9.1.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 6/8


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/22

tas-7 ta' Jannar 2016

dwar il-prevenzjoni u t-tnaqqis tal-kontaminazzjoni bl-etil karbamat fl-ispirti tal-frott tal-għadma u l-ispirti tal-karfa tal-frott tal-għadma magħsur, li tħassar ir-Rakkomandazzjoni 2010/133/UE

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 292 tiegħu

Billi:

(1)

Il-Bord Xjentifiku dwar il-Kontaminanti fil-Katina tal-Ikel tal-Awtorità tas-Sigurtà tal-Ikel fl-Ewropa (EFSA) adotta opinjoni xjentifika fl-20 ta' Settembru 2007 dwar l-etil karbamat u l-aċidu idroċjaniku fl-ikel u fix-xorb (1). Il-Bord ikkonkluda li l-etil karbamat fix-xorb alkoħoliku huwa ta' tħassib għas-saħħa, b'mod partikolari fir-rigward tal-brandy magħmul mill-frott tal-għadma, u rrakkomanda li jittieħdu miżuri ta' mitigazzjoni biex jitnaqqsu l-livelli ta' etil karbamat f'dan ix-xorb. Billi l-aċidu idroċjaniku huwa prekursur importanti tal-formazzjoni tal-etil karbamat fl-ispirti tal-frott tal-għadma u l-ispirti tal-karfa tal-frott tal-għadma magħsur, il-Bord ikkonkluda li miżuri bħal dawn għandhom jinkludu punt fokali fuq l-aċidu idroċjaniku u fuq prekursuri oħra tal-etil karbamat, għall-prevenzjoni tal-formazzjoni tal-etil karbamat matul il-ħajja ta' dawn il-prodotti.

(2)

Il-kontenut massimu tal-aċidu idroċjaniku fl-ispirti tal-frott bl-għadma u fl-ispirti tal-karfa tal-frott tal-għadma magħsur ġie stipulat fir-Regolament (KE) Nru 110/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2). Dan ir-Regolament jistipula li l-kontenut massimu ta' aċidu idroċjaniku fl-ispirti tal-frott bl-għadma u fl-ispirti tal-karfa tal-frott tal-għadma magħsur għandu jkun ta' 7 grammi għal kull ettolitru ta' 100 % vol. ta' alkoħol (70 mg/l).

(3)

Ir-Regolament (KE) Nru 1334/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) jistabbilixxi livell massimu ta' aċidu idroċjaniku ta' 35 mg/kg f'xorb alkoħoliku. Dan il-livell massimu japplika mingħajr preġudizzju għar-Regolament (KE) Nru 110/2008.

(4)

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2010/133/UE (4) ipprevediet Kodiċi ta' Prattika dwar il-prevenzjoni u t-tnaqqis tal-kontaminazzjoni bl-etil karbamat fl-ispirti tal-frott tal-għadma u l-ispirti tal-karfa tal-frott tal-għadma magħsur u rrakkomandat lill-Istati Membri biex jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li dan il-Kodiċi jiġi implimentat mill-operaturi tan-negozju tal-ikel kollha kkonċernati. Barra minn hekk, kellu jiġi żgurat li ttieħdu l-miżuri kollha xierqa biex jinkisbu livelli kemm jista' jkun baxxi tal-etil karbamat fl-ispirti tal-frott tal-għadma u fl-ispirti tal-karfa tal-frott tal-għadma magħsur bl-għan li jinkiseb il-livell immirat ta' 1 mg/l. Ġie rrakkomandat ukoll li jiġu ssorveljati l-livelli tal-etil karbamat fl-ispirti tal-frott tal-għadma u fl-ispirti tal-karfa tal-frott tal-għadma magħsur matul is-snin 2010, 2011, u 2012 biex jiġu evalwati l-effetti tal-Kodiċi ta' Prattika.

