1.10.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 268/113


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/1757

tad-29 ta' Settembru 2016

dwar it-twaqqif tal-Osservatorju Multidixxiplinarju Ewropew ta' Qiegħ il-Baħar u tal-Kolonni tal-Ilma — il-Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea ta' Riċerka (EMSO ERIC)

(notifikata bid-dokument C(2016) 5542)

(It-testi bl-Ingliż, bil-Franċiż, bil-Grieg, bit-Taljan, bil-Portugiż, bir-Rumen u bl-Ispanjol biss huma awtentiċi)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 723/2009 tal-25 ta' Ġunju 2009 dwar il-qafas ġuridiku Komunitarju applikabbli għal Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea ta' Riċerka (ERIC) (1), u b'mod partikolari il-punt (a) tal-Artikolu 6(1) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Irlanda, il-Greċja, Franza, l-Italja, il-Portugall, ir-Rumanija u r-Renju Unit talbu lill-Kummissjoni tistabbilixxi Osservatorju Multidixxiplinarju Ewropew ta' Qiegħ il-Baħar u tal-Kolonni tal-Ilma — il-Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea ta' Riċerka (EMSO ERIC).

(2)

L-Irlanda, il-Greċja, Spanja, Franza, l-Italja, il-Portugall, ir-Rumanija u r-Renju Unit qablu li l-Italja għandha tkun l-Istat Membru ospitanti ta' ERIC EMSO.

(3)

Il-Kummissjoni, skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 723/2009, ivvalutat l-applikazzjoni u kkonkludiet li din tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament.

(4)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit permezz tal-Artikolu 20 tar-Regolament (KE) Nru 723/2009,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   L-Osservatorju Multidixxiplinarju Ewropew ta' Qiegħ il-Baħar u tal-Kolonni tal-Ilma — il-Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea ta' Riċerka imsejjaħ “EMSO ERIC” huwa b'dan stabbilit.

2.   L-elementi essenzjali tal-Istatuti ta' EMSO ERIC huma stabbiliti fl-Anness.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata, lir-Repubblika tal-Irlanda, lir-Repubblika Ellenika, lir-Renju ta' Spanja, lir-Repubblika Franċiża, lir-Repubblika Taljana, lir-Repubblika Portugiża, lir-Rumanija u lir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta' Settembru 2016.

Għall-Kummissjoni

Carlos MOEDAS

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 206, 8.8.2009, p. 1.


ANNESS

L-ELEMENTI ESSENZJALI TAL-ISTATUTI TAL-EMSO ERIC

1.   IL-KOMPITI U L-ATTIVITAJIET

1.

Il-kompiti tal-EMSO ERIC għandhom ikunu kif ġej:

(a)

l-iżvilupp u l-provvista tal-faċilitajiet li huma l-proprjetà tal-EMSO ERIC flimkien mal-faċilitajiet kollha disponibbli għall-EMSO ERIC mill-Membri biex jiġu implimentati attivitajiet imwettqa mill-Membri sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-EMSO ERIC fil-livell Ewropew li jippermettu li l-komunitajiet xjentifiċi u partijiet interessati oħrajn ikollhom aċċess għad-data u l-faċilitajiet tal-osservatorji tal-oċean fl-Ewropa;

(b)

il-ġestjoni tal-osservatorji eżistenti tal-qigħan fondi tal-ibħra minn punti fissi u tal-kolonni tal-ilma minn punti fissi fl-Ewropa biex jikkontribwixxu għall-EMSO ERIC għal perjodi ta' żmien miftiehma għall-użu mill-EMSO ERIC, inkluż l-aċċess minn komunitajiet xjentifiċi Ewropej u internazzjonali kkwalifikati;

(c)

il-koordinazzjoni u l-appoġġ tal-attivitajiet tal-osservatorji eżistenti tal-qigħan fondi tal-ibħra minn punti fissi u tal-kolonni tal-ilma minn punti fissi fl-Ewropa, il-promozzjoni tal-kontinwità u l-kwalità tal-ġestjoni affidabbli tad-data fuq serje ta' perjodi;

(d)

il-provvista u r-razzjonalizzazzjoni tal-aċċess għall-infrastruttura tal-EMSO ERIC minn komunitajiet xjentifiċi Ewropej u internazzjonali kkwalifikati, li l-proġetti tagħhom għandhom jiġu evalwati għal dan il-għan;

