27.8.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 224/1


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/1428

tal-25 ta' Awwissu 2015

li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 244/2009 fir-rigward tar-rekwiżiti tal-ekodisinn tal-bozoz tad-dar li ma jitfgħux id-dawl f'direzzjoni waħda kif ukoll ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 245/2009 fir-rigward tar-rekwiżiti tal-ekodisinn għall-bozoz fluworexxenti mingħajr ballast integrata, għall-bozoz b'discharge ta' intensità għolja, u għall-ballasts u l-unitajiet tat-tidwil li kapaċi jħaddmu bozoz ta' dan it-tip, u li jħassar id-Direttiva 2000/55/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill kif ukoll ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1194/2012 fir-rigward tar-rekwiżiti tal-ekodisinn għal bozoz direzzjonali, bozoz b'dajowd li jemetti d-dawl u t-tagħmir relatat

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 li tistabbilixxi qafas għall-iffissar ta' rekwiżiti għall-ekodisinn għal prodotti relatati mal-enerġija (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 15(1) tagħha,

Wara li kkonsultat il-Forum ta' Konsultazzjoni dwar l-Ekodisinn,

Billi:

(1)

Il-Kummissjoni hija meħtieġa li twettaq reviżjoni tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 244/2009 (2) fid-dawl tal-progress teknoloġiku, b'innutar partikolari tal-iżvilupp tal-bejgħ ta' tipi ta' bozoz b'użu speċjali sabiex tivverifika li dawn ma jintużawx għal skopijiet ġenerali ta' tidwil, u tal-iżvilupp ta' teknoloġiji ġodda bħal LEDs u tal-fattibbiltà tal-istabbiliment ta' rekwiżiti għall-effiċjenza tal-enerġija fil-livell tal-klassi “A” kif definit fid-Direttiva tal-Kummissjoni 98/11/KE (3).

(2)

Skont ix-xhieda mressqa fir-reviżjoni tar-Regolament (KE) Nru 244/2009, ma jidhirx li huwa ekonomikament fattibbli għall-manifatturi li jiżviluppaw u jqiegħdu fis-suq mill-1 ta' Settembru 2016 'l quddiem, bozoz tal-aloġenu b'vultaġġ tal-mains li jilħqu l-limitu ffissat għall-“istadju 6” fit-Tabella 1 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 244/2009 rigward il-potenza nominali massima għal fluss ta' luminożità nominali partikolari. Valutazzjoni tal-iżviluppi mistennija fl-użu ta' teknoloġiji tat-tidwil effiċjenti fl-enerġija tindika li waqt aktar ottimu għall-introduzzjoni ta' dak il-limitu jkun l-1 ta' Settembru 2018.

(3)

Sabiex il-benefiċċji ambjentali jilħqu l-massimu tagħhom u jitnaqqsu kwalunkwe impatti ekonomiċi negattivi għall-utent, huwa neċessarju li d-disinni tal-unitajiet tat-tidwil tal-futur jiġu meħtieġa li jkunu kompatibbli ma' soluzzjonijiet tat-tidwil effiċjenti fl-enerġija. Ir-riskju li “neħlu” ma' teknoloġiji qodma, li ma jibqgħux jintużaw, għandu jiġi mminimizzat billi jiġi żgurat li l-unitajiet tat-tidwil li jitqiegħdu fis-suq ikunu kompletament kompatibbli ma' bozoz effiċjenti ħafna li ta' mill-inqas jissodisfaw il-klassi ta' effiċjenza enerġetika “A+” skont ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 874/2012 (4).

(4)

Ir-reviżjoni tar-Regolament (KE) Nru 244/2009 wriet il-ħtieġa li jitwettqu aġġornament u kjarifika tad-definizzjoni ta' bozoz b'użu speċjali, bil-għan li jitnaqqas l-użu ta' bozoz b'użu speċjali f'applikazzjonijiet ta' tidwil ġenerali u li r-rekwiżiti jiġu adattati għall-iżviluppi teknoloġiċi. Ir-rekwiżiti regolatorji għandhom jiffaċilitaw aktar l-użu tal-iżjed taħlita ta' dawl effiċjenti fl-enerġija għal kull talba speċifika.

