26.2.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 74/4


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-25 ta’ Frar 2016

li twaqqaf Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd

(2016/C 74/05)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 26 tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 43 tat-Trattat jagħti s-setgħa lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri li jistabbilixxu d-dispożizzjonijiet meħtieġa għall-kisba tal-objettivi tal-Politika Komuni tas-Sajd (PKS).

(2)

Bil-għan li tiġi implimentata l-politika tal-Unjoni fil-qasam tas-sajd u tal-akkwakultura, tenħtieġ l-assistenza ta’ esperti xjentifiċi bi kwalifiki għolja, b’mod partikolari fl-applikazzjoni tal-bijoloġija marina u tas-sajd, it-teknoloġija tal-irkaptu tas-sajd, l-ekonomija tas-sajd, il-governanza tas-sajd, l-effetti tas-sajd fuq l-ekosistemi, l-akkwakultura jew dixxiplini simili, jew fil-qasam tal-ġbir, il-ġestjoni u l-użu tad-dejta tas-sajd u tal-akkwakultura.

(3)

Għalhekk hemm bżonn li jitwaqqaf grupp ta’ esperti fil-qasam tas-sajd u tal-akkwakultura u li jiġu ddefiniti l-kompiti u l-istruttura tiegħu. Din l-għajnuna għandha tingħata minn Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF) imwaqqaf mill-Kummissjoni.

(4)

Il-Kummissjoni għandha tikkonsulta l-grupp tal-STECF sabiex tiżviluppa l-politika tal-PKS, fejn xieraq, dwar kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-konservazzjoni u l-ġestjoni ta’ riżorsi ħajjin tal-baħar, inklużi l-kunsiderazzjonijiet bijoloġiċi, ekonomiċi, ambjentali, soċjali u tekniċi, f’konformità mal-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013. Il-pariri ta’ dan il-grupp għandhom ikunu bbażati fuq il-prinċipji tal-eċċellenza, tal-indipendenza, tal-imparzjalità u tat-trasparenza.

(5)

Il-grupp tal-STECF għandu jkun magħmul minn għadd xieraq ta’ membri biex jitwettqu l-kompiti meħtieġa. Il-membri tal-grupp iridu jkunu esperti indipendenti u speċjalizzati kkwalifikati ħafna, magħżula abbażi ta’ kriterji oġġettivi u permezz ta’ sejħa pubblika għall-applikazzjonijiet. Dawn jinħatru fil-kapaċità personali tagħhom u jipprovdu lill-Kummissjoni b’opinjonijiet li huma meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-Politika Komuni tas-Sajd. Huwa essenzjali li l-grupp jagħmel l-aħjar użu tal-għarfien espert estern minn ġewwa u minn barra l-Unjoni kif meħtieġ biex jinstabu tweġibiet għal mistoqsijiet speċifiċi.

(6)

Il-Kummissjoni ma tistax tikseb għal kollox l-objettivi tal-politika tal-Unjoni għall-konservazzjoni u l-isfruttament sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd mingħajr il-kontribuzzjonijiet sostanzjali speċifi tal-grupp tal-STECF. Hemm bżonn li t-teħid tad-deċiżjonijiet fil-Politika Komuni tas-Sajd ikun ibbażat fuq l-aqwa pariri xjentifiċi disponibbli. Sabiex jissodisfaw dan ir-rekwiżit, il-proposti ta’ politika tal-Kummissjoni għandhom ikunu bbażati fuq l-aħjar xjenza disponibbli. Il-grupp tal-STECF jevalwa u jipprovdi l-aktar informazzjoni xjentifika aġġornata disponibbli biex lill-Kummissjoni jagħtiha pariri xjentifiċi sodi u f’waqthom ibbażati fuq l-evidenza għall-implimentazzjoni u għall-monitoraġġ tal-Politika Komuni tas-Sajd tal-UE. Il-parir tal-STECF huwa meħtieġ b’mod espliċitu u fost l-oħrajn skont l-Artikoli 2(5a); 3(c), 6(2), 9(1, 5), 10(2a u 3), 11(3), 15(4(b) u 5(c)) 18(2, 3 u 5), 28 (2a), 29(2 u 4), 31(4) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013. Il-parir tal-STECF huwa previst ukoll fi pjanijiet ta’ ġestjoni pluriennali, miżuri relatati mal-obbligi tal-ħatt, ġestjoni tas-sajd imħallat, il-pożizzjoni tal-Unjoni f’organizzazzjonijiet internazzjonali tas-sajd kif ukoll ftehimiet ta’ sħubija dwar is-sajd sostenibbli ma’ pajjiżi terzi. Għalhekk, dawn l-esperti indipendenti għandhom jirċievu allowances speċjali li huma apparti mir-rimborż tal-ispejjeż. Dawn l-allowances għandhom ikunu proporzjonali għal kompiti partikolari attribwiti lilhom u f’konformità ma’ standards internazzjonali.

