16.10.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 271/15


REGOLAMENT TA' DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/1852

tal-15 ta' Ottubru 2015

li jiftaħ skema temporanja eċċezzjonali ta' għajnuna għall-ħżin privat ta' ċerti ġobnijiet u li jiffissa bil-quddiem l-ammont ta' għajnuna

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 219(1) flimkien mal-Artikolu 228 tiegħu,

Billi:

(1)

Id-domanda globali għall-ħalib u għall-prodotti tal-ħalib iddeterjorat b'mod ġenerali matul is-sena 2014 u fl-ewwel xhur tal-2015, b'mod partikolari minħabba t-tnaqqis fl-importazzjonijiet miċ-Ċina, l-akbar importatur fid-dinja ta' prodotti tal-ħalib.

(2)

Il-pressjoni 'l isfel fuq il-prezzijiet għall-prodotti tal-ħalib ilha tiġi rreġistrata minħabba ż-żieda fil-provvista kemm fl-Unjoni kif ukoll fir-reġjuni prinċipali għall-produzzjoni tal-ħalib fid-dinja.

(3)

Barra minn hekk, fil-25 ta' Ġunju 2015, il-gvern Russu ħabbar l-estensjoni tal-projbizzjoni fuq l-importazzjoni ta' prodotti agrikoli u ta' prodotti tal-ikel li joriġinaw mill-Unjoni għal sena oħra, sas-6 ta' Awwissu 2016.

(4)

Is-settur tal-prodotti tal-ħalib għalhekk qed jiffaċċja sitwazzjoni ta' tfixkil fis-suq minħabba l-iżbilanċ qawwi bejn il-provvista u d-domanda.

(5)

Fil-fatt, il-prezzijiet tal-ħalib fl-istat naturali tiegħu u tal-prodotti tal-ħalib fl-Unjoni komplew jiddeterjoraw u l-pressjoni 'l isfel x'aktarx li tibqa' għaddejja. Il-livelli qed isiru dejjem aktar insostenibbli għal ħafna bdiewa li qed jesperjenzaw diffikultajiet bil-fluss tal-flus u bil-likwidità. Il-prezzijiet medji tal-Unjoni għall-ġobnijiet ewlenin kienu naqsu bi 17 % fl-2015.

(6)

Miżuri ta' intervent fis-suq disponibbli skont ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 ma jidhrux suffiċjenti għas-sitwazzjoni li nħolqot reċentement, peress li dawn huma mmirati lejn prodotti oħra bħall-butir u t-trab tal-ħalib xkumat, jew limitati għal ġobnijiet b'indikazzjoni ġeografika.

(7)

It-theddida ta' żbilanċ serju fis-suq tal-ġobon tista' titnaqqas jew tiġi eliminata permezz tal-ħżin. Għaldaqstant huwa xieraq li tingħata għajnuna għall-ħżin privat ta' ġobon u li jiġi ffissat bil-quddiem l-ammont fiss tal-għajnuna.

(8)

Huwa xieraq li jiġi stabbilit limitu għall-volum massimu li għandu jkun kopert mill-iskema kif ukoll rendikont tal-volum totali għal kull Stat Membru abbażi tal-produzzjoni tal-ġobon tagħhom.

(9)

L-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jistipula għotja ta' għajnuna għall-ħżin privat ta' dawk il-ġobnijiet biss li jibbenefikaw minn denominazzjoni ta' oriġini protetta jew minn indikazzjoni ġeografika protetta skont ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2). Madankollu, il-ġobon b'denominazzjoni ta' oriġini protetta jew b'indikazzjoni ġeografika protetta jirrappreżenta biss sehem żgħir mit-total tal-produzzjoni tal-ġobon tal-Unjoni. Għal raġunijiet ta' effiċjenza operattiva u amministrattiva, huwa xieraq li tiġi stabbilita skema unika ta' għajnuna għall-ħżin privat li tkopri t-tipi kollha ta' ġobon.

(10)

Huwa xieraq li jiġu esklużi ġobnijiet friski li mhumiex adattati għall-ħżin.

(11)

Bħala regola ġenerali, biex ikunu ffaċilitati l-amministrazzjoni u l-kontroll, l-għajnuna għall-ħżin privat għandha tingħata biss lil operaturi stabbiliti u rreġistrati għall-iskopijiet tal-VAT fl-Unjoni.

(12)

Biex ikun żgurat li l-arranġamenti jkunu jistgħu jiġu mmonitorati sew, l-informazzjoni meħtieġa biex jiġi konkluż il-kuntratt tal-ħżin għandha tkun speċifikata f'dan ir-Regolament flimkien mal-obbligi tal-partijiet kontraenti.

(13)

Sabiex l-iskema ssir aktar effettiva, il-kuntratti għandhom jirrelataw ma' ċerta kwantità minima kif ukoll mal-obbligi li għandhom jiġu ssodisfati mill-parti kontraenti, b'mod partikolari dawk li jippermettu lill-awtorità kompetenti li tiċċekkja l-operazzjonijiet tal-ħżin tagħmel spezzjoni effettiva tal-kundizzjonijiet tal-ħżin.

