28.10.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 282/2


REGOLAMENT TA' DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/1930

tat-28 ta' Lulju 2015

li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 508/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd fir-rigward tal-kriterji għall-istabbiliment tal-livell ta' korrezzjonijiet finanzjarji u għall-applikazzjoni ta' korrezzjonijiet finanzjarji b'rata fissa, u li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 665/2008

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 508/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2328/2003, (KE) Nru 861/2006, (KE) Nru 1198/2006 u (KE) Nru 791/2007 (UE) u r-Regolament (UE) Nru 1255/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 105(4) tiegħu,

Billi:

(1)

Il-kisba tal-objettivi tal-Politika Komuni tas-Sajd (PKS) ma għandhiex tiddgħajjef mill-Istati Membri li jiksru r-regoli tal-PKS. Skont l-Artikolu 41(1) u (2) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), l-għajnuna (assistenza) finanzjarja mill-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS) hija marbuta kondizzjonalment mal-konformità tal-Istati Membri mar-regoli tal-PKS u n-nuqqas ta' konformità jista' jwassal għall-interruzzjoni jew għas-sospensjoni tal-pagamenti jew għall-applikazzjoni ta' korrezzjonijiet finanzjarji għall-għajnuna (assistenza) finanzjarja tal-Unjoni skont il-PKS.

(2)

L-Artikolu 22(7), l-Artikolu 85 u l-Artikolu 144(1) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) jistipulaw il-każijiet u l-kundizzjonijiet li skonthom korrezzjonijiet finanzjarji jistgħu jew għandhom jiġu applikati mill-Kummissjoni. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 144(7) ta' dak ir-Regolament ir-regoli speċifiċi għall-fondi għall-FEMS jistgħu jistabbilixxu bażijiet speċifiċi għal korrezzjonijiet finanzjarji marbuta man-nuqqas ta' konformità mar-regoli applikabbli skont il-PKS.

(3)

Sabiex jiġu salvagwardjati l-interessi finanzjarji tal-Unjoni u tal-kontribwenti tagħha, il-Kummissjoni tista' tapplika korrezzjonijiet finanzjarji billi tikkanċella l-kontribuzzjoni tal-Unjoni lil programm operazzjonali jew parti minnha, f'konformità mal-Artikolu 105 tar-Regolament (UE) Nru 508/2014 skont wieħed minn dawn iż-żewġ ipotesi: (a) fejn Stat Membru ma kienx ikkorega n-nefqa inkluża f'dikjarazzjoni tan-nefqa ċċertifikata affettwata minn każijiet li fihom il-benefiċjarju ma kkonformax mal-obbligi kif stipulati fl-Artikolu 10(2) tar-Regolament (UE) Nru 508/2014; jew (b) fejn fir-rigward tan-nefqa inkluża f'dikjarazzjoni tan-nefqa ċċertifikata affettwata minn każijiet serji ta' nuqqas ta' konformità li rriżultaw fis-sospensjoni ta' pagamenti skont l-Artikolu 101 tal-istess regolament, l-Istat Membru jkun naqas milli juri li hu kien ħa l-azzjonijiet ta' rimedju meħtieġa li jiżguraw il-konformità ma' u l-infurzar tar-regoli applikabbli tal-PKS fil-futur.

(4)

Meta ma jkunx possibbli li jiġi kkwantifikat preċiżament l-ammont ta' nefqa marbuta man-nuqqas ta' konformità mar-regoli tal-PKS mill-Istati Membri, għandha tiġi applikata korrezzjoni finanzjarja b'rata fissa skont l-Artikolu 105(3) tar-Regolament (UE) Nru 508/2014.

