw il-possibbiltà li jinstemgħu u li jikkondividu r-riżultati. b'mod partikolari, waqt l-investigazzjoni, il-korp investigattiv għandu jaġġorna lill-partijiet li huwa jqis li għandhom responsabbiltà relatata mas-sikurezza dwar il-progress fl-investigazzjoni, u għandu jieħu kont tal-fehmiet u l-opinjonijiet tagħhom. Dan jippermetti lill-korp investigattiv jirċievi kwalunkwe informazzjoni rilevanti addizzjonali u li jkun konxju mill-opinjonijiet differenti dwar ħidmietu sabiex ikun jista' jlesti l-investigazzjoni tiegħu bl-aktar mod adatt. Tali konsultazzjoni ma għandha fl-ebda każ twassal biex jiġu determinati t-tort jew ir-responsabbiltà iżda, pjuttost, biex tinġabar evidenza fattwali u jinkiseb tagħlim għat-titjib tas-sikurezza fil-ġejjieni. Il-korp investigattiv għandu, madankollu, jkollu l-libertà li jagħżel l-informazzjoni li jkun intenzjonat li jikkondividi ma' tali partijiet biex jevita pressjoni mhux dovuta, ħlief meta dan jintalab minn dawk li jkunu qed imexxu l-proċedura ġudizzjarja. Il-korp investigattiv għandu jieħu kont ukoll tal-ħtiġijiet raġonevoli għal informazzjoni ta' kwalunkwe vittma u ta' qrabatha.

(40)

Sabiex titjieb l-effiċjenza tal-attivitajiet tagħhom u sabiex jiġi ffaċilitat il-qadi ta' dmirijiethom, il-korpi investigattivi għandu jkollhom aċċess f'waqtu għas-sit ta' inċident, fejn meħtieġ b'kooperazzjoni tajba ma' kwalunkwe awtorità ġudizzjarja involuta fil-kwistjoni. Ir-rapporti dwar l-investigazzjonijiet u kwalunkwe sejba jew rakkomandazzjoni jipprovdu informazzjoni kruċjali għal aktar żvilupp fis-sikurezza ferrovjarja u għandhom ikunu disponibbli b'mod pubbliku fuq il-livell tal-Unjoni. Ir-rakkomandazzjonijiet tas-sikurezza għandhom jiġu attwati minn dawk li lilhom ikunu indirizzati u l-azzjonijiet għandhom ikunu rapportati lura lill-korp investigattiv.

(41)

Fl-eventwalità li l-kawża diretta ta' inċident jew aċċident tidher li tkun relatata ma' azzjonijiet tal-bniedem, għandha tingħata attenzjoni għaċ-ċirkostanzi partikolari u għall-mod li bih jitwettqu attivitajiet ta' rutina mill-persunal matul operazzjonijiet normali, inkluż it-tfassil tal-interfaċċja bejn il-magna u l-bniedem, l-idoneità tal-proċeduri, konflitti bejn l-objettivi, il-volum ta' xogħol u kull ċirkostanza oħra li jista'jkollha impatt fuq l-avveniment, inkluż l-istress fiżiku u dak relatat max-xogħol, l-għajja jew is-saħħa psikoloġika.

(42)

Għandhom isiru sforzi biex jiġi żgurat li jkun disponibbli livell għoli ta' taħriġ u kwalifiki avvanzati fl-Unjoni kollha.

(43)

Sabiex jiġu ssupplimentati u emendati ċerti elementi mhux essenzjali ta' din id-Direttiva, is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti f'konformità mal-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għandha tiġi delegata lill-Kummissjoni fir-rigward ta' CMS u CST, u r-reviżjoni tagħhom. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul il-ħidma ta' tħejjija tagħha, inkluż fil-livell ta' esperti. Il-Kummissjoni, meta tkun qed tħejji u tfassal atti delegati, għandha tiżgura t-trasmissjoni simultanja, f'waqtha u xierqa tad-dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(44)

Il-Kummissjoni għandha tingħata setgħat ta' implimentazzjoni sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva fir-rigward tal-mandat tal-Aġenzija biex tfassal CSMs u CSTs u l-emendi tagħhom u biex tagħmel ir-rakkomandazzjonijiet rilevanti lill-Kummissjoni; arranġamenti prattiċi għall-finijiet taċ-ċertifikazzjoni tas-sikurezza; dispożizzjonijiet dettaljati li jidentifikaw liema mir-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness III għandhom japplikaw għall-finijiet tal-funzjonijiet ta' manutenzjoni mwettqa mill-workshops tal-manutenzjoni, inklużi dispożizzjonijiet dettaljati biex tiġi żgurata implimentazzjoni uniformi taċ-ċertifikazzjoni ta' workshops tal-manutenzjoni, f'konformità mas-CSM u t-TSIs rilevanti; dispożizzjonijiet dettaljati li jidentifikaw liema mir-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness III għandhom japplikaw għall-finijiet ta' ċertifikazzjoni tal-entitajiet inkarigati mill-manutenzjoni ta' vetturi għajr il-vaguni tal-merkanzija, abbażi tal-karatteristiċi tekniċi ta' dawn il-vetturi, inklużi dispożizzjonijiet dettaljati biex tiġi żgurata implimentazzjoni uniformi tal-kundizzjonijiet taċ-ċertifikazzjoni għall-entità inkarigata mill-manutenzjoni ta' vetturi għajr il-vaguni tal-merkanzija, f'konformità mas-CSM u t-TSIs rilevanti; u l-istruttura tar-rapport dwar l-investigazzjoni tal-aċċidenti u l-inċidenti. Dawk is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9).

(45)

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli fuq il-penali applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati bis-saħħa ta' din id-Direttiva u jiżguraw li jiġu implimentati. Dawk il-penali għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

(46)

Billi l-objettivi ta' din id-Direttiva, jiġifieri l-koordinazzjoni tal-attivitajiet fl-Istati Membri biex tkun regolata u ssorveljata s-sikurezza, l-investigazzjoni tal-inċidenti, u biex ikunu stabbiliti CSTs, CSMs, CSIs u rekwiżiti komuni għaċ-ċertifikati ta' sikurezza uniċi, ma jistgħux jintlaħqu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jistgħu, minħabba l-iskala u l-effetti tagħhom, jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta l-miżuri skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju biex ikunu milħuqa dawn l-objettivi.

(47)

L-obbligu tat-traspożizzjoni ta' din id-Direttiva fil-liġi nazzjonali għandu jkun limitat għal dawk id-dispożizzjonijiet li jirrappreżentaw emenda sostantiva meta mqabbla mad-Direttiva 2004/49/KE. L-obbligu li d-dispożizzjonijiet li ma nbidlux jiġu trasposti ġej minn dik id-Direttiva.

(48)

Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-obbligu tal-Istati Membri rigward il-limiti ta' żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali tad-Direttivi li jinsabu fil-Parti B tal-Anness IV,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett

Din id-Direttiva tistabbilixxi dispożizzjonijiet biex tiżigura l-iżvilupp u t-titjib tas-sikurezza tas-sistema ferrovjarja tal-Unjoni u aċċess aħjar fis-suq għas-servizzi tat-trasport ferrovjarju billi:

(a)

tarmonizza l-istruttura regolatorja fl-Istati Membri;

(b)

tiddefinixxi r-responsabbiltajiet bejn l-atturi fis-sistema ferrovjarja tal-Unjoni;

(c)

tiżviluppa miri komuni tas-sikurezza (“CSTs”) u metodi komuni tas-sikurezza (“CSMs”) bil-għan tat-tneħħija gradwali tal-ħtieġa għal regoli nazzjonali;

(d)

l-istabbiliment tal-prinċipji għall-ħruġ, it-tiġdid, l-emendar u r-restrizzjoni jew ir-revoka ta' ċertifikati u awtorizzazzjonijiet ta' sikurezza;

(e)

teħtieġ l-istabbiliment, għal kull Stat Membru, ta' awtorità nazzjonali tas-sikurezza u korp li jinvestiga l-inċidenti u l-aċċidenti; u

(f)

tfisser il-prinċipji komuni għall-ġestjoni, ir-regolazzjoni u s-superviżjoni tas-sikurezza ferrovjarja.

Artikolu 2

Kamp ta' applikazzjoni

1.   Din id-Direttiva tapplika għas-sistema tal-linji ferrovjarji fl-Istati Membri, li tista' tinqasam f'sottosistemi għaż-żoni strutturali u funzjonali. Hija tkopri r-rekwiżiti tas-sikurezza għas-sistema sħiħa, inkluż il-ġestjoni sikura tal-infrastruttura u l-operazzjoni tat-traffiku u l-interazzjoni bejn l-impriżi ferrovjarji, l-amministraturi tal-infrastruttura u atturi oħrajn fis-sistema ferrovjarja tal-Unjoni.

2.   Din id-Direttiva ma għandhiex tapplika għal:

(a)

il-metro;

(b)

il-linji tat-tramm u vetturi ferrovijarji ħfief, u infrastruttura użata esklużivament minn dawk il-vetturi; jew

(c)

in-netwerks li huma separati b'mod funzjonali mill-bqija tas-sistema ferrovjarja tal-Unjoni u maħsuba biss għall-operazzjoni tas-servizzi lokali, urbani jew suburbani tal-passiġġieri, kif ukoll l-impriżi li joperaw biss fuq dawk in-netwerks.

3.   L-Istati Membri jistgħu jeskludu mill-applikazzjoni ta' din id-Direttiva:

(a)

infrastruttura ferrovjarja tal-privat, inklużi binarji, użata mis-sid jew minn operatur għall-fini tal-attivitajiet rispettivi tagħhom tat-trasport ta' merkanzija jew għat-trasport ta' persuni għal finijiet mhux kummerċjali, u vetturi użati esklużivament fuq tali infrastruttura;

(b)

infrastruttura u vetturi riżervati għall-użu strettament lokali, storiku jew turistiku;

(c)

infrastruttura ferrovjarja ħafifa li okkażjonalment tintuża minn vetturi ferrovjarji tqal skont il-kondizzjonijiet operazzjonali tas-sistema ferrovjarja ħafifa, fejn tkun neċessarja għal finijiet ta' konnettività ta' dawk il-vetturi biss; u

(d)

vetturi li primarjament jintużaw fuq infrastruttura ferrovjarja ħafifa iżda mgħammra b'xi komponenti ferrovjarji tqal neċessarji biex jippermettu li jsir tranżitu fuq sezzjoni ristretta u limitata ta' infrastruttura ferrovjarja tqila għal finijiet ta' konnettività biss.

4.   Minkejja l-paragrafu 2, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li japplikaw, fejn xieraq, id-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva għall-metros u sistemi lokali oħrajn f'konformità mal-liġi nazzjonali.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“sistema ferrovjarja tal-Unjoni” tfisser is-sistema ferrovjarja tal-Unjoni kif definita fil-punt (1) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva (UE) 2016/797;

(2)

“amministratur tal-infrastruttura” tfisser amministratur tal-infrastruttura kif definit fil-punt (2) tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2012/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10);

(3)

“impriża ferrovjarja” tfisser impriża ferrovjarja kif definita fil-punt (1) tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2012/34/UE, u kwalunkwe impriża oħra pubblika jew privata, li l-attività tagħha hija dik li tipprovdi trasport ta' oġġetti u/jew ta' passiġġieri bil-ferroviji fuq il-bażi li l-impriża għandha tiżgura t-trazzjoni, inklużi impriżi li jipprovdu trazzjoni biss;

(4)

“speċifikazzjoni teknika ta' interoperabbiltà” (TSI) tfisser speċifikazzjoni adottata f'konformità mad-Direttiva (UE) 2016/797 li biha kull subsistema jew parti minn subsistema tkun koperta sabiex tissodisfa r-rekwiżiti essenzjali u tiżgura l-interoperabbiltà tas-sistema ferrovjarja tal-Unjoni;

(5)

“miri komuni tas-sikurezza” (CSTs) tfisser il-livelli minimi tas-sikurezza li għandhom jintlaħqu mis-sistema inġenerali, u meta fattibbli, minn partijiet differenti tas-sistema ferrovjarja tal-Unjoni (bħas-sistema ferrovjarja konvenzjonali, is-sistema ferrovjarja ta' veloċità għolja, il-mini twal tal-ferrovija jew linji li huma użati biss għat-trasport ta' merkanzija);

(6)

“metodi komuni tas-sikurezza” (CSMs) tfisser il-metodi li jiddeskrivu l-valutazzjoni tal-livelli tas-sikurezza u l-kisbiet tal-miri tas-sikurezza u l-konformità ma' rekwiżiti oħra ta' sikurezza;

(7)

“l-awtorità nazzjonali tas-sikurezza” tfisser il-korp nazzjonali fdat bil-kompiti tas-sikurezza ferrovjarja f'konformità ma' din id-Direttiva jew kwalunkwe korp inkarigat minn diversi Stati Membri b'dawk il-kompiti sabiex tassigura reġim unifikat ta' sikurezza;

(8)

“regoli nazzjonali” tfisser ir-regoli vinkolanti kollha adottati fi Stat Membru, irrispettivament mill-korp li joħroġhom, li fihom rekwiżiti tas-sikurezza ferrovjarja jew tekniċi, għajr dawk stabbiliti mill-[…]Unjoni jew regoli internazzjonali, u li huma applikabbli f'dak l-Istat Membru għal impriżi ferrovjarji, amministraturi tal-infrastruttura jew partijiet terzi;

(9)

“is-sistema tal-ġestjoni tas-sikurezza” tfisser l-organizzazzjoni, l-arranġamenti u l-proċeduri stabbiliti minn amministratur tal-infrastruttura jew impriża ferrovjarja biex jassiguraw il-ġestjoni sikura tal-operazzjonijiet tagħha;

(10)

“l-investigatur maħtur” tfisser il-persuna responsabbli mill-organizzazzjoni, mill-andament u mill-kontroll ta' investigazzjoni;

(11)

“inċident” tfisser avveniment f'salt mhux mixtieq jew mhux intiż jew katina speċifika ta' tali avvenimenti li għandhom konsegwenzi dannużi; l-inċidenti jinqasmu fil-kategoriji li ġejjin: kolliżjonijiet; deraljamenti; inċidenti fil-punti ta' qsim ta' binarji; inċidenti lil persuni li jinvolvu vetturi ferrovjarji li jkunu għaddejjin; nirien u oħrajn;

(12)

“inċident serju” tfisser kwalunkwe kolliżjoni ta' ferrovija jew deraljament ta' ferroviji li jirriżultaw fil-mewt ta' mill-inqas persuna waħda jew f'tidrib serju lill-ħames jew aktar persuni jew ħsara estensiva lill-materjal ferrovjarju, lill-infrastruttura jew lill-ambjent, u kwalunkwe inċident ieħor bl-istess konsegwenzi li jkollu impatt ovvju fuq ir-regolament tas-sikurezza ferrovjarja jew il-ġestjoni tas-sikurezza; “ħsara estensiva” tfisser ħsara li tista' tiġi immedjatament stmata mill-korp investigattiv li tiswa total ta' mill-inqas EUR 2 miljuni;

(13)

“aċċident” tfisser kwalunkwe okkorrenza, għajr inċident jew inċident serju, li taffettwa jew tista' taffettwa s-sikurezza tal-operazzjonijiet ferrovjarji;

(14)

“investigazzjoni” tfisser proċess immexxi minħabba l-prevenzjoni tal-inċidenti u l-aċċidenti li tinkludi l-ġbir u l-analiżi tal-informazzjoni, il-wasla għall-konklużjonijiet, inkluża d-determinazzjoni tal-kawżi u, fejn adattat, il-ħolqien tar-rakkomandazzjonijiet tas-sikurezza;

(15)

“kawżi” tfisser azzjonijiet, nuqqasijiet, avvenimenti jew kondizzjonijiet, jew kombinazzjoni ta' dawn, li wasslu għal inċident jew aċċident;

(16)

“[…] ferrovija ħafifa” tfisser sistema tat-trasport ferrovjarja urbana u/jew suburbana b'reżistenza għall-ħabtiet ta' C-III jew C-IV (f'konformità ma' EN 15227:2011) u saħħa massima tal-vettura ta' 800 kN (forza kompressiva lonġitudinali fiż-żona ta' agganċjament); is-sistemi tal-ferrovija ħafifa jista' jkollhom id-dritta tagħhom jew inkella jaqsmuha mat-traffiku tat-triq u s-soltu ma jpartux il-vetturi mat-traffiku tal-passiġġieri jew tal-merkanzija fuq distanzi twal;

(17)

“korp ta' valutazzjoni tal-konformità” tfisser korp li ġie nnotifikat jew innominat biex ikun responsabbli mill-attivitajiet ta' valutazzjoni tal-konformità, inkluż il-kalibrazzjoni, l-ittestjar, iċ-ċertifikazzjoni u l-ispezzjoni; korp ta' valutazzjoni tal-konformità huwa kklassifikat bħala “korp notifikat” wara li tkun saret notifika minn Stat Membru; korp ta' valutazzjoni tal-konformità huwa kklassifikat bħala “korp nominat” wara li tkun saret in-nomina minn Stat Membru;

(18)

“kostitwenti tal-interoperabbiltà” tfisser il-kostitwenti tal-interoperabbiltà kif definita fil-punt (7) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva (UE) 2016/797;

(19)

“detentur” tfisser l-entità ġuridika jew persuna fiżika jew ġuridika li, billi hi s-sid ta' vettura jew għandha d-dritt li tużaha, tisfrutta l-vettura bħala mezz ta' trasport u hija reġistrata bħala tali f'reġistru tal-vetturi msemmi fl-Artikolu 47 tad-Direttiva (UE) 2016/797;

(20)

“entità inkarigata mill-manutenzjoni” (“ECM”) tfisser entità inkarigata mill-manutenzjoni ta' vettura, u reġistrata bħala tali f'reġistru nazzjonali tal-vetturi msemmi fl-Artikolu 47 tad-Direttiva (UE) 2016/797;

(21)

“vettura” tfisser vettura ferrovjarja adatta biex tiċċirkola fuq ir-roti fuq linji ferrovjarji, bi trazzjoni jew mingħajr; vettura hija komposta minn sottosistema strutturali u funzjonali waħda jew iktar;

(22)

“manifattur” tfisser il-manifattur kif definit fil-punt (36) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva (UE) 2016/797;

(23)

“konsenjatur” tfisser impriża li tikkonsenja l-merkanzija f'isimha jew għal parti terza;

(24)

“destinatarju” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li tirċievi l-merkanzija skont kuntratt tal-ġarr; jekk l-operazzjoni tat-trasport isseħħ mingħajr kuntratt ta' ġarr, kull persuna fiżika jew ġuridika li tinkariga ruħha mill-merkanzija malli din tasal għandha titqies bħala d-destinatarju;

(25)

“karigatur” tfisser impriża li tgħabbi ġewwa jew għal fuq vagun jew kontejner oġġetti ppakkjati, kontenituri żgħar jew tankijiet li jinġarru jew li tgħabbi għal fuq vagun kontejner, kontejner għall-merkanzija fil-kobor, kontejner tal-gass b'elementi multipli, kontejner tank jew tank li jinġarr;

(26)

“skarigatur” tfisser impriża li tħott kontejner, kontejner għall-merkanzija fil-kobor, kontejner tal-gass b'elementi multipli, kontejner tank, jew tank li jinġarr minn fuq vagun, jew kwalunkwe impriża li tħott oġġetti ppakkjati, kontenituri żgħar jew tankijiet li jinġarru minn ġewwa vagun jew minn fuqu jew minn kontejner, jew kwalunkwe impriża li tiskariga oġġetti minn tank (vagun tank, tank demontabbli, tank li jinġarr jew tank kontenitur), jew minn vagun batterija jew kontejner tal-gass, b'elementi multipli jew minn vagun, kontejner kbir jew kontejner żgħir għat-ġarr bl-ingrossa jew kontejner għal merkanzija fil-kobor;

(27)

“impriża tal-mili” tfisser impriża li tgħabbi oġġetti f'tank (inkluż vagun tank, vagun b'tank demontabbli, tank li jinġarr jew tank kontejner), ġo vagun, kontejner kbir jew kontejner żgħir għall-ġarr bl-ingrossa, jew ġo vagun batterija jew kontejner tal-gass b'elementi multipli;

(28)

“impriża tal-iżvujtar” tfisser impriża li tneħħi l-oġġetti minn tank (inkluż vagun tank, vagun b'tank demontabbli, tank li jinġarr jew kontejner tank), vagun, kontejner kbir jew kontejner żgħir għall-ġarr bl-ingrossa, jew minn vagun batterija jew kontejner tal-gass b'elementi multipli;

(29)

“trasportatur” tfisser impriża li twettaq l-operazzjoni ta' trasport skont kuntratt ta' trasport;

(30)

“entità kontraenti” tfisser entità pubblika jew privata li tordna d-disinn u/jew il-kostruzzjoni jew it-tiġdid jew l-immodernizzar ta' sottosistema;

(31)

“tip ta' operazzjoni” tfisser it-tip kkaratterizzat mit-trasport tal-passiġġieri, li jinkludi jew jeskludi servizzi ta' veloċità għolja, trasport ta' merkanzija, inklużi jew esklużi servizzi ta' oġġetti perikolużi, u servizzi ta' shunting biss;

(32)

“firxa tal-operazzjoni” tfisser il-firxa kkaratterizzata mill-għadd ta' passiġġieri u/jew volum ta' merkanzija u d-daqs stmat ta' impriża ferrovjarja f'termini ta' għadd ta' impjegati li jaħdmu fis-settur ferrovjarju (bħal intrapriża mikro, żgħira, medja jew kbira);

(33)

“żona tal-operazzjoni” tfisser netwerk jew netwerks ġewwa Stat Membru wieħed jew aktar fejn l-impriża ferrovjarja biħsiebha topera.

KAPITOLU II

ŻVILUPP U ĠESTJONI TAS-SIKUREZZA FERROVJARJA

Artikolu 4

Ir-rwol tal-atturi fis-sistema ferrovjarja tal-Unjoni fl-iżvilupp u t-titjib tas-sikurezza ferrovjarja

1.   Bil-għan li tiġi żviluppata u mtejba s-sikurezza ferrovjarja, l-Istati Membri, fil-limiti tal-kompetenzi tagħhom, għandhom:

(a)

jiżguraw li s-sikurezza ferrovjarja hija ġeneralment miżmuma u, fejn raġonevolment prattikabbli mtejba kontinwament, billi jittieħed kont tal-iżvilupp tal-liġi tal-Unjoni u tar-regoli internazzjonali u tal-progress tekniku u xjentifiku, u billi tingħata prijorità għall-prevenzjoni ta' inċidenti;

(b)

jiżguraw li l-leġislazzjoni applikabbli kollha tiġi infurzata b'mod miftuħ u nondiskriminatorju, filwaqt li jitrawwem l-iżvilupp ta' sistema Ewropea unika għat-trasport ferrovjarju;

(c)

jiżguraw li l-miżuri biex jiżviluppaw u jtejbu s-sikurezza ferrovjarja għandhom jikkunsidraw il-bżonn għall-approċċ ibbażat fuq is-sistema;

(d)

jiżguraw li r-responsabbiltà għall-operazzjoni sikura tas-sistema ferrovjarja tal-Unjoni u l-kontroll tar-riskji assoċjati miegħu titqiegħed fuq l-amministraturi tal-infrastruttura u l-impriżi ferrovjarji, kull wieħed għall-parti tiegħu tas-sistema, billi jobbligawhom:

(i)

jimplimentaw miżuri neċessarji għall-kontroll tar-riskju kif imsemmi fil-punt (a) tal-Artikolu 6(1), fejn xieraq f'kooperazzjoni ma' xulxin;

(ii)

japplikaw ir-regoli tal-Unjoni u dawk nazzjonali;

(iii)

jiġu stabbiliti s-sistemi tal-ġestjoni tas-sikurezza skont din id-Direttiva;

(e)

mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà ċivili skont ir-rekwiżiti legali tal-Istati Membri, jiżguraw li kull amministratur tal-infrastruttura u kull impriża ferrovjarja jkunu responsabbli għall-parti tagħhom fis-sistema u l-operazzjoni sikura tagħha, inkluż il-forniment tal-materjali u l-ikkuntrattar tas-servizzi, vis-à-vis l-utenti, il-konsumaturi, il-ħaddiema kkonċernati u atturi oħrajn imsemmija fil-paragrafu 4;

(f)

jiżviluppaw u jippubblikaw pjani annwali tas-sikurezza li jistabbilixxu l-miżuri previsti biex jinkisbu s-CSTs; u

(g)

fejn adatt, jappoġġaw l-Aġenzija fil-ħidma tagħha biex tagħmel monitoraġġ tal-iżvilupp tas-sikurezza ferrovjarja fil-livell tal-Unjoni.