(5)

Huwa meħtieġ li tkun żgurata koerenza bejn ir-Regolament (KE) Nru 244/2009 u r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1194/2012 (5) fir-rigward tad-definizzjoni u r-rekwiżiti ta' informazzjoni dwar il-prodott għal prodotti b'użu speċjali, u dan jista' jinkiseb l-aħjar permezz ta' emenda kombinata taż-żewġ Regolamenti. Din għandha tissimplifika l-konformità mar-rekwiżiti regolatorji għall-manifatturi u l-fornituri, u tappoġġja sorveljanza effettiva tas-suq mill-awtoritajiet nazzjonali.

(6)

Ir-reviżjoni tar-Regolament (KE) Nru 244/2009 tikkonkludi li l-fattibilità li jiġu stabbiliti rekwiżiti għall-effiċjenza tal-enerġija fil-livell tal-klassi “A” jew ogħla għandha tiġi mistħarrġa permezz ta' studju ta' segwitu bir-reqqa, li għandu wkoll jevalwa l-fattibbiltà ta' żieda ta' rekwiżiti għall-effiċjenza enerġetika għall-prodotti koperti fir Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 245/2009 (6) u r-Regolament (UE) Nru 1194/2012, li twessa' il-kamp ta' applikazzjoni ta' kull wieħed minnhom biex jiġi ottimizzat it-tnaqqis fil-konsum tal-enerġija, u jitwaħħdu it-tliet regolamenti kollha f'miżura ta' implimentazzjoni waħda, koerenti dwar ir-rekwiżiti tal-ekodisinn għall-prodotti tat-tidwil.

(7)

Ir-Regolament (KE) Nru 245/2009 jidentifika l-enerġija fil-fażi tal-użu kif ukoll il-kontenut ta' merkurju tal-bozoz bħala l-għan sinifikanti tiegħu. Għalhekk, rekwiżiti tal-prestazzjoni ta' prodott għall-bozoz jew mingħajr rekwiżiti tal-effikaċja tal-prodott inkella dwar il-kontenut tal-merkurju jirriżultaw f'piż regolatorju bla ħtieġa, u jafu jwasslu għal tneħħija gradwali tal-prodott għal raġunijiet mhux sinifikanti. L-emendar tal-kamp ta' applikazzjoni tar-rekwiżiti tal-prestazzjoni ta' prodott bil-għan li jkun hemm konformità mal-kamp ta' applikazzjoni tal-għan sinifikanti tar-Regolament għandu għalhekk itejjeb l-adegwatezza regolatorja.

(8)

B'qies tal-ħtiġijiet għar-reviżjoni tar-regolamenti dwar l-ekodisinn marbut mat-tidwil u dwar it-tikkettar enerġetiku, ikun xieraq li fost ħwejjeġ oħra jitqiesu mill-ġdid l-eżenzjoni tal-bozoz b'fissaġġ tat-tipi G9 u R7s, u r-rekwiżiti minimi ta' prestazzjoni tal-enerġija tal-bozoz.

(9)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 19(1) tad-Direttiva 2009/125/KE,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi għar-Regolament (KE) Nru 244/2009

Ir-Regolament (KE) Nru 244/2009 huwa emendat kif ġej:

1.

L-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:

(a)

Il-punt (4) għandu jinbidel b'dan li ġej:

“4.

‘bozza b'użu speċjali’ tfisser bozza li tuża t-teknoloġiji koperti minn dan ir-Regolament iżda mhix maħsuba għall-użu fl-applikazzjonijiet speċjali minħabba l-parametri tekniċi tagħha kif deskritti fid-dokumentazzjoni teknika. Applikazzjonijiet speċjali huma dawk li jesiġu parametri tekniċi mhux meħtieġa għall-finijiet ta' tidwil ta' xeni jew oġġetti komuni f'ċirkostanzi normali. Dawn l-applikazzjonijet huma tat-tipi li ġejjin:

(a)

applikazzjonijiet fejn l-użu ewlieni tad-dawl mhuwiex it-tidwil, bħal

(i)

l-emissjoni ta' dawl bħala aġent fi proċess kimiku jew bijoloġiku (bħall-polimerizzazzjoni, id-dawl ultravjola użat għal fejqan/tnixxif/twebbis, it-terapija fotodinamika, l-ortikultura, il-kura tal-annimali domestiċi, il-prodotti kontra l-insetti);

