5.11.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 289/3


REGOLAMENT TA' DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/1979

tat-28 ta' Awwissu 2015

li jemenda l-Annessi II, III u IV tar-Regolament (UE) Nru 978/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li japplika skema ta' preferenzi tariffarji ġeneralizzati

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidrat r-Regolament (UE) Nru 978/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 li japplika skema ta' preferenzi tariffarji ġeneralizzati u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 732/2008 (1), u b'mod partikolari l-Artikoli 5(3), 10(5) u 17(2) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 978/2012 jistabbilixxi l-kriterji għall-għoti tal-preferenzi tariffarji skont l-arranġament ġenerali tal-Iskema ta' Preferenzi Ġeneralizzati (“SĠP”).

(2)

L-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 978/2012 jistipula li pajjiż li jkun ġie kklassifikat mill-Bank Dinji bħala pajjiż ta' dħul għoli jew bi dħul medju superjuri għal tliet snin konsekuttivi ma għandux jibbenefika mill-SĠP.

(3)

L-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament (UE) Nru 978/2012 jistipula li pajjiż li jibbenefika minn arranġament għal aċċess preferenzjali għas-suq li jipprovdi l-istess preferenzi tariffarji bħall-SĠP, jew aħjar, għal sostanzjalment il-kummerċ kollu, ma għandux igawdi mill-SĠP.

(4)

Il-lista tal-pajjiżi benefiċjarji tal-SĠP ġenerali msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament (UE) Nru 978/2012, hija stabbilita fl-Anness II ta' dak ir-Regolament. L-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 978/2012 jistipula li l-Anness II għandu jiġi rieżaminat sal-1 ta' Jannar ta' kull sena sabiex jiġu riflessi l-bidliet f'relazzjoni mal-kriterji stipulati fl-Artikolu 4. Barra minn hekk, huwa jipprovdi li pajjiż benefiċjarju tal-SĠP u l-operaturi ekonomiċi għandhom jingħataw biżżejjed żmien għal adattament ordnat għal reviżjoni tal-istatus tal-SĠP tal-pajjiż. Għaldaqstant, l-arranġament tal-SĠP ikompli għal sena wara d-data tad-dħul fis-seħħ tal-bidla fl-istatus ta' pajjiż fuq il-bażi tal-Artikolu 4(1)(a) u għal sentejn mid-data tal-applikazzjoni ta' arranġament għal aċċess preferenzjali għas-suq, kif stipulat fl-Artikolu 4(1)(b).

(5)

Fiġi, l-Iraq, il-Gżejjer Marshall u Tonga kienu ġew ikklassifikati mill-Bank Dinji bħala pajjiżi bi dħul medju superjuri fl-2013, l-2014 u l-2015. Għaldaqstant, dawn il-pajjiżi ma għadhomx jikkwalifikaw għal status ta' benefiċjarju tal-SĠP skont l-Artikolu 4(1)(a) u għandhom jitneħħew mill-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 978/2012. Ir-Regolament biex jitneħħa pajjiż benefiċjarju mil-lista ta' pajjiżi benefiċjarji tal-SĠP għandu jibda japplika minn sena wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' dak ir-Regolament. Fl-interessi tas-sempliċità u ċ-ċertezza tad-dritt, Fiġi, l-Iraq, il-Gżejjer Marshall u Tonga għandhom jitneħħew mill-Anness II b'seħħ mill-1 ta' Jannar 2017.

(6)

F'diversi dati matul l-2014 kien bdew japplikaw arranġamenti ta' aċċess preferenzjali għas-suq ma' dawn il-pajjiżi: Mal-Ġeorġia fl-1 ta' Settembru 2014, mal-Kamerun fl-4 ta' Awwissu 2014 u ma' Fiġi fit-28 ta' Lulju 2014. Fl-interessi tas-sempliċità u ċ-ċertezza tad-dritt, il-Ġeorġja u l-Kamerun ukoll għandhom jitneħħew mill-Anness II b'seħħ mill-1 ta' Jannar 2017. Kif spjegat fil-premessa (5), Fiġi diġà tkun tneħħiet mill-Anness II abbażi tal-fatt li saret pajjiż bi dħul medju superjuri.