2.   L-Aġenzija għandha tiżgura, fil-limiti tal-kompetenzi tagħha, li s-sikurezza ferrovjarja hija ġeneralment miżmuma u, fejn raġonevolment prattikabbli, kontinwament imtejba b'kont meħud tal-iżvilupp tal-liġi tal-Unjoni u tal-progress tekniku u xjentifiku u billi tingħata prijorità għall-prevenzjoni ta' inċidenti serji.

3.   L-impriżi ferrovjarji u l-amministraturi tal-infrastruttura għandhom:

(a)

jimplimentaw il-miżuri neċessarji għall-kontroll tar-riskju msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 6(1), fejn xieraq f'kooperazzjoni ma' xulxin u ma' atturi oħrajn;

(b)

jieħdu kont, fis-sistemi tagħhom tal-ġestjoni tas-sikurezza, tar-riskji assoċjati mal-attivitajiet ta' atturi u partijiet terzi oħra;

(c)

fejn xieraq, jobbligaw b'kuntratt lill-atturi l-oħra msemmija fil-paragrafu 4 li jkollhom impatt potenzjali fuq l-operazzjoni sikura tas-sistema ferrovjarja tal-Unjoni fl-implimentazzjoni ta' miżuri ta' kontroll tar-riskju; u

(d)

jiżguraw li l-kuntratturi tagħhom jimplimentaw miżuri ta' kontroll tar-riskju permezz tal-applikazzjoni tas-CSMs għall-monitoraġġ tal-proċessi stabbiliti fis-CSMs rigward il-monitoraġġ imsemmi fil-punt (c) tal-Artikolu 6(1), u li dan ikun stipulat f'arranġamenti kuntrattwali li għandhom jiġu żvelati fuq talba tal-Aġenzija jew tal-awtorità nazzjonali tas-sikurezza.

4.   Mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltajiet tal-impriżi ferrovjarji u l-amministraturi tal-infrastruttura msemmija fil-paragrafu 3, l-entitajiet inkarigati mill-manutenzjoni u l-atturi l-oħra kollha li għandhom impatt potenzjali fuq l-operazzjoni sikura tas-sistema ferrovjarja tal-Unjoni, fosthom il-manifatturi, il-fornituri tal-manutenzjoni, il-vaguniera, il-fornituri ta' servizzi, l-entitajiet kontraenti, it-trasportaturi, il-konsenjaturi, id-destinatarji, il-karigaturi, l-iskarigaturi, l-impriżi tal-mili u l-impriżi tal-iżvujtar, għandhom:

(a)

jimplimentaw il-miżuri neċessarji għall-kontroll tar-riskji, fejn adattat f'kooperazzjoni ma' atturi oħrajn;

(b)

jiżguraw li s-sottosistemi, l-aċċessorji, it-tagħmir u s-servizzi forniti minnhom jikkonformaw mar-rekwiżiti speċifikati u l-kondizzjonijiet għall-użu, biex b'hekk ikunu jistgħu jitħaddmu b'mod sikur mill-impriża ferrovjarja u/jew l-amministratur tal-infrastruttura kkonċernat.

5.   L-impriżi ferrovjarji, l-amministraturi tal-infrastruttura u kwalunkwe attur imsemmi fil-paragrafu 4 li jidentifikaw, jew li jkunu infurmati b'riskju ta' sikurezza relatat ma' difetti u kostruzzjoni, nonkonformitajiet jew nuqqas ta' funzjonament ta' tagħmir tekniku, inklużi dawk ta' sottosistemi strutturali, għandhom, fil-limiti tal-kompetenzi rispettivi tagħhom:

(a)

jieħdu kwalunkwe miżura korrettiva neċessarja biex jiġi ttrattat ir-riskju ta' sikurezza identifikat;

(b)

jirrapportaw dawk ir-riskji lill-partijiet rilevanti involuti, sabiex dawn ikunu jistgħu jieħdu kwalunkwe azzjoni korrettiva neċessarja oħra biex ikun żgurat il-ksib kontinwu tal-prestazzjoni tas-sikurezza tas-sistema ferrovjarja tal-Unjoni. L-Aġenzija tista' tistabbilixxi għodda li tiffaċilita dan l-iskambju ta' informazzjoni fost l-atturi rilevanti, b'kont meħud tal-privatezza tal-utenti involuti, ir-riżultati ta' analiżi tar-relazzjoni bejn l-ispejjeż u l-benefiċċji kif ukoll l-applikazzjonijiet u r-reġistri tal-IT diġà stabbiliti mill-Aġenzija.

6.   Fil-każ ta' skambju ta' vetturi bejn l-impriżi ferrovjarji, kwalunkwe attur involut, għandu jiskambja l-informazzjoni kollha rilevanti għall-operazzjoni sikura inkluż, iżda mhux limitat għal, l-istatus u l-passat tal-vettura kkonċernata, l-elementi tal-fajls ta' manutenzjoni għal finijiet ta'traċċabbiltà, it-traċċabbiltà tal-operazzjonijiet tat-tagħbija u n-noti dwar il-konsenja.

Artikolu 5

Indikaturi komuni tas-sikurezza (“CSIs”)

1.   Biex jiffaċilitaw il-valutazzjoni tal-ksib tas-CSTs u biex jipprovdu għall-monitoraġġ tal-iżvilupp ġenerali tas-sikurezza ferrovjarja, l-Istati Membri għandhom jiġbru l-informazzjoni dwar is-CSIs permezz tar-rapporti annwali tal-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza msemmija fl-Artikolu 19.

2.   Is-CSIs jinsabu fl-Anness I.

Artikolu 6

Metodi komuni tas-sikurezza (“CSMs”)

1.   Is-CSMs għandhom jiddeskrivu kif il-livelli tas-sikurezza, il-ksib tal-miri tas-sikurezza u l-konformità ma' rekwiżiti ta' sikurezza oħrajn jiġu vvalutati, inkluż, fejn adatt, permezz ta' korp indipendenti ta' valutazzjoni, billi jiġu elaborati u ddefiniti:

(a)

il-metodi tal-evalwazzjoni u l-valutazzjoni tar-riskju;

(b)

il-metodi biex tiġi vvalutata l-konformità mar-rekwiżiti taċ-ċertifikati ta' sikurezza u l-awtorizzazzjonijiet tas-sikurezza maħruġa skont l-Artikoli 10 u 12;

(c)

il-metodi għas-superviżjoni li għandhom jiġu applikati mill-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza u l-metodi għall-monitoraġġ li għandhom jiġu applikati mill-impriżi ferrovjarji, l-amministraturi tal-infrastruttura u l-korpi inkarigati mill-manutenzjoni;

(d)

il-metodi għall-valutazzjoni tal-livell tas-sikurezza u l-prestazzjoni tas-sikurezza tal-operaturi ferrovjarji fil-livell nazzjonali u dak tal-Unjoni;

(e)

il-metodi għall-valutazzjoni tal-kisba ta' miri ta' sikurezza fil-livell nazzjonali u dak tal-Unjoni; u

(f)

kwalunkwe metodu ieħor li jkopri proċess ta' sistema ta' ġestjoni tas-sikurezza li jeħtieġ ikun armonizzat fil-livell tal-Unjoni.

2.   Il-Kummissjoni għandha, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, tagħti mandat lill-Aġenzija biex tabbozza CSMs u emendi għalihom u biex tagħmel ir-rakkomandazzjonijiet rilevanti lill-Kummissjoni, abbażi ta' ġustifikazzjoni ċara għall-ħtieġa ta' CSM ġdid jew emendat u l-impatt tiegħu fuq ir-regoli eżistenti u fil-livell ta' sikurezza tas-sistema ferrovjarja tal-Unjoni. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 28(3). Fejn il-kumitat imsemmi fl-Artikolu 28 (“il-kumitat”) ma jagħtix opinjoni, il-Kummissjoni ma għandhiex tadotta l-abbozz ta' att ta' implimentazzjoni, u għandu japplika t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

L-abbozzar, l-adozzjoni u r-reviżjoni tas-CSMs għandhom jieħdu kont tal-opinjonijiet tal-utenti, tal-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza u tal-partijiet interessati, inkluż, fejn adatt, is-sħab soċjali. Ir-rakkomandazzjonijiet għandhom ikollhom magħhom rapport dwar ir-riżultati ta' dik il-konsultazzjoni u rapport li jivvaluta l-impatt tas-CSM il-ġdid jew emendat li ser jiġi adottat.

3.   Matul l-eżerċizzju tal-mandat imsemmi fil-paragrafu 2, il-kumitat għandu jinżamm infurmat b'mod sistematiku u regolari mill-Aġenzija jew mill-Kummissjoni dwar il-ħidma preparatorja fuq is-CSMs. Matul dik il-ħidma, il-Kummissjoni tista' tagħti lill-Aġenzija kwalunkwe rakkomandazzjonijiet utli dwar is-CSMs u analiżi tal-ispejjeż imqabbla mal-benefiċċji. b'mod partikolari, il-Kummissjoni tista' tesiġi li jiġu eżaminati soluzzjonijiet alternattivi mill-Aġenzija u li l-valutazzjoni tal-ispejjeż u l-benefiċċji ta' dawk is-soluzzjonijiet alternattivi titniżżel fir-rapport mehmuż mas-CSMs abbozzati.

Il-Kummissjoni għandha tiġi assistita mill-kumitat għall-kompiti msemmijin fl-ewwel subparagrafu.

4.   Il-Kummissjoni għandha teżamina r-rakkomandazzjoni maħruġa mill-Aġenzija bil-għan li tivverifika li l-mandat imsemmi fil-paragrafu 2 ikun sodisfatt. Fejn il-mandat ma jiġix sodisfatt, il-Kummissjoni għandha titlob lill-Aġenzija tirrieżamina r-rakkomandazzjoni tagħha billi tindika l-punti tal-mandat li ma ġewx sodisfatti. Għal raġunijiet ġustifikati, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li timmodifika l-mandat mogħti lill-Aġenzija skont il-proċedura stipulata fil-paragrafu 2.

Il-Kummissjoni għandha tiġi assistita mill-kumitat għall-kompiti msemmijin fl-ewwel subparagrafu.

5.   Is-CSMs għandhom jiġu riveduti f'intervalli regolari, b'mod li titqies l-esperjenza miksuba mill-applikazzjoni tagħhom u l-iżvilupp globali tas-sikurezza ferrovjarja u bl-objettiv li s-sikurezza tinżamm b'mod ġenerali, u fejn raġonevolment prattikabbli, tittejjeb kontinwament.

6.   Abbażi tar-rakkomandazzjoni maħruġa mill-Aġenzija u wara l-eżami msemmi fil-paragrafu 4 ta' dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa tadotta atti delegati skont l-Artikolu 27 dwar il-kontenut tas-CSMs, u ta' kwalunkwe emenda li ssirilhom.

7.   L-Istati Membri għandhom, mingħajr dewmien, jagħmlu kwalunkwe emenda neċessarja lir-regoli nazzjonali tagħhom fid-dawl tal-adozzjoni tas-CSMs u l-emendi għalihom.

Artikolu 7

Miri komuni tas-sikurezza (“CSTs”)

1.   Is-CSTs għandhom jistabbilixxu l-livelli minimi tas-sikurezza x'jintlaħqu mis-sistema inġenerali, u fejn fattibbli, mill-partijiet differenti tas-sistema ferrovjarja f'kull Stat Membru u fl-Unjoni. Is-CSTs jistgħu jiġu espressi f'termini ta' kriterji ta' aċċettazzjoni tar-riskju jew livelli mixtieqa ta' sikurezza u għandhom iqisu, b'mod partikolari:

(a)

riskji individwali relatati mal-passiġġieri, mal-persunal inkluż l-impjegati jew kuntratturi, l-utenti tal-punti ta' qsim ta' binarji u oħrajn, u, mingħajr preġudizzju għar-regoli nazzjonali u internazzjonali eżistenti dwar ir-responsabbiltà, ir-riskji individwali relatati mal-persuni li jidħlu bla permess;

(b)

riskji lis-soċjetà.

2.   Il-Kummissjoni għandha, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, tagħti mandat lill-Aġenzija sabiex tabbozza CSTs u emendi għalihom u sabiex tagħmel ir-rakkomandazzjonijiet rilevanti lill-Kummissjoni, abbażi ta' ġustifikazzjoni ċara għall-ħtieġa ta' CST ġdida jew emendata u l-impatt tagħha fuq ir-regoli eżistenti. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 28(3). Fejn il-kumitat ma jagħtix opinjoni, il-Kummissjoni ma għandhiex tadotta l-abbozz ta' att ta' implimentazzjoni, u għandu japplika t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

3.   Matul l-eżerċizzju tal-mandat imsemmi fil-paragrafu 2, il-kumitat għandu jinżamm infurmat regolarment u sistematikament mill-Aġenzija jew mill-Kummissjoni dwar il-ħidma preparatorja fuq is-CSTs. Matul dik il-ħidma, il-Kummissjoni tista' tindirizza lill-Aġenzija kwalunkwe rakkomandazzjoni utli dwar is-CSTs u analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji. b'mod partikolari, il-Kummissjoni tista' tesiġi li jiġu eżaminati soluzzjonijiet alternattivi mill-Aġenzija u li l-valutazzjoni dwar l-ispejjeż u l-benefiċċji ta' dawn is-soluzzjonijiet alternattivi tiġi stabbilita fir-rapport mehmuż mal-abbozz tas-CSTs.

Il-Kummissjoni għandha tiġi assistita mill-kumitat għall-kompiti msemmija fl-ewwel subparagrafu.

4.   Il-Kummissjoni għandha teżamina r-rakkomandazzjoni maħruġa mill-Aġenzija bil-għan li jiġi vverifikat li l-mandat imsemmi fil-paragrafu 2 huwa sodisfatt. Fejn il-mandat mhuwiex sodisfatt, il-Kummissjoni għandha titlob lill-Aġenzija tirrieżamina r-rakkomandazzjoni tagħha billi tindika l-punti tal-mandat li ma ġewx sodisfatti. Għal raġunijiet ġustifikati, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li timmodifika l-mandat mogħti lill-Aġenzija skont il-proċedura stipulata fil-paragrafu 2.

Il-Kummissjoni għandha tiġi assistita mill-kumitat għall-kompiti msemmija fl-ewwel subparagrafu.

5.   Is-CSTs għandhom jiġu riveduti f'intervalli regolari, billi jitqies l-iżvilupp globali tas-sikurezza ferrovjarja. Is-CSTs riveduti għandhom jirriflettu kwalunkwe qasam prijoritarju fejn is-sikurezza għandha bżonn tittejjeb aktar.

6.   Abbażi tar-rakkomandazzjoni maħruġa mill-Aġenzija u wara l-eżami msemmi fil-paragrafu 4 ta' dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 27 dwar il-kontenut tas-CSTs, u ta' kwalunkwe emenda li ssirilhom.

7.   L-Istati Membri għandhom jagħmlu kwalunkwe emenda neċessarja lir-regoli nazzjonali tagħhom sabiex jinkisbu minn tal-anqas is-CSTs, u kwalunkwe CSTs riveduti, f'konformità mal-iskedi taż-żmien għall-implimentazzjoni mehmuża magħhom. Dawk l-emendi għandhom jitqiesu fil-pjanijiet annwali dwar is-sikurezza msemmija fil-punt (f) tal-Artikolu 4(1). L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw dawk ir-regoli lill-Kummissjoni f'konformità mal-Artikolu 8.

Artikolu 8

Regoli nazzjonali fil-qasam tas-sikurezza

1.   Ir-regoli nazzjonali nnotifikati sal-15 ta' Ġunju 2016 skont id-Direttiva 2004/49/KE għandhom japplikaw jekk huma:

(a)

jaqgħu taħt wieħed mit-tipi identifikati fl-Anness II, u

(b)

jikkonformaw mal-liġi tal-Unjoni, inkluż b'mod partikolari it-TSIs, is-CSTs u s-CSMs, u

(c)

ma jirriżultawx f'diskriminazzjoni arbitrarja jew restrizzjoni moħbija rigward operazzjoni ta' trasport ferrovjarju bejn l-Istati Membri.

2.   Sas-16 ta' Ġunju 2018, l-Istati Membri għandhom jirrevedu r-regoli nazzjonali msemmija fil-paragrafu 1 u jirrevokaw:

(a)

kwalunkwe regola nazzjonali li ma tkunx ġiet notifikata jew li ma tissodisfax il-kriterji speċifikati fil-paragrafu 1;

(b)

kwalunkwe regola nazzjonali li tkun saret superfluwa minħabba l-organizzazzjoni ta' liġi tal-Unjoni, inklużi b'mod partikolari t-TSIs, is-CSTs u s-CSMs.

Għal dak il-għan, l-Istati Membri jistgħu jużaw l-istrument ta' ġestjoni tar-regoli msemmi fl-Artikolu 27(4) tar-Regolament (UE) 2016/796 u jistgħu jitolbu lill-Aġenzija biex teżamina regoli speċifiċi fl-isfond tal-kriterji speċifikati f'dan il-paragrafu.

3.   L-Istati Membri jistgħu biss jistabbilixxu regoli nazzjonali ġodda bis-saħħa din id-Direttiva fil-każijiet li ġejjin biss:

(a)

meta regoli dwar metodi eżistenti tas-sikurezza ma jkunux koperti minn CSM;

(b)

meta regoli ta' operazzjoni tan-netwerk ferrovjarju jkunu għadhom mhux koperti minn TSIs;

(c)

bħala miżura preventiva urġenti, b'mod partikolari wara xi inċident jew aċċident;

(d)

meta regola li tkun diġà notifikata trid tiġi riveduta;

(e)

meta regoli dwar ir-rekwiżiti fir-rigward ta' persunal li jeżegwixxi kompiti kritiċi ta' sikurezza, inklużi l-kriterji ta' selezzjoni, is-saħħa fiżika u psikoloġika u t-taħriġ vokazzjonali ma jkunux għadhom koperti minn TSI jew mid-Direttiva 2007/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11).

4.   L-Istati Membri għandhom jippreżentaw l-abbozz ta' regola nazzjonali ġdida lill-Aġenzija u lill-Kummissjoni għal kunsiderazzjoni fi żmien debitu u fl-iskadenzi msemmija fl-Artikolu 25(1) tar-Regolament (UE) 2016/796, qabel l-introduzzjoni mistennija fis-sistema legali nazzjonali tar-regola l-ġdida proposta, u tingħata ġustifikazzjoni għall-introduzzjoni tagħha, permezz tas-sistema xierqa tal-IT skont l-Artikolu 27 tar-Regolament (UE) 2016/796. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-abbozz ikun żviluppat biżżejjed biex jippermetti lill-Aġenzija twettaq l-eżami tiegħu skont l-Artikolu 25(2) tar-Regolament (UE) 2016/796.

5.   Fil-każ ta' miżuri preventivi urġenti, l-Istati Membri jistgħu jadottaw u japplikaw immedjatament regola ġdida. Dik ir-regola għandha tiġi notifikata skont l-Artikolu 27(2) tar-Regolament (UE) 2016/796 u tkun soġġetta għall-valutazzjoni tal-Aġenzija skont l-Artikolu 26(1), (2) u (5) tar-Regolament (UE) 2016/796.

6.   Jekk l-Aġenzija ssir taf b'xi regola nazzjonali, kemm jekk notifikata kif ukoll jekk mhix, li tkun saret superfluwa jew li tkun f'kunflitt mas-CSMs jew kwalunkwe liġi oħra tal-Unjoni adottata wara l-applikazzjoni tar-regola nazzjonali kkonċernata, għandha tapplika l-proċedura prevista fl-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) 2016/796.

7.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Aġenzija u lill-Kummissjoni bir-regoli nazzjonali adottati. Huma għandhom jużaw sistema xierqa tal-IT skont l- Artikolu 27 tar-Regolament (UE) 2016/796. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-regoli nazzjonali eżistenti jkunu faċilment aċċessibbli, fl-isfera pubblika u fformulati f'terminoloġija li jistgħu jifhmu l-partijiet interessati kollha. L-Istati Membri jistgħu jintalbu jipprovdu informazzjoni addizzjonali dwar ir-regoli nazzjonali tagħhom.

8.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma jinnotifikawx regoli u restrizzjonijiet ta' natura strettament lokali. F'każijiet bħal dawn, l-Istati Membri għandhom isemmu dawk ir-regoli u restrizzjonijiet fir-reġistri tal-infrastruttura msemmija fl-Artikolu 49 tad-Direttiva (UE) 2016/797 jew jindikaw fid-dikjarazzjoni dwar in-netwerk imsemmija fl-Artikolu 27 tad-Direttiva 2012/34/UE fejn dawk ir-regoli u restrizzjonijiet huma ppubblikati.

9.   Ir-regoli nazzjonali nnotifikati skont dan l-Artikolu ma għandhomx ikunu soġġetti għall-proċedura ta' notifika prevista fid-Direttiva (UE) 2015/1535 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12).

10.   L-abbozzi tar-regoli nazzjonali u r-regoli nazzjonali eżistenti għandhom jiġu eżaminati mill-Aġenzija skont il-proċeduri stipulati fl-Artikoli 25 u 26 tar-Regolament (UE) 2016/796.

11.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 8, ir-regoli nazzjonali li ma jiġux innotifikati f'konformità ma' dan l-Artikolu ma għandhomx japplikaw għall-finijiet ta' din id-Direttiva.

Artikolu 9

Sistemi ta' ġestjoni tas-sikurezza

1.   L-amministraturi tal-infrastruttura u l-impriżi ferrovjarji għandhom jistabbilixxu s-sistemi ta' ġestjoni tas-sikurezza rispettivi tagħhom biex jiżguraw li s-sistema ferrovjarja tal-Unjoni tista' minn tal-anqas tilħaq is-CSTs, li tkun konformi mar-rekwiżiti tas-sikurezza stabbiliti fit-TSIs, u li l-partijiet rilevanti tas-CSMs u r-regoli nazzjonali notifikati skont l-Artikolu 8 jiġu applikati.

2.   Is-sistema tal-ġestjoni tas-sikurezza għandha tkun dokumentata fil-partijiet rilevanti kollha u għandha partikolarment tiddeskrivi d-distribuzzjoni tar-responsabbiltajiet fl-organizzazzjoni tal-amministratur tal-infrastruttura jew l-impriża ferrovjarja. Din għandha turi kif jiġi żgurat kontroll mill-amministrazzjoni f'livelli differenti, kif il-persunal u r-rappreżentanti tiegħu fil-livelli kollha huma involuti u kif jiġi żgurat titjib kontinwu fis-sistema tal-ġestjoni tas-sikurezza. Għandu jkun hemm impenn ċar biex jiġu applikati b'mod konsistenti l-għarfien u l-metodi relatati mal-fatturi umani. Permezz tas-sistema ta' ġestjoni tas-sikurezza, l-amministraturi tal-infrastruttura u l-impriżi ferrovjarji għandhom jippromwovu kultura ta' fiduċja reċiproka u tagħlim, li fiha l-persunal jiġi mħeġġeġ jikkontribwixxi għall-iżvilupp tas-sikurezza filwaqt li tiġi żgurata l-kunfidenzjalità.

