23.4.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 144/14


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-21 ta’ April 2016

dwar notifika lil pajjiż terz dwar il-possibbiltà li dan jiġi identifikat bħala pajjiż terz li ma jikkooperax fil-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat

(2016/C 144/07)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat, li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1936/2001 u (KE) Nru 601/2004 u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 1093/94 u (KE) Nru 1447/1999 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 32 tiegħu,

Billi:

1.   INTRODUZZJONI

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 1005/2008 (“ir-Regolament IUU”) jistabbilixxi sistema tal-Unjoni li tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (IUU).

(2)

Il-Kapitolu VI tar-Regolament IUU jistabbilixxi l-proċedura għall-identifikazzjoni ta’ pajjiżi terzi li ma jikkooperawx, id-démarches fir-rigward ta’ pajjiżi bħal dawn, l-istabbiliment ta’ lista ta’ tali pajjiżi, it-tneħħija minn dik il-lista, il-pubbliċità ta’ dik il-lista u kull miżura ta’ emerġenza.

(3)

Skont l-Artikolu 32 tar-Regolament IUU, il-Kummissjoni għandha tinnotifika lill-pajjiżi terzi bil-possibbiltà li jiġu identifikati bħala pajjiżi li ma jikkooperawx. Din in-notifika hija ta’ natura preliminari. In-notifika għandha tkun ibbażata fuq il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 31 tar-Regolament IUU. Il-Kummissjoni għandha tieħu wkoll id-démarches kollha stabbiliti fl-Artikolu 32 ta’ dak ir-Regolament fir-rigward tal-pajjiżi terzi nnotifikati. B’mod partikolari, fin-notifika l-Kummissjoni għandha tinkludi informazzjoni dwar il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li jsejsu identifikazzjoni bħal din, tagħti l-opportunità lil dawk il-pajjiżi biex jirrispondu u jipprovdu evidenza li tikkontradixxi l-identifikazzjoni jew, fejn ikun xieraq, toffri pjan ta’ azzjoni għat-titjib u miżuri meħudin biex jirrettifikaw is-sitwazzjoni. Il-Kummissjoni għandha tagħti żmien biżżejjed lill-pajjiżi terzi nnotifikati biex iwieġbu għan-notifika u żmien xieraq biex jirranġaw is-sitwazzjoni.

(4)

Skont l-Artikolu 31 tar-Regolament IUU, il-Kummissjoni Ewropea għandha tidentifika lill-pajjiżi terzi li hija tqis bħala pajjiżi li ma jikkooperawx fil-ġlieda kontra s-sajd IUU. Pajjiż terz għandu jiġi identifikat bħala pajjiż terz li ma jikkooperax jekk jonqos milli jaqdi dmirijietu skont id-dritt internazzjonali bħala Stat tal-bandiera, tal-port, kostali jew tas-suq, jew milli jieħu azzjoni biex jipprevjeni, jiskoraġġixxi u jelimina s-sajd IUU.

(5)

L-identifikazzjoni ta’ pajjiżi terzi li ma jikkooperawx għandha tkun ibbażata fuq ir-rieżami tal-informazzjoni kollha kif inhu stipulat fl-Artikolu 31(2) tar-Regolament IUU.

(6)

Skont l-Artikolu 33 tar-Regolament IUU, il-Kunsill għandu jistabbilixxi lista ta’ pajjiżi terzi li ma jikkooperawx. Il-miżuri stabbiliti, inter alia, fl-Artikolu 38 tar-Regolament IUU japplikaw għal dawk il-pajjiżi.

(7)

Skont l-Artikolu 20(1) tar-Regolament IUU, l-aċċettazzjoni ta’ ċertifikati tal-qabda vvalidati minn pajjiżi terzi li huma Stati tal-bandiera hija soġġetta għal notifika lill-Kummissjoni dwar l-arranġamenti għall-implimentazzjoni, il-kontroll u l-infurzar tal-liġijiet, ir-regolamenti u l-miżuri ta’ konservazzjoni u ġestjoni li l-bastimenti tas-sajd tal-pajjiżi terzi kkonċernati għandhom ikunu konformi magħhom.