(7)

Ir-rekwiżit għall-provvediment tal-aqwa pariri xjentifiċi disponibbli japplika wkoll għar-responsabbiltajiet tal-membri tal-grupp tal-STECF li jagħti appoġġ lis-servizzi tal-Kummissjoni billi jipprovdi kontribut xjentifiku fil-laqgħat reġjonali kif ukoll dawk internazzjonali li huma parti mill-proċess leġiżlattiv skont l-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, fejn, abbażi tar-riżultati ta’ dawn il-laqgħat, l-Istati Membri jipprovdu lill-Kummissjoni b’rakkomandazzjonijiet konġunti bbażati fuq l-aħjar parir xjentifiku disponibbli, li jservi bħala bażi għall-adozzjoni ta’ atti delegati jew ta’ implimentazzjoni. Il-Kummissjoni hija responsabbli għall-iffaċilitar tal-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-korpi xjentifiċi rilevanti, li fosthom l-STECF għandu rwol predominanti. Għaldaqstant, ix-xogħol tal-grupp tal-STECF jikkontribwixxi b’mod effettiv lejn il-ksib tal-għanijiet tal-Politika Komuni tas-Sajd.

(8)

Għandhom jiġu stabbiliti regoli dwar id-divulgazzjoni ta’ informazzjoni mill-membri tal-grupp.

(9)

Id-dejta personali għandha tiġi pproċessata skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2).

(10)

Il-membri tal-grupp li kienu maħtura qabel għandhom jibqgħu fil-kariga tagħhom sakemm jinħatru membri ġodda.

(11)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/629/KE (3) titħassar,

IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Suġġett

B’dan qed jiġi stabbilit Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd, minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ “il-grupp”, jew il-“grupp tal-STECF”.

Artikolu 2

Kompiti

Fil-qasam tal-konservazzjoni u tal-ġestjoni tar-riżorsi ħajjin tal-baħar, inklużi kunsiderazzjonijiet bijoloġiċi, ekonomiċi, ambjentali, soċjali u tekniċi, il-kompitu tal-grupp huwa li:

(a)

jassisti lill-Kummissjoni fil-preparazzjoni ta’ proposti leġiżlattivi, atti delegati jew inizjattivi ta’ politika.

(b)

jimmonitorja l-evoluzzjoni tal-politika u joħloq skambju ta’ esperjenza u ta’ prattika tajba.

Artikolu 3

Konsultazzjoni

1.   Il-Kummissjoni tista’ tikkonsulta l-grupp dwar kwalunkwe suġġett li għandu x’jaqsam mal-bijoloġija marina u tas-sajd, mat-teknoloġija tal-irkaptu tas-sajd, mal-ekonomija tas-sajd, mal-governanza tas-sajd, mal-effetti tas-sajd fuq l-ekosistemi, mal-akkwakultura jew ma’ dixxiplini simili. Il-Kummissjoni tista’ teħtieġ l-adozzjoni ta’ opinjoni ta’ dan it-tip fi żmien perjodu definit. Bi qbil mas-servizzi tal-Kummissjoni, il-grupp jista’ wkoll jipprovdi opinjonijiet fuq inizjattiva tiegħu stess lill-Kummissjoni dwar kwistjonijiet ta’ dan it-tip.