3.   Is-sistema tal-ġestjoni tas-sikurezza għandha tinkludi l-elementi bażiċi li ġejjin:

(a)

politika ta' sikurezza approvata mill-kap eżekuttiv tal-organizzazzjoni u li tiġi kkomunikata lill-persunal kollu;

(b)

miri kwalitattivi u kwantitattivi tal-organizzazzjoni għaż-żamma u t-titjib tas-sikurezza, u l-pjanijiet u l-proċeduri biex jintlaħqu dawn il-miri;

(c)

proċeduri biex jiġu sodisfatti l-istandards tekniċi u operattivi eżistenti, ġodda u alterati jew kondizzjonijiet preskrittivi oħrajn kif stabbiliti fit-TSIs, ir-regoli nazzjonali msemmija fl-Artikolu 8 u l-Anness II, regoli rilevanti oħra jew deċiżjonijiet tal-awtoritajiet;

(d)

proċeduri biex tkun assigurata l-konformità mal-istandards u kondizzjonijiet oħra preskrittivi tul iċ-ċiklu tal-ħajja tat-tagħmir u l-operazzjonijiet;

(e)

proċeduri u metodi biex jiġu identifikati r-riskji, titwettaq l-evalwazzjoni tar-riskji u jiġu implimentati l-miżuri tal-kontroll tar-riskji kull meta bidla f'kondizzjonijiet operattivi jew l-introduzzjoni ta' materjal ġdid timponi riskji ġodda fuq l-infrastruttura jew l-interfaċċja tal-organizzazzjoni tal-bniedem u l-magni;

(f)

il-provvediment ta' programmi għat-taħriġ għall-persunal u sistemi biex ikun żgurat li l-kompetenza tal-persunal tinżamm u li l-kompiti jitwettqu kif meħtieġ, inklużi l-arranġamenti rigward is-saħħa fiżika u psikoloġika;

(g)

arranġamenti għall-għoti ta' informazzjoni suffiċjenti fl-organizzazzjoni u, fejn xieraq, bejn l-organizzazzjonijiet tas-sistema ferrovjarja;

(h)

proċeduri u formati għad-dokumentazzjoni tal-informazzjoni dwar is-sikurezza u d-deżinjazzjoni tal-proċedura għall-kontroll tal-konfigurazzjoni ta' informazzjoni vitali dwar is-sikurezza;

(i)

proċeduri biex ikun żgurat li inċidenti, aċċidenti, inċidenti li jiġu evitati bi ftit u okkorrenzi perikolużi oħra jiġu rappurtati, investigati u analizzati u li jittieħdu l-miżuri preventivi neċessarji;

(j)

il-provvediment ta' pjanijiet ta' azzjoni, twissija u informazzjoni fl-eventwalità ta' emerġenza, miftiehma mal-awtoritajiet pubbliċi xierqa; u

(k)

provvedimenti għal awditjar intern rikorrenti tas-sistema ta' ġestjoni tas-sikurezza.

L-amministraturi tal-infrastruttura u l-impriżi ferrovjarji għandhom jinkludu kull element ieħor neċessarju biex ikunu koperti r-riskji ta' sikurezza, skont il-valutazzjoni tar-riskji li jirriżultaw mill-attività tagħhom stess.

4.   Is-sistema tal-ġestjoni tas-sikurezza għandha tiġi adattata għat-tip, il-firxa, il-qasam tal-operazzjonijiet u l-kondizzjonijiet l-oħra tal-attività mwettqa. Għandha tiżgura l-kontroll tar-riskji kollha assoċjati mal-attività tal-amministratur tal-infrastruttura jew l-impriża ferrovjarja, inkluż il-forniment ta' manutenzjoni, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 14, u l-materjal u l-użu ta' kuntratturi. Mingħajr preġudizzju għar-regoli eżistenti nazzjonali u internazzjonali tar-responsabbiltà, is-sistema tal-ġestjoni tas-sikurezza għandha tieħu wkoll kont, fejn xieraq u raġonevoli, tar-riskji li jirriżultaw bħala riżultat tal-attivitajiet ta' atturi oħra msemmija fl-Artikolu 4.

5.   Is-sistema tal-ġestjoni tas-sikurezza ta' kwalunkwe amministratur tal-infrastruttura għandha tieħu kont tal-effetti tal-operazzjonijiet mill-impriżi ferrovjarji differenti fuq in-netwerk u għandha tagħmel provvedimenti biex l-impriżi ferrovjarji kollha jkunu jistgħu joperaw skont it-TSIs u r-regoli nazzjonali u l-kondizzjonijiet stipulati fiċ-ċertifikat tagħhom tas-sikurezza.

Is-sistemi tal-ġestjoni tas-sikurezza għandhom jiġi żviluppati bil-għan li jkunu koordinati l-proċeduri ta' emerġenza tal-amministratur tal-infrastruttura mal-impriżi ferrovjarji kollha li joperaw fuq l-infrastruttura tagħha, u mas-servizzi ta' emerġenza, sabiex jiġi faċilitat l-intervent rapidu tas-servizzi ta' salvataġġ, u ma' kwalunkwe parti oħra li tista' tkun involuta f'sitwazzjoni ta' emerġenza. Għall-infrastruttura transfruntiera, il-kooperazzjoni bejn l-amministraturi tal-infrastruttura rilevanti għandhom jiffaċilitaw il-koordinazzjoni u l-istat ta' tħejjija tas-servizzi ta' emerġenza kompetenti fuq iż-żewġ naħat tal-fruntiera.

Wara inċident serju, l-impriża ferrovjarja għandha tipprovdi assistenza biex il-vittmi jingħataw għajnuna fi proċeduri ta' tilwim skont il-liġi tal-Unjoni, b'mod partikolari r-Regolament (KE) Nru 1371/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13), mingħajr preġudizzju għall-obbligi ta' partijiet oħra. Tali assistenza għandha tuża mezzi biex tikkomunika mal-familji tal-vittmi u tinkludi appoġġ psikoloġiku lill-vittmi ta' inċident u l-familji tagħhom.

6.   Qabel il-31 ta' Mejju ta' kull sena, l-amministraturi kollha tal-infrastruttura u l-impriżi ferrovjarji għandhom jissottomettu lill-awtorità nazzjonali tas-sikurezza rapport annwali dwar is-sikurezza li jikkonċerna s-sena kalendarja preċedenti. Ir-rapport tas-sikurezza għandu jkun fih:

(a)

informazzjoni dwar kif il-miri korporattivi tas-sikurezza tal-organizzazzjoni jintlaħqu u r-riżultati tal-pjanijiet tas-sikurezza;

(b)

rendikont tal-iżvilupp tal-indikaturi nazzjonali tas-sikurezza, u tas-CSIs imsemmija fl-Artikolu 5, sa fejn dan ikun rilevanti għall-organizzazzjoni li tirrapporta;

(c)

ir-riżultati tal-awditjar intern tas-sikurezza;

(d)

l-osservazzjonijiet dwar in-nuqqasijiet u n-nuqqas ta' funzjonijiet tal-operazzjonijiet ferrovjarji u tal-ġestjoni tal-infrastruttura li jistgħu jkunu rilevanti għall-awtorità nazzjonali tas-sikurezza, inkluż sommarju tal-informazzjoni pprovduta mill-atturi rilevanti skont il-punt (b) tal-Artikolu 4(5); u

(e)

rapport dwar l-applikazzjoni tas-CSMs rilevanti.

7.   Abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza f'konformità mal-Artikoli 17 u 19, l-Aġenzija tista' tindirizza rakkomandazzjoni lill-Kummissjoni għal CSM li jkopri elementi tas-sistema tal-ġestjoni tas-sikurezza li jeħtieġ li jiġu armonizzati fil-livell tal-Unjoni, inkluż permezz ta' standards armonizzati, kif imsemmi fil-punt (f) tal-Artikolu 6(1). F'tali każ għandu japplika l-Artikolu 6(2).

KAPITOLU III

ĊERTIFIKAZZJONI U AWTORIZZAZZJONI TAS-SIKUREZZA

Artikolu 10

Ċertifikat ta' sikurezza uniku

1.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 9, l-aċċess għall-infrastruttura ferrovjarja għandu jingħata biss lil impriżi ferrovjarji li għandhom iċ-ċertifikat ta' sikurezza uniku maħruġ mill-Aġenzija f'konformità mal-paragrafi 5 sa 7 jew minn awtorità nazzjonali tas-sikurezza skont il-paragrafu 8.

L-għan taċ-ċertifikat ta' sikurezza uniku hu li tkun ipprovduta evidenza li l-impriża ferrovjarja kkonċernata tkun stabbilixxiet is-sistema tagħha tal-ġestjoni tas-sikurezza u li tkun kapaċi topera b'mod sikur fiż-żona maħsuba ta'l-operazzjoni.

2.   Fl-applikazzjoni tagħha għal ċertifikat ta' sikurezza uniku, l-impriża ferrovjarja għandha tispeċifika t-tip u l-firxa tal-operazzjonijiet ferrovjarji koperti u ż-żona maħsuba ta' operazzjoni.

3.   L-applikazzjoni għal ċertifikat ta' sikurezza uniku għandha tiġi akkumpanjata minn fajl li jinkludi evidenza dokumentarja li:

(a)

l-impriża ferrovjarja tkun stabbilixxiet is-sistema tagħha tal-ġestjoni tas-sikurezza skont l-Artikolu 9 u li tissodisfa r-rekwiżiti stipulati fit-TSIs, is-CSMs u s-CSTs u f'leġislazzjoni rilevanti oħra sabiex ikunu kkontrollati r-riskji u jiġu pprovduti b'mod sigur servizzi tat-trasport fuq in-netwerk; u

(b)

l-impriża ferrovjarja, fejn ikun applikabbli, tissodisfa r-rekwiżiti stipulati fir-regoli nazzjonali rilevanti notifikati skont l-Artikolu 8.

Dik l-applikazzjoni u l-informazzjoni dwar l-applikazzjonijiet kollha, l-istadji tal-proċeduri rilevanti u r-riżultat tagħhom, u, fejn applikabbli, it-talbiet u deċiżjonijiet tal-Bord tal-Appell, tiġi ppreżentata permezz tal-punt uniku ta' kuntatt imsemmi fl-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) 2016/796.

4.   L-Aġenzija, jew fil-każijiet previsti fil-paragrafu 8 l-awtorità nazzjonali tas-sikurezza, għandha toħroġ iċ-ċertifikat ta' sikurezza uniku, jew tinforma lill-applikant bid-deċiżjoni negattiva tagħha, fi żmien predeterminat u raġonevoli, u, fi kwalunkwe każ, mhux aktar minn erba' xhur wara li l-informazzjoni kollha meħtieġa u kwalunkwe informazzjoni supplimentari mitluba jkunu ġew ippreżentati mill-applikant. L-Aġenzija, jew fil-każijiet previsti fil-paragrafu 8 l-awtorità nazzjonali tas-sikurezza, għandha tapplika l-arranġamenti prattiċi rigward il-proċedura taċ-ċertifikazzjoni li għandhom jiġu stabbiliti f'att ta' implimentazzjoni, kif imsemmi fil-paragrafu 10.

5.   L-Aġenzija għandha toħroġ ċertifikat ta' sikurezza uniku lill-impriżi ferrovjarji li jkollhom żona tal-operazzjoni fi Stat Membru wieħed jew aktar. Sabiex toħroġ tali ċertifikat, l-Aġenzija għandha:

(a)

tivvaluta l-elementi mniżżlin fil-punt (a) tal-paragrafu 3; u

(b)

tirreferi minnufih il-fajl tal-impriża ferrovjarja fl-intier tiegħu lill-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza kkonċernati biż-żona maħsuba tal-operazzjoni għal valutazzjoni tal-elementi stipulati fil-punt (b) tal-paragrafu 3.

Bħala parti mill-valutazzjonijiet ta' hawn fuq, l-Aġenzija jew l-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza għandhom ikunu awtorizzati jwettqu żjarat u spezzjonijiet fil-postijiet tal-impriża ferrovjarja kif ukoll awditjar, u jistgħu jitolbu informazzjoni supplimentari rilevanti. L-Aġenzija u l-awtorità jew l-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza għandhom jikkoordinaw l-organizzazzjoni ta' tali żjarat, awditjar u spezzjonijiet.

6.   Fi żmien xahar minn meta tirċievi applikazzjoni għal ċertifikat ta' sikurezza uniku, l-Aġenzija għandha tinforma lill-impriża ferrovjarja li l-fajl huwa komplut jew titlob informazzjoni supplimentari rilevanti, filwaqt li tiffissa skadenza raġonevoli biex din tingħata. Fir-rigward tal-kompletezza, ir-rilevanza u l-konsistenza tal-fajl, l-Aġenzija tista' tivvaluta wkoll l-elementi stipulati fil-punt (b) tal-paragrafu 3.

L-Aġenzija għandha tieħu kont sħiħ tal-valutazzjonijiet taħt il-paragrafu 5 qabel ma tieħu d-deċiżjoni tagħha dwar il-ħruġ taċ-ċertifikat ta' sikurezza uniku.

L-Aġenzija għandha tieħu responsabbiltà sħiħa għal kull ċertifikat ta' sikurezza uniku li toħroġ.

7.   Fejn l-Aġenzija ma taqbilx ma' valutazzjoni negattiva li tkun saret minn awtorità nazzjonali tas-sikurezza waħda jew aktar skont il-punt (b) tal-paragrafu 5, din għandha tinforma lil dik l-awtorità jew dawk l-awtoritajiet inkwistjoni, u tagħti r-raġunijiet għaliex ma taqbilx. L-Aġenzija u l-awtorità jew l-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza għandhom jikkooperaw bil-ħsieb li jintlaħaq qbil dwar valutazzjoni reċiprokament aċċettabbli. Fejn neċessarju, l-Aġenzija u l-awtorità jew l-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza jistgħu jiddeċiedu li jinvolvu lill-impriża ferrovjarja. Jekk ma jkun jista' jintlaħaq ebda qbil dwar valutazzjoni reċiprokament aċċettabbli fi żmien xahar wara li l-Aġenzija tkun infurmat lill-awtorità jew l-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza bin-nuqqas ta' qbil, l-Aġenzija għandha tieħu d-deċiżjoni finali tagħha dment li l-awtorità jew l-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza ma jkunux irreferew il-kwistjoni għal arbitraġġ lill-Bord tal-Appell stabbilit skont l-Artikolu 55 tar-Regolament (UE) 2016/796. Il-Bord tal-Appell għandu jiddeċiedi jekk jikkonfermax l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Aġenzija fi żmien xahar mit-talba tal-awtorità jew l-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza.

Fejn il-Bord tal-Appell jaqbel mal-Aġenzija, l-Aġenzija għandha tieħu deċiżjoni mingħajr dewmien.

Fejn il-Bord tal-Appell jaqbel mal-valutazzjoni negattiva tal-awtorità nazzjonali tas-sikurezza, l-Aġenzija għandha toħroġ ċertifikat ta' sikurezza uniku b'żona tal-operazzjonijiet li teskludi l-partijiet tan-netwerk li jkunu rċevew valutazzjoni negattiva.

Meta l-Aġenzija ma taqbilx ma' valutazzjoni pożittiva ta' awtorità nazzjonali tas-sikurezza waħda jew aktar skont il-punt (b) tal-paragrafu 5, hija għandha tinforma lill-awtorità jew l-awtoritajiet inkwistjoni, u tagħti r-raġunijiet għaliex ma taqbilx. L-Aġenzija u l-awtorità jew l-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza għandhom jikkooperaw bil-ħsieb li jintlaħaq qbil dwar valutazzjoni reċiprokament aċċettabbli. Fejn neċessarju, l-Aġenzija u l-awtorità jew l-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza jistgħu jiddeċiedu li jinvolvu lill-applikant. Jekk ma jkun jista' jintlaħaq ebda qbil dwar valutazzjoni reċiprokament aċċettabbli fi żmien xahar wara li l-Aġenzija tkun infurmat lill-awtorità jew l-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza bin-nuqqas ta' qbil tagħha, l-Aġenzija għandha tieħu d-deċiżjoni finali tagħha.

8.   Fejn iż-żona tal-operazzjoni tkun limitata għal Stat Membru wieħed, l-awtorità nazzjonali tas-sikurezza ta' dak l-Istat Membru tista', taħt ir-responsabbiltà proprja u meta l-applikant jitlob hekk, toħroġ ċertifikat ta' sikurezza uniku. Sabiex toħroġ tali ċertifikati, l-awtorità nazzjonali tas-sikurezza għandha tivvaluta l-fajl fir-rigward tal-elementi kollha speċifikati fil-paragrafu 3 u għandha tapplika l-arranġamenti prattiċi li jridu jiġu stabbiliti fl-atti ta' implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 10. Bħala parti mill-valutazzjonijiet ta' hawn fuq, l-awtorità nazzjonali tas-sikurezza għandha tkun awtorizzata twettaq żjarat u spezzjonijiet fil-postijiet tal-impriża ferrovjarja u verifiki. Fi żmien xahar mir-riċeviment tal-applikazzjoni, l-awtorità nazzjonali tas-sikurezza għandha tinforma lill-applikant li l-fajl hu komplut jew titlob informazzjoni supplimentari rilevanti. Iċ-ċertifikat ta' sikurezza uniku għandu wkoll ikun validu mingħajr estensjoni taż-żona tal-operazzjoni għall-impriżi ferrovjarji li jivvjaġġaw lejn stazzjonijiet fi Stati Membri ġirien b'karatteristiċi ta' netwerk simili u regoli operattivi simili, meta dawk l-istazzjonijiet ikunu qrib il-fruntiera, wara konsultazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza kompetenti. Din il-konsultazzjoni tista' ssir skont il-każ jew tiġi stabbilita fi ftehim transfruntier bejn l-Istati Membri jew l-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza.

L-awtorità nazzjonali tas-sikurezza għandha tieħu responsabbiltà sħiħa għal kwalunkwe ċertifikat ta' sikurezza li toħroġ.

9.   Stat Membru jista' jippermetti lil operatur minn pajjiż terz jidħol fi stazzjoni fit-territorju tiegħu indikat għal operazzjonijiet transfruntiera u qrib il-fruntiera ta' dak l-Istat Membru mingħajr ma jirrikjedi ċertifikat ta' sikurezza uniku, dment li jkun żgurat livell xieraq ta' sikurezza permezz ta':

(a)

ftehim transfruntier bejn l-Istat Membru kkonċernat u l-pajjiż terz ġar; jew

(b)

arranġamenti kuntrattwali bejn l-operatur ta' pajjiż terz u l-impriża ferrovjarja jew l-amministratur tal-infrastruttura li jkollu ċertifikat ta' sikurezza uniku jew awtorizzazzjoni tas-sikurezza biex jopera fuq dak in-netwerk, dment li l-aspetti marbuta mas-sikurezza ta' dawk l-arranġamenti jkunu ġew debitament riflessi fis-sistema tagħhom tal-ġestjoni tas-sikurezza.

10.   Sas-16 ta' Ġunju 2018, il-Kummissjoni għandha tadotta,permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, arranġamenti prattiċi li jispeċifikaw:

(a)

kif ir-rekwiżiti għaċ-ċertifikat ta' sikurezza uniku stipulati f'dan l-Artikolu għandhom jiġu sodisfatti mill-applikant filwaqt li jitniżżlu d-dokumenti meħtieġa;

(b)

id-dettalji tal-proċess taċ-ċertifikazzjoni, bħall-istadji proċedurali u l-iskedi ta' żmien għal kull stadju tal-proċess;

(c)

kif l-Aġenzija u l-awtorità nazzjonali tas-sikurezza għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti stipulati f'dan l-Artikolu matul l-istadji differenti tal-proċess ta' applikazzjoni u ċertifikazzjoni inkluż fil-valutazzjoni tal-fajls tal-applikanti; u

(d)

il-perijodu ta' validità taċ-ċertifikati ta' sikurezza uniċi maħruġa mill-Aġenzija jew mill-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza, b'mod partikolari fil-każ ta' aġġornamenti ta' kwalunkwe ċertifikat ta' sikurezza uniku li jirriżultaw minn bidliet fit-tip, il-firxa u ż-żona tal-operazzjoni.

Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 28(3). Huma għandhom jieħdu kont tal-esperjenza miksuba matul l-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 653/2007 (14) u tar- Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1158/2010 (15) u l-esperjenza miksuba matul it-tħejjija tal-ftehimiet ta' kooperazzjoni msemmija fl-Artikolu 11(1).

11.   Iċ-ċertifikati ta' sikurezza uniċi għandhom jispeċifikaw it-tip u l-firxa tal-operazzjonijiet ferrovjarji koperti u l-qasam tal-operazzjoni. Ċertifikat ta' sikurezza uniku jista' jkopri wkoll binarji li huma proprjetà tal-impriża ferrovjarja jekk dawn ikunu inklużi fis-sistema tal-ġestjoni tas-sikurezza tagħha.

12.   Kwalunkwe deċiżjoni li tiċħad il-ħruġ ta' ċertifikat ta' sikurezza uniku jew li teskludi parti min-netwerk f'konformità ma' valutazzjoni negattiva kif imsemmi fil-paragrafu 7 għandha tiġi debitament sostanzjata. L-applikant jista', fi żmien xahar minn meta jirċievi d-deċiżjoni, jitlob li l-Aġenzija jew l-awtorità nazzjonali tas-sikurezza, kif ikun adatt, tirrevedi d-deċiżjoni. L-Aġenzija jew l-awtorità nazzjonali tas-sikurezza għandu jkollha xahrejn mid-data tar-riċeviment tat-talba għal rieżami sabiex tikkonferma jew tirrevoka d-deċiżjoni tagħha.

Jekk id-deċiżjoni negattiva tal-Aġenzija tkun konfermata, l-applikant jista' jressaq appell quddiem il-Bord tal-Appell nominat skont l-Artikolu 55 tar-Regolament (UE) 2016/796.

Jekk id-deċiżjoni negattiva tal-awtorità nazzjonali tas-sikurezza tiġi kkonfermata, l-applikant jista' jressaq appell quddiem il-korp tal-appell f'konformità mal-liġi nazzjonali. L-Istati Membri jistgħu jinnominaw il-korp regolatorju msemmi fl-Artikolu 56 tad-Direttiva 2012/34/UE għall-iskop ta' din il-proċedura ta' appell. F'dak il-każ għandu japplika l-Artikolu 18(3) ta' din id-Direttiva.

13.   Ċertifikat ta' sikurezza uniku maħruġ jew mill-Aġenzija jew minn awtorità nazzjonali tas-sikurezza skont dan l-Artikolu għandu jiġġedded wara applikazzjoni mill-impriża ferrovjarja f'intervalli li ma jeċċedux il-ħames snin. Għandu jkun aġġornat b'mod sħiħ jew b'mod parzjali kull meta t-tip jew il-limitu tal-operazzjoni jiġi mibdul b'mod sostanzjali.

14.   Fejn applikant ikollu diġà ċertifikat tas-sikurezza uniku maħruġ f'konformità mal-paragrafi 5 sa 7 u jkun jixtieq jestendi ż-żona tal-operazzjoni tiegħu, jew fejn ikollu diġà ċertifikat ta' sikurezza uniku maħruġ f'konformità mal-paragrafu 8 u jkun jixtieq jestendi ż-żona tal-operazzjonijiet tiegħu għal Stat Membru ieħor, hu għandu jissupplimenta l-fajl bid-dokumenti rilevanti msemmija fil-paragrafu 3 rigward iż-żona addizzjonali tal-operazzjoni. L-impriża ferrovjarja għandha tippreżenta l-fajl lill-Aġenzija, li għandha, wara li ssegwi l-proċeduri stipulati fil-paragrafi 4 sa 7, toħroġ ċertifikat tas-sikurezza uniku aġġornat li jkopri ż-żona tal-operazzjoni estiża. F'dak il-każ, huma biss l-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza kkonċernati mill-estensjoni tal-operazzjoni li għandhom jiġu kkonsultati għall-finijiet tal-valutazzjoni tal-fajl kif previst fil-punt (b) tal-paragrafu 3.

