23.3.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 76/17


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2016/431

tat-12 ta' Frar 2016

dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir għad-detenturi ta' passaporti diplomatiċi

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-punt (a) tal-Artikolu 77(2), flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Fil-kuntest tad-Djalogu dwar il-Mobilità u l-Migrazzjoni bejn l-UE u ċ-Ċina, l-Unjoni u r-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina qablu dwar pakkett ta' miżuri għall-kooperazzjoni fil-qasam tal-migrazzjoni irregolari u tal-politika tal-viżi, inkluż ftehim reċiproku ta' eżenzjoni mill-viża għad-detenturi ta' passaporti diplomatiċi.

(2)

Fl-14 ta' Settembru 2015, il-Kunsill adotta deċiżjoni li tawtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ negozjati mar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għall-konklużjoni ta' ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r- Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir għad-detenturi ta' passaporti diplomatiċi (il-“Ftehim”).

(3)

In-negozjati dwar il-Ftehim infetħu fil-21 ta' Settembru 2015 u ġew iffinalizzati b'suċċess permezz tal-inizjalar tagħhom, bi skambju ta' ittri, fit-3 ta' Novembru 2015 mill-Unjoni u fl-4 ta' Novembru 2015 mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.

(4)

Il-Ftehim għandu jiġi ffirmat, u d-dikjarazzjonijiet mehmuża mal-Ftehim għandhom jiġu approvati f'isem l-Unjoni. Il-Ftehim għandu jiġi applikat fuq bażi proviżorja mit-tielet jum wara d-data tal-iffirmar tiegħu, sakemm jitlestew il-proċeduri meħtieġa għall-konklużjoni formali tiegħu.

(5)

Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen li r-Renju Unit ma jieħux sehem fihom, f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE (1); għalhekk ir-Renju Unit mhuwiex qiegħed jieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni u mhuwiex marbut biha jew soġġett għall-applikazzjoni tagħha.

(6)

Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen li l-Irlanda ma tieħux sehem fihom, f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE (2); għalhekk l-Irlanda mhijiex qiegħda tieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-iffirmar f'isem l-Unjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir għad-detenturi ta' passaporti diplomatiċi (il-“Ftehim”) huwa b'dan awtorizzat, soġġett għall-konklużjoni tat-tali Ftehim.

It-test tal-Ftehim jinsab mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Id-dikjarazzjonijiet mehmuża ma' din id-Deċiżjoni għandhom jiġu approvati f'isem l-Unjoni.

Artikolu 3

Il-President tal-Kunsill huwa b'dan awtorizzat jinnomina l-persuna jew persuni bis-setgħa li jiffirmaw il-Ftehim f'isem l-Unjoni.

Artikolu 4

Il-Ftehim għandu jiġi applikat fuq bażi proviżorja mit-tielet jum wara d-data tal-iffirmar tiegħu (3), sakemm jitlestew il-proċeduri meħtieġa għall-konklużjoni tiegħu.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta' Frar 2016.

Għall-Kunsill

Il-President

J.R.V.A. DIJSSELBLOEM


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE tad-29 ta' Mejju 2000 dwar it-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u Irlanda ta' Fuq biex jieħdu parti f'xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen (ĠU L 131, 1.6.2000, p. 43).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta' Frar 2002 rigward it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f'xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen (ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20).

(3)  Id-data tal-iffirmar tal-Ftehim ser tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.