2.   Il-president tal-grupp jista’ jagħti parir lill-Kummissjoni biex tikkonsulta lill-grupp dwar kwistjonijiet speċifiċi individwali.

Artikolu 4

Kompożizzjoni-Ħatra

1.   Il-grupp għandu jkun kompost minn mhux inqas minn 30 membru u minn mhux aktar minn 35 membru.

2.   Il-membri għandhom ikunu individwi li jinħatru f’kapaċità personali. Il-membri għandhom jaġixxu b’mod indipendenti u fl-interess pubbliku.

3.   Il-membri għandhom jinħatru mid-Direttur Ġenerali tad-DĠ Affarijiet Marittimi u Sajd minn fost esperti li huma kompetenti fl-oqsma msemmija fl-Artikolu 2 u fl-Artikolu 3(1) u li wieġbu għas-sejħa għall-applikazzjonijiet. Il-ħatra trid tinkludi d-data ta’ meta l-membri jridu jibdew il-mandat tagħhom. Meta tiddefinixxi l-kompożizzjoni tal-grupp, il-Kummissjoni għandha timmira li tiżgura, sa fejn huwa possibbli, bilanċ bejn is-sessi u distribuzzjoni ġeografika bbilanċjata li tirrifletti d-diversità tas-settur tas-sajd u tal-akkwakultura fl-Unjoni, b’kont meħud tal-eżitu tal-proċedura tal-għażla.

4.   Il-membri jinħatru għal perjodu ta’ tliet snin. Huma jibqgħu fil-kariga sa tmiem il-mandat tagħhom sakemm ma jiġux sostitwiti skont il-paragrafu 6. Il-mandat tagħhom jista’ jiġġedded. F’każ li s-sostituzzjoni jew it-tiġdid tal-membri tal-grupp ma jkunux saru fid-data tal-iskadenza tal-perjodu ta’ tliet snin, il-membri tal-grupp għandhom jibqgħu fil-kariga tagħhom sakemm jiġu sostitwiti jew sakemm isir it-tiġdid.

5.   Kandidati idonei li ma jinħatrux jistgħu jiġu inklużi fuq lista’ ta’ riżerva ikkompilata mill-Kummissjoni. Il-lista ta’ riżerva tista’ tintuża mill-Kummissjoni biex jiġu sostitwiti l-membri li jitilqu mill-grupp f’konformità mal-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu. Il-Kummissjoni għandha tistaqsi lill-applikanti għall-kunsens tagħhom qabel ma tinkludihom fuq il-lista. Persuni maħtura bħala sostituzzjonijiet għandhom jinħatru f’konformità mal-istess kundizzjonijiet applikabbli għall-membri.

6.   Il-membri li ma għadhomx kapaċi jikkontribwixxu b’mod effettiv fid-deliberazzjonijiet tal-grupp, li jirriżenjaw jew li ma jikkonformawx mal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu jew l-Artikolu 339 tat-Trattat jistgħu jiġu ssostitwiti għall-kumplament tal-perjodu taż-żmien tal-mandat tagħhom.

7.   L-ismijiet tal-membri għandhom jiġu ppubblikati fir-Reġistru tal-gruppi ta’ esperti u entitajiet simili oħra tal-Kummissjoni (“ir-Reġistru”) (4).

8.   Id-dejta personali tinġabar, tiġi proċessata u ppubblikata skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001.

