10.12.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 336/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2016/2220

tat-2 ta' Diċembru 2016

dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Unjoni Ewropea dwar il-protezzjoni ta' informazzjoni personali marbuta mal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien u l-prosekuzzjoni ta' reati kriminali

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 16, flimkien mal-Artikolu 218(6)(a) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Billi:

(1)

F'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/920 (2) il-Ftehim bejn l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Unjoni Ewropea dwar il-protezzjoni ta' informazzjoni personali relatata mal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien u l-prosekuzzjoni ta' reati kriminali (il-“Ftehim”) ġie ffirmat fit-2 ta' Ġunju 2016, soġġett għall-konklużjoni tiegħu f'data aktar tard.

(2)

L-għan tal-Ftehim huwa li jistabbilixxi qafas komprensiv ta' prinċipji u salvagwardji għall-protezzjoni tad-data meta informazzjoni personali tiġi ttrasferita għal skopijiet ta' infurzar tal-liġi kriminali bejn l-Istati Uniti tal-Amerika (l-Istati Uniti), minn naħa waħda, u l-Unjoni Ewropea jew l-Istati Membri tagħha min-naħa l-oħra. L-objettiv huwa li jiġi żgurat livell għoli ta' protezzjoni tad-data biex b'hekk tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn il-Partijiet. Filwaqt li mhuwiex fih innifsu l-bażi ġuridika għal kull trasferiment ta' informazzjoni personali lill-Istati Uniti, il-Ftehim jissupplimenta, fejn meħtieġ, is-salvagwardji tal-protezzjoni tad-data fi ftehimiet eżistenti jew futuri tat-trasferiment tad-data jew id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jawtorizzaw trasferimenti bħal dawn.

(3)

L-Unjoni għandha l-kompetenza li tkopri d-dispożizzjonijiet kollha tal-Ftehim. B'mod partikolari, l-Unjoni adottat id-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) dwar il-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta' pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta' tali data. It-trasferimenti mill-Istati Membri soġġetti għal salvagwardji opportuni huma previsti mill-punt (a) tal-Artikou 37(1) ta' dik id-Direttiva.

(4)

F'konformità mal-Artikolu 6a tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), ir-Renju Unit u l-Irlanda mhumiex marbuta bir-regoli stabbiliti f'dan il-Ftehim li jirrigwardaw l-ipproċessar ta' data personali mill-Istati Membri meta jwettqu attivitajiet li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tal-Kapitolu 4 jew 5 tat-Titolu V tal-Parti Tlieta tat-TFUE fejn ir-Renju Unit u l-Irlanda mhumiex marbuta mir-regoli li jirregolaw il-forom ta' kooperazzjoni ġudizzjali fi kwistjonijiet kriminali jew il-kooperazzjoni tal-pulizija li jeħtieġu konformità mad-dispożizzjonijiet stipulati fil-Ftehim.

(5)

Skont l-Artikoli 2 u 2a tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-TUE u mat-TFUE, id-Danimarka mhijiex marbuta bir-regoli stipulati fil-Ftehim jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħhom li jirrigwardaw l-ipproċessar ta' data personali mill-Istati Membri meta jwettqu attivitajiet li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tal-Kapitolu 4 jew 5 tat-Titolu V tal-Parti Tlieta tat-TFUE.

(6)

Kwalunkwe notifika skont l-Artikolu 27 tal-Ftehim fir-rigward tar-Renju Unit, l-Irlanda jew id-Danimarka għandha ssir f'konformità mal-istatus ta' dawk l-Istati Membri taħt id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi tal-Unjoni u f'konsultazzjoni mill-qrib magħhom.

(7)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ta opinjoni fit-12 ta' Frar 2016 (4).

(8)

Il-Ftehim għandu jiġi approvat f'isem l-Unjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Ftehim bejn l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Unjoni Ewropea dwar il-protezzjoni ta' informazzjoni personali relatata mal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien u l-prosekuzzjoni ta' reati kriminali, huwa b'dan approvat f'isem l-Unjoni Ewropea.

It-test tal-Ftehim jinsab mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill għandu, f'isem l-Unjoni, jagħti n-notifika prevista fl-Artikolu 29(1) tal-Ftehim (5).

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-2 ta' Diċembru 2016.

Għall-Kunsill

Il-President

M. LAJČÁK


(1)  Approvazzjoni tal-1 ta' Diċembru 2016 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/920 tal-20 ta' Mejju 2016 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Unjoni Ewropea dwar il-protezzjoni ta' informazzjoni personali relatata mal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien u l-prosekuzzjoni ta' reati kriminali (ĠU L 154, 11.6.2016, p. 1).

(3)  Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta' pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 89).

(4)  ĠU C 186, 25.2.2016, p. 4.

(5)  Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim għall-Unjoni Ewropea ser tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.