(5)

Dawn ir-riżultati tal-monitoraġġ kienu rrapportati f'Rapport tekniku tal-EFSA “Evaluation of monitoring data on levels of ethyl carbamate in the years 2010-2012 (5)”, li ġie adottat fit-28 ta' Marzu 2014. Ir-rapport jipprovdi ħarsa ġenerali tal-livelli ta' etil karbamat fi “Spirti magħmulin minn frott bl-għadma” u “Spirti magħmulin mill-frott għajr frott tal-għadma” ta' kampjuni tul it-tliet snin 2010-2012. Kollox ma' kollox, fis-sett tad-dejta dwar l-etil karbamat tal-2010-2012 aktar minn 80 % tar-riżultati analitiċi fl-“Ispirti magħmulin minn frott bl-għadma” u aktar minn 95 % tar-riżultati analitiċi fl-“Ispirti magħmulin mill-frott għajr frott tal-għadma” kienu taħt il-valur fil-mira ta' 1 mg/l. L-okkorrenza medja fl-istess gruppi tal-ikel kienet ukoll taħt il-mira (madwar terz tal-mira fil-każ tal-“Ispirti magħmulin minn frott bl-għadma” u terz tal-mira fil-każ tal-“Ispirti magħmulin mill-frott għajr frott tal-għadma”).

(6)

Huwa xieraq li jinżamm il-Kodiċi ta' Prattika, b'livell immirat ta' etil karbamat ta' 1 mg/l filwaqt li l-Kodiċi jiġi aġġornat bl-esperjenzi miksuba u jiġi allinjat fuq ċerti aspetti tal-Kodiċi ta' Prattika Codex dwar il-kontaminazzjoni bl-etil karbamat fid-distillati tal-frott tal-għadma, adottat fl-2011 (CAC/RCP 70-2011),

ADOTTAT DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

Huwa rrakkomandat li l-Istati Membri

1.

jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-“Kodiċi ta' Prattika dwar il-prevenzjoni u t-tnaqqis tal-kontaminazzjoni bl-etil karbamat fl-ispirti tal-frott tal-għadma u fl-ispirti tal-karfa tal-frott tal-għadma magħsur” kif deskritt fl-Anness ta' din ir-Rakkomandazzjoni, qed jiġi implimentat mill-operaturi kollha involuti fil-produzzjoni, l-ippakkjar, it-trasport, iż-żamma u l-ħażna tal-ispirti tal-frott tal-għadma u l-ispirti tal-karfa tal-frott tal-għadma,

2.

jiżguraw li qed jittieħdu l-miżuri kollha xierqa biex jinkisbu livelli kemm jista' jkun baxxi tal-etil karbamat fl-ispirti tal-frott tal-għadma u fl-ispirti tal-karfa tal-frott tal-għadma magħsur bl-għan li jinkiseb il-livell immirat ta' 1 mg/l.

Ir-Rakkomandazzjoni 2010/133/UE hija mħassra.

Magħmul fi Brussell, is-7 ta' Jannar 2016.

Għall-Kummissjoni

Vytenis ANDRIUKAITIS

Membru tal-Kummissjoni


(1)  L-Opinjoni tal-Bord Xjentifiku għall-Kontaminanti fil-Katina Alimentari fuq talba tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-etil karbamat u l-aċidu idroċjaniku fl-ikel u x-xorb, EFSA Journal 2007; 551, pp. 1-44. http://www.efsa.europa.eu/en/scdocs/doc/Contam_ej551_ethyl_carbamate_en_rev.1,3.pdf

(2)  Ir-Regolament (KE) Nru 110/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Jannar 2008 dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, l-ittikkettar, u l-protezzjoni ta' indikazzjonijiet ġeografiċi, ta' xorb spirituż u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1576/89 (ĠU L 39, 13.2.2008, p. 16).

