18.11.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 301/39


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/2068

tas-17 ta' Novembru 2015

li jistabbilixxi, skont ir-Regolament (UE) Nru 517/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, il-format tat-tikketti għal prodotti u tagħmir li fihom gassijiet fluworurati b'effett ta' serra

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 517/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 dwar gassijiet fluworurati b'effett ta' serra u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 842/2006 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 12(14) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) Nru 517/2014 inkluda ċerti rekwiżiti ta' tikkettar għal prodotti u tagħmir li fih, jew li l-funzjonament tiegħu jiddependi minn gassijiet fluworurati b'effett ta' serra stipulati fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1494/2007 (2) u żied ir-rekwiżiti tat-tikkettar għal fowms u għal gassijiet fluworurati b'effett ta' serra mqiegħda fis-suq għal użi speċifiċi.

(2)

Għal raġunijiet ta' ċarezza, huwa xieraq li jiġu definiti t-termini eżatti tal-informazzjoni li għandha tiġi indikata fuq it-tikketti msemmija fl-Artikolu 12(1) tar-Regolament (UE) Nru 517/2014 u li jiġu stabbiliti rekwiżiti li jiżguraw il-viżibbiltà u l-leġibbiltà ta' tikketti bħal dawn fir-rigward tat-tfassil u t-tqegħid tagħhom.

(3)

Biex jiżguraw li tintuża tikketta waħdanija għall-prodotti li fihom gassijiet fluworurati b'effett ta' serra li huma wkoll soġġetti għar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), b'mod partikolari dwar it-tikkettar ta' kontenituri, inklużi ċilindri, tankijiet u tankers tat-triq u tal-ferrovija, l-informazzjoni tat-tikkettar stabbilita fir-Regolament (UE) Nru 517/2014 għandha tiġi indikata fit-taqsima għall-informazzjoni supplimentari fuq it-tikketta.

(4)

Għalhekk, ir-Regolament (KE) Nru 1494/2007 għandu jitħassar.

(5)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit mill-Artikolu 24 tar-Regolament (UE) Nru 517/2014,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-format tat-tikketti li għandu japplika għat-tipi ta' prodotti u tagħmir imsemmi fl-Artikolu 12(1), (2), u (5) tar-Regolament (UE) Nru 517/2014, kif ukoll għall-gassijiet fluworurati b'effett ta' serra msemmija fl-Artikolu 12(6) sa (12) ta' dak ir-Regolament.

Artikolu 2

Format ta' tikkettar

1.   L-informazzjoni fuq it-tikketta għandha tidher b'mod ċar fuq l-isfond tat-tikketta u għandha tkun ta' daqs u spazju tali li tkun tista' tinqara b'mod ċar. Meta l-informazzjoni meħtieġa minn dan ir-Regolament hija miżjuda ma' tikketta diġà mwaħħla fuq il-prodott jew it-tagħmir ikkonċernat, id-daqs tat-tipa m'għandux ikun iżgħar mid-daqs minimu ta' informazzjoni oħra fuq it-tikketta jew fuq tabelli tal-isem eżistenti jew fuq tikketti eżistenti b'tagħrif ieħor dwar il-prodott.

2.   It-tikketta kollha u l-kontenut tagħha għandhom ikunu ddisinjati b'tali mod li jiżgura li dawn jibqgħu f'posthom fuq il-prodott jew it-tagħmir u għandhom ikunu jistgħu jinqraw faċilment taħt kundizzjonijiet operattivi normali, matul il-perjodu kollu li fih il-prodott jew it-tagħmir ikun fih il-gassijiet fluworurati b'effett ta' serra.

3.   Il-prodotti u t-tagħmir imsemmija fl-Artikolu 12(1) tar-Regolament (UE) Nru 517/2014, għandhom ikunu mmarkati b'tikketta li jkun fiha l-informazzjoni skont l-Artikolu 12(3) tar-Regolament (UE) Nru 517/2014 u li tinkludi t-test “Fih gassijiet fluworurati b'effett ta' serra”.

4.   Il-piż tal-gassijiet fluworurati b'effett ta' serra għandu jiġi espress f'kilogrammi u l-ekwivalenti ta' CO2 għandhom jiġu espressi f'tunnellati.

5.   Meta t-tagħmir ikun iċċarġjat minn qabel bil-gassijiet fluworurati b'effett ta' serra jew meta l-operat ta' dan it-tagħmir jiddependi minnhom, u gassijiet bħal dawn jistgħu jiġu miżjuda barra s-sit tal-manifattura u l-kwantità totali li tirriżulta mhix definita mill-manifattur, it-tikketta għandha tinkludi l-kwantità mitluba fis-sit tal-manifattura, jew il-kwantità li għaliha jkun ġie mfassal, u għandu jiġi provdut spazju fuq it-tikketta għall-kwantità miżjuda barra mis-sit tal-manifattura kif ukoll il-kwantità totali li tirriżulta ta' gassijiet fluworurati b'effett ta' serra.