(ii)

il-qbid tal-immaġni u l-projezzjoni ta' immaġini (bħal torċijiet, magni ta' fotokopjar, retroprojetturi);

(iii)

it-tisħin (bozoz infraħomor);

(iv)

is-sinjalar (bħall-kontroll tat-traffiku jew bozoz tal-mitjar);

(b)

applikazzjoni tat-tidwil fejn

(i)

id-distribuzzjoni spettrali tad-dawl hija maħsuba biex tbiddel id-dehra tax-xena mdawla jew l-oġġett imdawwal, kif ukoll biex tagħmilhom viżibbli (bħal tidwil ta' wiri tal-ikel jew bozoz ikkuluriti kif iddefiniti fil-punt 1 tal-Anness I), bl-eċċezzjoni tal-varjazzjonijiet fit-temperatura tal-kulur ikkorrelatata; jew

(ii)

id-distribuzzjoni spettrali tad-dawl hija aġġustata għall-ħtiġijiet speċifiċi ta' tagħmir tekniku partikolari, kif ukoll biex tagħmel ix-xena jew l-oġġett viżibbli għall-bnedmin (bħat-tidwil ta' studjo, tidwil ta' effett ta' spettaklu, tiwdil tat-teatri); jew

(iii)

ix-xena mdawla jew l-oġġett imdawwal jesiġu protezzjoni speċjali mill-effetti negattivi tas-sors tad-dawl (bħat-tidwil b'filtri attaposta għal pazjenti fotosensittivi jew eżibizzjonijiet fotosensittivi fil-mużewijiet); jew

(iv)

it-tidwil huwa meħtieġ biss għal sitwazzjonijiet ta' emerġenza (bħal luminarji ta' tidwil ta' emerġenza jew tagħmir ta' kontroll għal tidwil ta' emerġenza); jew

(v)

il-prodotti ta' tidwil iridu jirreżistu l-kundizzjonijiet fiżiċi estremi (bħal vibrazzjonijiet jew temperaturi taħt – 20 °C jew ogħla minn 50 °C);

Bozoz inkandexxenti itwal minn 60 mm mhumiex bozoz b'użu speċjali, jekk ikunu reżistenti biss għal ċaqliq vjolenti jew vibrazzjonijiet mekkaniċi u ma jkunux bozoz inkandexxenti tas-sinjalar tat-traffiku; jew li għandhom potenza nominali ogħla minn 25 W u jiddikjaraw li għandhom karatteristiċi speċifiċi li huma wkoll preżenti f'bozoz ta' klassijiet ta' effiċjenza enerġetika ogħla skont ir-Regolament (UE) Nru 874/2012 (bħal emissjonijiet żero EMC, valur CRI ogħla jew ugwali għal 95, u emissjonijiet tal-UV anqas minn jew daqs 2 mW kull 1 000 lm);”

(b)

il-punt (9) għandu jinbidel b'dan li ġej:

“9.

‘bozza aloġena tat-tungstenu’ tfisser bozza bil-filament li fiha l-filament huwa magħmul mit-tungstenu u huwa mdawwar b'gass li fih l-aloġeni jew komposti tal-aloġeni f'bozza mmanifatturata mill-kwarz jew mill-ħġieġ iebes, li tista tiġi mmuntata f'envelopp sekondarju. Il-provvista tal-elettriku tagħhom tista' tkun ġejja minn provvista integrata;”

(c)

il-punt 19 jiżdied, kif ġej:

“19.

‘bozza għas-sinjalar tat-traffiku inkandexxenti’ tfisser bozza inkandexxenti b'vultaġġ nominali ogħla minn 60 V, u rata ta' falliment ta' inqas minn 2 % matul l-ewwel 1 000 siegħa ta' tħaddim.”

2.

L-Artikolu 3 jinbidel b'dan li ġej:

“Artikolu 3

Rekwiżiti tal-ekodisinn

1.   Bozoz tad-dar nondirezzjonali għandhom jilħqu r-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness II.

Kull rekwiżit tal-ekodisinn għandu japplika skont l-istadji li ġejjin:

 

Stadju 1: 1 ta' Settembru 2009,

 

Stadju 2: 1 ta' Settembru 2010,

 

Stadju 3: Il-Ħamis, 1 ta' Settembru 2011,

 

Stadju 4: Is-Sibt, 1 ta' Settembru 2012,

 

Stadju 5: 1 ta' Settembru 2013,

 

Stadju 6: 1 ta' Settembru 2018.