(e)

l-appoġġ għat-tmexxija tal-Ewropa fit-teknoloġiji tal-baħar u tal-użu sostenibbli tar-riżorsi tal-baħar, permezz ta' sħubija ma' industriji u ma' partijiet interessati rilevanti oħrajn;

(f)

l-integrazzjoni ta' attivitajiet ta' riċerka, taħriġ, u disseminazzjoni ta' informazzjoni. L-EMSO ERIC għandu jkun il-punt ċentrali ta' kuntatt għall-attivitajiet ta' riċerka, taħriġ, edukazzjoni u disseminazzjoni għall-osservatorji tal-oċean fl-Ewropa sabiex xjenzati u partijiet interessati oħrajn jagħmlu użu effiċjenti mill-osservatorji tal-oċean fl-Ewropa;

(g)

l-istabbiliment ta' konnessjonijiet ma' inizjattivi internazzjonali rilevanti biex tinfetaħ l-osservazzjoni tal-oċean, biex jaġixxu bħala rappreżentanti tal-Ewropa f'dawn l-oqsma f'partijiet oħrajn tad-dinja għat-twaqqif u l-promozzjoni ta' kooperazzjoni internazzjonali f'dawn l-oqsma u;

(h)

is-sinkronizzazzjoni ta' investiment u ta' fondi operattivi, b'mod li jiġu ottimizzati r-riżorsi nazzjonali u dawk Ewropej u internazzjonali.

2.

Fit-twettiq tal-kompiti taiegħu l-EMSO ERIC għandu:

(a)

jiżgura l-kwalità għolja tas-servizzi xjentifiċi tiegħu billi:

(i)

jiddefinixxi strateġija xjentifika globali permezz tal-adozzjoni ta' Pjan Strateġiku fit-Tul li huwa aġġornat b'mod perjodiku;

(ii)

jiddeskrivi l-iżviluppi xjentifiċi futuri u jivvaluta l-kisba tal-objettivi xjentifiċi;

(iii)

jevalwa l-esperimenti proposti mill-utenti;

(iv)

jirrevedi l-objettivi xjentifiċi tas-siti; kif ukoll

(v)

jiġġestixxi l-komunikazzjoni ma' utenti xjentifiċi u oħrajn.

(b)

jippermetti aċċess għall-infrastruttura tal-EMSO, li għandu jinkludi:

(i)

l-istabbiliment ta' kriterji ta' għażla għall-aċċess li għandhom jiġu żviluppati skont il-pariri tal-komunità ta' utenti xjentifiċi rilevanti;

(ii)

il-ġestjoni ta' aċċess integrat għall-osservatorji tal-oċean fl-Ewropa;

(iii)

il-ġestjoni ta' kwistjonijiet ta' standardizzazzjoni u d-definizzjoni ta' linji gwida għall-kalibrazzjoni u r-reġistrazzjoni ta' strumenti skont rekwiżiti definiti minn qabel;

(iv)

il-ħidma għall-akkwist ta' serje ta' data fuq terminu twil mill-qigħan fondi tal-ibħra u mill-kolonni tal-ilma; kif ukoll

(v)

il-koordinazzjoni tal-ħażna u tal-użu ta' data għar-riċerka xjentifika kif ukoll il-preżentazzjoni f'waqtha ta' data biex tintuża fit-twissijiet bikrija ta' periklu ġeografiku u fl-oċeanografija operattiva.

(c)

il-bini tal-kapaċità sabiex jitrawwem it-taħriġ ikkoordinat ta' xjenzati, inġiniera u utenti.

(d)

jaġixxi bħala avukat tal-komunità tax-xjenza involuta fl-osservazzjoni tal-oċean.

(e)

jippromwovi l-innovazzjoni u t-trasferiment tal-għarfien u tat-teknoloġija, billi jipprovdi servizzi u jipparteċipa fi sħubija mal-industrija.

(f)

iwettaq kwalunkwe attività oħra meħtieġa għat-twettiq tal-kompiti tal-EMSO ERIC.

2.   IS-SEDE STATUTORJA

Is-sede statutorja tal-EMSO ERIC għandha tkun f'Ruma fit-territorju tar-Repubblika Taljana, minn hawn 'il quddiem “il-Membru Ospitanti”.

3.   L-ISEM

Osservatorju Multidixxiplinarju Ewropew ta' Qiegħ il-Baħar u tal-Kolonni tal-Ilma — Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea ta' Riċerka (EMSO ERIC) twaqqaf skont ir-Regolament (KE) Nru 723/2009.

4.   IT-TUL TAŻ-ŻMIEN U L-PROĊEDURA TA' STRALĊ

1.