(5)

L-Artikolu 105(4) tar-Regolament (UE) Nru 508/2014 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta atti ta' delega li jiddeterminaw il-kriterji għall-istabbiliment tal-livell ta' korrezzjonijiet finanzjarji li għandu jiġi applikat u l-kriterji għall-applikazzjoni ta' rati fissi jew ta' korrezzjonijiet finanzjarji estrapolati. L-Artikolu 105(1) tar-Regolament (UE) Nru 508/2014 jinkludi l-lista ta' każijiet fejn il-Kummissjoni tkun tista' timponi korrezzjonijiet finanzjarji fuq programm operazzjonali sħiħ jew parti minnu. F'każijiet koperti bil-punt (a) tal-Artikolu 105(1), kwantifikazzjoni tal-impatt finanzjarju tan-nuqqas ta' konformità mill-benefiċjarju hija bbażata fuq il-ftehim ta' finanzjament bejn il-benefiċjarju u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti responsabbli għall-implimentazzjoni tal-programm tal-FEMS. Konsegwentement, l-applikazzjoni ta' rati fissi għal korrezzjonijiet finanzjarji jistgħu jikkonċernaw biss każijiet imsemmija fl-Artikolu 105(1)(b) tar-Regolament (UE) Nru 508/2014.

(6)

Sabiex jiġu żgurati t-trasparenza u l-proporzjonalità ta' korrezzjonijiet finanzjarji b'rata fissa, u ċ-ċertezza legali u t-trattament ugwali tal-Istati Membri li jimplimentaw programmi tal-FEMS, huwa meħtieġ illi jiġu ddefiniti l-kriterji għall-istabbiliment tal-livell ta' korrezzjonijiet finanzjarji li għandu jiġi applikat u l-kriterji għall-applikazzjoni ta' korrezzjonijiet finanzjarji b'rata fissa.

(7)

Il-livell ta' korrezzjonijiet finanzjarji deċiżi mill-Kummissjoni meta l-Istati Membri ma jikkonformawx mar-regoli tal-PKS għandhom ikunu proporzjonati, b'kunsiderazzjoni tan-natura, il-gravità, it-tul ta' żmien u r-ripetizzjoni tan-nuqqas serju ta' konformità mar-regoli tal-PKS.

(8)

Huwa xieraq li jiġu definiti mill-Kummissjoni l-livelli ta' korrezzjonijiet finanzjarji b'rata fissa fuq il-bażi tar-rati ta' korrezzjonijiet finanzjarji li diġà jeżistu għal ċerti tipi ta' nuqqasijiet ta' konformità fi ħdan il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej. Huwa wkoll xieraq li jkun żgurat li jkun hemm mekkaniżmu gradwali adegwat sabiex il-prinċipju ta' proporzjonalità jkun jista' jiġi applikat b'mod xieraq.

(9)

Fil-qasam tal-ġbir, il-ġestjoni u l-użu ta' data, id-dispożizzjonijiet dwar korrezzjonijiet finanzjarji b'rata fissa stabbiliti f'dan ir-Regolament għandhom jissostitwixxu dawk stabbiliti fl-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 665/2008 (4). Bħala konsegwenza, dak l-Artikolu għandu jitħassar.

(10)

Dan ir-Regolament ma għandux jaffettwa t-tkomplija jew il-modifika tal-assistenza approvata mill-Kummissjoni abbażi tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 861/2006 (5).

(11)

L-Artikolu 8 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 199/2008 (6) jipprovdi li t-tnaqqis tal-assistenza finanzjarja tal-Unjoni għandu jammonta għal mhux aktar minn 25 % tal-ammont totali annwali tal-programm nazzjonali. Bħala konsegwenza fil-qasam tal-ġbir, il-ġestjoni u l-użu ta' data, l-ogħla rata fissa ta' korrezzjonijiet finanzjarji stabbilita f'dan ir-Regolament għandha tiġi applikata biss wara t-tħassir tal-Artikolu 8 ta' dak ir-Regolament.

(12)

Minħabba l-importanza li jiġi żgurat li jkun hemm trattament armonizzat u ugwali tal-Istati Membri fl-Unjoni kollha mill-bidu tal-perjodu ta' programmazzjoni, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Is-suġġgett

Dan ir-Regolament jistipula l-kriterji għall-istabbiliment tal-livell ta' korrezzjonijiet finanzjarji u l-kriterji għall-applikazzjoni ta' rati fissi kif imsemmi fl-Artikolu 105 tar-Regolament (UE) Nru 508/2014.

