16.10.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 271/25


REGOLAMENT TA' DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/1853

tal-15 ta' Ottubru 2015

li jipprevedi għajnuna temporanja eċċezzjonali lill-bdiewa fis-setturi tal-bhejjem

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 219(1) flimkien mal-Artikolu 228 tiegħu,

Billi:

(1)

Id-domanda globali għall-ħalib u għall-prodotti tal-ħalib iddeterjorat b'mod ġenerali matul is-sena 2014 u fl-ewwel xhur tal-2015, b'mod partikolari b'riżultat ta' tnaqqis fl-esportazzjoni lejn iċ-Ċina, l-akbar importatur ta' prodotti tal-ħalib fid-dinja.

(2)

Is-suq tal-Unjoni għal-laħam tal-majjal iddeterjora matul l-2014 u l-2015. Il-produzzjoni domestika tal-Unjoni kienet żdiedet u esportazzjonijiet li għandhom prestazzjoni tajba naqsu immens minħabba li r-Russja abbandunat lis-suq ta' esportazzjoni tal-UE. Minħabba l-ispeċifiċitajiet tas-suq tal-majjal, b'sistema ta' adattament ritardat tas-settur tat-trobbija tal-annimali għal domanda mnaqqsa għall-majjal tal-qatla, is-sitwazzjoni tas-suq evolviet fi provvista żejda kritika u fi pressjoni kontinwa fuq il-prezz li hija agħar mis-sitwazzjoni tal-perjodi ċikliċi normali.

(3)

Fil-25 ta' Ġunju 2015, il-gvern Russu ħabbar l-estensjoni tal-projbizzjoni fuq l-importazzjoni ta' prodotti agrikoli u prodotti tal-ikel li joriġinaw mill-Unjoni għal sena oħra, sas-6 ta' Awwissu 2016.

(4)

Għalhekk is-setturi tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib u tal-laħam tal-majjal qed iħabbtu wiċċhom ma' tfixkil fis-suq minħabba l-iżbilanċ qawwi bejn il-provvista u d-domanda.

(5)

Fil-fatt, il-prezzijiet tal-ħalib fl-istat naturali tiegħu u l-prodotti tal-ħalib fl-Unjoni komplew jiddeterjoraw u l-pressjoni 'l isfel x'aktarx li tibqa' għaddejja. Il-livelli qed isiru dejjem aktar insostenibbli għal ħafna bdiewa li qed jesperjenzaw diffikultajiet tal-fluss tal-flus u tal-likwidità. F'Lulju 2015, il-medja tal-prezzijiet tal-ħalib mhux ipproċessat fl-Unjoni naqset bi 12 % meta mqabbel mal-medja tal-prezz f'Lulju 2010 sal-2014, u b'20 % meta mqabbel ma' Lulju 2014. Il-prezz tal-karkassa tal-majjal f'Lulju 2015 naqas bi 13 % u l-prezzijiet tal-qżieqeż bi 23 % meta mqabbel mal-prezz medju f'Lulju 2014. Barra minn hekk, il-prezzijiet laħqu livelli baxxi ħafna aktar mill-medja tal-aħħar ħames snin.

(6)

Apparti minn hekk, ir-rendimenti tal-uċuħ tar-raba' tar-rebbiegħa u tas-sajf ġew milquta ħażin f'diversi Stati Membri minħabba t-temperaturi għoljin f'Lulju u Awwissu u minħabba l-preċipitazzjoni baxxa ħafna. Is-setturi tal-laħam taċ-ċanga u tal-vitella, tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib, tal-laħam tal-majjal u tal-laħam tan-nagħaġ u tal-laħam tal-mogħoż ġew influwenzati immens biż-żieda fl-ispejjeż tal-produzzjoni minħabba l-iskarsezza tal-għelejjel tal-għalf u tal-mergħat.