Artikolu 5

Indipendenza

1.   Esperti li japplikaw biex jiġu maħtura bħala membri tal-grupp tal-STECF għandhom jiddivulgaw kull ċirkostanza li tista’ tikkomprometti jew li hija perċepita b’mod raġonevoli li tikkomprometti l-kapaċità tal-esperti li jaġixxu b’mod indipendenti u fl-interess pubbliku meta jagħtu l-pariri lill-Kummissjoni, inkluż kull ċirkostanza rilevanti relatata mal-familjari tagħhom. B’mod partikolari, is-servizzi tal-Kummissjoni għandhom jeħtieġu li dawk l-esperti jippreżentaw dikjarazzjoni ta’ interessi (“il-formola DOI”) u curriculum vitae, bħala parti mill-proċedura tal-applikazzjoni. Il-formola DOI għandha tikkonsisti f’sensiela ta’ mistoqsijiet li jitolbu lill-esperti jiddivulgaw kull interess rilevanti għas-suġġett tal-ħidma li huma jkunu se jwettqu. Il-preżentazzjoni tal-formola DOI mimlija b’mod xieraq hija meħtieġa sabiex individwu jkun jista’ jinħatar membru tal-grupp. Id-dikjarazzjonijiet ta’ interess għandhom ikunu disponibbli pubblikament, sakemm l-esperti kkonċernati huma membri tal-grupp.

2.   Jekk is-servizz responsabbli tal-Kummissjoni jikkonkludi li, fid-dawl tal-valutazzjoni tad-DOIs, ma jeżisti l-ebda kunflitt ta’ interess, l-espert ikkonċernat jista’ jinħatar f’kapaċità personali, sakemm hu jkollu/hi jkollha l-għarfien espert meħtieġ.

3.   Il-membri huma obbligati jinfurmaw lis-servizzi kompetenti tal-Kummissjoni hekk kif ikun hemm bidla fl-informazzjoni mogħtija qabel, f’liema każ huma jkunu meħtieġa jippreżentaw immedjatament il-formola DOI mimlija mill-ġdid fejn jiġu deskritti l-bidliet rilevanti.

Artikolu 6

Ħidma

1.   Il-grupp tal-STECF għandu jeleġġi president u żewġ viċi presidenti minn fost il-membri tiegħu permezz ta’ maġġoranza sempliċi għal perjodu ta’ tliet snin. Il-president u l-viċi presidenti tal-grupp ma jistgħux jiġu eletti għall-istess pożizzjoni għal iktar minn żewġ perjodi konsekuttivi.

2.   Il-president tal-grupp jista’ jaħtar relaturi minn fost il-membri tal-grupp. Għal kwistjonijiet partikolarment komplessi ta’ natura multi dixxiplinarja, jista’ jiġi nominat aktar minn relatur wieħed.

3.   Is-servizzi tal-Kummissjoni jistgħu jistiednu esperti minn barra l-grupp li jkollhom kompetenza speċifika f’suġġett li jkun fuq l-aġenda biex jieħdu sehem fil-ħidma tal-grupp jew tas-sottogrupp fuq bażi ad hoc (esperti esterni).

4.   Bi qbil mas-servizzi tal-Kummissjoni, il-grupp tal-STECF jista’ jistabbilixxi sottogruppi biex jeżaminaw kwistjonijiet speċifiċi abbażi tat-termini ta’ referenza definiti mill-Kummisjjoni. Is-sottogruppi għandhom jikkonsistu f’mill-anqas żewġ membri tal-grupp u minn esperti esterni. Is-sottogruppi għandhom jirrappurtaw lill-grupp f’perjodu ta’ żmien stabbilit skont dawk it-termini ta’ referenza. Sottogruppi ta’ dan it-tip għandhom jiġu xolti malli jwettqu l-mandat tagħhom.