(14)

Il-ħżin tal-kwantità miftiehma matul il-perjodu tal-ħżin miftiehem hija waħda mir-rekwiżiti għall-għoti tal-għajnuna għall-ħżin privat. Sabiex titqies il-prassi kummerċjali u għal raġunijiet prattiċi, għandu jiġi permess marġni ta' tolleranza f'dak li għandu x'jaqsam mal-kwantità soġġetta għall-għajnuna.

(15)

Biex tiġi garantita s-serjetà tal-applikazzjoni u sabiex tiġi żgurata li dik il-miżura jkollha l-effett mixtieq fis-suq, hemm bżonn ta' garanzija. Għalhekk, għandhom jiġu adottati dispożizzjonijiet għall-preżentazzjoni, għar-rilaxx u għall-konfiska tal-garanzija.

(16)

Biex ikun żgurat li l-ħażna tkun amministrata sewwa, huwa xieraq li jiġu addottati dispożizzjonijiet biex jitnaqqas l-ammont ta' għajnuna li għandha titħallas meta l-kwantità maħżuna waqt il-perjodu tal-ħżin miftiehem tkun anqas mill-kwantità miftiehma.

(17)

L-ammont ta' għajnuna għandu jiġi ffissat abbażi tal-ispejjeż tal-ħżin u/jew ta' elementi oħra tas-suq rilevanti. Huwa xieraq li tiġi stabbilita għajnuna għall-ispejjeż fissi tad-dħul u l-ħruġ tal-prodotti kkonċernati fil-ħżin u għajnuna għall-ispejjeż ta' kuljum għall-ħżin imkessaħ u għall-finanzjament.

(18)

Hemm bżonn li jiġu indikati l-kundizzjonijiet li skonthom ikun jista' jingħata pagament bil-quddiem, l-aġġustament tal-għajnuna f'każijiet fejn il-kwantità miftiehma ma tiġix rispettata kompletament, l-ispezzjonijiet dwar il-konformità mal-intitolament għall-għajuna, il-penali possibbli u l-informazzjoni li għandha tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni mill-Istati Membri.

(19)

Jista' jkun li l-Istati Membri ma jiħdux vantaġġ komplut mill-miżura u allura jkun tajjeb li tiġi prevista l-allokazzjoni mill-ġdid tal-kwantitajiet wara li l-miżura tkun ilha tiġi applikata għal tliet xhur. Il-Kummissjoni għandha tkun awtorizzata biex tadotta, fejn xieraq, att ta' implimentazzjoni li jistabbilixxi l-allokazzjoni mill-ġdid għal kull Stat Membru tal-kwantitajiet mhux użati u l-perjodu l-ġdid għall-preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet.

(20)

Għandhom jiġu stabbiliti wkoll regoli dwar id-dokumentazzjoni, il-kontijiet u l-frekwenza u n-natura tal-ispezzjonijiet.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jipprevedi dwar skema temporanja eċċezzjonali ta' għajnuna għall-ħżin privat ta' ġobnijiet li jaqgħu taħt il-kodiċi tan-NM 0406, ħlief għall-ġobnijiet li mhumiex adattati għal aktar ħżin wara l-perjodu ta' maturazzjoni msemmi fl-Artikolu 3(1).

Il-volum massimu tal-prodott għal kull Stat Membru soġġett għal din l-iskema temporanja huwa stabbilit fl-Anness.

Artikolu 2

Definizzjoni

Għall-iskopijiet ta' dan ir-Regolament “l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri” tfisser id-dipartimenti jew il-korpi akkreditati mill-Istati Membri bħala aġenziji ta' pagamenti li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3).

Artikolu 3

Eliġibbiltà tal-prodotti

1.   Sabiex jikkwalifika għall-għajnuna għall-ħżin privat imsemmija fl-Artikolu 1, minn hawn 'il quddiem “l-għajnuna”, il-ġobon għandu jkun ta' kwalità kummerċjabbli tajba u ġusta, għandu joriġina mill-Unjoni u fil-ġurnata meta jibda l-kuntratt tal-ħżin ikollu età minima li tikkorrispondi mal-perjodu ta' maturazzjoni stabbilit fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott għall-ġobnijiet li jibbenefikaw minn denominazzjoni ta' oriġini protetta jew minn indikazzjoni ġeografika protetta skont ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 u ma' perjodu normali ta' maturazzjoni stabbilit mill-Istati Membri għall-ġobnijiet l-oħra.

2.   Il-ġobon għandu jkun konformi ma' dawn ir-rekwiżiti:

(a)

kull lott għandu jiżen mill-anqas 0,5 tunnellata;

(b)

irid ikun immarkat b'indikazzjoni tal-impriża fejn ikun ġie mmanifatturat, li tista' tkun kodifikata, u bid-data tal-manifattura;

(c)

ikun immarkat bid-data tad-dħul fil-maħżen;

(d)

ma jkunx soġġett għal xi kuntratt preċedenti ta' għajnuna għall-ħżin;

(e)

ikun jinħażen fl-Istat Membru fejn ikun ġie prodott il-ġobon.