6.   Prodott li jkun fih gassijiet fluworurati b'effett ta' serra jew polioli mħalltin minn qabel għandu jiġi ttikettat ukoll skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008, l-informazzjoni skont l-Artikolu 12(3), (5) sa (12) tar-Regolament (UE) Nru 517/2014 għandha tkun indikata fit-taqsima għall-informazzjoni supplimentari fuq it-tikketta msemmija fl-Artikolu 25 tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008.

7.   Meta l-gassijiet fluworurati b'effett ta' serra jkunu maħsuba biex iservu għal ċerti użi skont l-Artikolu 12(6) sa (12) tar-Regolament (UE) Nru 517/2014, it-test li ġej għandu jkun inkluż fit-tikketta:

(a)   “100 % Reklamat” jew “100 % Riċiklat”: għal gassijiet fluworurati b'effett ta' serra reklamati jew reċiklati li ma jkunx fihom gassijiet fluworurati b'effett ta' serra verġni. L-indirizz tal-faċilità tar-reklamazzjoni jew il-faċilità tar-riċiklaġġ għandu jinkludi l-indirizz tat-triq tagħha fl-Unjoni;

(b)   “Importati għall-qerda biss”: għal kwantitajiet ta' gassijiet fluworurati b'effett ta' serra importati biex jinqerdu;

(c)   “Għal esportazzjoni diretta bil-massa barra mill-UE biss”: għal kwantitajiet ta' gassijiet fluworurati b'effett ta' serra li jiġu pprovduti minn produttur jew importatur lil impriża għal esportazzjoni diretta bil-massa barra mill-Unjoni;

(d)   “Għall-użu f'tagħmir militari biss”: għal kwantitajiet ta' gassijiet fluworurati b'effett ta' serra li għandhom jintużaw f'tagħmir militari;

(e)   “Għall-inċiżjoni/għat-tindif fl-industrija tas-semikondutturi biss”: għal kwantitajiet ta' gassijiet fluworurati b'effett ta' serra li għandhom jintużaw għal skopijiet ta' inċiżjoni u tindif fl-industrija tas-semikondutturi;

(f)   “Għall-użu bħala materjal tal-għalf biss”: għal gassijiet fluworurati b'effett ta' serra li jservu ta' materjal tal-għalf;

(g)   “Għall-produzzjoni tal-MDI biss”: għal kwantitajiet ta' gassijiet fluworurati b'effett ta' serra maħsuba għall-konsenja ta' ingredjenti farmaċewtiċi f'inalaturi b'dożaġġ imkejjel (MDIs).

8.   Tagħmir tar-refriġirazzjoni u tal-ikkundizzjonar tal-arja kif ukoll pompi tas-sħana, li huwa insulat bil-fowm minfuħ b'gassijiet fluworurati b'effett ta' serra, għandu jiġi mmarkat b'tikketta li jkun fiha t-test li ġej: “Fowm minfuħ b'gassijiet fluworurati b'effett ta' serra”.

9.   It-tikketti għandhom jitqiegħdu b'konformità mal-Artikolu 12(4) tar-Regolament (UE) Nru 517/2014 u, meta jkun possibbli, biswit tabelli tal-isem jew tabelli b'tagħrif dwar il-prodott eżistenti tal-prodott jew it-tagħmir li fih il-gass fluworurat b'effett ta' serra.

Artikolu 3

Tħassir

Ir-Regolament (KE) Nru 1494/2007 jitħassar. L-Artikolu 2(1) il-punt (c) tar-Regolament (KE) Nru 1494/2007 jibqa' japplika sal-1 ta' Jannar 2017; madankollu, sabiex ikunu konformi ma' din id-dispożizzjoni qabel l-1 ta' Jannar 2017, l-impriżi jistgħu diġà japplikaw l-Artikolu 12(3) punt (c) tar-Regolament (UE) Nru 517/2014.

Referenzi għar-Regolament (KE) Nru 1494/2007 għandhhom jitqiesu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw b'konformità mal-lista misjuba fl-Anness.

Artikolu 4

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha

Magħmul fi Brussell, is-17 ta' Novembru 2015.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 150, 20.5.2014, p. 195.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1494/2007 tas-17 ta' Diċembru 2007 li jistabbilixxi, skont ir-Regolament (KE) Nru 842/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, il-forma tat-tikketti u rekwiżiti addizzjonali ta' tikkettar rigward prodotti u tagħmir li jkollhom ċerti gassijiet serra fluworinati (ĠU L 332, 18.12.2007, p. 25).

(3)  Ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar il-klassifikazzjoni, it-tikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet, li jemenda u jħassar id-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (ĠU L 353, 31.12.2008, p. 1).


ANNESS

Tabella ta' korrelazzjoni

Ir-Regolament (KE) Nru 1494/2007

Dan ir-Regolament

Artikolu 1

Artikolu 1

Artikolu 2(1)

Artikolu 2(3) u (4)

Artikolu 2(2)

Artikolu 2(8)

Artikolu 2(3)

Artikolu 2(5)

Artikolu 2(4)

Artikolu 3(1)

Artikolu 3(2)

Artikolu 2(1)

Artikolu 3(3)

Artikolu 2(2)

Artikolu 4(1)

Artikolu 2(9)

Artikolu 4(2)

Artikolu 5

Artikolu 4