Sakemm rekwiżit ma jinbidilx b'rekwiżit ieħor jew dan jiġi speċifikat b'xi mod ieħor, għandu jkompli japplika flimkien mar-rekwiżiti l-oħrajn li jiġu introdotti fi stadji iktar ′il quddiem.

2.   Il-bozoz b'għan speċjali għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

Jekk il-koordinati tal-kromatiċità ta' bozza jaqgħu dejjem fil-medda li ġejja:

 

x < 0,270 or x > 0,530

 

y < – 2,3172 x2 + 2,3653 x – 0,2199 or y > – 2,3172 x2 + 2,3653 x – 0,1595;

il-koordinati tal-kromatiċità għandhom jiġu ddikjarati fil-fajl ta' dokumentazzjoni teknika mħejji għall-finijiet ta' valutazzjoni tal-konformità skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2009/125/KE, li għandu jindika li, minħabba dawn il-koordinati, il-bozoz jitqiesu bħala bozza b'użu speċjali

(b)

Għall-bozoz kollha b'użu speċjali, l-użu maħsub għandu jitniżżel f'kull għamla ta' informazzjoni dwar il-prodott, flimkien ma' twissija li mhumiex maħsuba għall-użu f'applikazzjonijiet oħra.

Il-fajl tad-dokumentazzjoni teknika mħejji għall-finijiet ta' valutazzjoni tal-konformità skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2009/125/KE għandu jelenka l-parametri tekniċi li, permezz tagħhom, id-disinn tal-bozza jkun speċifiku għall-użu maħsub iddikjarat.

Jekk meħtieġ, il-parametri jistgħu jiġu elenkati b'tali mod li jevita l-iżvelar ta' informazzjoni kummerċjalment sensittiva marbuta mad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali tal-manifattur.

Jekk il-bozza tintwera b'mod viżibbli lill-utenti aħħarin qabel tinxtara, l-informazzjoni li ġejja għandha tiġi indikata wkoll b'mod ċar u prominenti fuq l-imballaġġ:

(i)

l-użu maħsub;

(ii)

li mhix adattata għall-illuminazzjoni ta' kamra ta' dar; kif ukoll

(iii)

il-parametri tekniċi li jagħmlu d-disinn tal-bozza speċifiku għall-għan maħsub iddikjarat;

Alternattivament, l-informazzjoni msemmija fil-punt (iii) tista' tiġi pprovduta ġewwa l-imballaġġ.”

Artikolu 2

Emenda għar-Regolament (KE) Nru 245/2009

L-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 245/2009 huwa emendat kif stabbilit fl-Anness I ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Emenda għar-Regolament (UE) Nru 1194/2012

Ir-Regolament (UE) Nru 1194/2012 qiegħed jiġi emendat kif ġej:

1.

L-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:

(a)

Il-punt (4) għandu jinbidel b'dan li ġej:

“4.

‘prodott b'użu speċjali’ tfisser prodott li juża t-teknoloġiji koperti minn dan ir-Regolament iżda mhuwiex maħsub għall-użu fl-applikazzjonijiet speċjali minħabba l-parametri tekniċi tiegħu kif deskritti fid-dokumentazzjoni teknika. Applikazzjonijiet speċjali huma dawk li jesiġu parametri tekniċi mhux meħtieġa għall-finijiet ta' tidwil ta' xeni jew oġġetti komuni f'ċirkostanzi normali. Dawn l-applikazzjonijet huma tat-tipi li ġejjin:

(a)

applikazzjonijiet fejn l-użu ewlieni tad-dawl mhuwiex it-tidwil, bħal

(i)

l-emissjoni ta' dawl bħala aġent fi proċess kimiku jew bijoloġiku (bħall-polimerizzazzjoni, id-dawl ultravjola użat għal fejqan/tnixxif/twebbis, it-terapija fotodinamika, l-ortikultura, il-kura tal-annimali domestiċi, il-prodotti kontra l-insetti);

(ii)

il-qbid tal-immaġni u l-projezzjoni ta' immaġini (bħal torċijiet, magni ta' fotokopjar, retroprojetturi);

(iii)

it-tisħin (bozoz infraħomor);