(3)  Ir-Regolament (KE) Nru 1334/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar aromatizzanti u ċerti ingredjenti tal-ikel bi proprjetajiet aromatizzanti għall-użu fl-ikel u fuq l-ikel u li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 1601/91, ir-Regolamenti (KE) Nru 2232/96 u (KE) Nru 110/2008 u d-Direttiva 2000/13/KE (ĠU L 354, 31.12.2008, p. 34).

(4)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2010/133/UE tat-2 ta' Marzu 2010 dwar il-prevenzjoni u t-tnaqqis tal-kontaminazzjoni bl-etil karbamat fl-ispirti tal-frott tal-għadma u l-ispirti tal-karfa tal-frott tal-għadma magħsur u l-monitoraġġ tal-livelli ta' etil karbamat f'dawn ix-xarbiet (ĠU L 52, 3.3.2010, p. 53).

(5)  L-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel, 2014; Evaluation of monitoring data on levels of ethyl carbamate in the years 2010-2012. EFSA supporting publication 2014:EN-578. 22 pp. Disponibbli fuq: http://www.efsa.europa.eu/en/supporting/doc/578e.pdf


ANNESS

INTRODUZZJONI

1.

L-etil karbamat huwa kompost li jinsab b'mod naturali f'ikel iffermentat u fix-xorb alkoħoliku bħall-ħobż, il-jogurt, iz-zalza tas-sojja, l-inbid, il-birra u b'mod partikolari fl-ispirti tal-frott tal-għadma u fl-ispirti tal-karfa tal-frott tal-għadma magħsur, prinċipalment dawk magħmula miċ-ċirasa, l-għanbaqar, il-mirabelli u l-berquq.

2.

L-etil karbamat jista' jifforma minn diversi sustanzi inerenti fl-ikel u fix-xorb, inkluż iċ-ċjanur tal-idroġenu (jew l-aċidu idroċjaniku), l-urea, iċ-ċitrullina, u komposti oħra tal-N-karbamil. Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet iċ-ċjanat huwa probabbilment l-aħħar prekursur, li jirreaġixxi mal-etanol biex jifforma l-etil karbamat.

3.

Fid-distillati tal-frott tal-għadma (l-ispirti tal-frott tal-għadma u l-ispirti tal-karfa tal-frott tal-għadma magħsur) l-etil karbamat jista' jifforma mill-glokosidi ċjanoġeniċi li huma kostitwenti naturali tal-għadam. Meta l-frott isir maxx, l-għadam jista' jinkiser u l-glokosidi ċjanoġeniċi mill-għadam jistgħu jiġu f'kuntatt mal-enżimi fil-maxx tal-frott. Il-glokosidi ċjanoġeniċi huma mbagħad degradati għal aċidu idroċjaniku/ċjanuri. L-aċidu idroċjaniku jista' wkoll jiġi rrilaxxat mill-għadam intatt matul ħażna itwal tal-maxx iffermentat. Matul il-proċess ta' distillazzjoni l-aċidu idroċjaniku jista' jiġi arrikkit fil-frazzjonijiet kollha. Taħt l-influwenza tad-dawl, iċ-ċjanur huwa ossidat għal ċjanat waqt li jirreaġixxi mal-etanol biex jifforma l-etil karbamat. Ladarba tkun bdiet ir-reazzjoni, ma tistax titwaqqaf. Ċerti kundizzjonijiet ambjentali bħall-esponiment għad-dawl, temperaturi għoljin u l-preżenza ta' joni tar-ramm jippromwovu l-formazzjoni tal-etil karbamat fid-distillat.

4.

Il-konċentrazzjoni tal-etil karbamat tista' titnaqqas sew bl-użu ta' żewġ strateġiji differenti: l-ewwel, billi titnaqqas il-konċentrazzjoni tas-sustanzi prekursuri prinċipali; it-tieni, billi titnaqqas it-tendenza li dawn is-sustanzi jirreaġixxu biex jiffurmaw iċ-ċjanat. Il-fatturi ewlenin li huma ta' influwenza huma l-konċentrazzjoni tal-prekursuri (eż. l-aċidu idroċjaniku u ċ-cjanuri) u l-kundizzjonijiet tal-ħażna, bħall-esponiment għad-dawl u t-temperatura.

