5.5.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 120/35


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/697

tal-4 ta' Mejju 2016

dwar ċerti miżuri protettivi relatati mal-influwenza tat-tjur b'patoġeniċità għolja tas-sottotip H7N7 fl-Italja

(notifikata bid-dokument C(2016) 2875)

(It-test bit-Taljan biss huwa awtentiku)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 89/662/KEE tal-11 ta' Diċembru 1989 dwar spezzjonijiet veterinarji fil-kummerċ intra-Komunitarju bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 9(4) tagħha,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 90/425/KEE tas-26 ta' Ġunju 1990 dwar l-iċċekkjar veterinarju u żootekniku applikabbli għall-kummerċ intra-Komunitarju ta' ċertu annimali ħajjin u prodotti bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 10(4) tagħha,

Billi:

(1)

L-influwenza tat-tjur hija marda virali infettiva fl-għasafar, inkluż il-pollam. L-infezzjonijiet bil-vajrusis tal-influwenza tat-tjur fil-pollam domestiku jikkawżaw żewġ forom ewlenin ta' din il-marda li huma distinti mill-virulenza tagħhom. Il-forma b'patoġeniċità baxxa ġeneralment tikkawża biss sintomi ħfief, filwaqt li l-forma b'patoġeniċità għolja twassal għal rati ferm għoljin ta' mortalità fil-parti l-kbira tal-ispeċijiet tal-pollam. Din il-marda tista' tħalli impatt qawwi fuq il-profitabbiltà tat-trobbija tal-pollam tal-irziezet.

(2)

L-influwenza tat-tjur tinstab l-aktar fl-għasafar, iżda f'ċerti ċirkustanzi jaf ikun hemm infezzjonijiet ukoll fil-bnedmin, minkejja li r-riskju huwa ġeneralment baxx ħafna.

(3)

Fil-każ ta' tifqigħa tal-influwenza tat-tjur, hemm riskju li l-aġent tal-marda jinfirex f'azjendi oħrajn fejn jitrabba l-pollam jew għasafar oħra mrobbijin. Minħabba f'hekk, din tista' tinfirex minn Stat Membru għal Stati Membri oħra, jew għal pajjiżi terzi, permezz tal-kummerċ ta' għasafar ħajjin jew tal-prodotti tagħhom.

(4)

Id-Direttiva tal-Kunsill 2005/94/KE (3) tistabbilixxi ċerti miżuri preventivi relatati mas-sorveljanza u d-detezzjoni bikrija tal-influwenza tat-tjur u l-miżuri minimi ta' kontroll li jridu jiġu applikati f'każ ta' tifqigħa ta' dik il-marda f'pollam jew f'għasafar oħra mrobbijin. Dik id-Direttiva tistipula l-ħolqien ta' żoni ta' protezzjoni u sorveljanza f'każ li tfaqqa' l-influwenza tat-tjur b'patoġeniċità għolja.

(5)

Il-Ġermanja nnotifikat lill-Kummissjoni dwar tifqigħa tal-influwenza tat-tjur b'patoġenità għolja tas-sottotip H7N7 f'azjenda fit-territorju tagħha fejn kien qed jitrabba l-pollam jew għasafar oħrajn imrobbijin, u ħadet minnufih il-miżuri meħtieġa skont id-Direttiva 2005/94/KE, inkluż il-ħolqien ta' żoni ta' protezzjoni u ta' sorveljanza.

(6)

Il-Kummissjoni eżaminat dawk il-miżuri b'kollaborazzjoni mal-Italja, u ħarġet sodisfatta li l-fruntieri taż-żoni ta' protezzjoni u sorveljanza, stabbiliti mill-awtorità kompetenti f'dak l-Istat Membru, jinsabu 'l bogħod biżżejjed mill-azjenda proprja fejn ġiet ikkonfermata t-tifqigħa.

(7)

Sabiex jiġi evitat kull tfixkil bla bżonn tal-kummerċ fl-Unjoni u sabiex jiġu evitati ostakli mhux iġġustifikati għall-kummerċ li jiġu imposti minn pajjiżi terzi, jeħtieġ jiġu ddefiniti malajr iż-żoni ta' protezzjoni u sorveljanza stabbiliti fl-Italja fil-livell tal-Unjoni b'kollaborazzjoni ma' dan l-Istat Membru.

(8)

Għaldaqstant, iż-żoni ta' protezzjoni u sorveljanza fl-Italja, fejn qed jiġu applikati l-miżuri ta' kontroll għas-saħħa tal-annimali stabbiliti fid-Deċiżjoni 2005/94/KE, għandhom jiġu ddefiniti fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni u għandu jiġi ffissat it-tul ta' żmien ta' dik ir-reġjonalizzazzjoni.

(9)

Il-miżuri stipulati f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Italja għandha tiżgura li ż-żoni ta' protezzjoni u ta' sorveljanza stabbiliti skont l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2005/94/KE jinkludu mill-inqas iż-żoni elenkati bħala żoni ta' protezzjoni u sorveljanza fil-Partijiet A u B tal-Anness ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni tapplika sal-31 ta' Lulju 2016.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Taljana.

Magħmul fi Brussell, l-4 ta' Mejju 2016.

Għall-Kummissjoni

Vytenis ANDRIUKAITIS

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 395, 30.12.1989, p. 13.

(2)  ĠU L 224, 18.8.1990, p. 29.

(3)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2005/94/KE tal-20 ta' Diċembru 2005 dwar miżuri Komunitarji għall-kontroll tal-influwenza tat-tjur u li tħassar id-Direttiva 92/40/KEE (ĠU L 10, 14.1.2006, p. 16).


ANNESS

PARTI A

Iż-żona ta' protezzjoni kif imsemmija fl-Artikolu 1:

ISO Kodiċi tal-Pajjiż

Stat Membru

Kodiċi

(jekk huwa disponibbli)

Isem

Id-data sa meta dan jibqa' applikabbli skont l-Artikolu 29 tad-Direttiva 2005/94/KE

IT

L-Italja

Kodiċi Postali/ADNS

Żona li tinkludi:

 

 

 

 

It-territorju kollu tal-muniċipalitajiet ta':

26.5.2016

44015

Portomaggiore;

44020

Ostellato.

PARTI B

Iż-żona ta' sorveljanza kif imsemmija fl-Artikolu 1:

ISO Kodiċi tal-Pajjiż

Stat Membru

Kodiċi

(jekk huwa disponibbli)

Isem

Id-data sa meta dan jibqa' applikabbli skont l-Artikolu 31 tad-Direttiva 2005/94/KE

IT

L-Italja

Kodiċi Postali/ADNS

Żona li tinkludi:

 

 

 

 

It-territorju kollu tal-muniċipalitajiet ta':

4.6.2016

44020

Masi Torello;

44039

Tresigallo;

44019

Voghiera.

 

Il-partijiet mill-muniċipalitajiet ta':

44027

Fiscaglia, li tinsab fin-Nofsinhar tat-triq provinċjali Nru 15;

44035

Formignana, li tinsab fil-Punent tat-triq provinċjali Nru 4;

44121

Ferrara, li tinsab fil-Lvant ta' Via Ponte Assa;

44011

Argenta, li tinsab fil-Punent tat-triq provinċjali Nru 48.

 

 

44015

Portomaggiore;

27.5. – 4.6.2016

44020

Ostellato.