(iv)

is-sinjalar (bħall-kontroll tat-traffiku jew bozoz tal-mitjar);

(b)

applikazzjoni tat-tidwil fejn

(i)

id-distribuzzjoni spettrali tad-dawl hija maħsuba biex tbiddel id-dehra tax-xena mdawla jew l-oġġett imdawwal, kif ukoll biex tagħmilhom viżibbli (bħal tidwil ta' wiri tal-ikel jew bozoz ikkuluriti kif iddefiniti fil-punt 1 tal-Anness I), bl-eċċezzjoni tal-varjazzjonijiet fit-temperatura tal-kulur ikkorrelatata; jew

(ii)

id-distribuzzjoni spettrali tad-dawl hija aġġustata għall-ħtiġijiet speċifiċi ta' tagħmir tekniku partikolari, kif ukoll biex tagħmel ix-xena jew l-oġġett viżibbli għall-bnedmin (bħat-tidwil ta' studjo, tidwil ta' effett ta' spettaklu, tiwdil tat-teatri); jew

(iii)

ix-xena mdawla jew l-oġġett imdawwal jesiġu protezzjoni speċjali mill-effetti negattivi tas-sors tad-dawl (bħat-tidwil b'filtri attaposta għal pazjenti fotosensittivi jew eżibizzjonijiet fotosensittivi fil-mużewijiet); jew

(iv)

it-tidwil huwa meħtieġ biss għal sitwazzjonijiet ta' emerġenza (bħal luminarji ta' tidwil ta' emerġenza jew tagħmir ta' kontroll għal tidwil ta' emerġenza); jew

(v)

il-prodotti ta' tidwil iridu jirreżistu l-kundizzjonijiet fiżiċi estremi (bħal vibrazzjonijiet jew temperaturi taħt – 20 °C jew ogħla minn 50 °C);

Bozoz inkandexxenti itwal minn 60 mm mhumiex prodotti għal użu speċjali, jekk ikunu reżistenti biss għal ċaqliq vjolenti jew vibrazzjonijiet mekkaniċi u ma jkunux bozoz inkandexxenti tas-sinjalar tat-traffiku; jew li għandhom potenza nominali ogħla minn 25 W u jiddikjaraw li għandhom karatteristiċi speċifiċi li huma wkoll preżenti f'bozoz ta' klassijiet ta' effiċjenza enerġetika ogħla skont ir-Regolament (UE) Nru 874/2012 (bħal emissjonijiet żero EMC, valur CRI ogħla jew ugwali għal 95, u emissjonijiet tal-UV anqas minn jew daqs 2 mW kull 1 000 lm);”

(b)

il-punt (28) għandu jinbidel b'dan li ġej:

“28.

‘unità tat-tidwil’ tfisser prodott li jiddistribwixxi, jiffiltra jew jittrasforma d-dawl li jgħaddi minn bozza waħda jew aktar li jinkludi l-partijiet kollha meħtieġa biex isostnu, jiffissaw u jipproteġu l-bozoz u, fejn meħtieġ, ċirkwiti awżiljarji flimkien mal-mezzi għall-konnessjoni tagħhom mal-provvista tal-elettriku. Jekk l-iskop primarju ta' prodott mhuwiex it-tidwil u l-prodott huwa dipendenti fuq input ta' enerġija għall-issodisfar tal-użu primarju tiegħu waqt l-użu (bħal friġġijiet, magni tal-ħjata, endoskopji, analizzaturi tad-demm) dan ma jitqiesx bħala unità ta' tidwil għall-finijiet ta' dan ir-Regolament;”

(c)

il-punt (31) jiżdied, kif ġej:

“31.

‘bozza għas-sinjalar tat-traffiku inkandexxenti’ tfisser bozza inkandexxenti b'vultaġġ nominali ogħla minn 60 V, u rata ta' falliment ta' inqas minn 2 % matul l-ewwel 1 000 siegħa ta' tħaddim.”

2.

L-Annessi I, III u IV huma emendati kif stipulat fl-Anness II ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 4

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ sitt xhur wara d-data tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta' Awwissu 2015.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 285, 31.10.2009, p. 10.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 244/2009 tat-18 ta' Marzu 2009 li jimplimenta d-Direttiva 2005/32/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rekwiżiti tal-ekodisinn għal bozoz tad-dar li ma jitfgħux id-dawl f'direzzjoni waħda (ĠU L 76, 24.3.2009, p. 3).