Artikolu 2

Kriterji għall-istabbiliment tal-livell ta' korrezzjonijiet finanzjarji

Il-livell ta' korrezzjoni finanzjarja f'każijiet ta' nuqqas ta' konformità mar-regoli tal-PKS li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 105(1) tar-Regolament (UE) Nru 508/2014 għandhom jiġu stabbiliti skont il-kriterji li ġejjin:

(a)

il-grad ta' ħsara potenzjali għar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar li tirriżulta min-nuqqas ta' konformità mar-regoli tal-PKS;

(b)

il-frekwenza tan-nuqqas ta' konformità mar-regoli tal-PKS;

(c)

it-tul ta' żmien tan-nuqqas ta' konformità mar-regoli tal-PKS;

(d)

azzjonijiet ta' rimedju meħuda mill-Istat Membru.

Artikolu 3

Kriterji għall-applikazzjoni tar-rati fissi

1.   Ir-rati fissi tal-korrezzjoni finanzjarja msemmija fl-Artikolu 105(3) tar-Regolament (UE) Nru 508/2014 għandhom ikunu ta' 2 %, 5 %, 10 %, 25 %, 50 % jew 100 % tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni allokata għall-prijoritajiet rilevanti tal-Unjoni, jew il-parti rilevanti ta' dawk il-prijoritajiet, fi ħdan il-programm operazzjonali tal-Istat Membru.

2.   Il-firxa ta' rati fissi li huma applikati f'każijiet individwali ta' nuqqas ta' konformità mar-regoli tal-PKS hija mniżżla fl-Anness.

3.   Fejn, f'dak li għandu x'jaqsam mal-istess prijorità tal-Unjoni, diversi każijiet ta' nuqqas ta' konformità mar-regoli tal-PKS jiġu identifikati mill-Kummissjoni fl-istess att ta' implimentazzjoni skont l-Artikolu 102 tar-Regolament (UE) Nru 508/2014, ir-rati fissi ma jiġux akkumulati, iżda l-korrezzjoni finanzjarja għandha tkun stabbilita fl-ogħla skala tal-firxiet applikabbli għal dawk il-każijiet.

4.   Wara li tkun ġiet implimentata korrezzjoni finanzjarja mill-Kummissjoni għal każ partikolari ta' nuqqas ta' konformità mar-regoli tal-PKS u l-Istat Membru kkonċernat ma jkunx ħa azzjoni ta' rimedju xierqa, ir-rata fissa tista' tiżdied għal-livell ogħla li jkun imiss fl-iskala applikabbli għal dak il-każ ta' nuqqas ta' konformità mar-regoli tal-PKS.

5.   Minbarra l-każijiet li għalihom hija espliċitament imniżżla fl-Anness, rata fissa ta' 100 % tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni allokata għall-prijoritajiet rilevanti tal-Unjoni, jew il-parti rilevanti ta' dawk il-prijoritajiet, fi ħdan il-programm operazzjonali tal-Istat Membru tista' tiġi applikata jekk:

(a)

in-nuqqas ta' konformità mar-regoli tal-PKS tant ikun fundamentali, frekwenti jew mifrux li jirrappreżenta falliment assolut tas-sistema konċernata u jpoġġi f'riskju l-legalità tal-azzjonijiet tal-Istat Membru jew ir-regolarità tal-iffinanzjar tal-Politika Komuni tas-Sajd; jew

(b)

ikun hemm evidenza ta' negliġenza intenzjonata min-naħa tal-Istat Membru biex jirrimedja n-nuqqas ta' konformità mar-regoli tal-PKS.

Artikolu 4

Dispożizzjonijiet tranżitorji

Dan ir-Regolament ma jaffettwax il-kontinwazzjoni jew il-modifika, inkluża l-kanċellazzjoni totali jew parzjali, ta' assistenza approvata mill-Kummissjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 861/2006.