3.   L-Istati Membri jistgħu jirrinunzjaw għall-obbligu li fuq il-ġobon jindikaw id-data tad-dħul fil-maħżen imsemmija fil-punt (c) tal-paragrafu 2, imma dan jiġri kemm-il darba l-amministratur tal-maħżen jimpenja ruħu li jżomm reġistru li fih jiddaħħlu d-dettalji msemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 2 fid-data tad-dħul fil-ħżin.

Artikolu 4

Applikazzjonijiet għall-għajnuna

1.   Operatur li jitlob l-għajnuna għandu jressaq applikazzjoni quddiem l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru fejn jinħażnu l-prodotti.

2.   L-operaturi li japplikaw għall-għajnuna għandhom ikunu stabbiliti u rreġistrati għall-iskopijiet tal-VAT fl-Unjoni.

3.   L-applikazzjonijiet għall-għajnuna jistgħu jitressqu minn dakinhar li jidħol fis-seħħ dan ir-Regolament. L-iskadenza għall-preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet hija l-15 ta' Jannar 2016.

4.   L-applikazzjonijiet għall-għajnuna għandhom jirrelataw ma' prodotti li jkunu diġà nħażnu kompletament.

5.   L-applikazzjonijiet jitressqu skont il-metodu li l-Istat Membru kkonċernat jagħmel għad-dispożizzjoni tal-operaturi.

L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jistgħu jitolbu li l-applikazzjonijiet elettroniċi jkunu akkumpanjati minn firma elettronika avvanzata, fit-tifsira tal-punt 2 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 1999/93/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) jew minn firma elettronika li toffri assigurazzjonijiet ekwivalenti rigward il-funzjonalitajiet attribwiti lil firma billi jiġu applikati l-istess regoli u kundizzjonijet bħal dawk definiti fid-dispożizzjonijiet tal-Kummissjoni dwar id-dokumenti elettroniċi u diġitalizzati, stabbiliti fid-Deċiżjoni 2004/563/KE, Euratom (5), u fir-regoli tal-implimentazzjoni tagħha.

6.   L-applikazzjoni għandha tkun ammissibbli biss jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

tindika referenza għal dan ir-Regolament;

(b)

tindika d-dejta ta' identifikazzjoni tal-isem, l-indirizz u n-numru tar-reġistrazzjoni tal-VAT tal-applikant;

(c)

tindika l-prodott bil-kodiċi NM, b'sitt (6) ċifri, rilevanti tiegħu;

(d)

tindika l-kwantità tal-prodotti fil-mument li qed titressaq l-applikazzjoni;

(e)

tindika l-isem u l-indirizz tal-post tal-ħżin, in-numru tal-lott tal-ħżin u n-numru tal-approvazzjoni li jidentifika l-fabbrika;

(f)

ma tinkludi l-ebda kundizzjonijiet addizzjonali introdotti mill-applikant ħlief dawk stipulati f'dan ir-Regolament;

(g)

tkun bil-lingwa uffiċjali jew b'waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Istat Membru fejn l-applikazzjoni tkun imressqa.

(h)

l-applikant iddepożita garanzija li tammonta għal EUR 20 kull tunnellata favur l-aġenzija tal-pagamenti rilevanti skont it-Taqsima 2 tal-Kapitolu IV tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 907/2014 (6).

7.   Wara li titressaq applikazzjoni, il-kontenut tagħha ma jistax jiġi emendat.

Artikolu 5

Konfiska u rilaxx tal-garanzija

1.   Il-garanzija prevista fl-Artikolu 4(6)(h) għandha tiġi kkonfiskata meta:

(a)

l-applikazzjoni għall-kuntratt tkun ġiet irtirata;

(b)

il-kwantità stabbilita waqt il-kontrolli skont l-Artikolu 16(2) hija anqas minn 95 % tal-kwantità fl-applikazzjoni msemmija fl-Artikolu 4(6)(d). F'dan il-każ, l-ebda kuntratt ma għandu jiġi konkluż;

(c)

inqas minn 95 % tal-kwantità miftiehma titqiegħed u tinżamm maħżuna għall-perjodu tal-ħżin miftiehem, għar-riskju tal-parti kontraenti stess skont it-tifsira tal-Artikolu 6 taħt il-kondizzjonijiet msemmija fl-Artikolu 7(1)(a).

2.   Meta l-applikazzjonijiet għall-kuntratti ma jiġux aċċettati, il-garanziji għandhom jitneħħew immedjatament.

3.   Il-garanziji għandhom ikunu rilaxxati fir-rigward tal-kwantitajiet li għalihom ikunu ntlaħqu l-obbligi kuntrattwali.

Artikolu 6

Konklużjoni ta' kuntratti

1.   Il-kuntratti għandhom jiġu konklużi bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu se jinħażnu l-prodotti u l-applikant, minn hawn 'il quddiem imsejħa l-“parti kontraenti”.