(8)

Skont l-Artikolu 20(4) tar-Regolament IUU, il-Kummissjoni għandha tikkoopera b’mod amministrattiv ma’ pajjiżi terzi f’oqsma li jappartjenu għall-implimentazzjoni ta’ dak ir-Regolament.

2.   PROĊEDURA FIR-RIGWARD TAR-REPUBBLIKA TA’ TRINIDAD U TOBAGO

(9)

Ir-Repubblika ta’ Trinidad u Tobago (minn issa ‘l quddiem “Trinidad u Tobago”) ma ppreżentatx lill-Kummissjoni n-notifika tagħha bħala Stat tal-bandiera skont l-Artikolu 20 tar-Regolament IUU.

(10)

Bejn l-2014 u l-2016 il-Kummissjoni kkooperat b’mod amministrattiv mal-awtoritajiet ta’ Trinidad u Tobago. Din il-kooperazzjoni kopriet kwistjonijiet li jappartjenu għall-implimentazzjoni, il-kontroll u l-infurzar tal-liġijiet, ir-regolamenti u l-miżuri ta’ konservazzjoni u ġestjoni minn Trinidad u Tobago. Din kienet tinvolvi skambju ta’ kummenti bil-fomm u bil-miktub kif ukoll żjarat fuq il-post. Il-Kummissjoni fittxet u vverifikat l-informazzjoni kollha meqjusa neċessarja dwar l-arranġamenti ta’ Trinidad u Tobago għall-implimentazzjoni, il-kontroll u l-infurzar tal-liġijiet, ir-regolamenti u l-miżuri ta’ konservazzjoni u ġestjoni li magħhom għandhom jikkonformaw il-bastimenti tas-sajd tiegħu, kif ukoll il-miżuri meħuda minn Trinidad u Tobago biex jimplimenta l-obbligi tiegħu fil-ġlieda kontra s-sajd IUU.

(11)

Trinidad u Tobago huwa parti kontraenti għall-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Dritt tal-Baħar (UNCLOS) tal-1982, għall-Ftehim tal-1995 tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Implimentazzjoni tad-Dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar tal-10 ta’ Diċembru 1982 relatati mal-Konservazzjoni u l-Ġestjoni ta’ Stokkijiet ta’ Ħut Transżonali u Stokkijiet ta’ Ħut li Jpassi Ħafna (UNFSA) u għall-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku (ICCAT).

(12)

Sabiex tevalwa l-konformità ta’ Trinidad u Tobago mal-obbligi internazzjonali tiegħu bħala Stat tal-bandiera, tal-port, kostali jew tas-suq kif stipulat fil-ftehimiet internazzjonali msemmija fil-premessa (11) u stabbiliti mill-organizzazzjonijiet reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd (RFMO) rilevanti, il-Kummissjoni fittxet, ġabret u analizzat l-informazzjoni kollha meħtieġa.

3.   POSSIBBILTÀ LI R-REPUBBLIKA TA’ TRINIDAD U TOBAGO TIĠI IDENTIFIKATA BĦALA PAJJIŻ TERZ LI MA JIKKOOPERAX

(13)

Il-Kummissjoni analizzat l-obbligi tat-Trinidad u Tobago bħala Stat tal-bandiera, tal-port, kostali jew tas-suq, skont l-Artikolu 31(3) tar-Regolament IUU. Għall-fini ta’ dan ir-rieżami, il-Kummissjoni qieset il-kriterji elenkati fl-Artikolu 31(4) sa (7) tar-Regolament IUU u d-Dritt Internazzjonali applikabbli.

3.1   Ir-rikorrenza ta’ attivitajiet tas-sajd IUU u l-flussi kummerċjali IUU (l-Artikolu 31(4) tar-Regolament IUU)

(14)

Għar-raġunijiet deskritti hawn taħt u fit-Taqsima 3.2, il-qafas legali għall-ġestjoni tas-sajd ta’ Trinidad u Tobago, ibbażat b’mod partikolari fuq l-Att dwar is-sajd tal-1916 (2) u l-Att tal-1986 dwar l-ilmijiet arċipelaġiċi u ż-żona ekonomika esklussiva (3), ma jidhirx li jistabbilixxi miżuri għall-kontroll effettiv fuq il-bastimenti li jtajru l-bandiera ta’ Trinidad u Tobago u l-bastimenti ta’ pajjiżi terzi fl-ilmijiet u fil-portijiet ta’ Trinidad u Tobago.