5.

Għalkemm s'issa għad ma hemm l-ebda korrelazzjoni qawwija stabbilita bejn il-livell tal-aċidu idroċjaniku u l-etil karbamat, huwa evidenti li taħt ċerti kundizzjonijiet, il-konċentrazzjonijiet qawwija ta' aċidu idroċjaniku jistgħu jwasslu għal livelli ogħla ta' etil karbamat. Żieda potenzjali fil-formazzjoni tal-etil karbamat ġiet assoċjata ma' livelli ta' 1 mg/l jew iktar ta' aċidu idroċjaniku fid-distillat finali (1)  (2). Abbażi ta' esperjenzi prattiċi, jista' jiġi preżunt li minn 1 mg ta' aċidu idroċijaniku jista' jifforma sa 0,4 mg etil karbamat f'relazzjoni mhux ekwimolari.

6.

Il-Parti I tagħti dettalji dwar il-proċess ta' produzzjoni. Il-Parti II fiha rakkomandazzjonijiet speċifiċi msejsa fuq Prattika ta' Manifattura Tajba (PMT).

I.   DESKRIZZJONI TAL-PROĊESS TA' PRODUZZJONI

7.

Il-proċess ta' produzzjoni għall-ispirti tal-frott u l-ispirti tal-karfa tal-frott tal-għadma magħsur jinvolvi t-tgħaffiġ u l-fermentazzjoni tal-frotta kollha kemm hi, segwiti mid-distillazzjoni. Il-proċess isegwi b'mod tipiku l-istadji mniżżla hawn taħt:

it-tgħaffiġ tal-frotta kollha misjura;

il-fermentazzjoni tal-maxx f'tankijiet tal-azzar innossidabbli jew f'kontenituri adattati għall-fermentazzjoni;

it-trasferiment tal-maxx iffermentat fl-apparat ta' distillazzjoni, li ta' sikwit ikun borma tar-ram;

it-tisħin tal-maxx iffermentat b'metodu xieraq ta' tisħin biex iħalli l-alkoħol jagħli bil-mod;

it-tkessiħ tal-fwar tal-alkoħol f'kolonna xierqa (eż. tal-azzar inossidabbli) fejn jikkondensa u jinġabar;

it-tifrid tat-tliet frazzjonijiet differenti ta' alkoħol: “il-bidu”, “il-qalba” u “il-bqija”;

8.

Matul id-distillazzjoni, il-kontenut “tal-bidu” jagħli l-ewwel. Dan jista' jiġi normalment rikonoxxut mis-solvent tiegħu jew mill-aromi tal-lostru. Din il-frazzjoni mhijiex ġeneralment tajba għall-konsum u għandha tiġi skartata.

9.

Matul il-proċess ta' distillazzjoni tan-nofs (il-“qalba”), l-alkoħol tal-etil (etanol), li hu l-alkoħol prinċipali fl-ispirti kollha, jiġi ddistillat. Din il-parti tal-proċess ta' distillazzjoni, fejn il-kontenut ta' volatili għajr l-etanol huwa l-aktar baxx u fejn jinstabu l-aromi tal-frott l-aktar puri, tinġabar dejjem.

10.

Il-“bqija” tad-distillazzjoni tinkludi l-aċidu aċetiku u ż-żjut fusel li ta' spiss huma identifikati minn aromi ta' ħall u aromi veġetali mhux pjaċevoli. Din il-parti hija wkoll skartata, iżda tista' tiġi distillata mill-ġdid minħabba li xi etanol huwa inkluż b'mod invarjabbli mal-bqija.

II.   PRATTIKA RAKKOMANDATA MSEJSA FUQ PRATTIKA TA' MANIFATTURA TAJBA (PMT)

Materja prima u preparazzjonijiet tal-maxx tal-frott

11.