2.   Il-kuntratti għandhom jiġu konklużi fi żmien 30 jum minn meta tasal l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 4(6)(e) u li wara, fejn xieraq, tiġi soġġetta għal konferma dwar l-eliġibbiltà tal-prodotti kif imsemmi fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 16(2). Fil-każ li ma l-eliġibbiltà ma tiġix ikkonfermata, il-kuntratt ikkonċernat għandu jitqies null u bla effett.

Artikolu 7

Obbligi tal-parti kontraenti

1.   Il-kuntratti għandhom tal-anqas jistipulaw l-obbligi li ġejjin għall-parti kontraenti:

(a)

din għandha taħżen il-kwantità miftiehma, matul il-perjodu tal-ħżin miftiehem, għar-riskju u għall-ispiża tagħha stess f'kundizzjonijiet li jiżguraw iż-żamma tal-karatteristiċi tal-prodotti, mingħajr ma ssir sostituzzjoni jew trasferiment tal-prodotti maħżuna għal xi post ta' ħżin ieħor. Meta parti kontraenti tippreżenta talba motivata, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jawtorizzaw ir-rilokazzjoni tal-prodotti maħżuna;

(b)

iżżomm id-dokumenti tal-piż stabbilit fil-ħin tad-dħul fil-post tal-ħżin;

(c)

tippermetti lill-awtorità kompetenti li tispezzjona f'kull ħin li l-obbligi kollha stipulati fil-kuntratt ikunu qed jiġu osservati;

(d)

li l-prodotti maħżuna jkunu faċilment aċċessibbli u identifikabbli individwalment: li kull unità maħżuna individwalment tkun immarkata b'mod li tidher id-data meta tkun daħlet fil-maħżen, in-numru tal-kuntratt, il-prodott u l-piż. Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jeliminaw ir-rekwiżit li jimmarkaw in-numru tal-kuntratt sakemm l-amministratur tal-maħżen jieħu r-responsabbiltà li jdaħħal in-numru tal-kuntratt fir-reġistru li hemm referenza għalih fl-Artikolu 3(3).

2.   Il-parti kontraenti għandha tagħmel id-dokumentazzjoni tal-kuntratti kollha disponibbli biex l-awtorità responsabbli twettaq il-kontrolli, u b'mod partikolari tippermetti li l-informazzjoni li ġejja dwar il-prodotti maħżuna fil-privat tkun verifikata:

(a)

in-numru tal-approvazzjoni li jidentifika l-fabbrika u l-Istat Membru tal-produzzjoni;

(b)

l-oriġini u d-data tal-manifattura tal-prodotti;

(c)

id-data tat-tqegħid fil-ħżin;

(d)

il-piż u l-għadd ta' biċċiet ippakkjati;

(e)

il-preżenza fil-maħżen u l-indirizz tal-maħżen;

(f)

id-data meta mistenni jispiċċa l-perjodu tal-ħżin miftiehem u kompluta bid-data meta fil-fatt il-prodott jinħareġ mill-maħżen.

3.   Il-parti kontraenti jew, fejn applikabbli, l-operatur tal-post tal-ħażna, għandu jżomm rendikont tal-istokk disponibbli fil-maħżen li jkopri, permezz tan-numru tal-kuntratt:

(a)

l-identifikazzjoni tal-prodotti mqiegħda fil-ħżin privat;

(b)

id-dati tad-dħul fil-ħżin u tal-ħruġ minnu;

(c)

il-kwantità indikata għal kull ħażna f'lott;

(d)

il-lokazzjoni tal-prodotti fil-maħżen.

Artikolu 8

Perjodu tal-ħżin miftiehem

1.   Il-perjodu tal-ħżin miftiehem għandu jibda fil-jum ta' wara l-wasla tal-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 4(6)(e) għand l-awtoritajiet kompetenti.

2.   Il-ħażna kuntrattwali għandha tispiċċa fil-jum li jippreċedi dak tal-ħruġ mill-maħżen.

3.   L-għajnuna tista' tingħata biss meta l-perjodu tal-ħżin miftiehem ikun bejn 60 u 210 jum.

Artikolu 9

Ħruġ mill-maħżen

1.   Il-ħruġ mill-maħżen jista' jibda fil-jum ta' wara l-aħħar ġurnata tal-perjodu tal-ħżin miftiehem.

2.   Il-ħruġ mill-maħżen għandu jkun f'lottijiet sħaħ ta' ħżin jew, jekk l-awtorità kompetenti tawtorizza hekk, fi kwantitajiet iżgħar. Madankollu, fil-każ li hemm referenza għalih fl-Artikolu 16(5)(a), kwantità ssiġġillata biss tista' titneħħa mill-maħżen.

3.   Il-parti kontraenti għandha tinnotifika lill-awtorità kompetenti qabel ikun beħsiebha tibda toħroġ il-prodotti mill-maħżen, skont id-dispożizzjonijet stabbiliti fl-Artikolu 16(6).