(15)

Fuq il-bażi tal-informazzjoni miġbura mill-Kummissjoni matul iż-żjara tagħha fuq il-post u tal-informazzjoni disponibbli pubblikament, hemm indikazzjonijiet qawwija li Trinidad u Tobago mhuwiex f’pożizzjoni li jipprovdi informazzjoni dwar il-karatteristiċi tal-ispeċijiet li jpassu ħafna maqbuda mill-flotta tas-sajd tiegħu fl-ibħra miftuħa jew il-prodotti tas-sajd li nħattu l-art jew ġew ittrażbordati fil-portijiet tiegħu u x’kienu l-flussi kummerċjali ta’ dawn il-prodotti.

(16)

Meta jitqies in-nuqqas apparenti ta’ traċċabbiltà u n-nuqqas ta’ informazzjoni għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet ta’ Trinidad u Tobago dwar il-ħut li nħatt l-art jew li ġie ttrażbordat fil-portijiet tiegħu, x’aktarx li Trinidad u Tobago ma jirnexxilux jiżgura li l-kummerċ ta’ prodotti tas-sajd imwettaq f’dan il-pajjiż ma joriġinax minn sajd IUU.

(17)

F’dan ir-rigward, jidher li Trinidad u Tobago jonqos milli jikkonforma mal-obbligu tal-Istat tal-port li jieħu azzjoni biex jippromwovi l-effikaċja tal-miżuri ta’ konservazzjoni u ġestjoni internazzjonali, inklużi l-ispezzjonijiet fil-port ta’ dokumenti, irkaptu jew qabdiet u l-projbizzjoni ta’ ħatt l-art u ta’ trażbord fejn ikun ġie stabbilit li l-qabda kienet saret b’mod li timmina l-effikaċja ta’ dawk il-miżuri ta’ konservazzjoni u ġestjoni internazzjonali, kif stabbiliti fl-Artikolu 23 tal-UNFSA. Jidher li Trinidad u Tobago naqas milli jqis ir-rakkomandazzjonijiet fil-punt 24 tal-Pjan ta’ Azzjoni Internazzjonali tal-FAO biex jipprevjeni, jiskoraġġixxi u jelimina s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (IPOA IUU), li javża lill-Istati tal-bandiera biex jiżguraw li s-sajd jiġi mmonitorjat, ikkontrollat u ssorveljat b’mod komprensiv u effettiv, mill-punt ta’ ħatt l-art sad-destinazzjoni finali, u l-punt 71 tal-IPOA IUU li javża lill-Istati biex jieħdu passi sabiex itejbu t-trasparenza tas-swieq tagħhom biex jiżguraw it-traċċabbiltà tal-ħut jew tal-prodotti tal-ħut. Bl-istess mod, jidher li ma jikkonformax mal-Artikolu 11 tal-Kodiċi ta’ Kondotta għas-Sajd Responsabbli tal-FAO (il-Kodiċi ta’ Kondotta tal-FAO) li jistabbilixxi prattiki tajba għal wara l-qabda u għall-kummerċ internazzjonali responsabbli.

(18)

Fid-dawl tas-sitwazzjoni spjegata f’din it-Taqsima u abbażi tal-elementi fattwali kollha miġburin mill-Kummissjoni, kif ukoll id-dikjarazzjonijiet li saru minn Trinidad u Tobago, seta’ jiġi stabbilit li, skont l-Artikolu 31(3) u 31(4)(a) u (b) tar-Regolament IUU, hemm indikazzjonijiet qawwija li Trinidad u Tobago naqas milli jaqdi dmirijietu skont id-dritt internazzjonali bħala Stat tal-bandiera u tas-suq biex jipprevjeni l-aċċess tal-prodotti tas-sajd li ġejjin mis-sajd IUU lejn is-suq tiegħu.

