19.12.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 333/104


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/2407

tat-18 ta' Diċembru 2015

li jġedded id-deroga mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 dwar id-distanza minima mill-kosta u l-fond minimu tal-baħar għas-sajd mill-bastimenti tas-sajd bit-tartarun għall-makku (Aphia minuta) f'ċerti ilmijiet territorjali tal-Italja

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 tal-21 ta' Diċembru 2006 dwar miżuri ta' ġestjoni għall-isfruttament sostenibbli ta' riżorsi tas-sajd fil-Baħar Mediterran, li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2847/93 u jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1626/94 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 13(5) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 13(1) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006 jipprojbixxi l-użu ta' rkaptu rmunkat fl-inħawi ta' 3 mili nawtiċi tal-kosta jew fl-isobat ta' 50 metru fejn jintlaħaq dak il-fond f'distanza iqsar mill-kosta.

(2)

Meta xi Stat Membru jitlobha, il-Kummissjoni tista' tippermetti deroga mill-Artikolu 13(1) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006, diment li jkunu jintlaħqu għadd ta' kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 13(5) u (9).

(3)

Fis-16 ta' Marzu 2010, il-Kummissjoni rċeviet talba mill-Italja għal deroga mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006, għall-użu tal-bastimenti tas-sajd bit-tartarun għall-makku (Aphia minuta) fl-ilmijiet territorjali tas-Subżona Ġeografika 9, kif iddefinit fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1343/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2).

(4)

It-talba tkopri l-bastimenti rreġistrati fid-Direttorati Marittimi ta' Ġenova u Livorno li għandhom esperjenza f'dan is-sajd ta' aktar minn ħames snin u joperaw skont pjan ta' ġestjoni li jirregola s-sajd mill-bastimenti tas-sajd bit-tartarun għall-makku (Aphia minuta) fis-Subżona Ġeografika 9.

(5)

Fl-2010, il-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF) ivvaluta d-deroga li talbet l-Italja u l-abbozz relatat tal-pjan ta' ġestjoni. L-Italja adottat il-pjan ta' ġestjoni b'Digriet (3) skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006.

(6)

Id-deroga mitluba mill-Italja kkonformat mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 13(5) u (9) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006 u ngħatat sal-31 ta' Marzu 2014 bir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 988/2011 (4).

(7)

Fis-16 ta' Lulju 2015, l-awtoritajiet Taljani talbu lill-Kummissjoni biex iġġedded id-deroga li skadiet fil-31 ta' Marzu 2014. L-Italja pprovdiet informazzjoni aġġornata li tiġġustifikaw t-tiġdid tad-deroga, inklużi dettalji dwar tnaqqis tal-għadd ta' bastimenti awtorizzati u dwar xi aġġustamenti oħra lill-pjan ta' ġestjoni relatat.

(8)

Fis-16 ta' Lulju 2015, l-Italja infurmat lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tagħha li dalwaqt tippubblika l-pjan ta' ġestjoni aġġornat.

(9)

Id-deroga li talbet l-Italja tikkonforma mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 13(5) u (9) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006.

(10)

Hemm limitazzjonijiet ġeografiċi speċifiċi meta wieħed iqis id-daqs limitat tal-blata kontinentali u d-distribuzzjoni spazjali tal-ispeċi fil-mira, li hija limitata esklussivament għal ċerti żoni fiż-żoni kostali f'fond li jkun anqas minn 50 m. Għalhekk, il-postijiet għas-sajd huma limitati.

(11)

Id-deroga mitluba mill-Italja taffettwa 117-il bastiment.

(12)

Il-pjan ta' ġestjoni ppreżentat mill-Italja jiggarantixxi li fil-ġejjieni mhux se jiżdied l-isforz tas-sajd, peress li l-awtorizzazzjonijiet tas-sajd se jinħarġu lill-117-il bastiment speċifikat li jinvolvu sforz totali ta' 5 754,5 kW li diġà huma awtorizzati għas-sajd mill-Italja.

(13)

It-talba tkopri bastimenti li għandhom esperjenza fis-sajd ta' aktar minn ħames snin u li jaħdmu bi pjan ta' ġestjoni adottat mill-Italja skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006.

(14)

Dawk il-bastimenti jinsabu f'lista li ntbagħtet lill-Kummissjoni skont ir-rekwiżiti tal-Artikolu 13(9) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006.

(15)

Is-sajd mill-bastimenti tas-sajd bit-tartarun isir qrib il-kosta f'baħar baxx. Minħabba n-natura ta' dan it-tip ta' sajd, ma jistax isir b'xi rkaptu ieħor.

(16)

Is-sajd mill-bastimenti tas-sajd bit-tartarun ma jħallix impatt sinifikanti fuq il-ħabitats tal-baħar u hu selettiv ħafna, peress li t-tartaruni jinġibdu fil-kolonna tal-ilma u ma jmissux qiegħ il-baħar għax il-ġbir ta' materjal minn qiegħ il-baħar kieku jagħmel ħsara lill-ispeċijiet fil-mira, u l-għażla tal-ispeċijiet mistada ssir prattikament impossibbli minħabba d-daqs żgħir ħafna tagħhom.

(17)

L-attivitajiet tas-sajd ikkonċernati jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006 peress li l-pjan ta' ġestjoni Taljan jipprojbixxi b'mod espliċitu li jsir sajd fuq ħabitats protetti.