(3)  Id-Direttiva tal-Kummissjoni 98/11/KE tas-27 ta' Jannar 1998 li timplimenta d-Direttiva tal-Kunsill 92/75/KEE fir-rigward tat-tikketti għall-enerġija ta' bozoz tad-dar (ĠU L 71, 10.3.1998, p. 1).

(4)  Ir-Regolament Degelat tal-Kummissjoni (UE) Nru 874/2012 tat-12 ta' Lulju 2012 li jissupplimenta d-Direttiva 2010/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tat-tikkettar enerġetiku tal-bozoz tal-elettriku u l-unitajiet tat-tidwil (ĠU L 258, 26.9.2012, p. 1).

(5)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1194/2012 tat-12 ta' Diċembru 2012 li jimplimenta d-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rekwiżiti tal-ekodisinn għal bozoz direzzjonali, bozoz b'dajowd li jemetti d-dawl u tagħmir relatat (ĠU L 342, 14.12.2012, p. 1).

(6)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 245/2009 tat-18 ta' Marzu 2009 li jimplimenta d-Direttiva 2005/32/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rekwiżiti tal-ekodisinn għall-bozoz fluworexxenti mingħajr ballast integrata, għall-bozoz b'discharge ta' intensità għolja, u għall-ballasts u l-unitajiet tat-tidwil li kapaċi jħaddmu bozoz ta' dan it-tip, u li jħassar id-Direttiva 2000/55/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 76, 24.3.2009, p. 17).


ANNESS I

Emenda fl-Annessi I u III tar-Regolament (KE) Nru 245/2009

1.

Fl-Anness III, il-punt 1.2 (B), l-aħħar paragrafu jinbidel b'dan li ġej:

“Bozoz tas-sodju taħt pressjoni għolja b'rekwiżiti tal-effikaċja tal-bozoz għandu jkollhom tal-anqas il-fatturi ta' manutenzjoni tal-lumen tal-bozza u l-fatturi ta' sopravivenza tal-bozza fit-Tabella 13:

Tabella 13

Fatturi ta' manutenzjoni tal-lumen tal-bozza & fatturi ta' sopravivenza tal-bozza għal bozoz tas-sodju taħt pressjoni għolja — Stadju 2

Kategorija tal-bozoz tas-sodju taħt pressjoni għolja u sigħat jixegħlu għall-kejl

Fattur ta' manutenzjoni tal-lumen tal-bozza

Fattur ta' sopravivenza tal-bozza

P ≤ 75 W

LLMF u LSF imkejla wara 12 000 siegħa mixgħula

Ra ≤ 60

> 0,80

> 0,90

Ra > 60

> 0,75

> 0,75

il-bozoz kollha retrofit iddisinjati biex jitħaddmu fuq ballast ta' bozza tal-fwar tal-merkurju taħt pressjoni għolja

> 0,75

> 0,80

P > 75 W ≤ 605 W

LLMF u LSF imkejla wara 16 000 siegħa mixgħula

Ra ≤ 60

> 0,85

> 0,90

Ra > 60

> 0,70

> 0,65

il-bozoz kollha retrofit iddisinjati biex jitħaddmu fuq ballast ta' bozza tal-fwar tal-merkurju taħt pressjoni għolja

> 0,75

> 0,55

Ir-rekwiżiti fit-Tabella 13 għall-bozoz retrofit iddisinjati biex jitħaddmu fuq ballast ta' bozza tal-fwar tal-merkurju taħt pressjoni għolja għandhom japplikaw sa 6 snin wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.”

2.

Fl-Anness III, il-punt 1.2 (C) jinbidel b'dan li ġej:

“C.   Rekwiżiti tat-tielet stadju

Tmien snin wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

Il-bozoz tal-alid tal-metall b'rekwiżiti tal-effikaċja tal-bozoz għandu jkollhom tal-anqas il-fatturi ta' manutenzjoni tal-lumen tal-bozza u l-fatturi ta' sopravivenza tal-bozza fit-Tabella 14:

Tabella 14

Fatturi ta' manutenzjoni tal-lumen tal-bozza u fatturi ta' sopravivenza tal-bozza għal bozoz tal-alid tal-metall — Stadju 3

Sigħat mixgħula

Fattur ta' manutenzjoni tal-lumen tal-bozza

Fattur ta' sopravivenza tal-bozza

12 000

> 0,80

> 0,80”


ANNESS II

Emendi għall-Annessi I, III u IV tar-Regolament (UE) Nru 1194/2012

1.