Jekk l-impriża ferrovjarja għandha ċertifikat ta' sikurezza uniku f'konformità mal-paragrafu 8 u tkun tixtieq testendi ż-żona tal-operazzjoni f'dak l-Istat Membru, hi għandha tissupplimenta l-fajl bid-dokumenti rilevanti msemmija fil-paragrafu 3 dwar iż-żona addizzjonali tal-operazzjoni. Hija għandha tippreżenta l-fajl, permezz tal-punt uniku ta' kuntatt imsemmi fl-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) 2016/796, lill-awtorità nazzjonali tas-sikurezza, li għandha, wara li ssegwi l-proċeduri stipulati fil-paragrafu 8, toħroġ ċertifikat tas-sikurezza uniku aġġornat li jkopri ż-żona tal-operazzjoni estiża.

15.   L-Aġenzija u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tas-sikurezza jistgħu jitolbu reviżjoni taċ-ċertifikati ta' sikurezza uniċi maħruġa minnhom wara bidliet sostanzjali għall-qafas regolatorju tas-sikurezza.

16.   L-Aġenzija għandha tinforma lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tas-sikurezza mingħajr dewmien, u fi kwalunkwe każ fi żmien ġimagħtejn, bil-ħruġ taċ-ċertifikat ta' sikurezza uniku. L-Aġenzija għandha tinforma lill-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza kompetenti immedjatament fil-każ ta' tiġdid, emenda jew revoka ta' ċertifikat ta' sikurezza uniku. Għandha tiddikjara l-isem u l-indirizz tal-impriża tal-linja ferrovjarja, id-data tal-ħruġ, it-tip, l-estent, l-għan u l-validità taż-żona tal-operazzjoni taċ-ċertifikat tas-sikurezza uniku u, fil-każ ta' revoka, ir-raġunijiet għad-deċiżjoni tagħha. Fil-każ ta' ċertifikati tas-sikurezza uniċi maħruġa minn awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza, l-istess informazzjoni għandha tiġi pprovduta mill-awtorità jew l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tas-sikurezza lill-Aġenzija fl-istess perijodu ta' żmien.

Artikolu 11

Kooperazzjoni bejn l-Aġenzija u l-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza dwar il-ħruġ ta' ċertifikati ta' sikurezza uniċi

1.   Għall-finijiet tal-Artikolu 10(5) u (6) ta' din id-Direttiva, l-Aġenzija u l-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza għandhom jikkonkludu ftehimiet ta' kooperazzjoni f'konformità mal-Artikolu 76 tar-Regolament (UE) 2016/796. Il-ftehimiet ta' kooperazzjoni għandhom ikunu ftehimiet speċifiċi jew ta' qafas, u għandhom jinvolvu awtorità nazzjonali tas-sikurezza waħda jew aktar. Il-ftehimiet ta' kooperazzjoni għandu jkun fihom deskrizzjoni dettaljata tal-kompiti u l-kondizzjonijiet għar-riżultati li jridu jinkisbu, il-limiti ta' żmien li japplikaw għar-realizzazzjoni tagħhom u t-tqassim tal-ħlasijiet pagabbli mill-applikant.

2.   Il-ftehimiet ta' kooperazzjoni jistgħu jinkludu wkoll arranġamenti speċifiċi ta' kooperazzjoni fil-każ ta' netwerks li jkunu jeħtieġu għarfien espert speċifiku minħabba raġunijiet ġeografiċi jew storiċi, bil-ħsieb li jitnaqqsu l-piżijiet u l-ispejjeż amministrattivi għall-applikant. Fejn netwerks bħal dawn huma iżolati mill-bqija tas-sistema ferrovjarja tal-Unjoni, tali arranġamenti ta' kooperazzjoni speċifiċi jistgħu jinkludu l-possibbiltà li jingħataw kompiti lill-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza rilevanti meta dan ikun neċessarju sabiex tiġi żgurata allokazzjoni effiċjenti u proporzjonata ta' riżorsi għaċ-ċertifikazzjoni. Dawk il-ftehimiet ta' kooperazzjoni għandhom ikunu stabbiliti qabel ma l-Aġenzija twettaq il-kompiti ta' ċertifikazzjoni f'konformità mal-Artikolu 31(3).

3.   Fil-każ ta' dawk l-Istat Membru li n-netwerks ferrovjarji tagħhom għandhom distanza bejn il-binarji li hija differenti minn dik tan-netwerk ferrovjarju prinċipali fl-Unjoni u li jikkondividu rekwiżiti tekniċi u operazzjonali identiċi ma' pajjiżi terzi ġirien, flimkien mal-ftehimiet ta' kooperazzjoni msemmija fil-paragrafu 2, l-awtoritajiet nazzjonali kollha tas-sikurezza kkonċernati f'dawk l-Istati Membri għandhom jikkonkludu mal-Aġenzija ftehim multilaterali li għandu jinkludi l-kondizzjonijiet għall-estensjoni taż-żona tal-operazzjoni taċ-ċertifikati ta' sikurezza fl-Istati Membri kkonċernati, fejn rilevanti.

Artikolu 12

Awtorizzazzjoni tas-sikurezza tal-amministraturi tal-infrastruttura

1.   Biex ikun jista' jamministra u jopera infrastruttura ferrovjarja, l-amministratur tal-infrastruttura għandu jikseb awtorizzazzjoni tas-sikurezza mill-awtorità nazzjonali tas-sikurezza fl-Istat Membru fejn tkun tinsab l-infrastruttura ferrovjarja.

L-awtorizzazzjoni tas-sikurezza għandha tinkludi awtorizzazzjoni li tikkonferma l-aċċettazzjoni tas-sistema ta' ġestjoni tas-sikurezza tal-amministratur tal-infrastruttura kif previst fl-Artikolu 9 u għandha tinkludi l-proċeduri u d-dispożizzjonijiet biex jintlaħqu r-rekwiżiti meħtieġa għad-disinn, il-manutenzjoni u l-operazzjoni siguri tal-infrastruttura ferrovjarja, inkluż, fejn ikun xieraq, il-manutenzjoni u l-operazzjoni tas-sistema ta' kontroll tat-traffiku u ta' senjalazzjoni.

L-awtorità nazzjonali tas-sikurezza għandha tispjega r-rekwiżiti għall-awtorizzazzjonijiet tas-sikurezza u d-dokumenti meħtieġa, fejn xieraq fil-forma ta' dokument ta' gwida għall-applikazzjoni.

2.   L-awtorizzazzjoni tas-sikurezza għandha tkun valida għal ħames snin u tista' tiġġedded wara applikazzjoni mill-amministratur tal-infrastruttura. Għandha tiġi riveduta b'mod sħiħ jew parzjali kull meta jsiru tibdiliet sostanzjali lill-infrastruttura, lis-sottosistemi tas-senjalazzjoni jew tal-enerġija jew lill-prinċipji tal-operazzjoni u manutenzjoni tagħhom. L-amministratur tal-infrastruttura għandu jinforma lill-awtorità nazzjonali tas-sikurezza b'dawn il-bidliet kollha mingħajr dewmien.

L-awtorità nazzjonali tas-sikurezza tista' teħtieġ li l-awtorizzazzjoni tas-sikurezza tiġi riveduta wara bidliet sostanzjali lill-qafas regolatorju tas-sikurezza.

3.   L-awtorità nazzjonali tas-sikurezza għandha tieħu deċiżjoni dwar applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni tas-sikurezza mingħajr dewmien u fi kwalunkwe każ mhux aktar tard minn erba' xhur wara li jkunu ġew ippreżentati mill-applikant l-informazzjoni kollha meħtieġa u kwalunkwe informazzjoni supplimentari mitluba.

4.   L-awtorità nazzjonali tas-sikurezza għandha tinforma lill-Aġenzija mingħajr dewmien, u fi kwalunkwe każ fi żmien ġimagħtejn, bl-awtorizzazzjonijiet tas-sikurezza li jkunu nħarġu, ġġeddu, ġew emendati jew revokati. Għanda tiddikjara l-isem u l-indirizz tal-amministratur tal-infrastruttura, id-data tal-ħruġ, l-ambitu u l-perijodu ta' validità ta l-awtorizzazzjoni tas-sikurezza u, fil-każ ta' revoka, ir-raġunijiet għad-deċiżjoni tagħha.

5.   Fil-każ ta' infrastruttura transfruntiera, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tas-sikurezza għandhom jikkooperaw sabiex joħorġu l-awtorizzazzjonijiet tas-sikurezza.

Artikolu 13

Aċċess għall-faċilitajiet tat-taħriġ

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-impriżi ferrovjarji u l-amministraturi tal-infrastruttura u l-persunal tagħhom li jwettqu kompiti kritiċi li jirrigwardaw is-sikurezza jkollhom aċċess xieraq u mingħajr diskriminazzjoni għall-faċilitajiet tat-taħriġ għas-sewwieqa tal-ferroviji u l-persunal li jakkumpanja l-ferroviji, kull meta tali it-taħriġ ikun neċessarju għall-operazzjoni ta' servizzi fuq in-netwerk tagħhom.

Is-servizzi ta' taħriġ għandhom jinkludu taħriġ dwar għarfien neċessarju tar-rotot, ir-regoli u l-proċeduri tal-operazzjoni, is-sistema ta' senjalazzjoni u ta' - kmand-kontroll u l-proċeduri ta' emerġenza applikati fuq ir-rotot imħaddma.

Jekk is-servizzi tat-taħriġ ma jinkludux l-eżamijiet u l-għoti taċ-ċertifikati, l-Istat Membri għandhom jiżguraw li l-persunal tal-impriżi ferrovjarji u l-amministraturi tal-infrastruttura għandhom aċċess għal dawn iċ-ċertifikati.

L-awtorità nazzjonali tas-sikurezza għandha tiżgura li s-servizzi tat-taħriġ jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti rispettivament fid-Direttiva 2007/59/KE, fit-TSIs jew fir-regoli nazzjonali msemmija fil-punt (e) tal-Artikolu 8(3) ta' din id-Direttiva.

2.   Jekk il-faċilitajiet tat-taħriġ huma disponibbli biss permezz ta' impriża ferrovjarja jew l-amministratur tal-infrastruttura, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkunu disponibbli għal impriżi ferrovjarji oħrajn bi prezz raġonevoli u li ma jkunx diskriminatorju, li huwa relatat mal-ispejjeż u li jista' jinkludi l-marġini ta' profitt.

3.   Meta jiġu reklutati sewwieqa ġodda tal-ferroviji, il-persunal abbord il-ferroviji u l-persunal li jwettaq kompiti kritiċi relatat mas-sikurezza, l-impriżi ferrovjarji jistgħu jqisu kwalunkwe taħriġ, kwalifika u esperjenza miksuba qabel mingħand impriżi ferrovjarji oħra. Għal dak il-għan, tali membri tal-persunal għandhom ikunu intitolati li jkollhom aċċess għad-dokumenti kollha li jiċċertifikaw it-taħriġ, il-kwalifiki u l-esperjenza tagħhom, jiksbu kopji tagħhom u jikkomunikawhom.

4.   L-impriżi ferrovjarji u l-amministraturi tal-infrastruttura għandhom ikunu responsabbli għal-livell ta' taħriġ u l-kwalifiki tal-persunal tagħhom li jwettqu xogħol kritiku relatat mas-sikurezza.

Artikolu 14

Manutenzjoni tal-vetturi

1.   Kull vettura, qabel ma jkun qed tintuża fuq in-netwerk, għandu jkollha assenjat lilha entità inkarigata mill-manutenzjoni u din l-entità għandha tkun irreġistrata fir-reġistru tal-vetturi f'konformità mal-Artikolu 47 tad-Direttiva (UE) 2016/797.

2.   Mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà tal-impriżi ferrovjarji u l-amministraturi tal-infrastruttura għal-operazzjoni sigura ta' ferrovija kif previst fl-Artikolu 4, l-entità inkarigata mill-manutenzjoni għandha tiżgura li l-vetturi li għall-manutenzjoni tagħhom hi tkun responsabbli jkunu fi stat sigur ta' operazzjoni.. Għal dak il-għan, l-entità inkarigata mill-manutenzjoni għandha tistabbilixxi sistema ta' manutenzjoni għal dawk il-vetturi u permezz ta' dik is-sistema għandha:

(a)

tiżgura li l-vetturi jinżammu f'konformità mal-fajl tal-manutenzjoni ta' kull vettura u r-rekwiżiti fis-seħħ, inklużi r-regoli tal-manutenzjoni u d-dispożizzjonijiet rilevanti tat-TSI;

(b)

timplimenta l-metodi neċessarji ta' evalwazzjoni u valutazzjoni tar-riskju stabbiliti fis-CSMs kif imsemmi fil-punt (a) tal-Artikolu 6(1), fejn ikun xieraq f'kooperazzjoni ma' atturi oħrajn;

(c)

tiżgura li l-kuntratturi tagħha jimplimentaw miżuri ta' kontroll tar-riskju permezz tal-applikazzjoni tas-CSM rigward il-monitoraġġ imsemmi fil-punt (c) tal-Artikolu 6(1) u li dan ikun stipulat f'arranġamenti kuntrattwali li għandhom jiġu żvelati fuq talba tal-Aġenzija jew tal-awtorità nazzjonali tas-sikurezza; u

(d)

tiżgura t-traċċabbiltà tal-attivitajiet ta' manutenzjoni.

3.   Is-sistema ta' manutenzjoni għandu jkollha l-funzjonijiet li ġejjin:

(a)

funzjoni ta' ġestjoni li tissorvelja u tikkoordina l-funzjonijiet ta' manutenzjoni msemmija fil-punti (b) sa (d) u tiżgura l-istat sigur tal-vettura fis-sistema ferrovjarja;

(b)

funzjoni tal-iżvilupp tal-manutenzjoni li hija responsabbli għall-ġestjoni tad-dokumentazzjoni tal-manutenzjoni, inkluża l-ġestjoni tal-konfigurazzjoni, ibbażata fuq id-disinn u d-data operattiva kif ukoll fuq il-prestazzjoni u l-esperjenza miksuba;

(c)

funzjoni tal-ġestjoni tal-manutenzjoni tal-flotta li tiġġestixxi t-tneħħija tal-vettura għall-manutenzjoni u r-ritorn tagħha fis-servizz wara l-manutenzjoni;

(d)

funzjoni tat-twettiq tal-manutenzjoni, li twettaq il-manutenzjoni teknika meħtieġa fuq vettura jew partijiet minnha, inkluża d-dokumentazzjoni tar-ritorn tagħha fis-servizz.

L-entità inkarigata mill-manutenzjoni għandha twettaq il-funzjoni tal-ġestjoni hi stess, iżda tista' testernalizza l-funzjonijiet tal-manutenzjoni msemmija fil-punti (b) sa (d), jew partijiet minnhom, lil partijiet kontraenti oħra bħal workshops fejn issir il-manutenzjoni.

L-entità inkarigata mill-manutenzjoni għandha tiżgura li l-funzjonijiet kollha stipulati fil-punti (a) sa (d) jikkonformaw mar-rekwiżiti u l-kriterji tal-valutazzjoni stipulati fl-Anness III.

Il-workshops fejn issir il-manutenzjoni għandhom japplikaw it-taqsimiet rilevanti tal-Anness III kif identifikat fl-atti ta' implimentazzjoni adottati skont il-punt (a) tal-paragrafu 8, li jikkorrispondu għall-funzjonijiet u l-attivitajiet li jridu jiġu ċċertifikati.

4.   Fil-każ ta' vaguni tal-merkanzija, u wara l-adozzjoni tal-atti ta' implimentazzjoni msemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 8 fil-każ ta' vetturi oħrajn, kull entità inkarigata mill-manutenzjoni għandha tiġi ċċertifikata u tingħata ċertifikat ta' entità inkarigata mill-manutensjoni (ċertifikat ECM) minn korp akkreditat jew rikonoxxut jew minn awtorità nazzjonali tas-sikurezza f'konformità mal-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-proċessi ta' akkreditament u ta' rikonoxximent tal-proċessi taċ-ċertifikazzjoni għandhom ikunu bbażati fuq kriterji ta' indipendenza, kompetenza u imparzjalità;

(b)

is-sistema ta' ċertifikazzjoni għandha tipprovdi evidenza li entità inkarigata mill-manutenzjoni tkun stabbilixxiet is-sistema tal-manutenzjoni biex tiżgura l-istat sigur ta' operazzjonita' kwalunkwe vettura li għaliha tkun inkarigata mil-manutenzjoni;

(c)

iċ-ċertifikazzjoni ECM għandha tkun ibbażata fuq valutazzjoni tal-ħila tal-entità inkarigata mill-manutenzjoni li tissodisfa r-rekwiżiti rilevanti u l-kriterji tal-valutazzjoni stipulati fl-Anness II u tapplikahom b'mod konsistenti. Hija għandha tinkludi sistema ta' sorveljanza biex tiżgura l-konformità kontinwa ma' dawk ir-rekwiżiti u kriterji ta' valutazzjoni wara li jingħata ċ-ċertifikat ECM;

(d)

iċ-ċertifikazzjoni ta' workshops fejn issir il-manutenzjoni għandha tkun ibbażata fuq il-konformità mat-taqsimiet rilevanti fl-Anness III applikati għall-funzjonijiet korrispondenti u attivitajiet li għandhom jiġu ċċertifikati.

Fejn l-entità inkarigata mill-manutenzjoni tkun impriża ferrovjarja jew amministratur tal-infrastruttura, il-konformità mal-kondizzjonijiet stipulati fl-ewwel subparagrafu tista' tiġi vverifikata mill-awtorità nazzjonali tas-sikurezza skont il-proċeduri msemmija fl-Artikoli 10 jew 12 u tista' tiġi kkonfermata fuq iċ-ċertifikati maħruġa skont dawk il-proċeduri.

5.   Ċertifikati maħruġa skont il-paragrafu 4 għandhom ikunu validi fl-Unjoni kollha.

6.   Fuq il-bażi tar-rakkomandazzjoni tal-Aġenzija, il-Kummissjoni għandha, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, tadotta dispożizzjonijiet dettaljati rigward il-kondizzjonijiet ta' ċertifikazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 4 għall-entità inkarigata mill-manutenzjoni tal-vaguni tal-merkanzija, inklużi r-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness III, f'konformità mas-CSM u t-TSIs rilevanti, u, meta meħtieġ, għandha temenda dawk id-dispożizzjonijiet.

Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 28(3).

Is-sistema taċ-ċertifikazzjoni applikabbli għall-vaguni tal-merkanzija adottata mir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 445/2011 (16) għandha tkompli tapplika sakemm japplikaw l-atti ta' implimentazzjoni msemmija f'dan il-paragrafu.

7.   Sas-16 ta' Ġunju 2018, l-Aġenzija għandha tevalwa s-sistema taċ-ċertifikazzjoni tal-entità inkarigata mill-manutenzjoni tal-vaguni tal-merkanzija, tqis kemm ikun jaqbel li dik is-sistema tiġi estiża għall-vetturi kollha u ċ-ċertifikazzjoni mandatorja tal-workshops fejn issir il-manutenzjoni u tippreżenta r-rapport tagħha lill-Kummissjoni.

8.   Fuq il-bażi tal-evalwazzjoni mwettqa mill-Aġenzija skont il-paragrafu 7, il-Kummissjoni għandha, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, tadotta, jekk ikun adatt, u, fejn neċessarju, sussegwentement temenda dispożizzjonijiet dettaljati li jidentifikaw liema mir-rekwiżiti stipulati fl-Anness III għandhom japplikaw għall-fini ta':

(a)

funzjonijiet ta' manutenzjoni mwettqa minn workshops fejn issir il-manutenzjoni, inklużi dispożizzjonijiet dettaljati biex tkun żgurata l-implimentazzjoni uniformi taċ-ċertifikazzjoni tal-workshops fejn issir il-manutenzjoni, b'konformità mas-CSM u t-TSIs rilevanti;

(b)

iċ-ċertifikazzjoni ta' entitajiet inkarigati mill-manutenzjoni ta' vetturi minbarra vaguni tal-merkanzija, abbażi tal-karatteristiċi tekniċi ta' dawn il-vetturi, inklużi dispożizzjonijiet dettaljati biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni uniformi tal-kondizzjonijiet ta' ċertifikazzjoni mill-entità inkarigata mill-manutenzjoni ta' vetturi minbarra vaguni tal-merkanzija, b'konformità mas-CSM u t-TSIs rilevanti.

Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 28(3).

Artikolu 15

Derogi mis-sistema taċ-ċertifikazzjoni ta' entitajiet inkarigati mill-manutenzjoni

1.   L-Istati Membri jistgħu jissodisfaw l-obbligu li jidentifikaw l-entità inkarigata mill-manutenzjoni permezz ta' miżuri alternattivi fir-rigward tas-sistema ta' manutenzjoni stipulata fl-Artikolu 14, fil-każijiet li ġejjin:

(a)

vetturi reġistrati f'pajjiż terz u miżmuma skont il-liġi ta' dak il-pajjiż;

(b)

vetturi li jintużaw fuq netwerks jew linji li l-wisa' tagħhom bejn il-linji tkun differenti minn dik tan-netwerk ferrovjarju prinċipali fl-Unjoni u li fir-rigward tagħhom l-issodisfar tar-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 14(2) hu żgurat minn ftehimiet internazzjonali ma' pajjiżi terzi;

(c)

vaguni tal-merkanzija u vaguni tal-passiġġieri li jinsabu f'użu kondiviż ma' pajjiżi terzi li l-wisa' tagħhom bejn il-linji tkun differenti minn dik tan-netwerk ferrovjarju prinċipali fl-Unjoni;

(d)

vetturi li jintużaw fuq in-netwerks imsemmija fl-Artikolu 2(3), u tagħmir militari u trasport speċjali li jirrikjedu l-għoti ta' permess ad hoc mill-awtorità nazzjonali tas-sikurezza qabel ma jidħlu fis-servizz. F'dan il-każ id-derogi għandhom jingħataw għal perijodu ta' mhux aktar minn ħames snin.

2.   Il-miżuri alternattivi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu implimentati permezz ta' derogi li għandhom jingħataw mill-awtorità nazzjonali rilevanti tas-sikurezza jew mill-Aġenzija meta:

(a)

l-vetturi jkunu qed jiġu reġistrati skont l-Artikolu 47 tad-Direttiva (UE) 2016/797, sa fejn tkun ikkonċernata l-identifikazzjoni tal-entità inkarigata mill-manutenzjoni;

(b)

ikunu qed jingħataw ċertifikati ta' sikurezza uniċi u awtorizzazzjonijiet tas-sikurezza lil impriżi ferrovjarji u amministraturi tal-infrastruttura skont l-Artikoli 10 u 12 ta' din id-Direttiva, sa fejn tkun ikkonċernata l-identifikazzjoni jew iċ-ċertifikazzjoni tal-entità inkarigata mill-manutenzjoni.

3.   Id-derogi għandhom ikunu identifikati u ġustifikati fir-rapport annwali msemmi fl-Artikolu 19. Fejn jidher li jkunu qed jittieħdu riskji għas-sikurezza mhux dovuti fuq is-sistema ferrovjarja tal-Unjoni, l-Aġenzija għandha tgħarraf minnufih lill-Kummissjoni bihom. Il-Kummissjoni għandha tikkuntattja lill-partijiet ikkonċernati u, fejn xieraq, titlob lill-Istat Membru kkonċernat jirtira d-deċiżjoni tiegħu dwar id-deroga.

