28.8.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 225/7


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/1474

tas-27 ta' Awwissu 2015

dwar l-użu ta' misħun riċiklat biex titneħħa l-kontaminazzjoni mikrobijoloġika tal-wiċċ mill-karkassi

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 li jistabbilixxi ċerti regoli speċifiċi ta' iġjene għall-ikel li joriġina mill-annimali (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 3(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Id-Direttiva tal-Kunsill 98/83/KE (2) timmira li tħares is-saħħa tal-bniedem mill-effetti ħżiena ta' kwalunkwe kontaminazzjoni tal-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem billi tiżgura li dan ikun tajjeb u nadif. Il-Partijiet A u B tal-Anness I ta' dik id-Direttiva jistabbilixxu l-parametri mikrobijoloġiċi u kimiċi li jridu jiġu ssodisfati mill-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem.

(2)

Ir-Regolament (KE) Nru 852/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) jistabbilixxi r-regoli ġenerali għall-operaturi tan-negozju alimentari dwar l-iġjene tal-oġġetti tal-ikel, b'kunsiderazzjoni partikolari tal-prinċipju li jikkonċerna l-implimentazzjoni ġenerali tal-proċeduri msejsa fuq l-analiżi tal-perikli u l-punti kritiċi ta' kontroll (HACCP).

(3)

Ir-Regolament (KE) Nru 852/2004 jiddefinixxi “l-ilma potabili” bħala ilma li jissodisfa r-rekwiżiti minimi stabbiliti fid-Direttiva 98/83/KE.

(4)

Ir-Regolament (KE) Nru 853/2004 jistabbilixxi ċerti regoli speċifiċi ta' iġjene għall-ikel li joriġina mill-annimali għall-operaturi tan-negozju alimentari. Dan jistipula li l-operaturi tan-negozju alimentari ma għandhom jużaw l-ebda sustanza għajr l-ilma tajjeb għax-xorb biex ineħħu l-kontaminazzjoni tal-wiċċ mill-prodotti li joriġinaw mill-annimali, sakemm l-użu tas-sustanza ma jkunx ġie approvat skont dak ir-Regolament.

(5)

Ir-Regolament (KE) Nru 854/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) jistipula regoli speċifiċi għall-organizzazzjoni ta' kontrolli uffiċjali fuq prodotti li joriġinaw mill-annimali maħsuba għall-konsum uman u, b'mod partikolari, jistipula li dawn għandhom jinkludu verifiki tal-prattiki tajba ta' iġjene u proċeduri bbażati fuq l-HACCP.

(6)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2073/2005 (5) jistabbilixxi l-kriterji mikrobijoloġiċi għal ċerti mikroorganiżmi u r-regoli ta' implimentazzjoni li jridu jikkonformaw magħhom l-operaturi tan-negozju alimentari meta jimplimentaw il-miżuri ġenerali u speċifiċi ta' iġjene msemmija fir-Regolament (KE) Nru 852/2004.

(7)

Fit-30 ta' Settembru 2010, il-Bord dwar il-Perikli Bijoloġiċi tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“EFSA”) adotta Opinjoni Xjentifika dwar is-sikurezza u l-effikaċja tal-użu tal-misħun riċiklat bħala teknika ta' dekontaminazzjoni għall-karkassi tal-laħam (6).

(8)

Fl-opinjoni tagħha, l-EFSA tikkonkludi li l-misħun riċiklat huwa effikaċi daqs il-misħun tajjeb għax-xorb biex titnaqqas il-kontaminazzjoni mikrobijoloġika tal-wiċċ u r-riskji rilevanti ewlenin marbuta mal-użu tiegħu huma r-riskji mikrobijoloġiċi assoċjati ma' ċerti spori batterjoloġiċi reżistenti għas-sħana.

(9)

Dawn ir-riskji jistgħu jiġu kkontrollati billi jiġi żgurat li l-misħun riċiklat ikun soġġett għal reġim minimu ta' temperatura/ħin ta' tisħin u għal reġim ta' tiġdid li jiżguraw li l-parametri mikrobijoloġiċi u kimiċi huma fi ħdan ir-rekwiżiti tal-ilma tajjeb għax-xorb kif stabbilit fir-Regolament (KE) Nru 852/2004 u għalhekk ir-riskju tal-misħun riċiklat mhuwiex ogħla minn dak għall-misħun tajjeb għax-xorb.

(10)

Barra minn hekk, l-EFSA tidentifika u tiddefinixxi l-kriterji tal-HACCP sabiex tinkiseb l-effikaċja mistennija tal-misħun riċiklat u sabiex jiġu kkontrollati r-riskji possibbli. B'mod partikolari, dawk il-kriterji jinkludu obbligu għall-operaturi tan-negozju alimentari li jiġbru d-dejta dwar il-preżenza u l-akkumulazzjoni potenzjali ta' ċerti spori batterjoloġiċi fil-misħun riċiklat użat biex titneħħa l-kontaminazzjoni mikrobijoloġika tal-wiċċ mill-karkassi.

(11)

Fid-dawl tal-opinjoni tal-EFSA, meta jitqies li l-misħun riċiklat jista' jkun għodda addizzjonali biex jinkisbu l-objettivi tar-Regolamenti (KE) Nru 852/2004, (KE) Nru 853/2004, (KE) Nru 854/2004 u (KE) Nru 2073/2005 u li l-użu tiegħu għandu valur miżjud għal raġunijiet ambjentali u ta' preservazzjoni tal-enerġija, jixraq li jiġi approvat l-użu tal-misħun riċiklat mill-operaturi tan-negozju alimentari biex titneħħa l-kontaminazzjoni mikrobijoloġika tal-wiċċ mill-karkassi.