5.   Il-Kummissjoni għandha tipprovdi s-segretarjat għall-grupp u għas-sottogruppi tiegħu. Is-Segretarjat huwa responsabbli mill-provvediment tal-appoġġ tekniku u amministrattiv u mill-koordinazzjoni għall-iffaċilitar tal-funzjonament effiċjenti tal-grupp u għall-organizzazzjoni tal-laqgħat tas-sottogruppi tiegħu. Fejn meħtieġ, is-Segretarjat għandu jikkoordina l-attivitajiet tal-grupp u tas-sottogruppi tiegħu ma’ dawk ta’ korpi tal-Unjoni Ewropea u internazzjonali oħrajn. Rappreżentanti tal-Kummissjoni li għandhom interess fil-proċedimenti jistgħu jattendu għal-laqgħat tal-grupp u tas-sottogruppi tiegħu. Bi prinċipju, il-laqgħat tal-grupp ta’ esperti u tas-sottogruppi tiegħu għandhom isiru f’bini tal-Kummissjoni.

6.   Id-dokumenti rilevanti kollha bħalma huma l-aġendi, il-minuti u s-sottomissjonijiet tal-parteċipanti għandhom ikunu disponibbli fir-Reġistru jew permezz ta’ ħolqa mir-Reġistru għal sit web apposta, fejn tkun tista’ tinstab l-informazzjoni. L-aċċess għal siti elettroniċi apposta m’għandux jiġi mxekkel b’xi reġistrazzjoni tal-utent jew xi restrizzjoni oħra. Għandhom jiġu previsti eċċezzjonijiet għall-pubblikazzjoni ta’ dokument meta d-divulgazzjoni tiegħu ddgħajjef il-ħarsien ta’ interess pubbliku jew privat kif iddefinit fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5).

7.   Il-grupp għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu abbażi tar-regoli standard ta’ proċedura għall-gruppi ta’ esperti.

Artikolu 7

Kunfidenzjalità

1.   Il-membri tal-grupp tal-STECF kif ukoll l-esperti esterni għandhom jikkonformaw mal-obbligi tas-segretezza professjonali stabbiliti mit-Trattati u r-regoli tal-implimentazzjoni tagħhom, kif ukoll mar-regoli tal-Kummissjoni dwar is-sigurtà relatata mal-protezzjoni tal-informazzjoni klassifikata tal-UE, stabbiliti fl-Anness tad-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/443 (6) u 2015/444 (7). Fil-każ li dawn l-obbligi ma jiġux irrispettati, il-Kummissjoni tista’ tieħu l-miżuri xierqa kollha.

2.   Id-deliberazzjonijiet tal-grupp huma kunfidenzjali. Bi ftehim mas-servizzi tal-Kummissjoni, il-grupp jista’, b’maġġoranza sempliċi tal-membri tiegħu, jiddeċiedi li jiftaħ id-deliberazzjonijiet tiegħu għall-pubbliku.

Artikolu 8

Rimborżi u allowances speċjali

1.   Il-membri tal-grupp tal-STECF u l-esperti esterni huma intitolati għal allowances speċjali għall-ħidma preparatorja u/jew il-parteċipazzjoni tagħhom fl-attivitajiet tal-grupp u laqgħat esterni relatati, kif stabbilit fl-Anness.

2.   L-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tas-sussistenza mġarrba mill-membri tal-grupp u mill-esperti esterni permezz tal-parteċipazzjoni fil-laqgħat tal-grupp jew tas-sottogruppi u fil-laqgħat esterni relatati għandhom jiġu rimborżati mill-Kummissjoni skont id-dispożizzjonijiet fis-seħħ fi ħdan il-Kummissjoni.

3.   Dawk l-ispejjeż jitħallsu lura fil-limiti tal-approprjazzjonijiet disponibbli, allokati skont il-proċedura annwali għall-allokazzjoni tar-riżorsi.

Artikolu 9

Dispożizzjonijiet tranżitorji

Il-membri tal-grupp tal-STECF, maħtura skont l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 2005/629/KE, għandhom jibqgħu fil-kariga tagħhom bħala membri tal-kumitat stabbilit b’din id-Deċiżjoni sakemm il-membri l-ġodda tal-grupp jinħatru f’konformità mal-Artikolu 4 ta’ din id-Deċiżjoni. Id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni japplikaw għalihom.

Artikolu 10

Tħassir

Id-Deċiżjoni 2005/629/KE hija mħassra.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Frar 2016.