3.2   In-nuqqas ta’ kooperazzjoni u ta’ infurzar (l-Artikolu 31(5) tar-Regolament IUU)

(19)

Filwaqt li l-awtoritajiet ta’ Trinidad u Tobago kienu ġeneralment kooperattivi biex iwieġbu u jipprovdu rispons għat-talbiet għall-informazzjoni, l-affidabbiltà u l-korrettezza tat-tweġibiet tagħhom kienu mminati u kompromessi mill-qafas legali skadut, li jidher li mhuwiex konformi mal-impenji tad-dritt internazzjonali tiegħu u n-nuqqas ta’ trasparenza fis-sistema ta’ ġestjoni tas-sajd tiegħu (kif imsemmi fit-Taqsima 3(1) u deskritt fil-premessi (20) sa (23)). L-awtoritajiet ta’ Trinidad u Tobago ssottomettew abbozz ta’ liġi ġdida dwar il-ġestjoni tas-sajd li, madankollu, għadha ma setgħetx titqies konformi mal-impenji internazzjonali tiegħu.

(20)

Trinidad u Tobago huwa Stat tal-port ewlieni fir-reġjun tal-Karibew tal-Lvant. Il-bastimenti li jtajru l-bandiera ta’ pajjiżi terzi jħottu l-art u jittrażbordaw l-ispeċijiet transżonali u li jpassu ħafna fil-portijiet ta’ Trinidad u Tobago. Minkejja dan il-fatt, jidher li ma hemmx kooperazzjoni formali jew informali ma’ dawk il-pajjiżi terzi. Barra minn hekk, l-awtoritajiet ta’ Trinidad u Tobago ma kinux kapaċi jipprovdu informazzjoni dwar liema pajjiżi terzi huma involuti f’dawn l-attivitajiet fil-portijiet tiegħu.

(21)

Il-qafas legali tas-sajd skadut ma jinkludix prinċipji u miżuri ġenerali għall-konservazzjoni u l-ġestjoni tar-riżorsi tas-sajd kif meħtieġ skont id-dritt internazzjonali applikabbli. Barra minn hekk, il-qafas legali ta’ Trinidad u Tobago ma jindirizzax l-attivitajiet tas-sajd IUU. F’dan ir-rigward, il-qafas legali attwali ma fihx definizzjoni ta’ ksur serju u lista komprensiva ta’ reati serji indirizzati b’sanzjonijiet severi proporzjonati. Il-valur tal-multi mhuwiex marbut mal-valur tal-ħut maqbud illegalment u bħala tali ma jċaħħadx sistematikament lit-trasgressuri mill-benefiċċji li jakkumulaw mill-attivitajiet illegali tagħhom. Għaldaqstant, is-sistema tas-sanzjonijiet kif inhi llum mhijiex komprensiva u severa biżżejjed biex twettaq il-funzjoni tagħha ta’ deterrent.

(22)

Id-Diviżjoni tas-Sajd fi ħdan il-Ministeru tal-Agrikoltura, l-Art u s-Sajd ma tinkludix unità għall-monitoraġġ, is-sorveljanza u l-infurzar tas-sajd. Jidher li l-attivitajiet tas-sajd minn bastimenti li jtajru l-bandiera ta’ Trinidad u Tobago, iseħħu fejn iseħħu, u minn bastimenti li jtajru l-bandiera ta’ pajjiżi terzi fl-ilmijiet u fil-portijiet ta’ Trinidad u Tobago, mhumiex ikkontrollati. Mhux il-bastimenti semiindustrijali u industrijali kollha li jtajru l-bandiera ta’ Trinidad u Tobago (ta’ aktar minn 24 m) huma mgħammra b’sistema għall-monitoraġġ tal-bastimenti (VMS) u l-ġurnali ta’ abbord mhumiex obbligatorji. Ma hemm l-ebda programm ta’ osservatur. Barra minn hekk, ma hemm l-ebda ċentru ta’ monitoraġġ tas-sajd operazzjonali.