KAPITOLU IV

AWTORITAJIET NAZZJONALI TAS-SIKUREZZA

Artikolu 16

Kompiti

1.   Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi awtorità nazzjonali tas-sikurezza. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtorità nazzjonali tas-sikurezza jkollha l-kapaċità organizzattiva interna u esterna meħtieġa f'termini ta' riżorsi umani u materjali. Dik l-awtorità għandha tkun indipendenti fl-organizzazzjoni tagħha, fl-istruttura legali u fit-teħid ta' deċiżjonijiet tagħha, minn kwalunkwe impriża ferrovjarja, amministratur tal-infrastruttura, applikant jew entità kontraenti jew minn kwalunkwe entità li taġġudika kuntratti ta' servizz pubbliku. Dment li tali indipendenza tkun garantita, dik l-awtorità tista' tkun dipartiment fi ħdan il-ministeru nazzjonali responsabbli għal affarijiet ta' trasport.

2.   L-awtorità nazzjonali tas-sikurezza għandha tkun fdata minn tal-inqas bil-kompiti li ġejjin:

(a)

l-awtorizzazzjoni tat-tqegħid fis-servizz tas-sottosistemi ta' kontroll-kmand u sinjalazzjoni, tal-enerġija u l-infrastruttura li jikkostitwixxu s-sistema ferrovjarja tal-Unjoni skont l-Artikolu 18(2) tad-Direttiva (UE) 2016/797;

(b)

il-ħruġ, it-tiġdid, l-emendar u r-revoka ta' awtorizzazzjonijiet ta' vetturi għat-tqegħid fis-suq skont l-Artikolu 21(8) tad-Direttiva (UE) 2016/797;

(c)

l-appoġġ lill-Aġenzija fil-ħruġ, it-tiġdid, l-emendar u r-revoka ta' awtorizzazzjonijiet ta' vetturi għat-tqegħid fis-suq skont l-Artikolu 21(5) tad-Direttiva (UE) 2016/797 u awtorizzazzjonijiet tat-tip ta' vettura skont l-Artikolu 24 tad-Direttiva (UE) 2016/797;

(d)

is-superviżjoni, fit-territorju tagħha, tal-konformità tal-kostitwenti tal-interoperabbiltà mar-rekwiżiti essenzjali kif meħtieġ mill-Artikolu 8 tad-Direttiva (UE) 2016/797;

(e)

l-iżgurar tal-assenjazzjoni ta' numru tal-vettura f'konformità mal-Artikolu 46 tad-Direttiva (UE) 2016/797, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 47(4) ta' dik id-Direttiva;

(f)

l-appoġġ lill-Aġenzija fil-ħruġ, it-tiġdid, l-emenda u r-revoka ta' ċertifikati ta' sikurezza uniċi tal-UE mogħtija f'konformità mal-Artikolu 10(5);

(g)

il-ħruġ, it-tiġdid, l-emenda u r-revoka ta' ċertifikati ta' sikurezza uniċi mogħtija f'konformità mal-Artikolu 10(8);

(h)

il-ħruġ, it-tiġdid, l-emenda u r-revoka ta' awtorizzazzjonijiet tas-sikurezza mogħtija f'konformità mal-Artikolu 12;

(i)

il-monitoraġġ, il-promozzjoni u, fejn xieraq, l-infurzar u l-aġġornament tal-qafas regolatorju tas-sikurezza inkluża s-sistema tar-regoli nazzjonali;

(j)

is-superviżjoni tal-impriżi ferrovjarji u l-amministraturi tal-infrastruttura skont l-Artikolu 17;

(k)

meta jkun rilevanti, u f'konformità mal-liġi nazzjonali, il-ħruġ, it-tiġdid, l-emenda u r-revoka ta' liċenzji ta' sewqan tal-ferroviji f'konformità mad-Direttiva 2007/59/KE;

(l)

meta jkun rilevanti, u f'konformità mal-liġi nazzjonali, il-ħruġ, it-tiġdid, l-emenda u r-revoka ta' ċertifikati mogħtija lil entitajiet inkarigati mill-manutenzjoni.

3.   Il-kompiti msemmija fil-paragrafu 2 ma jistgħux jiġu trasferiti jew subkuntrattati lil xi amministratur tal-infrastruttura, impriża ferrovjarja jew entità kontraenti.

Artikolu 17

Superviżjoni

1.   L-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza għandhom jissorveljaw l-kontinwazzjoni tal-konformità kostanti mal-obbligu legali tal-impriżi ferrovjarji u l-amministraturi tal-infrastruttura li jużaw sistema ta' ġestjoni tas-sikurezza kif imsemmi fl-Artikolu 9.

Għal dak il-għan, l-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza għandhom japplikaw il-prinċipji li jinsabu fis-CSMs rilevanti għas-superviżjoni msemmija fil-punt (c) tal-Artikolu 6(1), billi jiżguraw li l-attivitajiet ta' superviżjoni jinkludu, b'mod partikolari, il-verifika tal-applikazzjoni mill-impriżi ferrovjarji u l-amministraturi tal-infrastruttura ta':

(a)

is-sistema ta' ġestjoni tas-sikurezza biex tkun immonitorjata l-effettività tagħha;

(b)

l-elementi individwali jew parzjali tas-sistema ta' ġestjoni tas-sikurezza, inklużi l-attivitajiet operattivi, il-forniment tal-manutenzjoni u l-materjal u l-użu tal-kuntratturi biex tkun immonitorjata l-effettività tagħhom; u

(c)

is-CSMs rilevanti msemmija fl-Artikolu 6. L-attivitajiet ta' superviżjoni marbuta ma' dan il-punt għandhom japplikaw ukoll għall-entitajiet inkarigati mill-manutenzjoni.

2.   L-impriżi ferrovjarji għandhom jinformaw lill-awtoritajiet nazzjonali rilevanti tas-sikurezza tal-anqas xahrejn qabel ma tibda kwalunkwe operazzjoni ġdida ta' trasport ferrovjarju, sabiex din tal-aħħar tkun tista' tippjana l-attivitajiet ta' superviżjoni. L-impriżi ferrovjarji għandhom jipprovdu wkoll it-tqassim tal-kategoriji tal-persunal u t-tipi ta' vetturi.

3.   Id-detentur ta' ċertifikat ta' sikurezza uniku għandu jinforma lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tas-sikurezza mingħajr dewmien bi kwalunkwe bidla kbira fl-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2.

4.   Il-monitoraġġ tal-konformità mar-regoli applikabbli ta' xogħol, sewqan u mistrieħ għas-sewwieqa tal-ferroviji għandu jkun żgurat mill-awtoritajiet kompetenti nominati mill-Istati Membri. Fejn il-monitoraġġ tal-konformità ma jkunx żgurat mill-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkooperaw mal-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza bil-ħsieb li l-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza jaqdu r-rwol tagħhom ta' superviżjoni tas-sikurezza ferrovjarja.

5.   Jekk awtorità nazzjonali tas-sikurezza ssib li detentur ta' ċertifikat ta' sikurezza uniku ma jkunx għadu jissodisfa l-kundizzjonijiet għaċ-ċertifikazzjoni, għandha ssaqsi lill-Aġenzija biex tirrestrinġi jew tirrevoka dak iċ-ċertifikat. L-Aġenzija għandha immedjatament tinforma lill-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza kompetenti kollha. Jekk l-Aġenzija tiddeċiedi li tirrestrinġi jew tirrevoka ċ-ċertifikat ta' sikurezza uniku, hija għandha tagħti r-raġunijiet għad-deċiżjoni tagħha.

F'każ ta' nuqqas ta' qbil bejn l-Aġenzija u l-awtorità nazzjonali tas-sikurezza, għandha tapplika l-proċedura ta' arbitraġġ indikata fl-Artikolu 10(7). Jekk ir-riżultat ta' dik il-proċedura ta' arbitraġġ ikun li ċ-ċertifikat ta' sikurezza uniku la għandu jiġi ristrett u lanqas revokat, il-miżuri ta' sikurezza temporanji msemmija fil-paragrafu 6 ta' dan l-Artikolu għandhom jiġu sospiżi

Fejn l-awtorità nazzjonali tas-sikurezza tkun ħarġet hija stess ċertifikat f'konformità mal-Artikolu 10(8), hi tista' tirrestrinġi jew tirrevoka ċ-ċertifikat, billi tagħti r-raġunijiet għad-deċiżjoni tagħha, u għandha tinforma lill-Aġenzija.

Id-detentur ta' ċertifikat ta' sikurezza uniku li ċ-ċertifikat tiegħu jkun ġie ristrett jew revokat jew mill-Aġenzija jew mill-awtorità nazzjonali tas-sikurezza għandu jkollu d-dritt li jappella skont l-Artikolu 10(12).

6.   Jekk, waqt superviżjoni, awtorità nazzjonali tas-sikurezza tidentifika riskju serju għas-sikurezza, hija tista' fi kwalunkwe ħin tapplika miżuri ta' sikurezza temporanji, inkluż ir-restrizzjoni jew is-sospensjoni immedjata tal-operazzjonijiet rilevanti. Jekk iċ-ċertifikat ta' sikurezza uniku jkun inħareġ mill-Aġenzija, l-awtorità nazzjonali tas-sikurezza għandha minnufih tgħarraf lill-Aġenzija b'dan u tipprovdi evidenza b'sostenn għad-deċiżjoni tagħha.

Jekk l-Aġenzija ssib li d-detentur ta' ċertifikat ta' sikurezza uniku ma jkunx għadu jissodisfa l-kondizzjonijiet għaċ-ċertifikazzjoni, għandha minnufih tirrestrinġi jew tirrevoka dak iċ-ċertifikat.

Jekk l-Aġenzija ssib li l-miżuri applikati mill-awtorità nazzjonali tas-sikurezza huma sproporzjonati, tista' tistaqsi lill-awtorità nazzjonali tas-sikurezza biex tirtira jew tadatta dawk il-miżuri. L-Aġenzija u l-awtorità nazzjonali tas-sikurezza għandhom jikkooperaw bil-ħsieb li tintlaħaq soluzzjoni reċiprokament aċċettabbli. Jekk ikun meħtieġ, dan il-proċess għandu jinvolvi wkoll lill-impriża ferrovjarja. Jekk din il-proċedura tal-aħħar ma tirnexxix, id-deċiżjoni tal-awtorità nazzjonali tas-sikurezza biex jiġu applikati miżuri temporanji għandha tibqa' fis-seħħ.

Id-deċiżjoni tal-awtorità nazzjonali tas-sikurezza marbuta mal-miżuri temporanji ta' sikurezza għandha tkun soġġetta għal reviżjoni ġudizzjarja nazzjonali kif imsemmi fl-Artikolu 18(3). F'dak il-każ, il-miżuri temporanji ta' sikurezza jistgħu japplikaw sa tmiem ir-reviżjoni ġudizzjarja, mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 5.

Jekk miżura temporanja ddum aktar minn tliet xhur, l-awtorità nazzjonali ta' sikurezza għandha tistaqsi lill-Aġenzija biex tirrestrinġi jew tirrevoka ċ-ċertifikat ta' sikurezza uniku u għandha tapplika l-proċedura stipulata fil-paragrafu 5.

7.   L-awtorità nazzjonali tas-sikurezza għandha tissorvelja s-subsistemi ta' kontroll-kmand u sinjalazzjoni maġenb il-binarji, tal-enerġija u l-infrastruttura u tiżgura li huma konformi mar-rekwiżiti essenzjali. Fil-każ ta' infrastrutturi transfruntiera, twettaq l-attivitajiet tagħha ta' superviżjoni f'kooperazzjoni ma' awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza rilevanti oħra. Jekk l-awtorità nazzjonali tas-sikurezza ssib illi l-amministratur tal-infrastruttura ma jissodisfax aktar il-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni tas-sikurezza tiegħu, hi għandha tirrestrinġi jew tirrevoka dik l-awtorizzazzjoni, u tagħti r-raġunijiet għad-deċiżjoni tagħha.

8.   Meta jissorveljaw l-effettività tas-sistemi ta' ġestjoni tal-amministraturi tal-infrastruttura u l-impriżi ferrovjarji, l-awtoritajiet nazzjonali tas-superviżjoni jistgħu jqisu l-prestazzjoni tas-sikurezza tal-atturi kif imsemmi fl-Artikolu 4(4) ta' din id-Direttiva, u fejn xieraq, iċ-ċentri tat-taħriġ imsemmija fid-Direttiva 2007/59/KE sakemm l-attivitajiet tagħhom ikollhom impatt fuq is-sikurezza tal-ferrovija. Dan il-paragrafu japplika mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà tal-impriżi ferrovjarji u l-maniġers tal-infrastruttura msemmija fl-Artikolu 4(3) ta' din id-Direttiva.

9.   L-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza tal-Istati Membri fejn topera impriża ferrovjarja għandhom jikkooperaw biex jikkoordinaw l-attivitajiet ta' superviżjoni li jikkonċernaw dik l-impriża ferrovjarja biex ikun żgurat li kull informazzjoni essenzjali dwar l-impriża ferrovjarja speċifika tkun kondiviża, partikolarment dwar riskji magħrufa u l-prestazzjoni tas-sikurezza tagħha. L-awtorità nazzjonali tas-sikurezza għandha wkoll taqsam informazzjoni ma' awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza rilevanti oħra u l-Aġenzija jekk issib li l-impriża ferrovjarja mhix qed tieħu l-miżuri neċessarji tal-kontroll tar-riskju.

Dik il-kooperazzjoni għandha tiżgura li s-superviżjoni jkollha kopertura suffiċjenti u li jiġu evitati d-duplikazzjoni tal-ispezzjonijiet u l-awditjar. L-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza jistgħu jiżviluppaw pjan komuni ta' superviżjoni sabiex jiżguraw li l-awditjar u l-ispezzjonijiet l-oħra jitwettqu perjodikament, b'kont meħud tat-tip u l-estent tal-operazzjonijiet tat-trasport f'kull wieħed mill-Istati Membri kkonċernati.

L-Aġenzija għandha tassisti tali attivitajiet ta' koordinazzjoni billi tiżviluppa linji gwida.

10.   L-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza jistgħu jindirizzaw avviżi biex iwissu lil amministraturi tal-infrastruttura u impriżi ferrovjarji f'każijiet ta' nuqqas ta' konformità mal-obbligi tagħhom stipulati fil-paragrafu 1.

11.   L-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza għandhom jużaw informazzjoni miġbura mill-Aġenzija matul l-evalwazzjoni tal-fajl imsemmi fil-punt (a) tal-Artikolu 10(5) għall-finijiet tas-superviżjoni ta' impriża ferrovjarja wara l-ħruġ taċ-ċertifikat ta' sikurezza uniku tagħha. Huma għandhom jużaw l-informazzjoni miġbura matul il-proċess ta' awtorizzazzjoni tas-sikurezza skont l-Artikolu 12 għall-finijiet tas-superviżjoni tal-amministratur tal-infrastruttura.

12.   Għall-fini tat-tiġdid taċ-ċertifikati ta' sikurezza uniċi, l-Aġenzija, jew l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tas-sikurezza fil-każ ta' ċertifikat ta' sikurezza maħruġ skont l-Artikolu 10(8), għandha tuża informazzjoni miġbura matul l-attivitajiet ta' superviżjoni. Għall-fini ta' tiġdid tal-awtorizzazzjonijiet tas-sikurezza, l-awtorità nazzjonali tas-sikurezza għandha tuża wkoll l-informazzjoni miġbura matul l-attivitajiet ta' superviżjoni tagħha.

13.   L-Aġenzija u l-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza għandhom jagħmlu l-arranġamenti meħtieġa biex jikkoordinaw u jiżguraw l-iskambju sħiħ tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 10, 11 u 12.

Artikolu 18

Prinċipji tat-teħid ta' deċiżjonijiet

1.   L-Aġenzija, meta tkun qed tikkonsidra l-applikazzjonijiet għal ċertifikat ta' sikurezza uniku skont l-Artikolu 10(1), u l-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza għandhom iwettqu l-kompiti tagħhom b'mod miftuħ, mhux diskriminatorju u trasparenti. b'mod partikolari, għandhom jippermettu lill-partijiet interessati kollha li jinstemgħu u jagħtu r-raġunijiet għad-deċiżjonijiet tagħhom.

Għandhom jirrispondu b'mod immedjat għat-talbiet u l-applikazzjonijiet u jikkomunikaw it-talbiet tagħhom għall-informazzjoni mingħajr dewmien u jadottaw id-deċiżjonijiet kollha tagħhom fi żmien erba' xhur wara li l-informazzjoni kollha rilevanti mitluba tiġi pprovduta mill-applikant. Jistgħu fi kwalunkwe żmien jitolbu l-assistenza teknika tal-amministraturi tal-infrastruttura u l-impriżi ferrovjarji jew il-korpi l-oħra kwalifikati meta jkunu qed iwettqu l-kompiti imsemmija fl-Artikolu 16.

Fil-proċess li tiżviluppa l-qafas regolatorju nazzjonali, l-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza għandhom jikkonsultaw lill-atturi u l-partijiet interessati kollha, inklużi l-amministraturi tal-infrastruttura, l-impriżi ferrovjarji, il-manifatturi u l-fornituri tal-manutenzjoni, l-utenti u r-rappreżentanti tal-persunal.

2.   L-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza għandhom ikunu ħielsa jwettqu l-ispezzjonijiet, l-awditjar u l-investigazzjonijiet kollha li huma meħtieġa biex jitwettqu l-kompiti tagħhom, u għandhom jingħataw aċċess għad-dokumenti rilevanti kollha u għall-bini, l-installazzjonijiet u t-tagħmir tal-amministraturi tal-infrastruttura u tal-impriżi ferrovjarji u, fejn ikun meħtieġ, ta' kwalunkwe attur imsemmi fl-Artikolu 4. L-Aġenzija għandu jkollha l-istess drittijiet fir-rigward ta' impriżi ferrovjarji meta twettaq il-kompiti ta' ċertifikazzjoni tagħha skont l-Artikolu 10(5).

3.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li d-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza ikunu soġġetti għar-reviżjoni ġudizzjarja.

4.   L-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza għandhom jagħmlu skambju attiv tal-opinjonijiet u l-esperjenza, partikolarment fi ħdan in-netwerk stabbilit mill-Aġenzija sabiex jarmonizzaw il-kriterji tat-teħid tad-deċiżjonijiet mal-Unjoni kollha.

Artikolu 19

Rapport annwali

L-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza għandhom jippubblikaw rapport annwali dwar l-attivitajiet tagħhom fis-sena preċedenti u jibagħtuhom lill-Aġenzija sat-30 ta' Settembru. Ir-rapport għandu jkun fih l-informazzjoni dwar:

(a)

l-iżvilupp tas-sikurezza ferrovjarja, inkluż l-aggregazzjoni fuq il-livell tal-Istat Membru tas-CSIs u f'konformità mal-Artikolu 5(1);

(b)

bidliet importanti fil-leġislazzjoni u r-regolamentazzjoni dwar is-sikurezza ferrovjarja;

(c)

l-iżvilupp taċ-ċertifikazzjoni tas-sikurezza u l-awtorizzazzjoni tas-sikurezza;

(d)

ir-riżultati ta', u l-esperjenza dwar, is-superviżjoni tal-amministraturi tal-infrastruttura u l-impriżi ferrovjarji, inkluż l-għadd u eżitu tal-ispezzjonijiet u l-awditjar;

(e)

id-derogi deċiżi f'konformità mal-Artikolu 15; u

(f)

l-esperjenza tal-impriżi ferrovjarji u l-amministraturi tal-infrastruttura dwar l-applikazzjoni tas-CSMs rilevanti.

KAPITOLU V

L-INVESTIGAZZJONI ta' INĊIDENTI U AĊĊIDENTI

Artikolu 20

Obbligu ta' investigazzjoni

1.   Kull Stat Membru għandu jiżgura li ssir investigazzjoni mill-korp investigattiv imsemmi fl-Artikolu 22 wara kwalunkwe inċident serju fis-sistema ferrovjarja tal-Unjoni. L-objettiv tal-investigazzjoni għandu jkun it-titjib, fejn ikun possibbli, tas-sikurezza ferrovjarja u l-prevenzjoni tal-inċidenti.

2.   Il-korp investigattiv imsemmi fl-Artikolu 22 jista' wkoll jinvestiga dawk l-inċidenti u l-aċċidenti li taħt kundizzjonijiet kemxejn differenti setgħu wasslu għal inċidenti serji, inklużi ħsarat tekniċi fis-subsistemi strutturali jew fil-kostitwenti tal-interoperabbiltà tas-sistema ferrovjarja tal-Unjoni.

Il-korp investigattiv jista' jiddeċiedi jekk għandhiex issir investigazzjoni tal-inċident jew l-aċċident jew le. Fit-tehid tad-deċiżjoni tiegħu huwa għandu jqis:

(a)

il-gravità tal-inċident jew l-aċċident;

(b)

jekk jagħmilx parti minn serje ta' inċidenti jew aċċidenti rilevanti għas-sistema kollha;

(c)

l-impatt tiegħu fuq is-sikurezza ferrovjarja; u

(d)

it-talbiet mill-amministraturi tal-infrastruttura, mill-impriżi ferrovjarji, mill-awtorità nazzjonali tas-sikurezza jew mill-Istati Membri.

3.   Il-firxa tal-investigazzjonijiet u l-proċedura segwita biex isiru l-investigazzjonijiet għandha tkun determinata mill-korp investigattiv, billi tieħu inkonsiderazzjoni l-prinċipji u l-għanijiet tal-Artikoli 21 u 23 u li tiddependi mit-tagħlim li hi tistenna li tieħu mill-inċident jew l-aċċident għat-titjib tas-sikurezza.

4.   L-investigazzjoni ma għandha fl-ebda każ tkun ikkonċernata fuq id-determinazzjoni tal-ħtija jew ir-responsabbiltà.

Artikolu 21

Status ta' investigazzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jiddefinixxu, fi ħdan il-qafas tas-sistema legali rispettiva tagħhom, l-istatus legali tal-investigazzjoni biex jippermetti lill-investigaturi inkarigati jwettqu l-kompitu tagħhom fil-mod l-aktar effiċjenti u fl-iqsar ħin.

2.   F'konformità mal-leġislazzjoni nazzjonali tagħhom, l-Istati Membri għandhom jiżguraw kooperazzjoni sħiħa mal-awtoritajiet responsabbli għal kwalunkwe inkjesta ġudizzjarja, u għandhom jiżguraw li l-investigaturi jingħataw aċċess malajr kemm jista' jkun għall-informazzjoni u l-evidenza rilevanti għall-investigazzjoni. b'mod partikolari, għandhom jingħataw:

(a)

aċċess immedjat għas-sit tal-inċident jew l-aċċident kif ukoll għall-vetturi ferrovjarji involuti, l-infrastruttura relatata u l-installazzjonijiet tal-kontroll tat-traffiku u s-senjalazzjoni;

(b)

id-dritt għall-elenkar immedjat tal-evidenza u t-tneħħija kontrollata tat-tifrik, l-installazzjonijiet tal-infrastruttura jew il-komponenti għal raġunijiet ta' eżami jew analiżi;

(c)

l-aċċess għal, u l-użu mingħajr restrizzjoni tal-kontenut tar-rekorders abbord u t-tagħmir għall-irrekordjar ta' messaġġi bil-fomm u r-reġistrazzjoni tal-operazzjoni tas-sistema tas-sinjali u tal-kontroll tat-traffiku;

(d)

l-aċċess għar-riżultati tal-eżami tal-iġsma tal-vittmi;

(e)

l-aċċess għar-riżultati tal-eżamijiet tal-persunal tal-ferrovija u l-persunal ferrovjarju l-ieħor involuti fl-inċident jew fl-aċċident;

(f)

l-opportunità li jinterrogaw il-ħaddiema ferrovjarji involuti fl-inċident jew l-aċċident u xhieda oħra; u

(g)

l-aċċess għal kwalunkwe informazzjoni rilevanti jew rekords miżmuma mill-amministratur tal-infrastruttura, l-impriżi ferrovjarji, l-entitajiet inkarigati mill-manutenzjoni u l-awtorità nazzjonali tas-sikurezza.