Għall-Kummissjoni

Karmenu VELLA

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22.

(2)  Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).

(3)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/629/KE tas-26 ta’ Awwissu 2005 dwar it-twaqqif ta’ Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (ĠU L 225, 31.8.2005, p. 18).

(4)  Membri li ma jixtiqux li isimhom jiġi divulgat jistgħu japplikaw għal deroga minn din ir-regola. It-talba li ma jiġix divulgat l-isem ta’ membru ta’ grupp ta’ esperti għandha tiġi meqjusa bħala ġġustifikata kull meta l-pubblikazzjoni tista’ tipperikola s-sigurtà tiegħu jew tippreġudika b’mod mhux xieraq il-privatezza tiegħu.

(5)  Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43). Dawn l-eċċezzjonijiet huma maħsuba biex iħarsu s-sigurtà pubblika, l-affarijiet militari, ir-relazzjonijiet internazzjonali, il-politika finanzjarja, monetarja jew ekonomika, il-privatezza u l-integrità tal-individwu, l-interessi kummerċjali, il-proċeduri fil-qorti u l-pariri legali, l-ispezzjonijiet/l-investigazzjonijiet/l-awditi u l-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-istituzzjoni.

(6)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/443 tat-13 ta’ Marzu 2015 dwar is-Sigurtà fil-Kummissjoni (ĠU L 72, 17.3.2015, p. 41).

(7)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/444 tat-13 ta’ Marzu 2015 dwar ir-regoli tas-sigurtà għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU L 72, 17.3.2015, p. 53).


ANNESS

Allowances speċjali

(1)

Il-membri tal-grupp u l-esperti esterni huma intitolati għal allowance speċjali li tikkumpensahom għall-parteċipazzjoni tagħhom personalment jew mill-bogħod (proċedura bil-miktub) fil-laqgħat tal-grupp. L-allowance speċjali tammonta għal massimu ta’ EUR 450 fil-forma ta’ unità ta’ spiża ta’ kuljum għal kull jum sħiħ ta’ xogħol kif speċifikat fit-tabella ta’ hawn taħt. Il-kumpens totali għandu jiġi kkalkulat u arrotondit ‘il fuq għall-ammont li jikkorrispondi mal-eqreb nofs jum ta’ xogħol.

EUR għal kull jum sħiħ (1)

Laqgħat plenarji tal-grupp

Sottogruppi

President

450

450

Viċi President

450

450

Membri tal-Grupp

300

300

Espert estern

300

300

(2)

Il-membri tal-grupp huma intitolati għal allowance speċjali meta jagħmlu x-xogħol ta’ relatur bħala kumpens għall-ħidma mwettqa f’attivitajiet bħalma huma t-tħejjija u l-finalizzazzjoni tal-kontribut għar-rapport tal-grupp jew tas-sottogrupp li huma jwettqu barra l-ħin tal-laqgħa. Din l-allowance speċjali hija ekwivalenti għal jum sħiħ ta’ xogħol u tammonta għal EUR 450.

(3)

Il-membri tal-Grupp u l-esperti esterni huma intitolati għal allowance speċjali meta jagħmlu x-xogħol ta’ relatur billi jfasslu rapporti xjentifiċi (sommarji, inkjesti u informazzjoni ġenerali) bi tħejjija għal-laqgħat tal-grupp jew tas-sottogrupp; jew li jiktbu r-rapport tal-grupp jew tas-sottogrupp wara l-laqgħat.

(4)

Il-president huwa intitolat għal allowance speċjali għas-sorveljanza xjentifika u għall-organizzazzjoni ta’ xogħol tal-grupp li huwa jwettaq barra l-ħin tal-plenarja tal-grupp.

