18.11.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 301/10


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/2063

tas-17 ta' Novembru 2015

dwar l-għoti ta' aċċess illimitat ta' eżenzjoni mid-dazju fl-Unjoni għall-2016 għal ċerti oġġetti li joriġinaw min-Norveġja li ġejjin mill-ipproċessar ta' prodotti koperti bir-Regolament (UE) Nru 510/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 510/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 li jistabbilixxi l-arranġamenti kummerċjali applikabbli għal ċerti prodotti li jirriżultaw mill-ipproċessar tal-prodotti agrikoli u jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1216/2009 u (KE) Nru 614/2009 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 16(1)(a) tiegħu,

Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/859/KE tal-25 ta' Ottubru 2004 dwar il-konklużjoni ta' Ftehim fl-għamla ta' Skambju ta' Ittri bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tan-Norveġja fuq il-Protokoll 2 għall-Ftehim bilaterali ta' Kummerċ Ħieles bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Renju tan-Norveġja (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 3 tagħha,

Billi:

(1)

Il-Protokoll 2 tal-Ftehim bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Renju tan-Norveġja tal-14 ta' Mejju 1973 (3) (“il-Ftehim Bilaterali dwar il-Kummerċ Ħieles bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Renju tan-Norveġja”) u l-Protokoll 3 tal-Ftehim taż-ŻEE (4) jiddeterminaw l-arranġamenti kummerċjali għal ċertu prodotti agrikoli u prodotti agrikoli pproċessati bejn il-Partijiet Kontraenti.

(2)

Il-Protokoll 3 tal-Ftehim taż-ŻEE jistipula dazju b'rata żero għall-ilmijiet li jkollhom zokkor jew materjal ieħor li jagħmel ħelu miżjud magħhom jew li jkunu bit-togħma, li jaqgħu taħt il-kodiċi tan-NM 2202 10 00, u għal xarbiet mhux alkoħoliċi oħra, li jaqgħu taħt il-kodiċi tan-NM 2202 90 10 li ma fihomx prodotti li jaqgħu taħt l-intestaturi 0401 sa 0404 jew xaħam miksub minn prodotti li jaqgħu taħt l-intestaturi 0401 sa 0404.

(3)

Id-dazju b'rata żero għal dawk l-ilmijiet u għal dawk ix-xarbiet l-oħra ġie sospiż temporanjament għan-Norveġja għal perjodu ta' żmien illimitat permezz tal-Ftehim fl-għamla ta' Skambju ta' Ittri bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tan-Norveġja dwar il-Protokoll 2 għall-Ftehim Bilaterali dwar il-Kummerċ Ħieles bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Renju tan-Norveġja (5) (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim fl-għamla ta' Skambju ta' Ittri”), li ġie approvat bid-Deċiżjoni 2004/859/KE. F'konformità mal-Ftehim fl-għamla ta' Skambju ta' Ittri, l-importazzjonijiet bla dazju ta' oġġetti li jaqgħu taħt il-kodiċijiet tan-NM 2202 10 00 u ex 2202 90 10 li joriġinaw fin-Norveġja għandhom jiġu permessi biss fil-limiti ta' kwota bla dazju. Għandu jitħallas dazju fuq l-importazzjonijiet li jaqbżu l-allokazzjoni tal-kwota.

(4)

Barra minn hekk, il-Ftehim fl-għamla ta' Skambju ta' Ittri jirrikjedi li l-prodotti kkonċernati jingħataw aċċess illimitat ta' eżenzjoni mid-dazju fl-Unjoni jekk il-kwota tariffarja ma tkunx ġiet eżawrita sal-31 ta' Ottubru tas-sena preċedenti. Skont id-dejta mogħtija lill-Kummissjoni, il-kwota annwali għall-2015 għall-ilmijiet u x-xarbiet kkonċernati miftuħa bir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1130/2014 (6), ma ġietx eżawrita sal-31 ta' Ottubru 2015. Għalhekk, il-prodotti kkonċernati għandhom jingħataw aċċess illimitat ta' eżenzjoni mid-dazju fl-Unjoni mill-1 ta' Jannar sal-31 ta' Diċembru 2016.

(5)

Għalhekk, is-sospensjoni temporanja tar-reġim bla dazju applikat skont il-Protokoll 2 għall-Ftehim bilaterali ta' Kummerċ Ħieles bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Renju tan-Norveġja ma għandhiex tiġi applikata għall-2016.

(6)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat għall-kwistjonijiet orizzontali dwar il-kummerċ ta' prodotti agrikoli pproċessati li mhumiex elenkati fl-Anness I,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Mill-1 ta' Jannar sal-31 ta' Diċembru 2016, l-oġġetti li jaqgħu taħt il-kodiċijiet tan-NM 2202 10 00 (ilmijiet, inklużi ilmijiet minerali u ilmijiet effervexxenti, li fihom miżjud zokkor jew materjal ieħor li jagħmel ħelu jew imħawwrin) u l-kodiċijiet tan-NM ex 2202 90 11, ex 2202 90 15 u ex 2202 90 19 (xarbiet oħra mhux alkoħoliċi li fihom iz-zokkor (sukrożju jew zokkor invertit) — is-subdiviżjonijiet TARIC 11 u 19) li joriġinaw min-Norveġja, għandhom jingħataw aċċess illimitat ta' eżenzjoni mid-dazju fl-Unjoni.

2.   Ir-regoli tal-oriġini applikabbli għall-oġġetti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu dawk stabbiliti fil-Protokoll 3 għall-Ftehim bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Renju tan-Norveġja tal-14 ta' Mejju 1973.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fis-seba' jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa japplika mill-1 ta' Jannar 2016.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta' Novembru 2015.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 150, 20.5.2014, p. 1.

(2)  ĠU L 370, 17.12.2004, p. 70.

(3)  ĠU L 171, 27.6.1973, p. 2.

(4)  ĠU L 1, 3.1.1994, p. 3.

(5)  ĠU L 370, 17.12.2004, p. 72.

(6)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1130/2014 tat-22 ta' Ottubru 2014 li jiftaħ il-kwota tariffarja għall-2015 għall-importazzjoni, fl-Unjoni Ewropea, ta' ċerti oġġetti li joriġinaw min-Norveġja li ġejjin mill-ipproċessar ta' prodotti agrikoli koperti mir-Regolament (UE) Nru 510/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 305, 24.10.2014, p. 104).