L-EMSO ERIC għandu jiġi stabbilit sal-31 ta' Diċembru 2024.

2.

L-Assemblea tal-Membri tista' tiddeċiedi li ttemm l-EMSO ERIC b'maġġoranza ta' żewġ terzi tal-voti tal-Membri li jkunu preżenti.

3.

Notifika dwar id-deċiżjoni ta' stralċ tal-EMSO ERIC u dwar l-għeluq tal-proċedura ta' stralċ skont l-Artikolu 16 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 723/2009 għandha ssir mid-Direttur Ġenerali.

4.

L-assi li jkun għad fadal wara l-ħlas tad-djun tal-EMSO ERIC għandhom jitqassmu fost il-Membri fi proporzjon mal-kontribut akkumulat tagħhom għall-EMSO ERIC fi żmiem ix-xoljiment.

5.   IL-PRINĊIPJI BAŻIĊI

5.1.   Il-politika ta' aċċess għall-utenti

(a)

L-aċċess għad-data prodotta mill-EMSO ERIC għandu, kull meta huwa possibbli u filwaqt li tittieħed kunsiderazzjoni tal-liċenzji ta' partijiet terzi u ta' kwalunkwe arranġament eżistenti minn qabel, ikun mingħajr ħlas u miftuħ għall-membri kollha ta' istituzzjonijiet xjentifiċi u għal partijiet interessati oħrajn. Barra minn hekk, l-aċċess għall-infrastruttura tal-EMSO ERIC għandu jingħata lill-komunitajiet xjentifiċi Ewropej u internazzjonali kkwalifikati, li l-proġetti tagħhom għandhom jiġu evalwati għal dan il-għan. L-EMSO ERIC għandu jutilizza kriterji ta' għażla li għandhom jiġu żviluppati skont il-pariri tal-komunità ta' utenti xjentifiċi rilevanti. L-użu u l-ġbir tad-data huwa soġġett għad-dispożizzjonijiet statutorji rilevanti tal-privatezza tad-data.

(b)

Il-Membri għandhom jagħmlu sforzi raġonevoli biex jospitaw xjenzati, inġiniera u tekniċi viżitaturi għal kollaborazzjonijiet ma' dawk direttament involuti f'attivitajiet tal-EMSO ERIC fil-laboratorji tagħhom.

5.2.   Il-politika ta' evalwazzjoni xjentifika

(a)

L-evalwazzjoni xjentifika annwali tal-attivitajiet tal-EMSO ERIC għandha titwettaq mill-Kumitat Konsultattiv Xjentifiku, Tekniku u tal-Etika. Ir-rapport dwar l-evalwazzjoni għandu jiġi ppreżentat għall-approvazzjoni tal-Assemblea tal-Membri.

(b)

Reviżjoni tal-attivitajiet u t-tħaddim tal-EMSO ERIC għandha titwettaq kull 5 snin minn tim ta' esperti indipendenti li jinħatru mill-Assemblea tal-Membri, fuq proposta tal-Kumitat Konsultattiv Xjentifiku, Tekniku u tal-Etika.

5.3.   Il-politika ta' disseminazzjoni

(a)

L-EMSO ERIC jista' jikkomunika data miġbura lil utenti oħrajn, minbarra l-membri tal-istituzzjonijiet xjentifiċi u partijiet interessati oħrajn u l-komunitajiet xjentifiċi Ewropej u internazzjonali kkwalifikati, soġġett għal evalwazzjoni ta' miżata. Din il-miżata għandha tiġi kkalkulata abbażi tal-ispejjeż kollha konnessi mal-użu tal-infrastruttura tal-EMSO ERIC minn dak l-utent, b'konformità mad-Direttiva 2003/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) u d-Direttiva 2007/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) u liġijiet applikabbli oħrajn. Ir-rekwiżit preċedenti għal kontribuzzjoni finanzjarja ma għandux japplika fir-rigward ta' talbiet għall-aċċess tal-katalgu u, fir-rigward tat-talbiet l-oħra kollha, il-kontribuzzjoni ma għandhiex teċċedi ammont raġonevoli.

(b)

Meta d-data prodotta mill-EMSO ERIC hija kondiviża ma' partijiet terzi, l-EMSO ERIC għandu jżomm kull dritt, interess u titolu fuq din id-data.