3.   L-Aġenzija għandha tikkoopera mal-korp investigattiv meta l-investigazzjoni tkun tinvolvi vetturi awtorizzati mill-Aġenzija jew impriżi ferrovjarji ċċertifikati mill-Aġenzija. Hija għandha malajr kemm jista' jkun tagħti l-informazzjoni jew ir-rekords kollha mitluba lill-korp investigattiv u tipprovdi spjegazzjonijiet, meta tintalab.

4.   L-investigazzjoni għandha ssir b'mod indipendenti minn kwalunkwe inkjesta ġudizzjarja.

Artikolu 22

Korp Investigattiv

1.   Kull Stat Membru għandu jiżgura li l-investigazzjonijiet tal-inċidenti u tal-aċċidenti msemmija fl-Artikolu 20 huma magħmula minn korp permanenti, li għandu jinkludi minn tal-inqas investigatur wieħed li huwa kapaċi jaqdi l-funzjoni ta' investigatur -inkarigat- fil-każ ta' inċident jew aċċident. Dak il-korp għandu jkun independenti fl-organizzazzjoni, l-istruttura legali u t-teħid tad-deċiżjonijiet tiegħu minn kwalunkwe amministratur tal-infrastruttura, impriża ferrovjarja, korp tal-imposti, korp tal-allokazzjoni u korp ta' valutazzjoni tal-konformità, u minn kwalunkwe parti li l-interessi tagħha jistgħu jiġu f'konflitt mal-kompiti mogħtija lill-korp investigattiv. Barra minn hekk, huwa għandu jkun funzjonalment independenti mill-awtorità nazzjonali tas-sikurezza, mill-Aġenzija u minn kwalunkwe regolatur tal-ferroviji.

2.   Il-korp investigattiv għandu jaqdi d-dmirijiet tiegħu indipendentement mill-entitajiet l-oħra msemmija fil-paragrafu 1 u għandu jkun kapaċi jikseb ir-riżorsi suffiċjenti biex jagħmel dan. L-investigaturi tagħha għandhom ikunu mogħtija l-istatus li jagħtihom il-garanziji neċessarji ta' l-indipendenza.

3.   L-Istati Membri għandhom jipprevedu li l-impriżi ferrovjarji, l-amministraturi tal-infrastruttura u, fejn xieraq, l-awtorità nazzjonali tas-sikurezza, ikunu obbligati li immedjatament jinnotifikaw l-inċidenti u l-aċċidenti msemmija fl-Artikolu 20 lill-korp investigattiv u li jipprovdu kull informazzjoni li tkun disponibbli. Fejn xieraq, din in-notifika għandha tiġi aġġornata hekk kif xi informazzjoni nieqsa ssir disponibbli.

Il-korp investigattiv għandu jiddeċiedi, mingħajr dewmien u fi kwalunkwe każ mhux aktar minn xahrejn wara li jirċievi n-notifika dwar l-inċident jew l-aċċident, jekk jibdiex l-investigazzjoni jew le.

4.   Il-korp investigattiv jista' jgħaqqad il-kompiti tiegħu max-xogħol tal-investigazzjoni ta' okkorrenzi minbarra l-inċidenti u l-aċċidenti tal-ferrovija sakemm l-investigazzjonijiet l-oħra ma jipperikolawx l-indipendenza tiegħu.

5.   Jekk ikun neċessarju, u dment li ma jimminax l-indipendenza tal-korp investigattiv kif previst fil-paragrafu 1, il-korp investigattiv jista' jitlob l-għajnuna ta' korpi investigattivi mill-Istati Membri l-oħra jew mill-Aġenzija biex iforni l-esperjenza jew biex jagħmel spezzjonijiet tekniċi, analiżi jew evalwazzjonijiet.

6.   L-Istati Membri jistgħu jafdaw lill-korp investigattiv bil-kompitu li jwettaq l-investigazzjonijiet tal-inċidenti u l-aċċidenti tal-ferrovija minbarra dawk imsemmija fl-Artikolu 20.

7.   Il-korpi investigattivi għandhom jagħmlu skambju attiv tal-opinjonijiet u l-esperjenzi għall-finijiet tal-iżvilupp ta' metodi komuni tal-investigazzjoni, waqt li jitfasslu prinċipji komuni biex jitħarsu r-rakkomandazzjonijiet tas-sikurezza u l-adattament għall-iżvilupp tal-progress tekniku u xjentifiku.

Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 1, l-Aġenzija għandha tgħin lill-korpi investigattivi fit-twettiq ta' dan il-kompitu f'konformità mal-Artikolu 38(2) tar-Regolament (UE) 2016/796.

Il-korpi investigattivi, bl-appoġġ tal-Aġenzija f'konformità mal-Artikolu 38(2) tar-Regolament (UE) 2016/796, għandhom jistabbilixxu programm ta' evalwazzjonijiet bejn il-pari fejn il-korpi investigattivi kollha huma mħeġġa jipparteċipaw sabiex jimmonitorjaw l-effettività u l-indipendenza tagħhom. Il-korpi investigattivi bl-appoġġ tas-segretarjat imsemmi fl-Artikolu 38(2) tar-Regolament (UE) 2016/796 għandhom jippubblikaw:

(a)

il-programm ta' evalwazzjoni bejn il-pari komuni u l-kriterji ta' evalwazzjoni; u

(b)

rapport annwali dwar il-programm, b'enfasi fuq forzi identifikati u suġġerimenti għal titjib;

Ir-rapporti ta' evalwazzjoni bejn il-pari għandhom ikunu pprovduti lill-korpi investigattivi kollha u lill-Aġenzija. Dawk ir-rapporti għandhom jiġu ppubblikati fuq bażi volontarja.

Artikolu 23

Proċedura tal-investigazzjoni

1.   L-inċident jew l-aċċident msemmi fl-Artikolu 20 għandu jkun investigat mill-korp investigattiv tal-Istat Membru li seħħ fih. Jekk mhux possibbli li jkun stabbilit f'liema Stat Membru seħħ jew jekk seħħ fuq jew viċin ta' l-installazzjoni tal-fruntiera bejn żewġ Stati Membri, il-korpi investigattivi rilevanti għandhom jiftehmu liema minnhom għandu jagħmel l-investigazzjoni jew jiftehmu li jagħmluha b'kooperazzjoni ma' xulxin. Il-korp investigattiv l-ieħor għandu, fl-ewwel każ, ikun jista' jipparteċipa fl-investigazzjoni u jaqsam b'mod sħiħ ir-riżultati tiegħu.

Korpi investigattivi minn Stati Membri oħrajn għandhom jiġu mistiedna, jekk ikun xieraq, jipparteċipaw f'investigazzjoni fejn:

(a)

impriża ferrovjarja stabbilita u liċenzjata f'wieħed minn dawk l-Istati Membri tkun involuta fl-inċident jew l-aċċident; jew

(b)

vettura rreġistrata jew li ssirilha manutenzjoni f'wieħed minn dawk l-Istati Membri tkun involuta fl-inċident jew l-aċċident.

Il-korpi investigattivi mill-Istati Membri mistiedna għandhom jingħataw is-setgħat meħtieġa li jippermettulhom, meta jintalbu, li jgħinu fil-ġbir tal-evidenza għal korp investigattiv ta' Stat Membru ieħor.

Il-korpi investigattivi mill-Istati Membri mistiedna għandhom jingħataw aċċess għall-informazzjoni u l-evidenza meħtieġa biex jippermettulhom jieħdu sehem b'mod effettiv fl-investigazzjoni bir-rispett dovut għal liġijiet nazzjonali fir-rigward ta' proċedimenti ġudizzjarji.

Dan il-paragrafu ma għandux ifixkel lill-Istati Membri milli jiftiehmu illi l-korpi rilevanti għandhom jagħmlu l-investigazzjonijiet f'kooperazzjoni ma' xulxin f'ċirkostanzi oħra.

2.   Għal kull inċident jew aċċident il-korp responsabbli għall-investigazzjoni għandu jirranġa għall-mezzi adattati, li jinkludu l-esperjenza neċessarja operazzjonali u teknika, biex issir l-investigazzjoni. L-esperjenza tista' tinkiseb minn ġo ħdan il-korp jew mill-estern, li tiddependi mill-karattru tal-inċident jew l-aċċident li għandu jkun investigat.

3.   L-investigazzjoni għandha tkun magħmula kemm jista' jkun b'mod miftuħ, biex b'hekk il-partijiet kollha jkunu jistgħu jinstemgħu u jistgħu jaqsmu r-riżultati. L-amministratur tal-infrastruttura u l-impriżi ferrovjarji rilevanti, l-awtorità nazzjonali tas-sikurezza, l-Aġenzija, il-vittmi u l-qraba tagħhom, is-sidien ta' proprjetà li saritilha l-ħsara, il-manifatturi, is-servizzi tal-emerġenza involuti u r-rappreżentanti tal-persunal u l-utenti għandhom jingħataw l-opportunità li jipprovdu informazzjoni teknika rilevanti sabiex titjieb il-kwalità tar-rapport dwar l-investigazzjoni. Il-korp investigattiv għandu jieħu kont ukoll tal-ħtiġijiet raġonevoli tal-vittmi u l-qraba tagħhom u jżommhom infurmati dwar il-progress li jkun sar fl-investigazzjoni.

4.   Il-korp investigattiv għandu jikkonkludi l-eżamijiet tiegħu fuq is-sit tal-inċident fl-iqsar ħin possibbli biex b'hekk jippermetti lill-amministratur tal-infrastruttura biex iġib l-infrastruttura lura għal li kienet u jiftaħha għas-servizzi tat-trasport ferrovjarju malajr kemm jista' jkun.

Artikolu 24

Rapporti

1.   L-investigazzjoni ta' inċident jew aċċident msemmija fl-Artikolu 20 għandha tkun is-suġġett tar-rapporti fil-forma xierqa għat-tip u s-serjetà ta' l-inċident jew l-aċċident u r-rilevanza tas-sejbiet tal-investigazzjoni. Ir-rapporti għandhom jiddikjaraw l-għanijiet ta' l-investigazzjonijiet kif msemmija fl-Artikolu 20(1) u għandu jkun fihom, fejn xieraq, ir-rakkomandazzjonijiet tas-sikurezza.

2.   Il-korp investigattiv għandu jagħmel ir-rapport finali pubbliku fl-iqsar żmien possibbli u normalment mhux aktar tard minn12 il-xahar wara d-data tal-okkorrenza. Jekk ir-rapport finali ma jistax isir pubbliku fi żmien 12-il xahar, il-korp investigattiv għandu jirrilaxxa dikjarazzjoni temporanja tal-anqas f'kull anniversarju tal-inċident jew l-aċċident serju, u tagħti dettalji tal-progress tal-investigazzjoni u ta' kwalunkwe kwistjoni ta' sikurezza li titqajjem. Ir-rapport, inklużi r-rakkomandazzjonijiet dwar is-sikurezza, għandu jkun komunikat lill-partijiet rilevanti msemmija fl-Artikolu 23(3) u lill-korpi u l-partijiet kkonċernati fl-Istati Membri l-oħra.

Filwaqt li tqis l-esperjenza miksuba mill-korpi investigattivi, i-Kummissjoni għandha tistabbilixxi, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, l-istruttura ta' rappurtar li għandha tiġi segwita kemm jista' jkun mill-qrib għal rapporti dwar investigazzjoni ta' inċidenti u aċċidenti. Din l-istruttura tar-rappurtar għandha tinkludi l-elementi li ġejjin:

(a)

deskrizzjoni tal-okkorrenza u l-isfond tagħha;

(b)

rekord tal-investigazzjonijiet u inkjesti, inkluż dwar is-sistema ta' ġestjoni tas-sikurezza, ir-regoli u r-regolamenti applikati, il-funzjonament tal-vetturi ferrovjarji u l-installazzjonijiet tekniċi, l-organizzazzjoni ta' manodopera, id-dokumentazzjoni tas-sistema tal-operazzjoni u okkorrenzi preċedenti ta' karattru simili;

(c)

l-analiżi u l-konklużjonijiet fir-rigward tal-kawżi tal-okkorrenza, inklużi l-fatturi li jikkontribwixxu, relatati ma':

(i)

l-azzjonijiet meħuda minn persuni involuti;

(ii)

il-kondizzjoni tal-vetturi ferrovjarji jew l-installazzjonijiet tekniċi;

(iii)

il-ħiliet tal-persunal, il-proċeduri u l-manutenzjoni;

(iv)

il-kondizzjonijiet tal-qafas regolatorju; u

(v)

l-applikazzjoni tas-sistema ta' ġestjoni tas-sikurezza.

Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 28(3).

3.   Sat-30 ta' Settembru ta' kull sena il-korp investigattiv għandu jippubblika rapport annwali li jagħti rendikont tal-investigazzjonijiet magħmula s-sena ta' qabel, ir-rakkomandazzjonijiet tas-sikurezza li kienu maħruġa u l-azzjonijiet meħuda skont ir-rakkomandazzjonijiet maħruġa qabel.

Artikolu 25

Informazzjoni li għandha tintbagħat lill-Aġenzija

1.   Fi żmien sebat ijiem mid-deċiżjoni li tinfetaħ investigazzjoni, il-korp investigattiv għandu jinforma lill-Aġenzija b'dan. L-informazzjoni għandha tindika d-data, il-ħin u l-post tal-okkorrenza, kif ukoll it-tip tagħha u l-konsegwenzi fir-rigward tal-fatalitajiet, il-ħsarat u d-dannu materjali.

2.   Il-Korp investigattiv għandu jibgħat lill-Aġenzija kopja tar-rapport finali msemmi fl-Artikolu 24(2) u tar-rapport annwali msemmi fl-Artikolu 24(3).

Artikolu 26

Rakkomandazzjonijiet dwar is-sikurezza

1.   Rakkomandazzjoni tas-sikurezza maħruġa minn korp investigattiv ma għandha fl-ebda każ toħloq preżunzjoni ta' ħtija jew responsabbiltà għall-inċident jew l-aċċident.

2.   Ir-rakkomandazzjonijiet għandhom ikunu indirizzati lill-awtorità nazzjonali tas-sikurezza u, fejn hemm bżonn minħabba n-natura tar-rakkomandazzjoni, lill-Aġenzija, lil korpi u l-awtoritajiet l-oħra fl-Istat Membru kkonċernat jew lill-Istati Membri l-oħra. L-Istati Membri, u l-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza tagħhom u l-Aġenzija għandhom fil-limiti tal-kompetenzi tagħhom, jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li r-rakkomandazzjonijiet tas-sikurezza maħruġa mill-korpi investigattivi huma meħuda inkonsiderazzjoni b'mod xieraq, u, fejn xieraq, tittieħed azzjoni fuqhom.

3.   L-Aġenzija, l-awtorità nazzjonali tas-sikurezza u l-awtoritajiet jew il-korpi l-oħra, u fejn xieraq, l-Istati Membri l-oħra li ġew indirizzati lilhom ir-rakkomandazzjonijiet, għandhom jirrapportaw lura perjodikament lill-korp investigattiv fuq il-miżuri li jittieħdu jew jiġu ppjanati bħala konsegwenza ta' rakkomandazzjoni speċifika.

KAPITOLU VI

DISPOŻIZZJONIJIET TRANŻITORJI U FINALI

Artikolu 27

Eżerċizzju ta' delega

1.   Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa tadotta atti delegati suġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa ta' adozzjoni tal-atti delegati msemmija fl-Artikolu 6(6) u l-Artikolu 7(6) għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perijodu ta' ħames snin mill-15 ta' Ġunju 2016. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport rigward id-delega tas-setgħa mhux aktar tard minn disa' xhur qabel tmiem il-perijodu ta' ħames snin. Id-delega tas-setgħa għandha tiġi estiża b'mod taċitu għal perijodi tal-istess tul, sakemm il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma jopponux tali estensjoni mhux aktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta' kull perijodu.

3.   Huwa ta' importanza partikolari li l-Kummissjoni ssegwi l-prattika abitwali tagħha u twettaq konsultazzjonijiet ma' esperti, inklużi esperti tal-Istati Membri, qabel ma tadotta dawk l-atti delegati.

4.   Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 6(6) u l-Artikolu 7(6) tista' tiġi revokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Id-deċiżjoni tar-revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva l-għada li tiġi ppubblikata d-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data speċifikata aktar tard fih. Din ma għandhiex taffettwa l-validità ta' kwalunkwe att delegat li jkunu diġà fis-seħħ.

5.   Hekk kif tadotta dan l-att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifika dan simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

6.   Att delegat adottat skont l-Artikolu 6(6) u l-Artikolu 7(6) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk l-ebda oġġezzjoni ma tkun ġiet espressa jew mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel l-iskadenza ta' dak il-perijodu, kemm il-Parlament Ewropew kif ukoll il-Kunsill ikunu infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex ser joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b'xahrejn fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 28

Proċedura tal-kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-kumitat imsemmi fl-Artikolu 51 tad-Direttiva (UE) 2016/797. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

3.   Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011. Fejn il-kumitat ma jagħtix opinjoni, il-Kummissjoni ma għandhiex tadotta abbozz ta' att ta' implimentazzjoni u għandu japplika t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 29

Rapport u azzjoni ulterjuri tal-Unjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha tressaq lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sas-16 ta' Ġunju 2021, u kull ħames snin minn hemm “il quddiem, rapport dwar l-implimentazzjoni.ta” din id-Direttiva, partikolarment fir-rigward tal-monitoraġġ tal-miżuri għall-ħruġ ta' ċertifikati ta' sikurezza uniċi.

Ir-rapport għandu jkun akkumpanjat fejn meħtieġ mill-proposti għal azzjonijiet oħra mill-Unjoni.

2.   L-Aġenzija għandha tevalwa l-iżvilupp ta' kultura ta' sikurezza inkluż ir-rappurtar tal-okkorrenzi. Hija għandha tippreżenta lill-Kummissjoni, sas-16 ta' Ġunju 2024, rapport li jkun fih, fejn xieraq, titjib li għandu jsir fis-sistema. Il-Kummissjoni għandha tieħu l-miżuri xierqa abbażi ta' dawn ir-rakkomandazzjonijiet u għandha tipproponi, jekk meħtieġ, emendi għal din id-Direttiva.

3.   Sas-16 ta' Diċembru 2017, il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-azzjonijiet li ttieħdu bil-għan li jintlaħqu l-għanijiet li ġejjin:

(a)

l-obbligu li l-manifatturi jimmarkaw b'kodiċi ta' identifikazzjoni l-komponenti kritiċi għas-sikurezza li jiċċirkolaw fin-netwerks ferrovjarji Ewropej, filwaqt li jiżguraw li l-kodiċi ta' identifikazzjoni jidentifika b'mod ċar il-komponent, l-isem tal-manifattur u d-data dwar il-produzzjoni sinifikanti;

(b)

it-traċċabbiltà sħiħa ta' dawn il-komponenti kritiċi għas-sikurezza, it-traċċabbiltà tal-attivitajiet ta' manutenzjoni tagħhom u l-identifikazzjoni tal-ħajja operazzjonali tagħhom; u

(c)

l-identifikazzjoni tal-prinċipji obbligatorji komuni għall-manutenzjoni ta' dawk il-komponenti.

Artikolu 30

Penali

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-penali applikabbli għal ksur ta' dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw li jiġu implimentati. Il-penali previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati, mhux diskriminatorji u dissważivi. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni b'dawk ir-regoli sad-data speċifikata fl-Artikolu 33(1) u għandhom jinnotifikawha, mingħajr dewmien, bi kwalunkwe emenda sussegwenti li tolqothom.

Artikolu 31

Dispożizzjonijiet tranżitorji

1.   L-Anness V tad-Direttiva 2004/49/KE għandu japplika sad-data tal-applikazzjoni tal-atti ta' implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 24(2) ta' din id-Direttiva.

2.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu, l-impriżi ferrovjarji li jeħtieġu jiġu ċċertifikati bejn il-15 ta' Ġunju 2016 u s-16 ta' Ġunju 2019, għandhom ikunu soġġetti għad-Direttiva 2004/49/KE. Dawk iċ-ċertifikati ta' sikurezza għandhom ikunu validi sad-data tal-iskadenza tagħhom.

3.   Mhux aktar tard mis-16 ta' Ġunju 2019 l-Aġenzija għandha twettaq il-kompiti ta' ċertifikazzjoni skont l-Artikoli 10 fir-rigward ta' żoni tal-operazzjoni fl-Istati Membri li ma nnotifikawx lill-Aġenzija jew lill-Kummissjoni f'konformità mal-Artikolu 33(2) . B'deroga mill-Artikolu 10, l-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza tal-Istati Membri li nnotifikaw lill-Aġenzija u l-Kummissjoni skont l-Artikolu 33(2), jistgħu jkomplu joħorġu ċertifikati f'konformità mad-Direttiva 2004/49/KE sas-16 ta' Ġunju 2020.

Artikolu 32

Rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet tal-Aġenzija

L-Aġenzija għandha tipprovdi rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet f'konformità mal-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) 2016/796 għall-għanijiet tal-applikazzjoni ta' din id-Direttiva. Dawk ir-rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet jista' jittieħed kont tagħhom meta l-Unjoni tadotta atti legali skont din id-Direttiva.

Artikolu 33

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex ikunu konformi mal-Artikoli 2, 3, 4, l-Artikoli 8 sa 11, l-Artikolu 12(5), l-Artikolu 15(3), l-Artikoli 16 sa 19, l-Artikolu 21(2), l-Artikolu 23(3) u (7), l-Artikolu 24(2), l-Artikolu 26(3) u l-Annessi II u III sas-16 ta' Ġunju 2019. Għandhom jikkomunikaw immedjatament it-test ta' dawk il-miżuri lill-Kummissjoni.

2.   L-Istati Membri jistgħu jestendu l-perijodu ta' traspożizzjoni msemmi fil-paragrafu 1 b'sena. Għal dak l-iskop, sas-16 ta' Diċembru 2018, l-Istati Membri li ma jkunux daħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi fi żmien il-perijodu ta' traspożizzjoni msemmi fil-paragrafu 1 għandhom jinnotifikaw lill-Aġenzija u lill-Kummissjoni b'dan u jippreżentaw ir-raġunijiet għal tali estensjoni.

3.   Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn din ir-referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Huma għandhom ukoll jinkludu dikjarazzjoni li r-referenzi fil-liġijiet, ir-regolamenti, u d-dispożizzjonijiet amministrattivi eżistenti għad-Direttiva mħassra b'din id-Direttiva għandhom jiġu interpretati bħala referenzi għal din id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif issir din ir-referenza u kif tiġi fformulata dik id-dikjarazzjoni.

4.   L-obbligu tat-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva ma għandux japplika għal Ċipru u Malta sakemm ma tiġix stabbilita sistema ferrovjarja fit-territorji tagħhom.

Madankollu, hekk kif entità pubblika jew privata tressaq applikazzjoni uffiċjali biex tibni linja ferrovjarja bil-għan li titħaddem minn impriża ferrovjarja jew aktar, l-Istati Membri kkonċernati għandhom idaħħlu miżuri biex jimplimentaw din id-Direttiva fi żmien sentejn minn meta jirċievu l-applikazzjoni.

Artikolu 34

Tħassir

Id-Direttiva 2004/49/KE, kif emendata mid-Direttivi elenkati fl-Anness IV, Parti A, hija mħassra, b'effett mis-16 ta' Ġunju 2020, mingħajr preġudizzju għall-obbligi tal-Istati Membri rigward il-limiti ta' żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali u l-applikazzjoni tad-Direttivi mniżżla fl-Anness IV, Parti B.

Referenzi għad-Direttiva mħassra għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Direttiva u għandhom jinqraw skont it-tabella ta' korrelazzjoni fl-Anness V.

Artikolu 35

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 36

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Strasburgu, il-11 ta' Mejju 2016.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

J. A. HENNIS-PLASSCHAERT


(1)  ĠU C 327, 12.11.2013, p. 122.