Artikolu 5

Emendi għar-Regolament (KE) Nru 665/2008

Fir-Regolament (KE) Nru 665/2008, l-Artikolu 6 huwa mħassar.

Artikolu 6

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Madankollu, fir-rigward ta' każijiet ta' nuqqas ta' konformità fil-qasam tal-ġbir, il-ġestjoni u l-użu ta' data inkluża fil-kategorija 4 tal-Anness, l-Artikolu 3(5) ta' dan ir-Regolament japplika mid-data tat-tħassir tal-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 199/2008.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta' Lulju 2015.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  Ir-Regolament (UE) Nru 508/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2328/2003, (KE) Nru 861/2006, (KE) Nru 1198/2006 u (KE) Nru 791/2007 (UE) u r-Regolament (UE) Nru 1255/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 149, 20.5.2014, p. 1).

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006, (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320).

(4)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 665/2008 tal-14 ta' Lulju 2008 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 199/2008 dwar l-istabbiliment ta' qafas Komunitarju għall-ġbir, il-ġestjoni u l-użu ta' data fis-settur tas-sajd u appoġġ għall-parir xjentifiku fir-rigward tal-Politika Komuni tas-Sajd (ĠU L 186, 15.7.2008, p. 3).

(5)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 861/2006 tat-22 ta' Mejju 2006 li jistabbilixxi miżuri finanzjarji Komunitarji għall-implimentazzjoni tal-Politika Komuni tas-Sajd u fil-qasam tal-Liġi tal-Baħar (ĠU L 160, 14.6.2006, p. 1).

(6)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 199/2008 tal-25 ta' Frar 2008 dwar l-istabbiliment ta' qafas Komunitarju għall-ġbir, il-ġestjoni u l-użu ta' data fis-settur tas-sajd u appoġġ għall-parir xjentifiku fir-rigward tal-Politika Komuni dwar is-Sajd (ĠU L 60, 5.3.2008, p. 1).


ANNESS

Każijiet ta' nuqqas ta' konformità (1)

Firxa ta' rati fissi

Kategorija 1: In-nuqqas ta' kontribut favur l-objettivi tal-Politika Komuni tas-Sajd kif stabbiliti fl-Artikolu 2(2) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 li huma essenzjali għall-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar

1.1

In-nuqqas li jiġi żgurat li huma rispettati l-opportunitajiet tas-sajd allokati lill-Istat Membru skont l-Artikoli 16-17 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013

25–100 %

1.2

In-nuqqas li jintlaħqu r-rekwiżiti stabbiliti fit-tipi differenti ta' miżuri ta' konservazzjoni elenkati fl-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013

10–100 %

Kategorija 2: In-nuqqas li jintlaħqu l-obbligi internazzjonali dwar il-konservazzjoni

2.1

In-nuqqas li jintlaħqu l-obbligi li joħorġu mill-Artikolu 28 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013

10–100 %

Kategorija 3: In-nuqqas li jiġi żgurat li l-flotta hija f'bilanċ mar-riżorsi naturali

3.1

In-nuqqas li jiġi sottomess ir-rapport dwar il-bilanċ bejn il-kapaċità tas-sajd tal-flotta u l-opportunitajiet tas-sajd li jikkonforma mar-rekwiżiti kollha tal-Artikolu 22(2) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013;

2–25 %

3.2

In-nuqqas li jiġi implimentat il-pjan ta' azzjoni skont l-Artikolu 22(4) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, jekk pjan bħal dan ikun inkluż fir-rapport sottomess kull sena;

5–25 %

3.3

In-nuqqas li jiġi żgurat li f'każ ta' kapaċità tas-sajd irtirata mill-finanzi pubbliċi, ikunu rtirati minn qabel il-liċenzji u l-awtorizzazzjonijiet tas-sajd rispettivi u ma tkunx sostitwita l-kapaċità kif imsemmi fl-Artikoli 22(5) u 22(6) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013;

10–50 %

3.4

In-nuqqas li jiġi żgurat li l-kapaċità tas-sajd ma taqbiżx, fi kwalunkwe ħin, il-limiti massimi stabbiliti fl-Artikolu 22(7) u fl-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013;