(7)

L-istrumenti ta' intervent fis-suq fil-forma ta' intervent pubbliku u ta' ħżin privat tal-butir u tat-trab tal-ħalib xkumat baqgħu disponibbli mingħajr interruzzjoni sa minn Settembru 2014. Filwaqt li dawk l-istrumenti taffew l-effetti ħżiena tat-tnaqqis fil-prezzijiet, ma rnexxilhomx iwaqqfu t-tnaqqis kontinwu fil-prezzijiet tal-prodotti tal-ħalib u fil-prezzijiet tal-ħalib fl-istat naturali tiegħu. Il-ħżin privat tal-laħam tal-majjal stabbilizza l-prezzijiet tal-majjal f'Marzu u f'April 2015 iżda ma stimulax irkupru sostanzjali fil-prezzijiet. Minħabba ċ-ċiklu tal-produzzjoni tal-laħam tal-majjal, il-ftuħ ta' skema ta' għajnuna għall-ħżin privat f'dan il-perjodu ta' żmien partikolari ma tindirizzax b'mod xieraq it-tfixkil preżenti fis-suq. Bl-istess mod, l-għodda tas-suq previsti fir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 għal setturi oħra tal-bhejjem mhumiex maħsuba biex itaffu l-problemi ekonomiċi fil-livell reġjonali. Kwalunkwe miżura addizzjonali ta' intervent fis-suq li tista' tiġi prevista fil-forma ta' għajnuna għall-ħżin privat, filwaqt li tkun kumplimentari għall-assistenza finanzjarja mmirata, mhijiex se tindirizza l-ħtieġa tal-likwidità immedjata fis-setturi tal-bhejjem, minħabba li din ikollha impatt fuq terminu medju fil-livell tal-farms.

(8)

Għaldaqstant inħolqot sitwazzjoni fejn il-miżuri disponibbli skont ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jidhru li mhumiex biżżejjed biex jindirizzaw it-tfixkil fis-suq.

(9)

Sabiex ikun hemm ilqugħ għal sitwazzjoni fejn il-prezzijiet ikomplu jonqsu aktar u jiggravaw it-tfixkil fis-suq, huwa essenzjali li l-assistenza finanzjarja mmirata tiġi diretta lejn is-setturi tal-bhejjem tal-Unjoni li jkunu partikolarment milquta.

(10)

Għalhekk, sabiex jiġi indirizzat it-tfixkil eżistenti tas-suq b'mod effiċjenti u b'mod effettiv u sabiex tiġi evitata s-sitwazzjoni li tirriżulta minn dak it-tfixkil, jew l-effett tiegħu fuq is-suq, milli jissokta jew jiddeterjora aktar, huwa xieraq li l-għajnuna tingħata lill-Istati Membri fil-forma ta' għotja finanzjarja ta' darba bil-ħsieb li jingħata appoġġ lill-bdiewa fis-setturi tal-bhejjem li qed jesperjenzaw l-agħar waqgħa fil-prezzijiet, il-konsegwenzi diretti tal-estensjoni tal-projbizzjoni Russa fuq l-importazzjonijiet, u l-impatt tan-nixfa fuq l-għelejjel tal-ikel.

(11)

L-għotja finanzjarja disponibbli għal kull Stat Membru kkonċernat għandha tiġi kkalkulata abbażi tal-kwoti nazzjonali tal-ħalib u tal-popolazzjoni tal-majjal tal-2014/2015 u għandha tkun proporzjonali għat-tnaqqis fil-prezz li ġie osservat fil-każ tal-ħalib mal-ħruġ mill-azjenda agrikola u fil-każ tal-karkassi tal-majjali, għall-grad ta' dipendenza fuq is-suq Russu u għall-impatt tan-nixfa fuq il-produzzjoni tal-għelejjel tar-raba' għall-għalf u l-prezz tagħhom. Sabiex ikun żgurat li l-appoġġ ikun immirat lejn dawk il-bdiewa l-aktar milquta mit-tfixkil fis-suq filwaqt li jittieħed kont tal-baġit limitat tar-riżorsi, l-Istati Membri kkonċernati għandhom jingħataw il-flessibbiltà biex iqassmu dak l-ammont nazzjonali permezz tal-mezzi l-aktar effettivi abbażi ta' kriterji oġġettivi u mhux diskriminatorji, bħalma hija l-waqa' fil-prezzijiet fis-setturi kkonċernati, filwaqt li jiġi żgurat li l-bdiewa fis-setturi tal-bhejjem huma l-benefiċjarji aħħarin tal-għajnuna mmirata, u li tiġi evitata kull distorsjoni fis-suq u kull distorsjoni tal-kompetizzjoni.