4.   Fejn ir-rekwiżit stipulat fil-paragrafu 3 ma jiġix rispettat iżda l-awtorità kompetenti tkun sodisfatta li, fi żmien 30 jum wara l-ħruġ mill-maħżen, tkun ġiet fornuta biżżejjed evidenza, dwar id-data tal-ħruġ mill-maħżen u l-kwantitajiet ikkonċernati, l-għajnuna għandha titnaqqas bi 15 % u għandha tkun imħallsa biss għal dak il-perjodu li għalih il-parti kontraenti tagħti prova sodisfaċenti lill-awtorità kompetenti li l-prodott kien maħżun skont kif stipulat fil-kuntratt.

5.   Fil-każijiet fejn, sa 30 ġurnata wara l-ħruġ mill-maħżen, ma jkunx hemm konformità mar-rekwiżit stabbilit fil-paragrafu 3 u l-awtorità kompetenti ma tkunx sodisfatta li tiġi fornuta biżżejjed evidenżadwar id-data tal-ħruġ mill-maħżen u l-kwantitajiet ikkonċernati, m'għandha tingħata ebda għajnuna fir-rigward ta' dak il-kuntratt, u meta applikabbli, il-garanzija kollha għandha tiġi kkonfiskata għall-kuntratt ikkonċernat.

Artikolu 10

Ammonti ta' għajnuna

L-għajnuna għandha tkun:

EUR 15,57 kull tunnellata ta' ħżin għall-ispejjeż stabbiliti tal-ħżin,

EUR 0,40 kull tunnellata kull jum ta' ħżin miftiehem.

Artikolu 11

Pagament bil-quddiem tal-għajnuna

1.   Wara 60 jum ta' ħżin, jista' jsir pagament uniku bil-quddiem tal-għajnuna, fuq it-talba tal-parti kontraenti, sakemm din tiddepożita garanzija tal-istess ammont tal-ħlas bil-quddiem miżjud b'10 %.

2.   Il-pagament bil-quddiem m'għandux jeċċedi l-ammont tal-għajnuna korrispondenti għal perjodu ta' ħażna ta' 90 ġurnata. Il-garanzija li hemm referenza għaliha fil-paragrafu 1 għandha tiġi rrilaxxata malli jitħallas il-bilanċ tal-għajnuna.

Artikolu 12

Pagament tal-għajnuna

1.   L-għajnuna, jew, fil-każ li kien ingħata ħlas minn qabel skont l-Artikolu 11, il-bilanċ tal-għajnuna, għandha tkun imħallsa fuq il-bażi ta' applikazzjoni għall-ħlas imressqa mill-parti kontraenti fi żmien tliet xhur minn meta jispiċċa l-perjodu tal-ħżin miftiehem.

2.   Meta l-parti kontraenti ma tkunx tista' tippreżenta dokumenti ta' appoġġ fil-limitu ta' żmien ta' tliet xhur minkejja li tkun aġixxiet immedjatament biex takkwistahom fil-ħin, hija tista' tingħata estensjonijiet, li ma jistgħux jaqbżu t-total ta' tliet xhur.

3.   Il-pagament tal-għajnuna jew tal-bilanċ tal-għajnuna għandu jitwettaq fi żmien 120 jum minn dakinhar li titressaq l-applikazzjoni għall-pagament tal-għajnuna, u dan kemm-il darba l-obbligi tal-kuntratt ikunu ġew issodisfati u tkun saret l-ispezzjoni finali. Madanakollu, jekk tkun qed issir inkjesta amminstrattiva, il-pagament ma għandux isir qabel ikun rikonxxut l-intitolament.

4.   Minbarra f'każijiet ta' force majeure, jekk il-kwantità fil-fatt maħżuna matul il-perjodu tal-ħżin miftiehem tkun inqas mill-kwantità miftiehma u mhux inqas minn 95 % ta' din il-kwantità, l-għajnuna għandha titħallas għall-kwantità fil-fatt maħżuna. Madanakollu, jekk l-awtorità kompetenti ssib li l-parti kontraenti tkun aġixxiet deliberatament jew b'mod negliġenti, din tista' tiddeċiedi li tnaqqas l-għajnuna aktar jew li ma tħallasx l-għajnuna.

5.   Ħlief f'każijiet ta' force majeure, jekk il-kwantità effettivament maħżuna matul il-perjodu tal-ħżin miftiehem tkun anqas mill-perċentwali indikati fil-paragrafu 4, iżda mhux anqas minn 80 % tal-kwantità miftiehma, l-għajnuna għall-kwantità effettivament maħżuna għandha titnaqqas bin-nofs. Madanakollu, jekk l-awtorità kompetenti ssib li l-parti kontraenti tkun aġixxiet deliberatament jew b'mod negliġenti, din tista' tiddeċiedi li tnaqqas l-għajnuna aktar jew li ma tħallasx l-għajnuna.

6.   Ħlief f'każijiet ta' force majeure, jekk il-kwantità effettivament maħżuna matul il-perjodu tal-ħżin miftiehem tkun anqas minn 80 % tal-kwantità fil-kuntratt, ebda għajnuna ma għandha titħallas.