Meta l-Kummissjoni titlob ħidma preparatorja li tikkonsisti b’mod partikolari fit-tfassil tar-rapporti jew tal-opinjonijiet tal-grupp jew tas-sottogrupp u f’analiżijiet li jissostanzjaw il-valutazzjoni tal-impatt jew superviżjoni xjentifika, hija tispeċifika l-kompiti li jridu jsiru u ż-żmien li fih għandhom jitwettqu. Il-kalkolu tal-għadd ta’ jiem ta’ xogħol jiddependi b’mod partikolari mill-ammont ta’ xogħol relatat mal-kumplessità tal-kwistjoni u mit-tul ta’ żmien meħtieġ biex jitlestew il-kompiti minħabba l-ammont u l-aċċessibilità tad-dejta u tal-letteratura xjentifika u l-informazzjoni li trid tinġabar u tkun ipproċessata. L-għadd indikattiv ta’ jiem ta’ xogħol mogħti hawn taħt għalhekk jista’ jkun hemm deroga minnu biss f’każijiet eċċezzjonali u li huma debitament sostanzjati:

L-għadd indikattiv ta’ ġranet ta’ xogħol

It-tip ta’ kompiti mitluba

1-10 ijiem

Ix-xogħol ta’ tħejjija (ir-rapporti xjentifiċi, ir-riċerka, l-analiżijiet li jissostanzjaw il-valutazzjoni tal-impatt)

4-6 ijiem

Ir-rapport li jsegwi l-laqgħa tal-grupp jew tas-sottogrupp, l-opinjoni tal-STECF

10-30 jum

Is-sorveljanza xjentifika u l-organizzazzjoni tax-xogħol tal-grupp imwettqa barra l-ħin tal-laqgħat plenarji tal-grupp, b’mod partikolari biex jingħataw pariri lill-Kummissjoni dwar l-ippjanar xjentifiku ġenerali, dwar il-mobilizzazzjoni ta’ esperti esterni, dwar id-definizzjoni ta’ termini ta’ referenza għar-rapporti xjentifiċi kif ukoll għal-laqgħat tas-sottogrupp u tal-grupp, biex jiġi żgurat li d-dejta eżistenti u r-riċerka xjentifika huma disponibbli, għall-kollegament ma’ korpi konsultattivi u ma’ partijiet interessati oħra u mas-servizzi tal-Kummissjoni (kemm mad-DĠ MARE u mad-Direttorati Ġenerali l-oħra u mal-JRC)

L-esperti li jagħmlu x-xogħol ta’ relatur biex jipprovdu rapporti xjentifiċi bi tħejjija għal-laqgħat tal-grupp jew tas-sottogrupp; jew biex jiktbu r-rapport tal-grupp jew tas-sottogrupp wara l-laqgħat u l-Presidenza għas-sorveljanza xjentifika u l-organizzazzjoni tal-ħidma tal-grupp barra l-ħin tal-plenarja tal-grupp se jitħallsu l-ammont ta’ EUR 450 fil-forma ta’ unità ta’ spiża ta’ kuljum għal kull jum sħiħ ta’ xogħol.

(5)

F’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament 1380/2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, il-membri tal-grupp jistgħu jappoġġjaw is-Servizzi tal-Kummissjoni billi jipparteċipaw fil-kapaċità tagħhom ta’ Membri tal-Grupp f’laqgħat reġjonali kif ukoll f’kuntest internazzjonali. Huma intitolati għal allowance speċjali ta’ EUR 300 fil-forma ta’ unità ta’ spiża ta’ kuljum għal kull jum sħiħ ta’ xogħol. Il-parteċipazzjoni hija soġġetta għal awtorizzazzjoni minn qabel mis-servizzi tal-Kummissjoni u l-iżborż huwa soġġett għal verifika ex-post ta’ attendenza mis-servizzi tal-Kummissjoni.

(6)

L-allowance speċjali totali mogħtija lil membru tal-grupp jew espert estern għal kull jum qatt ma tistax tkun ta’ aktar minn EUR 450, f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2014) 2220.


(1)  Jekk il-parteċipazzjoni sseħħ biss filgħodu jew inkella biss wara nofsinhar, l-allowance tkun ta’ 50 % tal-allowance ta’ jum sħiħ.