(23)

Minħabba n-nuqqas ta’ qafas legali adegwat u ta’ mezzi ta’ kontroll, huwa improbabbli ferm li jitwettaq infurzar effettiv. Jidher li l-unika informazzjoni li waslet għand l-awtoritajiet ta’ Trinidad u Tobago huma r-rapporti dwar il-vjaġġi tas-sajd li jimtlew u jiġu sottomessi mill-operaturi. Fis-sitwazzjoni attwali, l-istorja, in-natura, iċ-ċirkostanzi, id-dimensjoni u l-gravità tal-attivitajiet tas-sajd IUU ma setgħux jiġu analizzati b’mod xieraq.

(24)

In-nuqqasijiet ta’ Trinidad u Tobago deskritti fil-premessa (20) jżommuh milli jikkonforma mal-Artikoli 63, 64, 117 sa 119 tal-UNCLOS, li tistabbilixxi l-obbligu li l-Istati kollha jikkooperaw fil-konservazzjoni u l-ġestjoni tar-riżorsi ħajjin tal-baħar, inklużi l-istokkijiet ta’ ħut transżonali u speċijiet li jpassu ħafna. L-Artikoli 7, 8 u 20 tal-UNFSA jkomplu jiżviluppaw l-obbligu tal-Istati li jikkooperaw, rispettivament fl-istabbiliment ta’ miżuri ta’ konservazzjoni u ġestjoni kompatibbli u fl-iżgurar tal-konformità u tal-infurzar ta’ dawn il-miżuri. Dan huwa speċifikat aktar fil-punti 28 u 51 tal-IPOA IUU, li jistabbilixxu prattiki ddettaljati għall-kooperazzjoni diretta bejn l-Istati, inkluż l-iskambju tad-dejta jew tal-informazzjoni li jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom l-Istati kostali.

(25)

Il-qafas legali, inklużi l-miżuri ta’ infurzar, ta’ Trinidad u Tobago jidher li ma jikkonformax mar-rekwiżiti bażiċi fl-Artikoli 61, 62 u 117 sa 119 tal-UNCLOS u fl-Artikoli 5 sa 23 tal-UNFSA. Il-fatti deskritti fil-premessi (21) sa (23) jindikaw li Trinidad u Tobago naqas milli jissodisfa l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 94 tal-UNCLOS li jistipula li Stat tal-bandiera jassumi l-ġurisdizzjoni skont il-liġi interna tiegħu fuq kull vapur li jtajjar il-bandiera tiegħu u fuq il-kaptan, l-uffiċjali u l-ekwipaġġ tiegħu. L-imġiba deskritta ta’ Trinidad u Tobago fir-rigward tal-bastimenti tiegħu tmur ukoll kontra l-Artikolu 18(3) tal-UNFSA li jistipula miżuri li jridu jittieħdu minn Stat fir-rigward tal-bastimenti li jtajru l-bandiera tiegħu. Barra dan, Trinidad u Tobago ma jissodisfax l-obbligi tiegħu ta’ konformità u infurzar bħala Stat tal-bandiera stipulati fl-Artikolu 19 tal-UNFSA billi jidher li naqas milli juri li aġixxa u opera skont ir-regoli dettaljati stabbiliti f’dak l-Artikolu. B’mod partikolari, l-iskema tas-sanzjonijiet tidher li mhijiex konformi mal-Artikolu 19(2) tal-UNFSA li jistabbilixxi li s-sanzjonijiet applikabbli fir-rigward ta’ ksur għandhom ikunu severi biżżejjed biex jiżguraw il-konformità u biex jiskoraġġixxu l-ksur kull fejn iseħħ u għandhom iċaħħdu lit-trasgressuri mill-benefiċċji li jirriżultaw mill-attivitajiet illegali tagħhom. Jidher ukoll li Trinidad u Tobago naqas milli jqis ir-rakkomadazzjonijiet fil-punt 24 tal-IPOA IUU li javża lill-Istati tal-bandiera biex jiżguraw il-monitoraġġ, il-kontroll u s-sorveljanza komprensivi u effettivi tas-sajd, mill-punt tal-ħatt l-art sad-destinazzjoni finali, inkluż billi jimplimentaw il-VMS skont l-istandards nazzjonali, reġjonali u internazzjonali rilevanti.