7.   Jekk il-kontrolli matul il-perjodu tal-ħżin jew mat-tneħħija mill-ħżin, jiżvelaw prodotti difettużi, ebda għajnuna ma għandha titħallas għal dawk il-kwantitajiet. Il-bqija tal-lott tal-ħżin li jkun għadu eliġibbli għall-għajnuna ma għandhiex tkun anqas mill-kwantità minima kif stabbilit fl-Artikolu 3(2). L-istess regola għandha tapplika meta parti minn lott maħżun titneħħa għal dik ir-raġuni qabel il-perjodu minimu ta' ħżin.

Prodotti difettużi m'għandhomx ikunu inklużi fil-kalkolu tal-kwantità effettivament maħżuna msemmija fil-paragrafi 4, 5 u 6.

Artikolu 13

Notifiki

1.   L-Istati Membri, sa kull nhar ta' Tlieta għall-ġimgħa ta' qabel, għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni l-kwantitajiet li jkunu ġew konklużi l-kuntratti tagħhom kif ukoll il-kwantitajiet ta' prodotti li jkunu ntbagħtu applikazzjonijiet biex jiġu konklużi l-kuntratti tagħhom.

2.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni mhux aktar tard mill-aħħar ta' kull xahar għax-xahar preċedenti:

(a)

il-kwantitajiet ta' prodotti maħżuna jew imneħħija matul ix-xahar ikkonċernat;

(b)

il-kwantitajiet tal-prodotti maħżuna fl-aħħar tax-xahar ikkonċernat;

(c)

il-kwantitajiet ta' prodotti li għalihom ikun spiċċa l-perjodu tal-ħżin miftiehem.

3.   In-notifiki mill-Istati Membri li hemm referenza għalihom fil-paragrafi 1 u 2 għandhom isiru skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 792/2009 (7).

Artikolu 14

Miżuri biex tiġi rrispettata l-kwantità massima

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkollhom fis-seħħ sistema bbażata fuq kriterji oġġettivi u mhux diskriminatorji, sabiex il-kwantitajiet massimi għal kull Stat Membru msemmija fl-Anness ma jinqabżux.

Artikolu 15

Miżuri għal kwantitajiet mhux użati

Fejn xieraq, l-allokazzjonijiet mhux użati li jifdal wara l-15 ta' Jannar 2016 għandhom ikunu disponibbli għall-Istati Membri li sa mhux aktar tard mit-31 ta' Diċembru 2015 ikunu għarrfu lill-Kummissjoni bix-xewqa tagħhom li jagħmlu użu akbar mill-iskema privata tal-għajnuna għall-ħżin. L-allokazzjoni għal kull Stat Membru, li għandha ssir billi jittieħed kont tal-kwantitajiet li jkunu applikaw għalihom l-Istati Membri sal-15 ta' Jannar 2016 u l-perjodu għat-tressiq tal-applikazzjonijiet għandu jiġi deċiż permezz ta' att ta' implimentazzjoni li jiġi adottat mingħajr ma tiġi applikata l-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 229(2) u (3) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013.

Artikolu 16

Spezzjonijiet

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji kollha sabiex jiżguraw il-konformità ma' dan ir-Regolament. Dawn il-miżuri għandhom jinkludu spezzjonijiet amministrattivi sħaħ tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna, li għandhom ikunu ssuplimentati bi spezzjonijiet fuq il-post kif speċifikat fil-paragrafi 2 sa 9.

2.   L-awtorità responsabbli għall-ispezzjonijiet għandha twettaq spezzjonijiet fuq il-prodotti li jinħażnu fi żmien 30 jum mid-data tal-wasla tal-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 4(6)(e).

Mingħajr ħsara għall-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 5 ta' dan l-Artikolu, sabiex ikun żgurat li l-prodotti maħżuna huma eliġibbli għall-għajnuna, għandu jkun spezzjonat fiżikament kampjun rappreżentattiv ta' mill-anqas 5 % tal-kwantitajiet imqiegħda fil-maħżen, biex ikun żgurat li, fir-rigward tal-piż, l-identifikazzjoni u n-natura tal-prodotti, inter alia, il-lottijiet maħżuna jikkonformaw mad-dettalji fl-applikazzjoni għall-konkluzjoni tal-kuntratt.

Biex jiġi identifikat il-pagament tal-għajnuna għandu jintuża l-piż tal-prodotti kif stabbilit fil-bidu tal-perjodu. Madankollu, l-għajnuna ma għandhiex tiġi mħallsa għal kwantità akbar minn dik li hemm fl-applikazzjoni hekk kif speċifikat fl-Artikolu 4(6)(d).

3.   Meta l-Istat Membru jista' joffri raġunijiet validi, il-limitu ta' 30 jum stabbilit fil-paragrafu 2 jista' jiġi estiż bi 15-iljum.

4.   Jekk il-kontrolli juru li l-prodotti maħżuna ma jikkorrispondux mal-kriterji ta' eliġibbiltà stabbiliti fl-Artikolu 3 u kif speċifikat fl-Artikolu 4(6)(c), il-garanzija msemmija fl-Artikolu 4(6)(h) tiġi kkonfiskata.