(7)

L-Artikolu 9(1) tar-Regolament (UE) Nru 978/2012 jistabbilixxi l-kriterji speċifiċi ta' eliġibilità għall-għoti tal-preferenzi tariffarji skont l-arranġament speċjali dwar l-inċentivi għall-iżvilupp sostenibbli u l-governanza tajba (“SĠP+”). Kundizzjoni ewlenija hija li l-pajjiż għandu jkun benefiċjarju tal-SĠP. Il-lista tal-benefiċjarji tal-SĠP+ hija stabbilita fl-Anness III għar-Regolament (UE) Nru 978/2012.

(8)

Bħala konsegwenza tal-fatt li ma tibqax benefiċjarja tal-SĠP b'seħħ mill-1 ta' Jannar 2017, il-Ġeorġia lanqas ma tibqa' benefiċjarja tal-SĠP+ skont l-Artikolu 9(1) tar-Regolament (UE) Nru 978/2012. Il-Ġeorġia għandha għalhekk titneħħa wkoll mill-Anness III tar-Regolament (UE) Nru 978/2012, b'effett mill-1 ta' Jannar 2017.

(9)

L-Artikolu 17(1) tar-Regolament (UE) Nru 978/2012 jistipula li pajjiż, li jkun identifikat min-Nazzjonijiet Uniti bħala pajjiż l-anqas żviluppat għandu jibbenefika mill-preferenzi tariffarji taħt l-arranġament speċjali għall-pajjiżi l-inqas żviluppati (EBA — Kollox Barra l-Armi). Il-lista ta' pajjiżi benefiċjarji EBA hija stabbilita fl-Anness IV ta' dak ir-Regolament.

(10)

In-NU neħħiet lil Samoa mill-istatus ta' pajjiż l-inqas żviluppat fl-1 ta' Jannar 2014. Għaldaqstant, Samoa ma għadhiex tikkwalifika għal status ta' benefiċjarju EBA skont l-Artikolu 17(1) u għandha titneħħa mill-Anness IV tar-Regolament (UE) Nru 978/2012. Ir-Regolament biex pajjiż benefiċjarju jitneħħa mil-lista ta' pajjiżi benefiċjarji EBA għandu japplika wara perjodu tranżitorju ta' tliet snin li jibdew fid-data li fiha jidħol fis-seħħ dak ir-Regolament. Samoa għandha titneħħa mill-Anness IV b'seħħ mill-1 ta' Jannar 2019.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi għar-Regolament (UE) Nru 978/2012

Ir-Regolament (UE) Nru 978/2012 għandu jiġi emendat kif ġej:

(1)

Fl-Anness II, il-pajjiżi li ġejjin u l-kodiċi alfabetiku korrispondenti jitneħħew minn kolonni A u B, rispettivament:

CM

Il-Kamerun

FJ

Fiġi

GE

Il-Georgia

IQ

L-Iraq

MH

Il-Gżejjer Marshall

TO

Tonga

(2)

Fl-Anness III, il-pajjiż li ġej u l-kodiċi alfabetiku korrispondenti jitneħħew mill-kolonni A u B, rispettivament:

GE

Il-Georgia

(3)

Fl-Anness IV, il-pajjiż li ġej u l-kodiċi alfabetiku korrispondenti jitneħħew mill-kolonni A u B, rispettivament:

WS

Samoa

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2016.

L-Artikolu 1(1) u (2) jibdew japplikaw mill-1 ta' Jannar 2017.

L-Artikolu 1(3) jibda japplika mill-1 ta' Jannar 2019.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta' Awwissu 2015.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 303, 31.10.2012, p. 1.