(2)  ĠU C 356, 5.12.2013, p. 92.

(3)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Frar 2014 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tal-10 ta' Diċembru 2015 (ĠU C 57, 12.2.2016, p. 64). Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta' April 2016 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(4)  Direttiva 2004/49/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 fuq is-sigurtà tal-linji tal-ferrovija tal-Komunità u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 95/18/KE fuq l-għoti tal-liċenzi tal-impriżi tal-linji tal-ferrovija u d-Direttiva 2001/14/KE fuq l-allokazzjoni tal-kapaċità tal-infrastruttura tal-linji tal-ferrovija u l-intaxxar tal-piżijiet għall-użu tal-infrastruttura tal-linji tal-ferrovija u ċ-ċertifikazzjoni tas-sigurtà (ĠU L 164, 30.4.2004, p. 44).

(5)  Direttiva (UE) 2016/797 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2016 dwar l-interoperabbiltà tas-sistema ferrovjarja fl-Unjoni Ewropea (Ara paġna 44 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(6)  Regolament (UE) 2016/796 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2016 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 881/2004 (Ara paġna 1 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(7)  Direttiva 2008/57/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Ġunju 2008 dwar l-interoperabilità tas-sistema ferrovjarja fil-Komunità (ĠU L 191, 18.7.2008, p. 1).

(8)  Direttiva 2008/68/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Settembru 2008 dwar it-trasport intern ta' oġġetti perikolużi (ĠU L 260, 30.9.2008, p. 13).

(9)  Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(10)  Direttiva 2012/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Novembru 2012 li tistabbilixxi żona ferrovjarja unika Ewropea (ĠU L 343, 14.12.2012, p. 32).

(11)  Direttiva 2007/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2007 dwar iċ-ċertifikazzjoni ta' sewwieqa tal-ferroviji li joperaw lokomotivi u ferroviji fuq is-sistema ferrovjarja tal-Komunità (ĠU L 315, 3.12.2007 p. 51).

(12)  Direttiva (UE) 2015/1535 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Settembru 2015 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta' informazzjoni fil-qasam tar-regolamenti tekniċi u tar-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika (ĠU L 241, 17.9.2015, p. 1).

(13)  Regolament (KE) Nru 1371/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2007 dwar id-drittijiet u l-obbligi tal-passiġġieri tal-ferroviji (ĠU L 315, 3.12.2007, p. 14).

(14)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 653/2007 tat-13 ta' Ġunju 2007 dwar l-użu ta' format komuni Ewropew għaċ-ċertifikati tas-sigurtà u d-dokumenti tal-applikazzjoni skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2004/49/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u dwar il-validità taċ-ċertifikati tas-sigurtà li nħarġu skont id-Direttiva 2001/14/KE (ĠU L 153, 14.6.2007, p. 9).

(15)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1158/2010 tad-9 ta' Diċembru 2010 dwar metodu komuni ta' sikurezza għall-valutazzjoni tal-konformità mar-rekwiżiti sabiex jinkisbu ċertifikati ta' sikurezza ferrovjarja (ĠU L 326, 10.12.2010, p. 11).

(16)  Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 445/2011 tal-10 ta' Mejju 2011 dwar sistema ta' ċertifikazzjoni tal-entitajiet responsabbli mill-manutenzjoni tal-vaguni tal-merkanzija u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 653/2007 (ĠU L 122, 11.5.2011, p. 22).


ANNESS I

INDIKATURI KOMUNI TAS-SIKUREZZA

L-indikaturi komuni tas-sikurezza (CSIs) għandhom jiġu rrappurtati ta' kull sena mill-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza.

Jekk jinstabu fatti jew żbalji ġodda wara li jkun tressaq ir-rapport, l-indikaturi għal sena partikolari għandhom jiġu emendati jew ikkorreġuti mill-awtorità nazzjonali tas-sikurezza malli jkun opportun u sa mhux aktar tard mir-rapport annwali li jkun imiss.

Id-definizzjonijiet komuni għas-CSIs u l-metodi biex jiġi kkalkulat l-impatt ekonomiku tal-inċidenti huma stabbiliti fl-Appendiċi.

1.   Indikaturi marbutin ma' inċidenti

1.1.   L-għadd totali u relattiv (għall-kilometri ferrovjarji) ta' inċidenti serji u diżaggregazzjoni għat-tipi ta' inċidenti li ġejjin:

ħabta ta' ferrovija ma' vettura ferrovjarja,

ħabta ta' ferrovija ma' ostakolu fil-gejġ tat-tagħbien (clearance gauge),

ħruġ ta' ferrovija 'l barra mil-linji,

inċident f'passaġġ invell, inkluż inċidenti li jinvolvu n-nies mexjin f'passaġġ invell, u diżaggregazzjoni oħra għall-ħames tipi ta' passaġġi invell definiti fil-punt 6.2,

inċidenti li jsiru lil nies minħabba vetturi ferrovjarji li jkunu mexjin, minbarra s-suwiċidji u t-tentattivi ta' suwiċidju,

nar f'vettura ferrovjarja,

oħrajn.

Kull inċident sinifikanti għandu jiġi rrappurtat taħt it-tip tal-inċident primarju, anki jekk il-konsegwenzi tal-inċident sekondarju jkunu aktar serji (pereżempju deraljament li b'konsegwenza tiegħu jkun hemm nar).

1.2   L-għadd totali u relattiv (għall-kilometri ferrovjarji) ta' persuni li jindarbu serjament u jinqatlu skont it-tip ta' inċident maqsum fil-kategoriji li ġejjin:

passiġġier (relattiv ukoll għall-kilometri totali tal-passiġġieri u l-kilometri tal-ferroviji tal-passiġġieri),

impjegat jew kuntrattur,

utent tal-passaġġ invell,

persuna li tidħol bla permess,

persuna oħra fuq pjattaforma ferrovjarja,

persuna oħra mhux fuq pjattaforma.

2.   Indikaturi marbutin ma' merkanzija perikoluża

L-għadd totali u relattiv (għall-kilometri ferrovjarji) ta' inċidenti li jinvolvu t-trasport ta' merkanzija perikoluża bil-ferrovija maqsum fil-kategoriji li ġejjin:

inċident li fih tkun involuta mill-inqas vettura ferrovjarja waħda li tittrasporta merkanzija perikoluża, kif definit fl-Appendiċi,

l-għadd ta' tali inċidenti li minħabba fihom tiġi rilaxxata merkanzija perikoluża.

3.   Indikaturi marbutin ma' suwiċidji

L-għadd totali u relattiv (għall-kilometri ferrovjarji) ta' suwiċidji u tentattivi ta' suwiċidju

4.   Indikaturi marbutin mal-prekursuri ta' inċidenti

L-għadd totali u relattiv (għall-kilometri ferrovjarji) ta' prekursuri ta' inċidenti u diżaggregazzjoni għat-tipi ta' prekursuri li ġejjin:

linji miksura,

tgħawwiġ tal-binarju u allinjament ħażin ieħor,

żbalji fis-sinjali mogħtija,

każ fejn ma jkunux tħarsu s-sinjali ta' periklu meta tgħaddi minn punt ta' periklu,

każ fejn ma jkunux tħarsu s-sinjali ta' periklu mingħajr ma tgħaddi minn punt ta' periklu,

rota miksura ta' vettura ferrovjarja fis-servizz,

fus miksur ta' rota ta' vettura ferrovjarja fis-servizz.

Il-prekursuri kollha għandhom jiġu rrappurtati, kemm jekk iwasslu għall-inċidenti, kif ukoll jekk le. (Prekursur li jirriżulta f'inċident sinifikanti għandu jiġi rrappurtat ukoll mal-indikaturi marbutin mal-prekursuri; prekursur li ma jirriżultax f'inċident sinifikanti għandu jiġi rrappurtat biss mal-indikaturi marbutin mal-prekursuri).

5.   Indikaturi għall-kalkolu tal-impatt ekonomiku tal-inċidenti

It-total f'euro u l-għadd relattiv (għall-kilometri ferrovjarji) ta':

mwiet u korrimenti serji mmultiplikati bil-Valur tal-Prevenzjoni ta' Diżgrazzja (VPC),

l-ispejjeż tal-ħsarat għall-ambjent,

l-ispejjeż tal-ħsarat materjali għall-vetturi ferrovjarji jew għall-infrastruttura,

l-ispejjeż tad-dewmien bħala konsegwenza tal-inċidenti.

L-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza għandhom jirrappurtaw l-impatt ekonomiku ta' inċidenti sinifikanti.

Il-VPD huwa l-valur li s-soċjetà tpoġġi fuq il-prevenzjoni ta' diżgrazzja u għalhekk ma għandux jintuża bħala referenza għall-kumpens bejn żewġ partijiet li jkunu involuti f'inċidenti.

6.   Indikaturi marbutin mas-sikurezza teknika tal-infrastruttura u l-implimentazzjoni tagħha

6.1.   Il-perċentwali tal-binarji li għandhom Sistemi għall-Protezzjoni tal-Ferroviji (TPSs) jaħdmu u l-perċentwali tal-kilometri ferrovjarji fejn jintużaw TPSs abbord il-ferroviji, fejn dawn is-sistemi jipprovdu:

twissija,

twissija u waqfien awtomatiku,

twissija u waqfien awtomatiku u superviżjoni mhux kontinwa tal-veloċità,

twissija u waqfien awtomatiku u superviżjoni kontinwa tal-veloċità.

6.2.   L-għadd ta' passaġġi invell (it-total għal kull kilometru tal-linja u għal kull kilometru tal-binarju) skont il-ħames tipi li ġejjin:

(a)

passaġġ invell passiv

(b)

passaġġ invell attiv:

(i)

manwali,

(ii)

twissija awtomatika fuq in-naħa tal-utent,

(iii)

protezzjoni awtomatika fuq in-naħa tal-utent,

(iv)

protezzjoni fuq in-naħa tal-binarju.

Appendiċi

Definizzjonijiet komuni għas-CSIs u l-metodi tal-kalkolu tal-impatt ekonomiku tal-inċidenti

1.   Indikaturi marbutin ma' inċidenti

1.1.   “inċident sinifikanti” tfisser kull inċident li jinvolvi mill-inqas vettura ferrovjarja waħda li tkun miexja, u li jwassal biex mill-inqas persuna waħda tmut jew tindarab serjament, jew iwassal għal ħsara sinifikanti f'vetturi ferrovjarji, binarji, f'installazzjonijiet oħra jew għall-ambjent, jew iwassal għal tfixkil estensiv ta' traffiku, iżda teskludi l-inċidenti fil-workshops, fl-imħażen u fid-depożiti;

1.2.   “ħsara sinifikanti għall-vetturi, binarji, installazzjonijiet ferrovjarji oħrajn jew għall-ambjent” tfisser ħsara li tkun ekwivalenti għal EUR 150 000 jew iżjed;

1.3.   “tfixkil estensiv ta' traffiku” tfisser li s-servizzi ferrovjarji fuq linja ferrovjarja ewlenija jkunu sospiżi għal mill-inqas sitt sigħat;

1.4.   “ferrovija” tfisser vettura ferrovjarja waħda jew iżjed miġbuda minn lokomottiv jew vagun wieħed jew iżjed, jew vagun li jivvjaġġa waħdu, li jkollu numru partikolari jew marka speċifika minn punt inizjali fiss sa punt ta' tmiem fiss, inkluż magna ħafifa, jiġifieri lokomottiv li jivvjaġġa waħdu;

1.5.   “ħabta ta' ferrovija ma' vettura ferrovjarja” tfisser ħabta bejn quddiem u quddiem, bejn quddiem u wara jew ħabta ta' ġenb bejn parti ta' ferrovija u parti ta' ferrovija jew vettura ferrovjarja oħra, jew vetturi ferrovjarji għall-immanuvrar (shunting);

1.6.   “ħabta ta' ferrovija ma' ostakolu fil-gejġ tat-tagħbien” tfisser ħabta bejn parti minn ferrovija u xi oġġett fiss fuq il-post jew li jkun hemm temporanjament fuq jew ħdejn il-binarju (minbarra oġġetti fil-passaġġi invell jekk jkunu ntilfu minn xi vettura jew utent filwaqt li jkunu qed jaqsmu), inkluża ħabta ma' linji ta' kuntatt 'il fuq mill-ferrovija;

1.7.   “deraljament ta' ferrovija” tfisser kwalunkwe każ meta mill-inqas rota waħda tal-ferrovija tinqala' minn fuq il-binarji;

1.8.   “inċident fuq passaġġ invell” tfisser kull inċident fil-passaġġi invell li jinvolvi mill-inqas vettura ferrovjarja waħda u vettura waħda jew aktar li tkun qed taqsam, jew utenti oħrajn tal-passaġġ, bħalma huma nies mexjin jew xi oġġetti oħrajn li jkunu temporanjament fuq il-binarju jew ħdejh jekk dawn ikunu ntilfu minn vettura jew utent filwaqt li qegħdin jaqsmu;

1.9.   “inċident lil persuni li jinvolvi vettura ferrovjarja miexja” tfisser kull inċident li jiġri lil persuna waħda jew iżjed li tintlaqat minn vettura ferrovjarja jew minn oġġett li jkun imwaħħal magħha, jew li jkun inqala' minn magħha, dan jinkludi l-persuni li jaqgħu mill-vetturi ferrovjarji kif ukoll persuni li jaqgħu jew jintlaqtu minn oġġetti mhux imwaħħlin sew meta jkunu qegħdin jivvjaġġaw abbord il-vetturi;

1.10   “nar f'vettura ferrovjarja” tfisser nar jew splużjoni li tiġri ġo vettura ferrovjarja (dan jinkludi t-tagħbija li jkun fiha) meta tkun fi triqitha bejn l-istazzjon tat-tluq u d-destinazzjoni, inkluż meta tkun wieqfa fl-istazzjon tat-tluq, fil-waqfa tad-destinazzjoni jew intermedja, kif ukoll waqt operazzjonijiet ta' riskjerament;

1.11.   “(inċident) ieħor” tfisser kull inċident minbarra ħabta ta' ferrovija ma' vettura ferrovjarja, ħabta ta' ferrovija ma' ostakolu fil-gejġ tat-tagħbien, deraljament ta' ferrovija, inċident fuq passaġġ invell, inċident lil persuna li jinvolvi vettura ferrovjarja miexja jew nar f'vettura ferrovjarja;

1.12.   “passiġġier” tfisser kull persuna, minbarra membru tal-persunal tal-ferrovija, li jivvjaġġa bil-ferrovija, inkluż passiġġier li jipprova jitla' fuq ferrovija jew jinżel minn fuqha waqt li tkun miexja għall-istatistika tal-inċidenti biss;

1.13.   “impjegat jew kuntrattur” tfisser kull persuna li l-impjieg tagħha marbut mal-ferrovija u li tkun fuq ix-xogħol meta jsir l-inċident, dan jinkludi l-persunal tal-kuntratturi, il-kuntratturi impjegati għal rashom, il-persunal tal-ferrovija u persuni li jkunu qed jieħdu ħsieb il-vetturi ferrovjarji u l-installazzjonijiet infrastrutturali;

1.14.   “utent tal-passaġġ invell” tfisser kwalunkwe persuna li tuża passaġġ invell biex taqsam il-binarji bi kwalunkwe mezz ta' trasport jew bil-mixi;

1.15.   “persuna li tidħol bla permess” tfisser kwalunkwe persuna li tkun f'postijiet li jappartjenu għall-ferrovija fejn id-dħul ikun ipprojbit, bl-eċċezzjoni ta' utent tal-passaġġ invell;

1.16.   “persuna oħra fuq pjattaforma” tfisser kwalunkwe persuna li tkun fuq pjattaforma ferrovjarja li ma taqax taħt id-definizzjoni ta' “passiġġier”, “impjegat jew kuntrattur”, “utent tal-passaġġ invell”, “persuna oħra mhux fuq pjattaforma” jew “persuna li tidħol bla permess”;

1.17.   “persuna oħra mhux fuq pjattaforma” tfisser kwalunkwe persuna li ma tkunx fuq pjattaforma ferrovjarja li ma taqax taħt id-definizzjoni ta' “passiġġier”, “impjegat jew kuntrattur”, “utent tal-passaġġ invell”, “persuna oħra fuq pjattaforma” jew “persuna li tidħol bla permess”;

1.18.   “mewta (persuna maqtula)” tfisser kwalunkwe persuna maqtula minnufih jew li tmut fi żmien 30 jum bħala riżultat ta' inċident, minbarra xi suwiċidju;

1.19.   “ġrieħi serji (persuna midruba serjament)” tfisser kull persuna li tindarab li tkun iddaħħlet l-isptar għal aktar minn 24 siegħa bħala riżultat ta' inċident, minbarra xi tentattiv ta' suwiċidju.

2.   Indikaturi marbutin ma' merkanzija perikoluża

2.1.   “inċident li jinvolvi t-trasportazzjoni ta' merkanzija perikoluża” tfisser kwalunkwe inċident jew aċċident li huwa suġġett li jiġi rrappurtat f'konformità mar-RID (1)/ADR taqsima 1.8.5;

2.2.   “oġġetti perikolużi” tfisser dawk is-sustanzi u oġġetti li l-ġarr tagħhom huwa pprojbit mir-RID, jew awtorizzat biss fil-kundizzjonijiet stipulati fihom.

3.   Indikaturi marbutin ma' suwiċidji

3.1.   “suwiċidju” tfisser att deliberat ta' persuna biex tindarab li jirriżulta f'mewt, kif irreġistrat u kklassifikat mill-awtorità kompetenti nazzjonali;

3.2.   “tentattiv ta' suwiċidju” tfisser att deliberat ta' persuna biex tindarab li jirriżulta fi ġrieħi serji.

4.   Indikaturi marbutin mal-prekursuri ta' inċidenti

4.1.   “binarju miksur” tfisser kwalunkwe binarju li jinqasam f'żewġ biċċiet jew aktar, jew kwalunkwe binarju li minnu tinqala' biċċa metall, u b'kawża ta' dan ikun hemm fetħa twila aktar minn 50 mm u fonda aktar minn 10 mm fuq is-superfiċje li fuqha jimxu r-roti;

4.2.   “tgħawwiġ tal-binarju jew allinjament ħażin ieħor tal-binarju” tfisser kull ħsara marbuta mal-kontinwità u mal-ġeometrija tal-binarju, li titlob li l-binarju ma jintużax jew li jkun hemm restrizzjoni immedjata tal-veloċità permessa;

4.3.   “żbalji fis-sinjali mogħtija” tfisser kull ħsara teknika f'sistema ta' sinjalazzjoni (jew fl-infrastruttura jew fil-vetturi ferrovjarji), li twassal biex l-informazzjoni tas-sinjalazzjoni tkun inqas restrittiva milli meħtieġ;

4.4.   “Każ fejn ma jkunux tħarsu s-Sinjali ta' Periklu meta tgħaddi minn punt ta' periklu” tfisser kull darba li xi parti minn ferrovija tibqa' miexja iktar milli jkun hemm awtorizzazzjoni għal dan u tgħaddi l-punt tal-periklu;

4.5.   “Każ fejn ma jkunux tħarsu s-Sinjali ta' Periklu mingħajr ma tgħaddi minn punt ta' periklu,” tfisser kull darba li xi parti minn ferrovija tibqa' miexja iktar milli jkun hemm awtorizzazzjoni għal dan iżda ma tgħaddix il-punt tal-periklu.

Il-moviment mhux awtorizzat imsemmi fil-punti 4.4 u 4.5 hawn fuq tfisser li tgħaddi:

sinjal tad-dwal ikkuluriti jew semaforu maġenb il-binarju f'punt ta' periklu, jew l-ordni STOP fejn ma jkunx hemm sistema titħaddem ta' Protezzjoni tal-Ferroviji (TPS),

it-tmiem ta' awtorizzazzjoni għal moviment relatat mas-sikurezza pprovduta f'TPS,

punt ikkomunikat permezz ta' awtorizzazzjoni verbali jew bil-miktub stipulata fir-regolamenti,

tabelli b'avviż ta' waqfien (mhuwiex inkluż l-ilqugħ għall-waqfien) jew sinjali bl-idejn.

Kull każ li jinvolvi vettura li ma jkollhiex unità tat-trazzjoni mwaħħla, jew ferrovija mingħajr sewwieq li tgħaddi s-sinjal f'punt ta' periklu mhuwiex inkluż. Kull każ meta, għal xi raġuni jew oħra, is-sinjal ta' periklu ma jiddawwarx biżżejjed fil-ħin biex is-sewwieq ikun jista' jwaqqaf il-ferrovija, mhuwiex inkluż.

L-Awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza jistgħu jagħtu rapporti separati dwar l-erba' indiċijiet ta' moviment mhux awtorizzat elenkati fl-inċiżi f'dan il-punt u għandhom jirrappurtaw mill-inqas indikatur aggregat li jkun fih id-data dwar l-erba' elementi.

4.6.   “rota miksura ta' vettura ferrovjarja fis-servizz” tfisser brejk li jaffettwa lir-rota u joħloq riskju ta' inċident (deraljament jew ħabta);

4.7.   “fus ta' rota miksur ta' vettura ferrovjarja fis-servizz” tfisser ksur li jaffettwa l-fus u joħloq riskju ta' inċident (deraljament jew ħabta).

5.   Metodoloġiji komuni għall-kalkolu tal-impatt ekonomiku tal-inċidenti

5.1.   Il-Valur tal-Prevenzjoni ta' Diżgrazzja (VPD) huwa magħmul minn:

(1)

Il-valur tas-sikurezza per se: Il-valuri ta' kemm wieħed ikun Lest li Jħallas (Willingness to Pay (WTP)) huma bbażati fuq studji dwar preferenzi ddikjarati li jkunu twettqu fl-Istat Membru li għalih jiġu applikati.

(2)

Spejjeż ekonomiċi diretti u indiretti: il-valuri tal-ispiża vvalutati fl-Istat Membru, magħmulin minn:

l-ispiża medika u ta' riabilitazzjoni,

l-ispiża tal-qrati legali, l-ispiża tal-pulizija, tal-investigazzjonijiet privati dwar il-ħabta, tas-servizzi tal-emerġenza u l-ispejjeż amministrattivi tal-assigurazzjoni,

telf ta' produzzjoni: il-valur għas-soċjetà tal-oġġetti u s-servizzi li setgħu ġew prodotti mill-persuna kieku ma ġarax l-inċident.

Fil-kalkolu tal-ispejjeż tad-diżgrazzji, il-fatalitajiet u l-korrimenti serji għandhom jitqiesu b'mod separat (VPD differenti għall-fatalitajiet u għall-korrimenti).

5.2.   Il-prinċipji komuni għall-valutazzjoni tal-valur tas-sikurezza per se u l-ispejjeż ekonomiċi diretti u/jew indiretti:

Għall-valur tas-sikurezza per se, il-valutazzjoni ta' kemm huma jew mhumiex xierqa l-istimi disponibbli għandha tkun ibbażata fuq il-konsiderazzjonijiet li ġejjin:

l-istimi għandhom ikunu marbutin ma' sistema għall-valutazzjoni tat-tnaqqis tar-riskju tal-mortalità fis-settur tat-trasport u jsegwu strateġija ta' WTP skont metodi ta' preferenza ddikjarati,

il-kampjun tar-risposti li jintuża għall-valuri għandu jkun rappreżentattiv tal-popolazzjoni kkonċernata. B'mod partikolari, il-kampjun irid jirrifletti d-distribuzzjoni skont l-età/l-introjtu flimkien ma' karatteristiċi soċjoekonomiċi u/jew demografiċi rilevanti oħrajn tal-popolazzjoni,

metodu biex jinkisbu l-valuri tal-WTP: it-tfassil tal-istħarriġ isir b'mod li l-mistoqsijiet ikunu ċari/sinifikanti għal dawk li jwieġbu.

