11.5.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 121/22


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/701

tal-4 ta' Mejju 2016

li temenda d-Deċiżjoni 2007/453/KE fir-rigward tal-istatus tal-BSE ta' Franza

(notifikata bid-dokument C(2016) 2600)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 999/2001 tat-22 ta' Mejju 2001 li jistabblixxi regoli għall-prevenzjoni, kontroll u eradikazzjoni ta' ċertu enċefalopatija sponġiformi li tinxtered (1), u b'mod partikolari t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 5(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 999/2001 jistipula li l-Istati Membri, il-pajjiżi terzi jew ir-reġjuni tagħhom (“il-pajjiżi jew ir-reġjuni”) għandhom jiġu kklassifikati skont l-istatus tagħhom tal-enċefalopatija sponġiformi bovina (il-BSE), f'waħda minn tliet kategoriji: riskju negliġibbli tal-BSE, riskju kkontrollat tal-BSE, u riskju indeterminat tal-BSE.

(2)

L-Anness tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/453/KE (2) jelenka l-pajjiżi jew ir-reġjuni skont l-istatus tagħhom tal-BSE.

(3)

L-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali (l-OIE) taqdi rwol ewlieni fil-kategorizzazzjoni tal-pajjiżi jew tar-reġjuni skont ir-riskju tagħhom tal-BSE.

(4)

Fis-26 ta' Mejju 2015, l-Assemblea Ġenerali tal-OIE adottat ir-Riżoluzzjoni Nru 21 dwar ir-Rikonoxximent tal-Istatus tar-Riskju tal-BSE tal-Pajjiżi Membri (3), li rrikonoxxiet lil Franza bħala pajjiż li għandu status ta' riskju negliġibbli tal-BSE. Fl-4 ta' Awwissu 2015, id-Deċiżjoni 2007/453/KE ġiet emendata bid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1356 (4) biex tirrifletti l-istatus ta' riskju negliġibbli tal-BSE ta' Franza, u ta' pajjiżi oħra, fil-liġi tal-UE.

(5)

Fl-24 ta' Marzu 2016, Franza nnotifikat lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri l-oħra u lill-OIE, bis-sejba ta' każ tal-BSE klassika, f'annimal bovin fi Franza imwieled f'April 2011.

(6)

Skont l-Artikolu 11.4.3 tal-Kodiċi tas-Saħħa tal-Annimali Terrestri tal-OIE (5), waħda mill-kundizzjonijiet għall-għoti u għaż-żamma tal-istatus ta' riskju negliġibbli tal-BSE ta' pajjiż hija li, jekk ikun hemm każ indiġenu tal-BSE klassika fil-pajjiż, l-annimal ikkonċernat irid ikun twieled iktar minn 11-il sena ilu. Għalhekk, wara li saret in-notifika minn Franza li kkonfermat il-każ ta' BSE klassika f'annimal bovin ta' ħames snin, il-Kummissjoni Xjentifika għall-Mard tal-Annimali tal-OIE ssospendiet l-istatus ta' riskju negliġibbli tal-BSE ta' Franza, kif rikonoxxut mir-Riżoluzzjoni Nru 21, u reġgħet tatha l-istatus ta' pajjiż b'riskju kkontrollat tal-BSE, b'effett mill-25 ta' Marzu 2016.

(7)

Għalhekk, għandha tiġi emendata l-lista tal-pajjiżi fl-Anness tad-Deċiżjoni 2007/453/KE ħalli tirrifletti dik id-deċiżjoni.

(8)

Għalhekk, id-Deċiżjoni 2007/453/KE għandha tiġi emendata skont dan.

(9)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Anness tad-Deċiżjoni 2007/453/KE huwa emendat kif ġej:

(1)

l-entrata “— Franza” titneħħa mill-Parti “A. Pajjiżi jew reġjuni b'riskju negliġibbli tal-BSE”;

(2)

l-entrata “— Franza” tiddaħħal fil-Parti “B. Pajjiżi jew reġjuni b'riskju kkontrollat tal-BSE”, wara “— Spanja” u qabel “— il-Litwanja”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, l-4 ta' Mejju 2016.

Għall-Kummissjoni

Vytenis ANDRIUKAITIS

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 147, 31.5.2001, p. 1.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/453/KE tad-29 ta' Ġunju 2007 li tistabbilixxi l-istatus tal-BSE ta' Stati Membri jew pajjiżi terzi jew reġjuni tagħhom skont ir-riskju tal-BSE (ĠU L 172, 30.6.2007, p. 84).

(3)  http://www.oie.int/fileadmin/Home/eng/Animal_Health_in_the_World/docs/pdf/2015_A_RESO_R21_BSE.pdf

(4)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1356 tal-4 ta' Awwissu 2015 li temenda d-Deċiżjoni 2007/453/KE fir-rigward tal-istatus tal-BSE tar-Repubblika Ċeka, ta' Franza, ta' Ċipru, tal-Liechtenstein u tal-Iżvizzera (ĠU L 209, 6.8.2015, p. 5).

(5)  http://www.oie.int/international-standard-setting/terrestrial-code/access-online/