Il-materja prima u l-preparazzjonijiet tal-maxx tal-frott għandhom ikunu xierqa biex jevitaw ir-rilaxx tal-aċidu idroċjaniku, li huwa prekursur tal-etil karbamat.

12.

Il-frott tal-għadma għandu jkun ta' kwalità għolja, mhux imħassar mekkanikament u mhux mgħarraq mikrobijoloġikament, billi l-frott imħassar jew mgħarraq jista' jkun fih aktar ċjanur ħieles.

13.

Il-frott għandu preferibbilment titneħħilu l-għadma.

14.

Jekk il-frott ma titneħħilux l-għadma, għandu jitgħaffeġ bil-mod biex jiġi evitat li l-għadam jitfarrku. Jekk possibbli, l-għadam għandhom jitneħħew mill-maxx.

Il-fermentazzjoni

15.

Tipi ta' ħmira magħżula għall-produzzjoni tal-alkoħol għandha tiġi miżjuda flimkien mal-frott maxx, skont l-istruzzjonijiet għall-utenti.

16.

Il-frott maxx iffermentat għandu jiġi ttrattat bi standards għolja ta' iġjene, u l-esponiment għad-dawl għandu jiġi mminimizzat. Il-maxx tal-frott iffermentat li jkun fih l-għadam għandu jinħażen għal żmien qasir kemm jista' jkun qabel id-distillazzjoni billi l-aċidu idroċjaniku jista' wkoll jiġi rrilaxxat mill-għadam intatt matul perjodu ta' ħażna itwal tal-maxx.

It-tagħmir tad-distillazzjoni

17.

It-tagħmir ta' distillazzjoni u l-proċess ta' distillazzjoni għandhom ikunu adattati, biex jiżguraw li l-aċidu idroċjaniku ma jiġix trasferit fid-distillat.

18.

It-tagħmir ta' distillazzjoni għandu jinkludi apparat ta' tlaħliħ awtomatiku u konvertituri katalitiċi tar-ramm. L-apparat ta' tlaħliħ awtomatiku għandu jżomm l-imqatar indaf waqt li l-konvertituri katalitiċi tar-ramm jgħaqqdu l-aċidu idroċjaniku qabel ma jgħaddi fid-distillat.

19.

L-apparat ta' tlaħliħ awtomatiku mhuwiex meħtieġ fil-każ ta' distillazzjoni li mhuwiex kontinwu. It-tagħmir ta' distillazzjoni għandu jitnaddaf permezz ta' proċeduri ta' tindif sistematiċi u bir-reqqa.

20.

F'ċerti każijiet, fejn ma jintużaw l-ebda konvertituri katalitiċi tar-ramm jew separaturi oħra taċ-ċjanur, għandhom jiġu miżjuda l-aġenti tar-ramm mal-maxx tal-frott iffermentat qabel id-distillazzjoni. L-għan tal-aġenti tar-ramm hu li jgħaqqdu l-aċidu idroċjaniku. L-aġenti tar-ramm jinbiegħu fi ħwienet speċjalizzati u għandhom jintużaw b'reqqa kbira skont l-istruzzjonijiet tal-manifattur. Dawn il-preparazzjonijiet jinkludu joni tar-ramm (I) marbutin mal-aċidu idroċijaniku. Il-joni tar-ramm (II) huma mingħajr effett u ma għandhomx jintużaw.

21.

Filwaqt li l-joni tar-ramm jistgħu jimpedixxu l-formazzjoni tal-prekursuri tal-etil karbamat fil-maxx u fl-istill, huma jistgħu jippromwovu l-formazzjoni tal-etil karbamat fid-distillat. Għalhekk, l-użu ta' kondensatur tal-azzar inossidabbli fit-tarf tal-apparat tad-distillazzjoni minflok kondensatur tar-ramm jillimita l-preżenza tar-ramm fid-distillat u jnaqqas ir-rata tal-formazzjoni tal-etil karbamat.