Fl-Anness I, il-punt 2 jinbidel b'dan li ġej:

“2.

Għall-prodotti kollha b'użu speċjali, l-użu maħsub għandu jitniżżel f'kull għamla ta' informazzjoni dwar il-prodott, flimkien ma' twissija li mhumiex maħsuba għall-użu f'applikazzjonijiet oħra.

Il-fajl tad-dokumentazzjoni teknika mħejji għall-finijiet ta' valutazzjoni tal-konformità skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2009/125/KE għandu jelenka l-parametri tekniċi li, permezz tagħhom, id-disinn tal-prodott ikun speċifiku għall-użu maħsub iddikjarat.

Jekk meħtieġ, il-parametri jistgħu jiġu elenkati b'tali mod li jevita l-iżvelar ta' informazzjoni kummerċjalment sensittiva marbuta mad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali tal-manifattur.

Jekk il-prodott jintwera b'mod viżibbli lill-utenti aħħarin qabel jinxtara l-prodott, l-informazzjoni li ġejja għandha tiġi indikata b'mod ċar u prominenti fuq l-imballaġġ:

(a)

l-użu maħsub;

(b)

li mhuwiex adattat għall-illuminazzjoni ta' kamra ta' dar; kif ukoll

(c)

il-parametri tekniċi li jagħmlu d-disinn tal-bozza speċifiku għall-għan maħsub iddikjarat.

Alternattivament, l-informazzjoni msemmija fil-punt (c) tista' tiġi pprovduta ġewwa l-imballaġġ.”

2.

Fl-Anness III, il-punt 2.3 jiġi mibdul b'dan li ġej:

“2.3   Rekwiżit ta' funzjonalità għal tagħmir iddisinjat għall-istallazzjoni bejn il-mains u l-bozoz

(a)

Sa mill-istadju 2, tagħmir iddisinjat għall-istallazzjoni bejn il-mains u l-bozoz għandu jikkonforma mar-rekwiżiti l-aktar avvanzati għall-kompatibbiltà mal-bozoz li l-indiċi tal-effiċjenza enerġetika tagħhom (ikkalkulat kemm għall-bozoz direzzjonali u l-bozoz li ma jitfgħux id-dawl f'direzzjoni waħda skont il-metodu stabbilit fil-punt 1.1 ta' dan l-Anness) ma jaqbiżx:

0,24 għal lampi mhux direzzjonali (jekk jitqies li Φużu = il-fluss ta' luminożità assenjat totali);

0,40 għal-lampi direzzjonali.

Meta apparat ta' kontroll tal-intensità tad-dawl jiġi mixgħul fuq il-konfigurazzjoni l-aktar baxxa ta' kontroll tiegħu li biha jikkunsmaw l-elettriku l-bozoz imħaddma, il-bozoz imħaddma għandhom jemettu mill-inqas 1 % tal-fluss ta' luminożità tagħhom fuq tagħbija sħiħa.

Meta titqiegħed unità tat-tidwil fis-suq u magħha jiġu inklużi bozoz li jistgħu jiġu sostitwiti mill-utenti aħħarin, dawn il-bozoz għandhom ikunu ta' waħda mill-ogħla żewġ klassijiet ta' enerġija, skont ir-Regolament Delegat (UE) Nru 874/2012, li l-unità tat-tidwil tkun ittikkettata bħala kompatibbli magħhom.

(b)

Sa mill-istadju 3, unità tat-tidwil iddisinjata għal bozoz sostitwibbli mill-utent aħħari li titqiegħed fis-suq, għandha tkun kompletament kompatibbli ma' bozoz ta', mill-inqas, il-klassi ta' effiċjenza enerġetika ‘A+’ skont ir-Regolament Delegat (UE) Nru 874/2012. Il-fajl tad-dokumentazzjoni teknika tat-tali unitajiet tat-tidwil imħejji għall-finijiet ta' valutazzjoni tal-konformità skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2009/125/KE għandu jelenka talanaqas kombinazzjoni realistika waħda tal-konfigurazzjoni u l-kundizzjonijiet tal-prodott li fihom jiġi ttestjat il-prodott.”