(26)

Fid-dawl tas-sitwazzjoni spjegata f’din it-Taqsima u abbażi tal-elementi fattwali kollha miġbura mill-Kummissjoni, kif ukoll tad-dikjarazzjonijiet kollha li saru mill-pajjiż, jista’ jiġi stabbilit, skont l-Artikolu 31(3) u 31(5) tar-Regolament IUU, li hemm indikazzjonijiet qawwija li Trinidad u Tobago naqas milli jaqdi dmirijietu skont id-dritt internazzjonali bħala Stat tal-bandiera fir-rigward tal-isforzi għall-kooperazzjoni u għall-infurzar.

3.3   In-nuqqas ta’ implimentazzjoni tar-regoli internazzjonali (l-Artikolu 31(6) tar-Regolament IUU)

(27)

Il-Kummissjoni analizzat l-informazzjoni kollha meqjusa rilevanti fir-rigward tal-istatus ta’ Trinidad u Tobago bħala parti kontraenti tal-UNCLOS, tal-UNFSA u tal-ICCAT.

(28)

Mill-2011, l-ICCAT ikkomunikat uffiċjalment lill-awtoritajiet ta’ Trinidad u Tobago (4) li dan il-pajjiż ma kienx jikkonforma b’mod sħiħ u effettiv mal-obbligi tiegħu skont ir-Rakkomandazzjonijiet tal-ICCAT (partikolarment, ir-Rakkomandazzjoni 05-09 dwar il-konformità mal-obbligi ta’ rapportar tal-istatistika, ir-Rakkomandazzjonijiet 06-09 u 12-04 maħsuba biex ikomplu jsaħħu l-pjan biex jerġgħu jiġu kostitwiti l-istokkijiet tal-marlin blu u tal-marlin abjad, u r-Rakkomandazzjoni 13-02 dwar il-konservazzjoni tal-pixxispad tal-Atlantiku tat-Tramuntana). Barra minn hekk, l-ICCAT innotat in-nuqqasijiet li ġejjin għal Trinidad u Tobago: 1) Id-dejta tal-Kompitu I dwar il-karatteristiċi tal-flotta ma ġietx ippreżentata; 2) Id-dejta tal-Kompitu II dwar id-daqs tal-qabdiet ma ġietx ippreżentata; 3) It-tabelli ta’ konformità ma ġewx ippreżentati; 4) Ma ġie ppreżentat l-ebda pjan ta’ żvilupp jew ġestjoni tas-sajd għall-pixxispad; 5) L-ICCAT ma ngħatatx tweġiba għall-ittra ta’ tħassib tagħha tal-2014; 6) Il-lista ta’ bastimenti tat-tonn obeż/tat-tonna safra waslet wara d-data tal-iskadenza; 7) Ir-rapport annwali mill-kumitat permanenti dwar ir-riċerka u l-istatistika (SCRS) wasal tard; 8) Issoktar u żieda ta’ sajd eċċessiv tal-kastardell. L-issoktar ta’ sajd eċċessiv konsiderevoli tal-marlin abjad u tal-marlin blu, in-nuqqas ta’ miżuri ta’ ġestjoni nazzjonali għal dan is-sajd, in-nuqqas ta’ konformità mal-ġurnal ta’ abbord u mar-rekwiżiti ta’ monitoraġġ tal-kummerċ, wasslu lill-ICCAT biex toħroġ ittra ta’ identifikazzjoni fl-2015 (5).

(29)

Kif ġie enfasizzat mill-Kumitat ta’ Konformità tal-ICCAT, dawn “il-problemi ta’ nuqqas ta’ rappurtar, preżentazzjonijiet tard, rappurtar mhux komplut, u dejta ta’ kwalità fqira jkomplu jfixklu l-ħidma tal-Kumitat Permanenti dwar ir-Riċerka u l-Istatistika (SCRS) fit-twettiq ta’ valutazzjonijiet tal-istokkijiet u fil-formulazzjoni ta’ pariri ta’ ġestjoni. Ir-rappurtar tard jew mhux komplut jikkawża diffikultajiet għas-Segretarjat fit-tħejjija ta’ dokumenti għall-Kummissjoni u għall-kumitati u l-gruppi tagħha, u jnaqqas l-effiċjenza tal-Kumitat ta’ Konformità”.