10–50 %

3.5

In-nuqqas li tiġi implimentata skema ta' dħul/ħruġ skont ir-rekwiżiti tal-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013;

10–25 %

3.6

In-nuqqas li jiġi ġestit ir-reġistru tal-flotta tas-sajd f'konformità mal-Artikolu 24 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 26/2004 (2);

10–50 %

Kategorija 4: In-nuqqas li jiġi implimentat qafas Komunitarju għall-ġbir, il-ġestjoni u l-użu ta' data f'konformita mal-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 kif speċifikat aktar fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 199/2008 li jirriżulta fin-nuqqas ta' informazzjoni dwar riżorsi naturali

4.1

In-nuqqas li tinġabar u tiġi ġestita data bijoloġika, ambjentali, teknika u soċjoekonomika meħtieġa għal ġestjoni tas-sajd kif stabbilit fl-Artikoli 4, 13 u 17 tar-Regolament (KE) Nru 199/2008;

2–25 %

4.2

In-nuqqas li kull sena jiġi sottomess ir-rapport dwar l-eżekuzzjoni ta' programmi ta' ġbir ta' data nazzjonali u biex dan ir-rapport isir disponibbli pubblikament kif stabbilit fl-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 199/2008;

2–10 %

4.3

In-nuqqas li tiġi żgurata koordinazzjoni nazzjonali tal-ġbir u l-ġestjoni ta' data xjentifika għall-ġestjoni tas-sajd kif stabbilit fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 199/2008;

2–5 %

4.4

In-nuqqas li jiġu kkoordinati l-attivitajiet ta' ġbir ta' data ma' Stati Membri oħra fl-istess reġjun kif stabbilit fl-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 199/2008;

2–25 %

4.5

In-nuqqas li tiġi pprovduta data lill-utenti finali fil-waqt f'konformità mal-Artikoli 18 sa 20 tar-Regolament (KE) Nru 199/2008;

2–25 %

Kategorija 5: In-nuqqas li titħaddem sistema effikaċi ta' kontroll u ta' infurzar

5.1

In-nuqqas li jiġu rispettati l-prinċipji ġenerali ta' kontroll u ta' infurzar skont it-Titolu II tar Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 (3);

10–50 %

5.2

In-nuqqas li jiġi żgurat li l-kondizzjonijiet ġenerali għall-aċċess għall-ilmijiet u r-riżorsi skont it-Titolu III tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 huma rispettati;

10–50 %

5.3

In-nuqqas ta' kontroll effettiv tal-kummerċjalizzazzjoni sabiex tkun żgurata t-traċċabblità tal-prodotti tas-sajd u tal-akkwaultura, skont it-Titolu V tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009;

10–50 %

5.4

In-nuqqas li jitwettqu sorveljanza u spezzjonijiet effettivi, u biex tiġi żgurata azzjoni ta' infurzar sistematika u adegwata fir-rigward ta' kwalunkwe ksur tar-regoli tal-PKS, skont it-Titoli VI, VII u VIII tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009;

10–50 %

5.5

In-nuqqas li jiġu stabbiliti u implimentati programmi ta' azzjoni ta' kontroll nazzjonali skont l-Artikolu 46 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 u, meta rilevanti, biex jitwettqu programmi speċifiċi ta' kontroll u ta' spezzjoni stabbiliti mill-Kummissjoni skont it-Titolu IX ta' dak ir-Regolament;

10–50 %

5.6

In-nuqqas ta' kooperazzjoni mal-Kummissjoni sabiex jiġi ffaċilitat it-twettiq tal-kompiti tal-uffiċjali tal-Kummissjoni waqt il-missjonijiet tagħhom ta' verifikazzjoni, spezzjonijiet awtonomi u verifiki skont it-Titolu X tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009;

2–50 %

5.7

In-nuqqas li jiġu implimentati l-miżuri li ġew deċiżi mill-Kummissjoni biex tiġi żgurata l-konformità mill-Istati Membri mal-objettivi tal-PKS, bħal pjanijiet ta' azzjoni u ta' kull miżura oħra b'konformità mat-Titolu XI tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009;