L-ispejjeż ekonomiċi diretti u indiretti għandhom jiġu vvalutati abbażi tal-ispejjeż reali mġarrba mis-soċjetà.

5.3.   Definizzjonijiet

5.3.1.   “Spejjeż tal-ħsara lill-ambjent” tfisser l-ispejjeż li jridu jitħallsu mill-Amministraturi tal-Impriżi u l-Infrastrutturi Ferrovjarji, ivvalutati abbażi tal-esperjenza tagħhom, biex iż-żona li tkun saritilha d-danni terġa' lura għall-istat li kienet qabel l-inċident ferrovjarju.

5.3.2.   “Spejjeż tal-ħsarat materjali għall-vetturi jew infrastrutturi ferrovjarji” tfisser l-ispejjeż biex jiġu pprovduti vetturi ferrovjarji jew infrastrutturi ġodda, li jkollhom l-istess funzjonalitajiet u parametri tekniċi bħal dawk li jkunu ġarrbu ħsara li ma tissewwiex, u l-ispiża tar-restawr ta' vetturi jew infrastrutturi ferrovjarji li jistgħu jissewwew għall-istat tagħhom ta' qabel l-inċident, li għandhom jiġu stmati mill-Amministraturi ta' Impriżi u Infrastrutturi Ferrovjarji abbażi tal-esperjenza tagħhom, inklużi wkoll l-ispejjeż marbutin mal-kiri ta' vetturi ferrovjarji, b'konsegwenza ta' nuqqas ta' disponibbiltà minħabba vetturi bil-ħsara.

5.3.3.   “Spejjeż tad-dewmien b'konsegwenza ta' inċidenti” tfisser il-valur monetarju tad-dewmien li jġarrbu l-utenti tat-trasport ferrovjarju (passiġġieri u klijenti tat-trasport tal-merkanzija) bħala konsegwenza tal-inċidenti, ikkalkulati permezz tal-mudell li ġej:

 

VT = il-valur fi flus tal-iffrankar tal-ħin tal-vjaġġ

 

Il-valur tal-ħin għal passiġġier f'ferrovija (fis-siegħa)

 

VTP= [VT tal-passiġġieri għax-xogħol]*[Il-perċentwali medju ta' passiġġieri għax-xogħol fis-sena] + [VT ta' passiġġieri mhux għax-xogħol]*[Il-perċentwali medja ta' passiġġieri mhux għax-xogħol fis-sena]

 

Il-VTP jitkejjel f'EUR għal kull passiġġier fis-siegħa

 

“Passiġġier għax-xogħol” tfisser passiġġier li jkun qed jivvjaġġa minħabba l-attivitajiet professjonali tiegħu u teskludi dawk li jivvjaġġaw mid-dar għax-xogħol u lura.

 

Il-valur tal-ħin għal ferrovija tal-merkanzija (fis-siegħa)

 

VTF = [VT tal-ferroviji tal-merkanzija]*[(Tunnellata-km)/(km Ferrovjarju)]

 

Il-VTF jitkejjel f'EUR għal kull tunnellata ta' merkanzija fis-siegħa

 

L-ammont medju ta' tunnellati ta' merkanzija ttrasportata għal kull ferrovija f'sena = (Tunnellata-km)/(km Ferrovjarju)

 

CM = L-ispejjeż ta' minuta dewmien ta' ferrovija

 

Ferrovija tal-passiġġieri

 

CMP = K1*(VTP/60)*[(km tal-passiġġieri)/km Ferrovjarju)]

 

L-għadd medju ta' passiġġieri għal kull ferrovija f'sena = (km tal-passiġġieri)/(km Ferrovjarju)

 

Ferrovija tal-merkanzija

 

CMF= K2* (VTF/60)

 

Il-fatturi K1 u K2 huma bejn il-valur tal-ħin u l-valur tad-dewmien, kif stmati minn studji ta' preferenzi ddikjarati, biex jitqies il-fatt li l-ħin mitluf minħabba dewmien huwa perċepit b'mod aktar negattiv mill-ħin użat normalment għall-ivvjaġġar.

 

L-ispejjeż tad-dewmien minħabba inċident = CMP * (Minuti ta' dewmien ta' ferroviji tal-passiġġieri) + CMF * (Minuti ta' dewmien ta' ferroviji tal-merkanzija)

 

L-ambitu tal-mudell

 

L-ispejjeż imġarrba minħabba d-dewmien għall-inċidenti serji għandhom jiġu kkalkulati kif ġej:

dewmien reali fuq il-linji ferrovjarji fejn ikunu ġraw l-inċidenti kif jitkejlu fl-istazzjon terminali

dewmien reali jew, jekk dan mhux possibbli, dewmien stmat fuq linji affettwati oħra.

6.   Indikaturi marbutin mas-sikurezza teknika tal-infrastruttura u l-implimentazzjoni tagħha

6.1.   “Is-Sistema ta' Protezzjoni tal-Ferroviji (TPS)” tfisser sistema li tgħin biex tinforza l-ubbidjenza għas-sinjali u għar-restrizzjonijiet tal-veloċità.

6.2.   “Sistemi abbord” tfisser sistemi li jgħinu lis-sewwieq josserva s-sinjalar ta' maġenb il-binarju u s-sinjalar fil-kabina u b'hekk jipprovdu l-protezzjoni minn punti ta' periklu u r-rinfurzar tal-limiti tal-veloċità. It-TPSs abbord jistgħu jiġu deskritti kif ġej:

(a)

Twissija, li tagħti twissija awtomatika lis-sewwieq.

(b)

Twissija u waqfien awtomatiku, li tagħti twissija awtomatika lis-sewwieq u twaqqaf il-ferrovija awtomatikament meta din tgħaddi sinjal ta' periklu.

(c)

Twissija u waqfien awtomatiku u superviżjoni mhux kontinwa tal-veloċità, li tipprovdi l-protezzjoni minn punti ta' periklu, fejn “superviżjoni mhux kontinwa tal-veloċità” tfisser superviżjoni tal-veloċità f'ċerti postijiet (nases tal-veloċità) meta l-ferrovija tkun qiegħda tavviċina sinjal.

(d)

Twissija u waqfien awtomatiku u superviżjoni kontinwa tal-veloċità, li tipprovdi l-protezzjoni minn punti perikolużi u superviżjoni kontinwa tal-limiti tal-veloċità tal-linja, fejn “superviżjoni kontinwa tal-veloċità” tfisser indikazzjoni u infurzar kontinwi tal-veloċità massima fil-mira permessa f'kull parti tal-linja.

It-tip (d) huwa meqjus bħala Sistema ta' Protezzjoni Awtomatika tal-Ferrovija (ATP).

6.3.   “passaġġ invell” tfisser kull intersezzjoni bejn triq jew passaġġ u linja ferrovjarja, kif rikonoxxut mill-amministratur tal-infrastruttura u miftuħ għall-utenti pubbliċi jew privati. Il-passaġġi bejn il-pjattaformi fl-istazzjonijiet huma esklużi, kif ukoll il-passaġġi minn fuq il-binarji li għandhom jintużaw biss mill-impjegati.

6.4.   “triq” tfisser, għall-iskop tal-istatistika tal-inċidenti ferrovjarji, kull triq prinċipali pubblika jew privata, kull triq jew awtostrada, u tinkludi l-mogħdijiet tal-ġenb u dawk għar-roti.

6.5.   “passaġġ” tfisser kwalunkwe rotta li mhijiex triq li qiegħda biex jgħaddu n-nies, l-annimali, il-vetturi jew il-makkinarju.

6.6.   “passaġġ invell passiv” tfisser passaġġ invell mingħajr xi forma ta' sistema ta' twissija jew protezzjoni li tiġi attivata meta jkun ta' periklu għall-utent li jaqsam il-passaġġ.

6.7.   “passaġġ invell attiv” tfisser passaġġ invell fejn l-utenti li jaqsmu huma protetti minn jew jingħataw twissija dwar il-ferrovija li qed tavviċina minn tagħmir li jiġi attivat meta jkun ta' periklu li l-utent jaqsam.

Protezzjoni permezz ta' tagħmir fiżiku tinkludi:

barrieri, jew sħaħ jew nofs,

gradi.

Twissija permezz ta' tagħmir fiss fil-passaġġi invell:

tagħmir viżibbli: dwal,

tagħmir li jinstema': qniepen, ħornijiet, sireni, eċċ.

Il-passaġġi invell attivi huma kklassifikati bħala:

(a)

Manwali: passaġġ invell fejn il-protezzjoni jew it-twissija man-naħa tal-utent jiġu attivati manwalment minn impjegat tal-ferroviji.

(b)

Awtomatiċi bi twissija fuq in-naħa tal-utent: passaġġ invell fejn it-twissija man-naħa tal-utent tiġi attivata mill-ferrovija li tkun qed tavviċina.

(c)

Awtomatiċi b'tagħmir protettiv fuq in-naħa tal-utent: passaġġ invell fejn il-protezzjoni man-naħa tal-utent tiġi attivata mill-ferrovija li tkun qed tavviċina. Dawn jinkludu passaġġ invell bi protezzjoni kif ukoll twissija man-naħa tal-utent.

(d)

Tagħmir protettiv fuq in-naħa tal-binarju: passaġġ invell fejn sinjal jew xi sistema ta' protezzjoni oħra tal-ferroviji jippermettu li l-ferrovija tkompli fi triqitha ladarba l-passaġġ invell ikun protett kompletament man-naħa tal-utent u jkun ħieles minn xi inkursjoni.

7.   Definizzjonijiet tal-bażijiet ta' gradazzjoni

7.1.   “km ferrovjarju” tfisser l-unità tal-kejl li tirrappreżenta l-moviment ta' ferrovija tul kilometru. Id-distanza li tintuża hija d-distanza li tkun għamlet il-ferrovija, jekk din tkun magħrufa, inkella għandha tintuża d-distanza standard tan-netwerk bejn l-oriġini u d-destinazzjoni. Id-distanza fit-territorju nazzjonali tal-pajjiż rapportatur biss għandha titqies.

7.2.   “km tal-passiġġieri” tfisser l-unità tal-kejl li tirrappreżenta t-trasportazzjoni ta' passiġġier wieħed bil-ferrovija fuq distanza ta' kilometru. Id-distanza fit-territorju nazzjonali tal-pajjiż rapportatur biss għandha titqies.

7.3.   “km tal-linja” tfisser it-tul f'kilometri tan-netwerk ferrovjarju fl-Istati Membri, li l-ambitu tiegħu huwa stabbilit fl-Artikolu 2. Għal-linji li jkollhom għadd ta' linji ferrovjarji, għandha tingħadd biss id-distanza bejn l-oriġini u d-destinazzjoni.

7.4.   “km tal-binarju” tfisser it-tul f'kilometri tan-netwerk ferrovjarju fl-Istati Membri, li l-ambitu tagħhom huwa stabbilit fl-Artikolu 2. Għandu jingħadd kull binarju f'linja ferrovjarja b'ħafna binarji.


(1)  RID, Regolamenti dwar it-Trasport Internazzjonali ta' Oġġetti Perikolużi bil-Ferrovija, kif adottati skont id-Direttiva 2008/68/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Settembru 2008 dwar it-trasport intern ta' oġġetti perikolużi (ĠU L 260, 30.9.2008, p. 13).


ANNESS II

NOTIFIKA TAR-REGOLI NAZZJONALI TAS-SIKUREZZA

Ir-regoli nazzjonali tas-sikurezza notifikati skont il-punt (a) tal-Artikolu 8(1) jinkludu:

1.

ir-regoli dwar il-miri nazzjonali eżistenti tas-sikurezza u l-metodi tas-sikurezza;

2.

ir-regoli dwar ir-rekwiżiti fir-rigward tas-sistemi ta' ġestjoni tas-sikurezza u ċ-ċertifikazzjoni tas-sikurezza tal-impriżi ferrovjarji;

3.

ir-regoli komuni tal-operazzjoni tan-network ferrovjarju li għadhom mhumiex koperti mit-TSIs, inklużi r-regoli dwar is-sistema ta' ġestjoni tas-sinjalazzjoni u tat-traffiku;

4.

ir-regoli li jistabbilixxu r-rekwiżiti fir-rigward ta' regoli addizzjonali interni tal-operazzjoni (ir-regoli tal-kumpannija) li għandhom ikunu stabbiliti mill-amministraturi tal-infrastruttura u l-impriżi ferrovjarji;

5.

ir-regoli dwar ir-rekwiżiti fir-rigward ta' persunal li jwettaq xogħlijiet kritiċi ta' sikurezza inklużi l-kriterji ta' selezzjoni, is-saħħa fiżika u t-taħriġ vokazzjonali u ċ-ċertifikazzjoni sa fejn dawn ikunu għadhom mhumiex koperti bit-TSI;

6.

ir-regoli dwar l-investigazzjoni ta' inċidenti u aċċidenti.


ANNESS III

Rekwiżiti u kriterji ta' valutazzjoni għall-organizzazzjonijiet li japplikaw għal ċertifikat ECM jew għal ċertifikat fir-rigward tal-funzjonijiet tal-manutenzjoni sottokuntrattati minn entità Inkarigata mill-manutenzjoni

L-amministrazzjoni tal-organizzazzjoni għandha tkun dokumentata fil-partijiet rilevanti kollha u għandha partikolarment tiddeskrivi d-distribuzzjoni tar-responsabbiltajiet fl-organizzazzjoni u mas-sottokuntratturi. Dan għandu juri kif il-kontroll mill-amministrazzjoni f'livelli differenti huwa sikur, kif il-persunal u r-rappreżentanti tiegħu fil-livelli kollha huma involuti u kif it-titjib kontinwu huwa żgurat.

Ir-rekwiżiti bażiċi li ġejjin għandhom jiġu applikati għall-erba' funzjonijiet ta' entità inkarigata mill-manutenzjoni (ECM) li għandhom ikunu koperti mill-organizzazzjoni nnifisha jew permezz ta' arranġamenti kuntrattwali:

1.   Tmexxija— impenn lejn l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tas-sistema ta' manutenzjoni tal-organizzazzjoni u lejn it-titjib kontinwu tal-effikaċja tagħha;

2.   Valutazzjoni tar-riskju— approċċ strutturat biex jiġu vvalutati r-riskji assoċjati mal-manutenzjoni tal-vetturi, inklużi dawk li jirriżultaw direttament minn proċessi operattivi u minn attivitajiet ta' organizzazzjonijiet jew persuni oħra, u biex jiġu identifikati l-miżuri xierqa għall-kontroll tar-riskju;

3.   Monitoraġġ— approċċ strutturat li jiżgura li jiġu stabbiliti l-miżuri għall-kontroll tar-riskju, li jkunu qed jaħdmu sew u li qed jilħqu l-għanijiet tal-organizzazzjoni;

4.   Titjib kontinwu— approċċ strutturat biex tiġi analizzata l-informazzjoni miġbura permezz ta' monitoraġġ regolari, awditjar, jew sorsi oħra rilevanti, u biex ir-riżultati jservu ta' tagħlim u biex jiġu adottati miżuri preventivi jew korrettivi għaż-żamma jew it-titjib tal-livell tas-sikurezza;

5.   Struttura u responsabbiltà— approċċ strutturat biex jiġu ddefiniti r-responsabbiltajiet ta' individwi u timijiet għal kisba sikura tal-għanijiet ta' sikurezza tal-organizzazzjoni;

6.   Ġestjoni tal-kompetenza— approċċ strutturat biex jiġi żgurat li l-impjegati jkollhom il-kompetenzi meħtieġa biex jinkisbu l-għanijiet tal-organizzazzjoni b'mod sikur, effikaċi u effiċjenti fiċ-ċirkostanzi kollha.;

7.   Informazzjoni— approċċ strutturat biex jiġi żgurat li informazzjoni importanti tkun disponibbli għal dawk li jiġġudikaw u jieħdu d-deċiżjonijiet fil-livelli kollha tal-organizzazzjoni u biex tiżgura l-kompletezza u l-adegwatezza tal-informazzjoni;

8.   Dokumentazzjoni— approċċ strutturat biex tiġi żgurata t-traċċabbiltà tal-informazzjoni rilevanti kollha;

9.   Attivitajiet kontraenti— approċċ strutturat biex jiġi żgurat li attivitajiet sottokuntrattati jiġu ġestiti kif xieraq sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-organizzazzjoni u l-kompetenzi kollha u r-rekwiżiti jiġu koperti;

10.   Attivitajiet ta' manutenzjoni— approċċ strutturat biex jiġi żgurat li:

l-attivitajiet kollha ta' manutenzjoni li jaffettwaw is-sikurezza u l-komponenti kritiċi għas-sikurezza huma identifikati u ġestiti tajjeb u li l-bidliet kollha meħtieġa għal dawk l-attivitajiet ta' manutenzjoni li jaffettwaw is-sikurezza jiġu identifikati, ġestiti b'mod xieraq abbażi tal-feedback u l-applikazzjoni ta' Metodi Komuni tas-Sikurezza għall-valutazzjoni tar-riskju skont il-punt (a) tal-Artikolu 6(1) u dokumentati tajjeb;

konformità mar-rekwiżiti essenzjali għall-interoperabbiltà;

l-implimentazzjoni u l-kontroll tal-faċilitajiet ta' manutenzjoni, tagħmir u għodda żviluppati u meħtieġa speċifikament għat-twettiq ta' manutenzjoni;

l-analiżi tad-dokumentazzjoni inizjali relatata mal-vettura li tipprovdi l-ewwel fajl tal-manutenzjoni u biex tkun żgurata l-implimentazzjoni korretta tagħha permezz tal-iżvilupp ta' ordnijiet ta' manutenzjoni;

il-komponenti (inklużi parts tal-bdil) u materjali jiġu użati kif speċifikat fl-ordnijiet ta' manutenzjoni u d-dokumentazzjoni tal-fornitur; jiġu maħżuna, trattati u trasportati b'mod adatt kif speċifikat fl-ordnijiet ta' manutenzjoni u d-dokumentazzjoni tal-fornitur u jikkonformaw ma' regoli nazzjonali u internazzjonali rilevanti kif ukoll mar-rekwiżiti tal-ordnijiet tal-manutenzjoni rilevanti;

faċilitajiet adattati u adegwati, it-tagħmir u l-għodda huma determinati, identifikati, ipprovduti, irreġistrati u jinżammu disponibbli biex ikunu jistgħu jipprovdu servizzi ta' manutenzjoni skont l-ordnijiet ta' manutenzjoni u speċifikazzjonijiet applikabbli oħra, filwaqt jkun żgurat it-twettiq sikur tal-manutenzjoni, l-ergonomija u l-protezzjoni tas-saħħa;

l-organizzazzjoni għandu jkollha proċeduri biex tiżgura li t-tagħmir ta' kejl tagħha u l-faċilitajiet, it-tagħmir u l-għodod kollha jintużaw sew, jiġu kkalibrati, preservati u miżmuma skont il-proċeduri dokumentati;

11.   Attivitajiet ta' kontroll— approċċ strutturat biex jiġi żgurat:

li l-vetturi jitneħħew mill-operazzjoni għal manutenzjoni skedata, kondizzjonali jew korrettiva fi żmien dovut, jew kull meta jiġu identifikati xi difetti jew ħtiġijiet oħrajn;

il-miżuri ta' kontroll tal-kwalità meħtieġa;

li l-kompiti ta' manutenzjoni jitwettqu skont l-ordnijiet ta' manutenzjoni u biex jinħareġ l-avviż ta' ritorn għall-operazzjoni li jinkludi restrizzjonijiet eventwali ta' użu;

li każijiet possibbli ta' nuqqas ta' konformità fl-applikazzjoni tas-sistema ta' ġestjoni li jistgħu jirriżultaw f'inċidenti, aċċidenti, inċidenti li kważi seħħew jew okkorrenzi perikolużi oħra, jiġu rrappurtati, investigati u analizzati u li jittieħdu miżuri preventivi neċessarji f'konformità mal-metodu ta' sikurezza komuni għall-monitoraġġ kif previst fil-punt (c) tal-Artikolu 6(1);

li l-awditjar intern rikorrenti u l-proċess ta' monitoraġġ ikunu konformi mal-metodu ta' sikurezza komuni għall-monitoraġġ kif previst fil-punt (c) tal-Artikolu 6(1).


ANNESS IV

PARTI A

Direttiva mħassra flimkien ma' lista tal-emendi suċċessivi għaliha

(imsemmija fl-Artikolu 34)

Direttiva 2004/49/KE

(ĠU L 164, 30.4.2004, p. 44)

Direttiva 2008/57/KE

(ĠU L 191, 18.7.2008, p. 1)

Direttiva 2008/110/KE

(ĠU L 345, 23.12.2008, p. 62)

Direttiva tal-Kummissjoni 2009/149/KE

(ĠU L 313, 28.11.2009, p. 65)

Rettifika 2004/49/KE

(ĠU L 220, 21.6.2004, p. 16)

Direttiva tal-Kummissjoni 2014/88/UE

(ĠU L 201, 10.7.2014, p. 9)

PARTI B

Limiti ta' żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali

(imsemmija fl-Artikolu 34)

Direttiva

Skadenza għat-traspożizzjoni

2004/49/KE

30 ta' April 2006

2008/57/KE

19 ta' Lulju 2010

2008/110/KE

24 ta' Diċembru 2010

Direttiva tal-Kummissjoni 2009/149/KE

18 ta' Ġunju 2010

Direttiva tal-Kummissjoni 2014/88/UE

30 ta' Lulju 2015


ANNESS V

Tabella ta' Korrelazzjoni

Id-Direttiva 2004/49/KE

Din id-Direttiva

Artikolu 1

Artikolu 1

Artikolu 2

Artikolu 2

Artikolu 3

Artikolu 3

Artikolu 4

Artikolu 4

Artikolu 5

Artikolu 5

Artikolu 6

Artikolu 6

Artikolu 7

Artikolu 7

Artikolu 8

Artikolu 8

Artikolu 9

Artikolu 9

Artikolu 10

Artikolu 10

Artikolu 11

Artikolu 11

Artikolu 12

Artikolu 12

Artikolu 13

Artikolu 13

Artikolu 14a (1) sa (7)

Artikolu 14

Artikolu 14a (8)

Artikolu 15

Artikolu 15

Artikolu 16

Artikolu 16

Artikolu 17

Artikolu 17

Artikolu 18

Artikolu 18

Artikolu 19

Artikolu 19

Artikolu 20

Artikolu 20

Artikolu 21

Artikolu 21

Artikolu 22

Artikolu 22

Artikolu 23

Artikolu 23

Artikolu 24

Artikolu 24

Artikolu 25

Artikolu 25

Artikolu 26

Artikolu 26

Artikolu 27

Artikolu 27

Artikolu 28

Artikolu 28

Artikolu 29

Artikolu 30

Artikolu 31

Artikolu 29

Artikolu 32

Artikolu 30

Artikolu 31

Artikolu 32

Artikolu 33

Artikolu 33

Artikolu 34

Artikolu 34

Artikolu 35

Artikolu 35

Artikolu 36

Anness I

Anness I

Anness II

Anness II

Anness III

Anness IV

Anness V

Anness III


Stqarrija tal-Kummissjoni dwar id-dokumenti ta' spjegazzjoni

Il-Kummissjoni tfakkar li l-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni rrikonoxxew, fid-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tagħhom tas-27 ta' Ottubru 2011 dwar id-dokumenti ta' spjegazzjoni, li l-informazzjoni li l-Istati Membri jagħtu lill-Kummissjoni rigward it-traspożizzjoni tad-direttivi fil-liġi nazzjonali “għandha tkun ċara u preċiża” sabiex tiffaċilita l-kisba tal-inkarigu tal-Kummissjoni li tissorvelja l-applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni. Fil-każ preżenti, id-dokumenti ta' spjegazzjoni setgħu kienu utli għal dan il-għan. Il-Kummissjoni jiddispjaċiha li t-test finali ma jinkludix dispożizzjonijiet dwar dan.