5.   L-awtorità responsabbli għall-ispezzjonijiet għandha:

(a)

tissiġġilla l-prodotti skont il-kuntratt, il-lott tal-ħżin jew kwantità iżgħar waqt l-ispezzjoni stipulata fil-paragrafu 2; jew

(b)

tagħmel spezzjoni għal għarrieda biex tiżgura li l-kwantità miftiehma tkun preżenti fil-post tal-ħżin.

L-ispezzjoni msemmija fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu għandha tikkorrispondi ma' tal-anqas 10 % tal-kwantità totali fil-kuntratt u għandha tkun rappreżentattiva. Spezzjonijiet bħal dawn għandhom jinkludu l-eżaminazzjoni tar-reġistri tal-ħażna kif imsemmi fl-Artikolu 7(3) u tad-dokumenti li jappoġġjawhom, bħalma huma l-biljetti tal-piż u l-vawċers tal-kunsinna, u l-verifika tal-preżenza tal-prodotti maħżuna, tat-tip ta' prodotti u tal-identifkazzjoni tagħhom fil-konfront ta' mill-anqas 5 % tal-kwantità soġġetta għall-ispezzjoni għal għarrieda.

6.   Fl-aħħar tal-perjodu tal-ħżin miftiehem, l-awtorità responsabbli għall-kontroll għandha tiċċekkja l-piż u l-identifikazzjoni tal-prodotti maħżuna fir-rigward ta' mill-anqas nofs l-għadd ta' kuntratti, u dan permezz ta' kampjunar. Għall-iskopijiet ta' din l-ispezzjoni, il-parti kontraenti għandha tinforma lill-korp kompetenti, b'indikazzjoni tal-lottijiet maħżuna involuti, mill-anqas ħamest ijiem qabel:

(a)

tmiem il-perjodu massimu tal-ħżin miftiehem; jew

(b)

il-bidu tal-operazzjonijiet tat-tneħħija meta l-prodotti jitneħħew qabel jiskadi l-perjodu massimu tal-ħżin miftiehem.

L-Istat Membru jista' jaċċetta terminu iqsar minn ħamest ijiem tax-xogħol.

7.   Meta jkun qed jiġi vverifikat il-piż tal-prodotti matul il-ħażna miftiehma u fit-tmiem tagħha biex tiġi vverifikata l-preżenza tal-prodotti fil-maħżen, it-tnaqqis naturali probabbli fil-piż m'għandux iwassal għal tnaqqis tal-għajnuna u għall-konfiska tal-garanzija.

8.   Meta tapplika l-għażla tal-paragrafu 5(a), għandhom jiġu vverifikati l-preżenza u l-integrità tas-siġilli applikati fl-aħħar tal-perjodu tal-ħżin miftiehem. L-ispejjeż tas-siġillar u tal-immaniġġar għandhom jitħallsu mill-parti kontraenti.

9.   Kull kampjun meħud għall-verifika tal-kwalità u tal-kompożizzjoni tal-prodotti għandu jittieħed minn uffiċjali tal-awtorità responsabbli għall-ispezzjonijiet jew fil-preżenza tagħhom.

Spezzjoni fiżika jew verifika tal-piż għandhom isiru fil-preżenza ta' dawk l-uffiċjali fil-proċedura tal-użin.

Għall-iskopijiet tar-rendikont tal-entrati, ir-reġistri u d-dokumenti finanzjarji u tal-istokk kollha spezzjonati minn dawk l-uffiċjali għandhom jiġu ttimbrati jew immarkati bl-inizjali waqt iż-żjara ta' kontroll. Meta jiġu vverifikati rekords fuq il-kompjuter, għandha tiġi stampata kopja u tinżamm fil-fajl tal-ispezzjoni.

Artikolu 17

Rappurtar tal-awditu

1.   L-awtorità responsabbli għall-ispezzjoni għandha tagħmel rapport tal-ispezzjoni dwar kull verifika fuq il-post. Ir-rapport għandu jiddeskrivi preċiżament il-prodotti differenti spezzjonati.

Ir-rapport għandu jistabbilixxi:

(a)

id-data u l-ħin tal-bidu tal-ispezzjoni;

(b)

id-dettalji tan-notifika mogħtija minn qabel;

(c)

kemm damet l-ispezzjoni;

(d)

il-persuni responsabbli preżenti;

(e)

in-natura u l-medda tal-ispezzjonijiet imwettqa, bl-għoti, partikolarment, tad-dettalji tad-dokumenti u tal-prodotti eżaminati;

(f)

is-sejbiet u l-konklużjonijiet;

(g)

jekk hemmx bżonn segwitu.

Ir-rapport għandu jiġi ffirmat mill-uffiċjal responsabbli u kontroffirmat mill-parti kontraenti jew, meta applikabbli, mill-operatur tal-maħżen, u għandu jkun inkluż fil-fajl tal-pagament.

2.   Fil-każ ta' irregolaritajiet sinifikanti li jaffettwaw mill-anqas 5 % tal-kwantitajiet tal-prodotti koperti minn kuntratt wieħed soġġetti għall-ispezzjoni, il-verifika għandha tiġi estiża għal kampjun akbar li għandu jiġi stabbilit mill-awtorità responsabbli mill-ispezzjonijiet.