10–50 %

5.8

In-nuqqas li jintlaħqu r-rekwiżiti fir-rigward tal-analiżi, il-validazzjoni, l-aċċess u l-iskambju ta' data u tal-informazzjoni, skont it-Titolu XII tar-Regolament 1224/2009;

2–25 %

5.9

In-nuqqas li tiġi kkontrollata l-implimentazzjoni ta' skema effettiva ta' ċertifikazzjoni tal-qabda stipulata wkoll fil-Kapitolu III tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 (4);

10–50 %

5.10

In-nuqqas ta' azzjoni dwar attivitajiet tas-sajd illegali allegati mhux rapportati u mhux regolati (IUU) skont l-Artikolu 26(3), 39 u 40 tar-Regolament (KE) Nru 1005/2008.

5–50 %

Kategorija 6: In-nuqqas li tiġi stabbilita u titħaddem sistema funzjonali ta' pieni effettivi, proporzjonati u dissważivi

6.1

F'każ ta' ksur, in-nuqqas li jiġu nnotifikati l-Istat Membru tal-bandiera, l-Istat Membru li t-trasgressur hu ċittadin tiegħu u kull Stat Membru ieħor interessat fis-segwitu tal-miżuri meħuda biex tiġi żgurata l-konformità skont l-Artikolu 89(4) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009;

2–10 %

6.2

In-nuqqas li jittieħdu miżuri immedjati f'konformità mal-Artikolu 91 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 biex jevitaw li kaptani ta' bastimenti tas-sajd jew persuni legali jew fiżiċi oħra li jkunu nqabdu fit-twettiq ta' ksur serju, milli jkomplu jagħmlu dan;

10–50 %

6.3

In-nuqqas li jiġu stabbiliti l-kriterji li jiddeterminaw il-karattru serju tal-ksur tar-regoli tal-PKS skont l-Artikolu 42 tar-Regolament (KE) Nru 1005/2008;

10–50 %

6.4

In-nuqqas li jiġi żgurat li jiġu applikati sistematikament sanzjonijiet effettivi għal każijiet ta' ksur tar-regoli tal-PKS u li l-livell ta' dawn is-sanzjonijiet ikun adegwat fil-gravità u proporzjonati mas-serjetà ta' tali ksur, sabiex tiġi żgurata d-deterrenza u, bħala minimu, effettivament iċaħħad lil dawk responsabbli mill-benefiċċji ekonomiċi miksuba mill-ksur tagħhom skont it-Titolu VIII tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009;

10–50 %

6.5

In-nuqqas li tiġi applikata sistema ta' punti għal ksur serju għad-detenturi ta' liċenzji tas-sajd kif ukoll għall-kaptani skont l-Artikolu 92 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009;

10–50 %

6.6

In-nuqqas li jiġi stabbilit u ġestit b'mod xieraq ir-reġistru nazzjonali tal-ksur skont l-Artikolu 93 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009.

10–50 %


(1)  Kif definiti skont l-Artikolu 102 tar-Regolament (UE) Nru 508/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2328/2003, (KE) Nru 861/2006, (KE) Nru 1198/2006 u (KE) Nru 791/2007 u r-Regolament (UE) Nru 1255/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 149, 20.5.2014, p. 1).

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 26/2004 tat-30 ta' Diċembru 2003 dwar ir-reġistru tal-flotta tas-sajd tal-Komunità (ĠU L 5, 9.1.2004, p. 25).

(3)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta' Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta' kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 847/96, (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 2115/2005, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007, (KE) Nru 676/2007, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 1300/2008, (KE) Nru 1342/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1627/94 u (KE) Nru 1966/2006 (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1).

(4)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 tad-29 ta' Settembru 2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat, li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1936/2001 u (KE) Nru 601/2004 u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 1093/94 u (KE) Nru 1447/1999 (ĠU L 286, 29.10.2008, p. 1).