3.

Fl-Anness IV, il-punt 3 jiġi mibdul b'dan li ġej:

“3.   Proċedura ta' verifika għal tagħmir iddisinjat għall-istallazzjoni bejn il-mejns u l-bozoz

L-awtoritajiet tal-Istat Membru għandhom jittestjaw biss unità waħda.

It-tagħmir għandu jitqies li jikkonforma mar-rekwiżiti stipulati f'dan ir-Regolament jekk jinstab li jikkonforma mad-dispożizzjonijiet ta' kompatibbiltà tal-punt 2.3 tal-Anness III, bl-applikazzjoni tal-metodi u l-kriterji l-aktar avvanzati għall-valutazzjoni tal-kompatibbiltà, inklużi dawk stipulati f'dokumenti li n-numri ta' referenza tagħhom ġew ippubblikati għal dak il-għan f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Jekk jiġi konkluż li hemm nuqqas ta' kompatibbiltà fir-rigward tad-dispożizzjonijiet dwar il-kompatibbiltà fil-punt 2.3.(a) tal-Anness III, il-mudell għandu xorta waħda jitiqies li jikkonforma jekk jissodisfa r-rekwiżiti ta' informazzjoni dwar il-prodott fil-punt 3.3 tal-Anness III jew fl-Artikolu 3.2 tar-Regolament Delegat (UE) Nru 874/2012.

Minbarra r-rekwiżiti ta' kompatibbiltà, it-tagħmir li jikkontrolla l-bozza għandu jiġi ttestjat ukoll għar-rekwiżiti ta' effiċjenza fil-punt 1.2 tal-Anness III. It-test għandu jitwettaq fuq parti waħda tat-tagħmir li jikkontrolla l-bozza, u mhux fuq kombinazzjoni ta' għadd ta' partijiet tat-tagħmir li jikkontrolla l-bozza, anki jekk il-mudell ikun imfassal biex jiddependi fuq partijiet oħra tat-tagħmir li jikkontrolla l-bozza biex titħaddem il-bozza jew bozoz fi stallazzjoni partikolari. Il-mudell għandu jitqies bħala konformi mar-rekwiżiti jekk ir-riżultati ma jvarjawx mill-valuri ta' limitu b'aktar minn 2,5 %. Jekk ir-riżultati jvarjaw mill-valuri ta' limitu b'aktar minn 2,5 %, għandhom jiġu ttestjati tliet unitajiet oħra. Il-mudell għandu jitqies bħala konformi mar-rekwiżiti jekk il-medja tar-riżultati tat-tliet testijiet sussegwenti ma tvarjax mill-valuri ta' limitu b'aktar minn 2,5 %.

Minbarra r-rekwiżiti ta' kompatibbiltà, il-luminarji maħsuba biex jiġu kkummerċjalizzati lill-utenti aħħarin għandhom jiġu wkoll ikkontrollati għall-preżenza ta' lampi fl-imballaġġ tagħhom. Il-mudell għandu jitqies li jikkonforma jekk ma jkunu preżenti l-ebda bozoz jew jekk il-bozoz li jkunu preżenti jkunu tal-klassijiet ta' enerġija meħtieġa fil-punt 2.3 tal-Anness III.

Minbarra r-rekwiżiti ta' kompatibbiltà, apparati ta' kontroll tal-intensità tad-dawl għandhom jiġu ttestjati b'lampi bil-filament meta l-apparat ta' kontroll qiegħed fil-pożizzjoni minima ta' intensità tad-dawl. Il-mudell għandu jitqies konformi jekk, meta installat skont l-istruzzjonijiet tal-manifattur, il-lampi jipprovdu mill-inqas 1 % tal-fluss ta' luminożità tagħhom fuq tagħbija sħiħa.

Jekk il-mudell ma jissodisfax il-kriterji ta' konformità applikabbli imsemmija hawn fuq, dan għandu jitqies bħala mhux konformi. L-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom jipprovdu t-tagħrif dwar ir-riżultati tat-testijiet u t-tagħrif rilevanti l-ieħor lill-awtoritajiet tal-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni fi żmien xahar minn meta tittieħed id-deċiżjoni dwar il-fatt li l-mudell ma jkunx konformi.”