(30)

Trinidad u Tobago la huwa parti kontraenti u lanqas parti mhux kontraenti li tikkoopera tal-Kummissjoni għall-Konservazzjoni tar-Riżorsi Marittimi Ħajjin Antartiku (CCAMLR). Madankollu, is-CCAMLR identifikat lill-pajjiż għall-2012-2013 bħala parti mhux kontraenti possibbilment involuta fil-ġbir, fil-ħatt l-art u/jew fil-kummerċ tad-Dissostichus spp. iżda li ma tikkooperax mal-Programm ta’ Dokumentazzjoni tal-Qbid (CDS) (6) implimentat fl-2000 għat-traċċar ta’ dawn l-ispeċijiet mill-punt tal-ħatt l-art tul iċ-ċiklu kummerċjali kollu. Din l-identifikazzjoni nżammet fl-2014 u fl-2015 (7).

(31)

Il-fatti deskritti fil-premessi (28) sa (30) jżommu lil Trinidad u Tobago milli jissodisfa l-obbligi tiegħu ta’ kooperazzjoni u konservazzjoni bħala Stat tal-bandiera fir-rigward tal-Artikoli 117 sa 119 tal-UNCLOS. Trinidad u Tobago jidher ukoll li naqas milli jissodisfa l-Artikolu 18 tal-UNFSA li jeżiġi li l-Istati li l-bastimenti tagħhom jistadu f’ibħra miftuħa jieħdu miżuri ta’ kontroll biex jiżguraw li dawk il-bastimenti jikkonformaw mar-regoli tal-RFMO.

(32)

Fl-aħħar nett, għall-kuntrarju tar-rakkomandazzjonijiet fil-punti 25, 26 u 27 tal-IPOA IUU, Trinidad u Tobago ma żviluppax pjan ta’ azzjoni nazzjonali kontra s-sajd IUU.

(33)

Fid-dawl tas-sitwazzjoni spjegata f’din it-Taqsima tad-Deċiżjoni u abbażi tal-elementi fattwali kollha miġbura mill-Kummissjoni, kif ukoll tad-dikjarazzjonijiet kollha li għamel il-pajjiż, jista’ jiġi stabbilit, skont l-Artikolu 31(3) u (6) tar-Regolament IUU, li hemm indikazzjonijiet qawwija li Trinidad u Tobago naqas milli jaqdi dmirijietu skont id-dritt internazzjonali fir-rigward tar-regoli, tar-regolamenti u tal-miżuri ta’ konservazzjoni u ġestjoni internazzjonali.

3.4   Il-limitazzjonijiet speċifiċi ta’ pajjiżi li qed jiżviluppaw

(34)

Skont l-Indiċi tal-Iżvilupp tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti (UNHDI) (8), fl-2015 Trinidad u Tobago kien meqjus bħala pajjiż bi żvilupp għoli tal-bniedem (fl-64 post fost 188 pajjiż).

(35)

Meta wieħed iqis il-klassifika tal-HDI msemmija hawn fuq u l-osservazzjonijiet matul iż-żjara tal-2015, l-ebda evidenza ma tissuġġerixxi li n-nuqqas ta’ Trinidad u Tobago milli jaqdi dmirijietu skont id-dritt internazzjonali huwa dovut għal livelli baxxi ta’ żvilupp. Ma teżisti l-ebda evidenza tanġibbli li tikkorrelata n-nuqqasijiet fil-monitoraġġ, il-kontroll u s-sorveljanza tas-sajd man-nuqqas ta’ kapaċità u infrastruttura. Trinidad u Tobago qatt ma sostna li l-limitazzjonijiet fl-iżvilupp jaffettwaw l-abbiltà tiegħu li jimplimenta sistema ta’ ġesjoni u kontroll b’saħħitha.