(18)

Ir-rekwiżit tal-Artikolu 8(1)(h) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006 ma japplikax għax dan għandu x'jaqsam mal-bastimenti tat-tkarkir.

(19)

Fejn jidħol ir-rekwiżit ta' konformità mal-Artikolu 9(3) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006 li jistabbilixxi d-daqs minimu tal-malja, il-Kummissjoni tinnota li billi l-attivitajiet tas-sajd ikkonċernati huma selettivi ħafna, ikollhom effett negliġibbli fuq l-ambjent tal-baħar u ma jsirux f'ħabitati protetti, l-Italja awtorizzat deroga minn dawn id-dispożizzjonijiet fil-pjan ta' ġestjoni tagħha f'konformità mal-Artikolu 9(7) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006.

(20)

L-attivitajiet tas-sajd ikkonċernati jissodisfaw ir-rekwiżiti ta' reġistrazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 14 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 (5).

(21)

L-attivitajiet tas-sajd ikkonċernati jsiru qrib ħafna tal-kosta u, għalhekk, ma jfixklux l-attivitajiet tal-bastimenti bi rkapti oħra li mhumiex tat-tkarkir, tartaruni jew xbieki rmunkati simili.

(22)

L-attività tal-bastimenti għas-sajd bit-tartarun jirregolaha l-pjan ta' ġestjoni Taljan biex ikun żgurat li l-qabdiet tal-ispeċijiet imsemmija fl-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006, ikunu minimi. Barra minn hekk, skont il-paragrafu 5.1.2(a) tal-pjan ta' ġestjoni Taljan, is-sajd għall-Aphia minuta huwa limitat għall-istaġun tas-sajd mill-1 ta' Novembru sal-31 ta' Marzu ta' kull sena.

(23)

Il-bastimenti tas-sajd bit-tartarun ma jimmirawx iċ-ċefalopodi.

(24)

Il-pjan ta' ġestjoni Taljan fih miżuri għall-monitoraġġ tal-attivitajiet tas-sajd, kif previst fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 13(9) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006.

(25)

L-Italja għandha tirrapporta lill-Kummissjoni fi żmien xieraq u skont il-pjan ta' monitoraġġ stipulat fil-pjan ta' ġestjoni Taljan.

(26)

Jekk it-tul tad-deroga jkun limitat, ikunu jistgħu jittieħdu miżuri ta' ġestjoni korrettivi fil-pront, f'każ li r-rapport lill-Kummissjoni juri li l-istatus tal-konservazzjoni tal-istokk sfruttat huwa dgħajjef, filwaqt li jkun hemm l-opportunità biex il-bażi xjentifika tissaħħaħ biex ikun jista' jitfassal pjan ta' ġestjoni aħjar.

(27)

Għalhekk, id-deroga għandha tapplika sal-31 ta' Marzu 2018.

(28)

Għaldaqstant, l-estensjoni tad-deroga mitluba għandha tingħata.

(29)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar is-Sajd u l-Akkwakultura,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Id-deroga

L-Artikolu 13(1) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006 ma japplikax fl-ilmijiet territorjali tal-Italja maġenb il-kosta tal-Ligurja u tat-Toskana, għas-sajd għall-makku (Aphia minuta) mill-bastimenti tas-sajd bit-tartarun:

(a)

irreġistrati fid-Direttorati Marittimi (Direzioni Marittime) ta' Ġenova u Livorno rispettivament;

(b)

għandhom esperjenza f'dan is-sajd ta' aktar minn ħames snin u, fil-ġejjieni, mhux se jżidu l-isforz tas-sajd eżerċitat; u

(c)

li għandhom awtorizzazzjoni għas-sajd u li joperaw bil-pjan ta' ġestjoni li adottat l-Italja skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006.

Artikolu 2

Pjan u rapport ta' monitoraġġ

Fi żmien sena minn meta jidħol fis-seħħ dan ir-Regolament, l-Italja għandha tibgħat rapport lill-Kummissjoni li jkun tfassal skont il-pjan ta' monitoraġġ stabbilit fil-pjan ta' ġestjoni msemmi fl-Artikolu 1(c).

Artikolu 3

Id-dħul fis-seħħ u l-perjodu ta' applikazzjoni

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Japplika sal-31 ta' Marzu 2018.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta' Diċembru 2015.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 409, 30.12.2006, verżjoni rettifikata fil-ĠU L 36, 8.2.2007, p. 6.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1343/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 2011 dwar ċerti dispożizzjonijiet għas-sajd fiż-żona tal-Ftehim tal-GFCM (il-Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Baħar Mediterran) u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 dwar miżuri ta' ġestjoni għall-isfruttament sostenibbli ta' riżorsi tas-sajd fil-Baħar Mediterran (ĠU L 347, 30.12.2011, p. 44).

(3)  Gazzetta Ufficiale della Repubblica Italiana 192, 19.8.2011, supplemento ordinario n. 192.

(4)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 988/2011 tal-4 ta' Ottubru 2011 li jistabbilixxi deroga mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 dwar id-distanza minima mill-kosta u l-fond minimu tal-baħar għas-sajd mill-bastimenti tas-sajd bit-tartarun għall-makku (Aphia minuta) f'ċerti ilmijiet territorjali tal-Italja (ĠU L 260, 5.10.2011, p. 15).

(5)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta' Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta' kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 847/96, (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 2115/2005, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007, (KE) Nru 676/2007, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 1300/2008, (KE) Nru 1342/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1627/94 u (KE) Nru 1966/2006 (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1).