Il-proċess ta' distillazzjoni

22.

L-għadam li jkun baqa' fil-maxx iffermentat ma għandux jiġi ppumpjat fl-apparat tad-distillazzjoni.

23.

Id-distillazzjoni għandha titwettaq b'tali mod li l-alkoħol jagħli bil-mod (eż. bl-użu tal-fwar minflok fjamma diretta bħala s-sors tat-tisħin).

24.

L-ewwel frazzjonijiet tad-distillat, li jissejjaħ il-kontenut “tal-bidu”, għandha tiġżi sseparata bir-reqqa.

25.

Il-frazzjoni tan-nofs, imsejħa “l-qalba”, għandha mbagħad tinġabar u tinħażen fid-dlam. Meta l-kontenut tal-alkoħol jilħaq il-50 % tal-vol. fir-riċevitur, għandha mbagħad tinġabar “il-bqija”, biex kwalunkwe etil karbamat li seta' ġie ffurmat jiġi sseparat fil-frazzjoni tal-bqija.

26.

Il-bqija li tkun ġiet separata, li possibbilment ikun fiha l-etil karbamat, għandha tinġabar u jekk tintuża għad-distillazzjoni mill-ġdid, għandha tiġi ddistillata għal darb'oħra separatament. Madankollu, biex titnaqqas il-konċentrazzjoni tal-etil karbamat huwa preferibbli li l-bqija tintrema.

Verifiki fir-rigward tad-distillat, id-distillazzjoni mill-ġdid u l-ħażna

L-aċidu idroċjaniku:

27.

Id-distillati għandhom jiġu vverifikati regolarment għal-livelli tagħhom ta' aċidu idroċjaniku. Id-determinazzjoni għandha titwettaq permezz ta' testijiet xierqa, jew b'settijiet għall-ittestjar rapidu tal-livelli tal-aċidu idroċjaniku, jew, inkella, permezz ta' laboratorju speċjalizzat.

28.

Jekk il-konċentrazzjoni tal-aċidu idroċjaniku fid-distillat taqbeż il-livell ta' 1 mg/l, hija rrakkomandata d-distillazzjoni mill-ġdid b'konvertituri katalitiċi jew b'aġenti tar-ramm (ara l-punti 18 u 20), fejn xieraq.

29.

Id-distillati b'livelli ta' aċidu idroċjaniku viċin ta' 1 mg/l għandhom idealment jiġu distillati mill-ġdid jew, fejn dan mhux possibbli, jinħażnu fi fliexken li ma jgħaddix dawl minnhom jew f'kaxex tal-għata b'perjodi ta' ħażna li jkunu qosra kemm jista' jkun u mhux f'temperaturi ogħla biex tiġi evitata l-formazzjoni tal-etil karbamat matul il-ħażna.

L-etil karbamat:

30.

L-ittestjar tal-etil karbamat huwa rrakkomandat għad-distillati li fihom il-kompost seta' diġà ġie ffurmat (eż. distillati bi storja ta' produzzjoni mhux magħrufa, livelli ogħla ta' ċjanur, ħażna mdawwla jew f'temperaturi ogħla). Il-livell ta' etil karbamat jistgħu jiġu ttestjati biss minn laboratorju speċjalista.

31.

Jekk id-distillat juri konċentrazzjoni ta' etil karbamat li taqbeż il-livell immirat ta' 1 mg/l, id-distillat għandu jiġi ddistillat mill-ġdid, meta xieraq.


(1)  Christoph, N., Bauer-Christoph C., Maßnahmen zur Reduzierung des Ethylcarbamatgehaltes bei der Herstellung von Steinobstbränden (I), Kleinbrennerei 1998; 11: 9-13.

(2)  Christoph, N., Bauer-Christoph C., Maßnahmen zur Reduzierung des Ethylcarbamatgehaltes bei der Herstellung von Steinobstbränden (II), Kleinbrennerei 1999; 1: 5-13.