(36)

Fid-dawl tas-sitwazzjoni spjegata f’din it-Taqsima u abbażi tal-elementi fattwali kollha miġbura mill-Kummissjoni kif ukoll tad-dikjarazzjonijiet kollha li għamel il-pajjiż, jista’ jiġi stabbilit, skont l-Artikolu 31(7) tar-Regolament IUU, li l-istatus tal-iżvilupp u l-prestazzjoni globali ta’ Trinidad u Tobago fir-rigward tal-ġestjoni tas-sajd mhumiex ostakolati mil-livell tal-iżvilupp tiegħu.

4.   KONKLUŻJONI DWAR IL-POSSIBBILTÀ TA’ IDENTIFIKAZZJONI BĦALA PAJJIŻ TERZ LI MA JIKKOOPERAX

(37)

Fid-dawl tal-konklużjonijiet li ntlaħqu dwar in-nuqqas ta’ Trinidad u Tobago milli jaqdi dmirijietu skont id-dritt internazzjonali bħala Stat tal-bandiera, tal-port, kostali jew tas-suq u milli jieħu azzjoni biex jipprevjeni, jiskoraġġixxi u jelimina s-sajd IUU, dak il-pajjiż għandu jiġi nnotifikat, skont l-Artikolu 32 tar-Regolament IUU, bil-possibbiltà li l-Kummissjoni tidentifikah bħala pajjiż li ma jikkooperax fil-ġlieda kontra s-sajd IUU.

(38)

Skont l-Artikolu 32(1) tar-Regolament IUU, il-Kummissjoni għandha tinnotifika lil Trinidad u Tobago bil-possibbiltà li jiġi identifikat bħala pajjiż terz li ma jikkooperax. Il-Kummissjoni għandha tieħu l-proċeduri politiċi kollha stipulati fl-Artikolu 32 tar-Regolament IUU fir-rigward ta’ Trinidad u Tobago. Fl-interess tal-amministrazzjoni tajba, għandu jiġi stabbilit perjodu ta’ żmien li matulu dak il-pajjiż jista’ jwieġeb bil-miktub għan-notifika u jirranġa s-sitwazzjoni.

(39)

Barra minn hekk, in-notifika lil Trinidad u Tobago dwar il-possibbiltà li jiġi identifikat bħala pajjiż li l-Kummissjoni tqis li ma jikkooperax għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, la tipprekludi u lanqas ma tfisser b’mod awtomatiku li l-Kummissjoni jew il-Kunsill se jieħdu xi azzjoni sussegwenti għall-finijiet tal-identifikazzjoni u tal-istabbiliment ta’ lista ta’ pajjiżi li ma jikkooperawx.

IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:

Artikolu Uniku

Ir-Repubblika ta’ Trinidad u Tobago għandha tiġi nnotifikata bil-possibbiltà li tiġi identifikata mill-Kummissjoni bħala pajjiż terz li ma jikkooperax fil-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ April 2016.

Għall-Kummissjoni

Karmenu VELLA

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 286, 29.10.2008, p. 1

(2)  http://rgd.legalaffairs.gov.tt/laws2/alphabetical_list/lawspdfs/67.51.pdf

(3)  http://rgd.legalaffairs.gov.tt/laws2/alphabetical_list/lawspdfs/51.06.pdf

(4)  Ittra tal-ICCAT, 18 ta’ Jannar 2011, Ċirkulari tal-ICCAT Nru 151; Ittra tal-ICCAT, 21 ta’ Frar 2012, Ċirkulari tal-ICCAT Nru 641; Ittra tal-ICCAT, 11 ta’ Frar 2013, Ċirkulari tal-ICCAT Nru 613; Ittra tal-ICCAT, 13 ta’ Frar 2014, Ċirkulari tal-ICCAT Nru 723.

(5)  Dok. Nru. COC-308_Appendiċi 2, 2015.

(6)  CCAMLR-XXXII/BG/08, 24 ta’ Settembru 2013.

(7)  CCAMLR-XXXIV/BG/41, 23 ta’ Settembru 2015.

(8)  Informazzjoni miksuba minn http://hdr.undp.org/en/statistics