3.   L-awtorità responsabbli għall-ispezzjonijiet għandha tirreġistra kull każ ta' nuqqas ta' konformità abbażi tal-kriterji tas-serjetà, il-medda, it-tul u r-repetizzjoni li tista' tirriżulta fl-esklużjoni skont l-Artikolu 18(1), u/jew fil-ħlas lura ta' għajnuna li tkun tħallset mingħajr ma kien mistħoqq, inklużi l-interessi fejn applikabbli, skont il-paragrafu 4 ta' dak l-Artikolu.

Artikolu 18

Penali

1.   Meta l-awtorità kompetenti ta' Stat Membru ssib li dokument ippreżentat minn applikant għall-attribuzzjoni tad-drittijiet li joriġinaw minn dan ir-Regolament ikollu informazzjoni skorretta u meta din l-informazzjoni skorretta tkun deċiżiva għall-attribuzzjoni ta' dawk id-drittijiet, l-awtorità kompetenti għandha teskludi lill-applikant mill-proċedura tal-għoti ta' għajnuna għall-istess prodott li dwaru tkun ingħatat informazzjoni skorretta għal perjodu ta' sena minn meta ssir deċiżjoni amministrativa finali li tistabbilixxi l-irregolarità.

2.   L-esklużjoni prevvista fil-paragrafu 1 ma għandhiex tapplika jekk l-applikant jagħti prova, għas-sodisfazzjon tal-awtorità kompetenti, li s-sitwazzjoni msemmija f'dak il-paragrafu tkun minħabba force majeure jew minħabba żball ċar.

3.   Ħlas li ma kienx mistħoqq għandu jkun irkuprat, bl-interessi mingħand l-opertauri kkonċernati. Ir-regoli stabbiliti fl-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 809/2014 (8) għandhom japplikaw mutatis mutandis.

4.   L-implimentazzjoni ta' penali amministrattivi u l-irkupru ta' ammonti mħallsa meta mhux mistħoqq, kif stipulat f'dan l-Artikolu, huma mingħajr ħsara għall-komunikazzjoni ta' irregolaritajiet lill-Kummissjoni skont ir-Regolament tal-Kummisjoni (KE) Nru 1848/2006 (9).

Artikolu 19

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta' Ottubru 2015.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549).

(4)  Id-Direttiva 1999/93/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 1999 dwar kwadru tal-Komunità għall-firem elettroniċi (ĠU L 13, 19.1.2000, p. 12).

(5)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/563/KE, Euratom tas-7 ta' Lulju 2004 li jemenda r-regolament intern tagħha [r-Regoli tal-Proċedura tagħha] (ĠU L 251, 27.7.2004, p. 9).

(6)  Ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 907/2014 tal-11 ta' Marzu 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-aġenziji tal-pagamenti u korpi oħra, il-ġestjoni finanzjarja, l-approvazzjoni tal-kontijiet, il-garanziji u l-użu tal-euro (ĠU L 255, 28.8.2014, p. 18).

(7)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 792/2009 tal-31 ta' Awwissu 2009 li jistipula regoli dettaljati għan-notifiki tal-Istati Membri lill-Kummissjoni dwar informazzjoni u dokumenti fl-implimentazzjoni tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq, l-iskema tal-pagamenti diretti, il-promozzjoni tal-prodotti agrikoli u s-sistemi applikabbli għar-reġjuni l-aktar imbiegħda u l-gżejjer iż-żgħar tal-Eġew (ĠU L 228, 1.9.2009, p. 3).

(8)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 809/2014 tas-17 ta' Lulju 2014 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-sistema integrata ta' amministrazzjoni u kontroll, tal-miżuri tal-iżvilupp rurali u tal-kundizzjonalità (ĠU L 227, 31.7.2014, p. 69).

(9)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1848/2006 tal-14 ta' Diċembru 2006 dwar l-irregolaritajiet u l-irkupru ta' somom ta' flus imħallsa bi żball b'konnessjoni mal-finanzjament tal-politika agrikola komuni kif ukoll l-organizzazzjoni ta' sistema ta' informazzjoni f'dan il-qasam u li jirrevoka r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 595/91 (ĠU L 355, 15.12.2006, p. 56).


ANNESS

Stat Membru

Kwantitajiet massimi

(tunnellati)

Il-Belġju

1 243

Il-Bulgarija

696

Ir-Repubblika Ċeka

1 421

Id-Danimarka

3 334

Il-Ġermanja

23 626

L-Estonja

454

L-Irlanda

1 835

Il-Greċja

1 880

Spanja

3 635

Franza

20 830

Il-Kroazja

348

L-Italja

12 015

Ċipru

199

Il-Latvja

348

Il-Litwanja

1 163

Il-Lussemburgu

33

L-Ungerija

827

Malta

30

In-Netherlands

8 156

L-Awstrija

1 968

Il-Polonja

7 859

Il-Portugall

704

Ir-Rumanija

797

Is-Slovenja

164

Is-Slovakkja

426

Il-Finlandja

1 210

L-Iżvezja

945

Ir-Renju Unit

3 854

Total

100 000