25.7.2015 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 197/10 |
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/1221
tal-24 ta' Lulju 2015
li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet, biex dan jiġi addattat għall-progress tekniku u xjentifiku
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet, li jemenda u jħassar id-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 37(5) tiegħu,
Billi:
(1) |
Il-Parti 3 tal-Anness VI tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 fiha żewġ listi ta' klassifikazzjoni u ttikkettar armonizzati ta' sustanzi perikolużi. It-Tabella 3.1 telenka l-klassifikazzjoni u l-ittikkettar armonizzati ta' sustanzi perikolużi abbażi tal-kriterji stipulati fil-Partijiet 2 sa 5 tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008. It-Tabella 3.2 telenka l-klassifikazzjoni u l-ittikkettar armonizzati ta' sustanzi perikolużi bbażati fuq il-kriterji stipulati fl-Anness VI tad-Direttiva tal-Kunsill 67/548/KEE (2). |
(2) |
Tressqu proposti għall-klassifikazzjoni u t-ttikkettar armonizzati ġodda jew aġġornati ta' ċerti sustanzi lill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008. Abbażi tal-opinjonijiet dwar dawk il-proposti li ħareġ il-Kumitat għall-Istima tar-Riskji tal-ECHA, u l-kummenti li waslu mingħand il-partijiet ikkonċernati, jixraq li jiġu introdotti jew aġġornati klassifikazzjoni u tikkettar armonizzati ta' ċerti sustanzi billi jiġi emendat l-Anness VI ta' dak ir-Regolament. |
(3) |
Fir-rigward tas-sustanza l-aċidu nitriku … % (Numru KE: 231-714-2), saret disponibbli dejta xjentifika ġdida għall-klassi ta' periklu “tossiċità akuta”, li tissuġġerixxi li l-klassifikazzjoni ta' din il-klassi ta' periklu kif irrakkomandat fl-opinjoni tal-RAC, li hi bbażata fuq dejta eqdem, tista' ma tkunx addattata. Għaldaqstant, din il-klassi ta' periklu ma għandhiex tiġi inkluża fl-Anness VI tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 sakemm l-RAC ma jkunx ta opinjoni dwar l-informazzjoni l-ġdida, waqt li klassijiet ta' periklu oħra koperti mill-opinjoni iktar bikrija tal-RAC għandhom jiġu inklużi. |
(4) |
Fir-rigward tas-sustanza fenol dodeċil-, f'fergħat (numru KE: 310-154-3), l-RAC (il-Kumitat għall-Istima tar-Riskji) jinsab fil-proċess li jadotta opinjoni ġdida għal-limiti tal-konċentrazzjoni speċifiċi li għandhom jiġu applikati għall-klassi ta' periklu “tossiċità għar-riproduzzjoni”. Għaldaqstant, din il-klassi ta' periklu ma għandhiex tiġi inkluża fl-Anness VI tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 sakemm ma tiġix iffinalizzata dik l-opinjoni. |
(5) |
Il-konformità mal-klassifikazzjonijiet armonizzati l-ġodda ma għandhiex tkun meħtieġa minnufih, peress li jeħtieġ ċertu perjodu ta' żmien biex il-fornituri jkunu jistgħu jaddattaw it-tikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet għall-klassifikazzjonijiet il-ġodda u biex ibigħu l-ħażniet eżistenti. Barra minn hekk, jeħtieġ ċertu perjodu ta' żmien biex l-operaturi jikkonformaw mal-obbligi ta' reġistrazzjoni li jirriżultaw mill-klassifikazzjonijiet armonizzati l-ġodda għal sustanzi kklassifikati bħala karċinoġeniċi, mutaġeniċi jew tossiċi għar-riproduzzjoni, il-kategoriji 1 A u 1B (Tabella 3.1) u l-kategoriji 1 u 2 (Tabella 3.2), jew bħala tossiċi ħafna għall-organiżmi akkwatiċi li jistgħu jikkawżaw effetti fit-tul fl-ambjent akkwatiku, b'mod partikolari b'dawk stipulati fl-Artikolu 23 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3). |
(6) |
Skont id-dispożizzjonijiet tranżitorji tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 li jippermettu l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet il-ġodda fi stadju aktar bikri fuq bażi volontarja, il-fornituri għandu jkollhom il-possibbiltà li japplikaw il-klassifikazzjonijiet ġodda armonizzati u li skont dan jadattaw it-ttikkettar u l-imballaġġ fuq bażi volontarja qabel l-iskadenza għall-konformità. |
(7) |
Il-miżuri stabbiliti f'dan ir-Regolament jikkonformaw mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit fl-Artikolu 133 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-Anness VI għar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 huwa emendat skont l-Anness għal dan ir-Regolament.
Artikolu 2
B'deroga mill-Artikolu 3(2), il-klassifikazzjonijiet armonizzati stipulati fl-Anness III ta' dan ir-Regolament jistgħu jiġu applikati qabel id-data msemmija fl-Artikolu 3(2).
Artikolu 3
1. Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
2. L-Artikolu 1 għandu japplika għas-sustanzi u t-taħlitiet mill-1 ta' Jannar 2017.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, l-24 ta' Lulju 2015.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(1) ĠU L 353, 31.12.2008, p. 1.
(2) Id-Direttiva tal-Kunsill 67/548/EEC tas-27 ta' Ġunju 1967 rigward l-approssimazzjoni tal-liġijiet, tar-regolamenti u tad-dispożizzjonijiet amministrattivi dwar il-klassifikazzjoni, l-imballaġġ u l-ittikkettar ta' sustanzi perikolużi (ĠU 196, 16.8.1967, p. 1).
(3) Ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta' Sustanzi Kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 793/93 u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1488/94 kif ukoll id-Direttiva tal-Kunsill 76/769/KEE u d-Direttivi tal-Kummissjoni 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE (ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1).
ANNESS
Il-Parti 3 tal-Anness VI għar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 hija emendata kif ġej:
(1) |
It-Tabella 3.1 hija emendata kif ġej:
|
(2) |
It-Tabella 3.2 hija emendata kif ġej:
|