(c)

L-utenti tal-EMSO ERIC għandhom jiġu mħeġġa jippubblikaw ir-riżultati tagħhom fil-letteratura xjentifika riveduta mill-pari, jippreżentaw komunikazzjonijiet f'konferenzi xjentifiċi, kif ukoll f'midja oħra mmirata lejn udjenzi akbar inkluż il-pubbliku ġenerali, l-istampa, il-gruppi taċ-ċittadini u l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni.

(d)

L-EMSO ERIC għandu jiżviluppa prodotti tad-data b'valur miżjud li jaqdu firxa wiesgħa ta' utenti privati u pubbliċi, bil-għan li jiġu żviluppati prodotti biex jilħqu l-ħtiġijiet tal-partijiet interessati.

5.4.   Il-politika dwar id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali

(a)

Il-proprjetà intellettwali għandha tfisser proprjetà skont id-definizzjoni mogħtija fl-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni li Tistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija dwar il-Proprjetà Intellettwali, magħmula fi Stokkolma fl-14 ta' Lulju 1967.

(b)

Kwalunkwe Dritt tal-Proprjetà Intellettwali, li huwa maħluq, miksub jew żviluppat mill-EMSO ERIC għandu jkun stabbilit fl-EMSO ERIC u jkun il-proprjetà assoluta tiegħu.

(c)

L-Assemblea tal-Membri għandha tiddetermina l-politika tal-EMSO ERIC b'rabta mal-identifikazzjoni, il-protezzjoni, il-ġestjoni u l-manutenzjoni tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali tal-EMSO ERIC, inkluż l-aċċess għal dawk id-drittijiet, kif stabbilit fir-Regoli ta' Implimentazzjoni tal-EMSO ERIC.

(d)

Id-Direttur Ġenerali għandu jipproponi politika ta' pprezzar ibbażata fuq l-irkupru sħiħ tal-ispejjeż b'konsultazzjoni mal-Kumitat Eżekuttiv u li tkun approvata mill-Assemblea tal-Membri.

(e)

Fir-rigward ta' kwistjonijiet tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali, ir-relazzjonijiet bejn il-Membri u l-Osservaturi tal-EMSO ERIC għandhom jiġu rregolati mil-leġiżlazzjoni nazzjonali rispettivi tal-Membri u tal-Osservaturi u minn kwalunkwe ftehim internazzjonali li l-Membri u l-Osservaturi huma parti minnu.

(f)

Id-dispożizzjonijiet ta' dawn l-Istatuti u r-Regoli ta' Implimentazzjoni għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali li oriġinarjament huma l-proprjetà tal-Membri u tal-Osservaturi.

5.5.   Il-politika dwar l-impjiegi, inklużi l-opportunitajiet indaqs

(a)

L-EMSO ERIC għandu jħaddan politika ta' opportunitajiet indaqs. Il-proċeduri għall-għażla ta' applikanti għall-pożizzjonijiet ta' persunal tal-EMSO ERIC għandhom ikunu trasparenti, nondiskriminatorji u jirrispettaw l-ugwaljanza.

(b)

Il-kuntratti tal-impjieg għandhom ikunu konformi mal-liġijiet u r-regolamenti nazzjonali applikabbli tal-pajjiż li fih il-persunal iwettaq l-attivitajiet tiegħu.

(c)

Soġġett għar-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, kull Membru fi ħdan il-ġurisdizzjoni tiegħu għandu jiffaċilita l-moviment u r-residenza taċ-ċittadini tal-Membri involuti fil-kompiti tal-EMSO ERIC kif ukoll tal-familjari tagħhom.

5.6.   Il-politika dwar l-akkwist li tirrispetta l-prinċipji tat-trasparenza, tan-nondiskriminazzjoni u tal-kompetizzjoni

(a)

Il-politika dwar l-akkwist tal-EMSO ERIC għandha tiġi rregolata mill-prinċipji ta' tat-trasparenza, tat-trattament ugwali, tan-nondiskriminazzjoni u tal-kompetizzjoni miftuħa.

(b)

Il-politika dwar l-akkwist għandha tiġi definita fid-dettall fir-Regoli ta' Implimentazzjoni.


(1)  Id-Direttiva 2003/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Jannar 2003 dwar l-aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali u li tħassar id-Diretiva tal-Kunill 90/313/KEE (ĠU L 41, 14.2.2003, p. 26).

(2)  Id-Direttiva 2007/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l- 14 ta' Marzu 2007 li tistabbilixxi Infrastruttura għall-Informazzjoni Ġeografika fil-Komunità Ewropea (Inspire) (ĠU L 108, 25.4.2007, p. 1).