(12)

Minħabba li l-għotja finanzjarja allokata lil kull Stat Membru se tikkumpensa biss parti limitata tat-telf reali mġarrab mill-bdiewa fis-setturi tal-bhejjem, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jagħtu appoġġ addizzjonali lil dawk il-bdiewa huma stess, bl-istess kundizzjonijiet ta' oġġettività, ta' nuqqas ta' diskriminazzjoni u ta' nuqqas ta' distorsjoni tal-kompetizzjoni.

(13)

Sabiex jingħataw il-flessibbiltà biex jiddistribwixxu l-assistenza finanzjarja mmirata kif meħtieġ biex jittrattaw it-tfixkil, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jakkumulaw din l-assistenza ma' appoġġ ieħor iffinanzjat mill-Fond Agrikolu Ewropew ta' Garanzija u mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali.

(14)

Minħabba li l-għotja finanzjarja għal kull Stat Membru kkonċernat hija stabbilita f'euro, u sabiex tiġi żgurata applikazzjoni uniformi u simultanja, huwa meħtieġ li tiġi ffissata data għall-konverżjoni tal-ammont allokat lill-Bulgarija, lir-Repubblika Ċeka, lid-Danimarka, lill-Kroazja, lill-Ungerija, lill-Polonja, lir-Rumanija, lill-Iżvezja u lir-Renju Unit għall-munita nazzjonali tagħhom. Huwa għalhekk xieraq li jiġi determinat l-avveniment operattiv għar-rata tal-kambju skont l-Artikolu 106 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2). Minħabba l-prinċipju msemmi fl-Artikolu 106(2)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 u l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 106(5)(c) ta' dak ir-Regolament, id-data tal-avveniment operattiv għandha tkun id-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

(15)

L-għajnuna prevista f'dan ir-Regolament għandha tingħata bħala miżura ta' appoġġ tas-swieq agrikoli skont l-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013.

(16)

Minħabba raġunijiet ta' baġit, l-Unjoni għandha tiffinanzja n-nefqa mġarrba mill-Istati Membri b'rabta mal-bdiewa fis-setturi tal-bhejjem biss fejn it-tali nefqa tkun saret sa ċerta skadenza.

(17)

Sabiex tkun żgurata t-trasparenza, il-monitoraġġ u l-amministrazzjoni tajba tal-pakketti nazzjonali, l-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar il-kriterji oġġettivi li jintużaw biex ikunu ddeterminati l-metodi biex jingħata l-appoġġ, u jinfurmawha wkoll dwar l-azzjonijiet li jieħdu biex tiġi evitata d-distorsjoni tal-kompetizzjoni.

(18)

Sabiex ikun żgurat li l-bdiewa tal-ħalib jirċievu l-għajnuna malajr kemm jista' jkun, l-Istati Membri kkonċernati għandhom ikunu jistgħu jimplimentaw dan ir-Regolament minnufih. Għalhekk, dan ir-Regolament irid jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   L-Unjoni se tagħti total ta' EUR 420 000 000 bħala għajununa lill-Istati Membri biex jagħtu appoġġ immirat lill-bdiewa fis-setturi tal-laħam taċ-ċanga u tal-vitella, tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib, tal-laħam tal-majjal u tal-laħam tan-nagħaġ u tal-mogħoż (“is-setturi tal-bhejjem”).