(12)

Madankollu, l-użu tal-misħun riċiklat ma jridx jaffettwa d-dover tal-operatur tan-negozju alimentari li jikkonforma mar-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-iġjene fl-ikel, kif stabbiliti fir-Regolamenti (KE) Nru 852/2004, (KE) Nru 853/2004, (KE) Nru 854/2004 u (KE) Nru 2073/2005. Tali użu għandu jiġi integrat f'sistemi bbażati fuq l-HACCP u bl-ebda mod ma għandu jitqies bħala sostituzzjoni għall-prattiki iġjeniċi u għall-proċeduri operattivi tajbin waqt il-qatla jew bħala alternattiva għall-konformità mar-rekwiżiti ta' dawk ir-Regolamenti.

(13)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-operaturi tan-negozju alimentari jistgħu jużaw il-misħun riċiklat biex ineħħu l-kontaminazzjoni mikrobijoloġika tal-wiċċ mill-karkassi b'konformità mal-kundizzjonijiet għall-użu li huma stabbiliti fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-27 ta' Awwissu 2015.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 139, 30.4.2004, p. 55.

(2)  Id-Direttiva tal-Kunsill 98/83/KE tat-3 ta' Novembru 1998 dwar il-kwalità tal-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem (ĠU L 330, 5.12.1998, p. 32).

(3)  Ir-Regolament (KE) Nru 852/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar l-iġjene tal-oġġetti tal-ikel (ĠU L 139, 30.4.2004, p. 1).

(4)  Ir-Regolament (KE) Nru 854/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 li jippreskrivi regoli speċifiċi għall-organizzazzjoni ta' kontrolli uffiċjali fuq prodotti li joriġinaw mill-annimali maħsuba għall-konsum uman (ĠU L 139, 30.4.2004, p. 206).

(5)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2073/2005 tal-15 ta' Novembru 2005 dwar kriterji mikrobijoloġiċi għall-oġġetti tal-ikel (ĠU L 338, 22.12.2005, p. 1).

(6)  EFSA Journal 2010;8(9):1827.


ANNESS

Parti I — Kundizzjonijiet għall-użu ta' misħun riċiklat biex titneħħa l-kontaminazzjoni mikrobijoloġika tal-wiċċ mill-karkassi

1.

Il-misħun riċiklat irid jinkiseb billi jissaħħan u jiġi rriċiklat il-misħun tajjeb għax-xorb f'sistema magħluqa u separata.

2.

L-ilma riċiklat għandu jiġi soġġett għal:

(a)

reġim minimu ta' temperatura/ħin ta' tisħin qabel ma jiġi applikat fuq il-karkassi, li jrid jiżgura l-konformità mal-parametri mikrobijoloġiċi tal-ilma tajjeb għax-xorb;

(b)

reġim ta' tiġdid bil-frekwenza xierqa inkluż, fejn meħtieġ, l-ixkumar ta' partiċelli kbar, il-filtrazzjoni u ż-żieda ta' ilma tajjeb għax-xorb, li jrid jiżgura l-konformità mal-parametri kimiċi tal-ilma tajjeb għax-xorb.

3.

Il-misħun riċiklat irid jiġi applikat biss fuq karkassi sħaħ jew nofs karkassi ta' ungulati domestiċi u annimali tal-kaċċa mrobbija, f'kundizzjonijiet ikkontrollati u vverifikati

4.

Il-misħun riċiklat ma għandux jiġi applikat fuq karkassi b'kontaminazzjoni fekali viżibbli.

5.

L-applikazzjoni tal-misħun riċiklat fuq il-karkassi ma jrid jirriżulta fl-ebda modifika fiżika irriversibbli tal-laħam.

6.

L-applikazzjoni tal-misħun riċiklat fuq il-karkassi trid titwettaq qabel ma l-karkassi jitqiegħdu f'kamra ta' tkessiħ jew refriġerazzjoni.

7.

Il-kundizzjonijiet fil-punti 2 u 3 ta' dan il-paragrafu għandhom jiġu integrati fil-proċeduri bbażati fuq il-prinċipji ta' analiżi tal-perikli u punti kritiċi ta' kontroll (HACCP), inklużi mill-inqas il-kriterji stabbiliti fil-Parti II.

Parti II — Kriterji minimi tal-HACCP u parametri ta' kontroll

1.

It-teħid tal-kampjuni tal-karkassi għall-finijiet ta' valutazzjoni tal-konformità skont it-tifsira tar-Regolament (KE) Nru 2073/2005, għandu jsir qabel l-applikazzjoni tal-misħun riċiklat fuq il-karkassi.

2.

Ir-reġim minimu ta' temperatura/ħin ta' tisħin applikat għall-misħun riċiklat qabel ma jintuża fuq il-karkassi, irid jiġi mmonitorjat kontinwament permezz ta' kejl bl-istrumenti, u jiġi ddokumentat u rreġistrat.

3.

Il-konformità tal-ilma riċiklat applikat fuq il-karkassi mal-parametri mikrobijoloġiċi u kimiċi stabbiliti għall-ilma tajjeb għax-xorb, trid tiġi vverifikata perjodikament permezz tal-ittestjar tal-ilma, u tiġi ddokumentata u rreġistrata.

4.

Il-konformità tal-ilma riċiklat applikat fuq il-karkassi mal-parametri indikaturi tal-Clostridium perfringens stabbiliti għall-ilma tajjeb għax-xorb, trid tiġi vverifikata permezz ta' monitoraġġ perjodiku, u tiġi ddokumentata u rreġistrata.