L-Estonja, il-Latvja u l-Litwanja għandhom jużaw l-ammonti disponibbli għalihom kif stabbilit fl-Anness għall-miżuri meħuda abbażi ta' kriterji oġġettivi u mhux diskriminatorji, dejjem jekk il-pagamenti li jirriżultaw ma jikkawżawx distorsjoni tal-kompetizzjoni.

Il-miżuri meħuda mill-Istati Membri għandhom l-għan li jtaffu l-konsegwenzi ekonomiċi li jirriżultaw minn tfixkil fis-suq għall-bdiewa fis-setturi tal-bhejjem.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta l-bdiewa fis-setturi tal-bhejjem ma jkunux il-benefiċjarji diretti tal-pagamenti, il-benefiċċju ekonomiku tal-għajnuna jingħadda lilhom kompletament.

In-nefqa tal-Istati Membri fir-rigward ta' dawk il-pagamenti skont dan ir-Regolament għandha tkun eliġibbli biss għall-għajnuna mill-Unjoni jekk l-appoġġ ikun tħallas minnhom mhux aktar tard mit-30 ta' Ġunju 2016.

2.   Fir-rigward tal-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, il-Kroazja, l-Ungerija, il-Polonja, ir-Rumanija, l-Iżvezja u r-Renju Unit, id-data tal-avveniment operattiv għar-rata tal-kambju fir-rigward tal-ammonti stipulati fl-Anness għandha tkun id-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

3.   L-appoġġ previst f'dan ir-Regolament jista' jiġi kumulat ma' appoġġ ieħor iffinanzjat mill-Fond Agrikolu Ewropew ta' Garanzija u l-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali.

Artikolu 2

L-Istati Membri jistgħu jagħtu appoġġ addizzjonali għall-miżuri meħuda skont l-Artikolu 1 sa massimu ta' 100 % tal-ammont korrispondenti kif stipulat fl-Anness, u skont l-istess kundizzjonijiet ta' oġġettività, kif stabbilit fl-Artikolu 1.

L-Istati Membri għandhom iħallsu l-appoġġ addizzjonali sa mhux aktar tard mit-30 ta' Ġunju 2016.

Artikolu 3

L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni b'dan li ġej:

(a)

minnufih u mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2015, il-kriterji oġġettivi li jintużaw biex ikunu ddeterminati l-metodi biex jingħata l-appoġġ immirat u l-miżuri meħuda biex tiġi evitata d-distorsjoni tal-kompetizzjoni;

(b)

mhux iktar tard mit-30 ta' Settembru 2016, l-ammonti totali tal-għajnuna mħallsa u l-għadd u t-tip ta' benefiċjarji.

Artikolu 4

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta' Ottubru 2015.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549).


ANNESS

Stat Membru

(EUR)

Il-Belġju

13 049 568

Il-Bulgarija

6 004 009

Ir-Repubblika Ċeka

11 155 561

Id-Danimarka

11 103 077

Il-Ġermanja

69 233 789

L-Estonja

7 561 692

L-Irlanda

13 734 230

Il-Greċja

2 258 253

Spanja

25 526 629

Franza

62 899 543

Il-Kroazja

1 812 383

L-Italja

25 017 897

Ċipru

354 997

Il-Latvja

8 452 333

Il-Litwanja

12 631 869

Il-Lussemburgu

669 120

L-Ungerija

9 505 286

Malta

119 570

In-Netherlands

29 937 209

L-Awstrija

7 004 590

Il-Polonja

28 946 973

Il-Portugall

4 764 178

Ir-Rumanija

11 145 958

Is-Slovenja

1 368 433

Is-Slovakkja

2 464 247

Il-Finlandja

8 985 522

L-Iżvezja

8 220 625

Ir-Renju Unit

36 072 462