13.6.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 148/17


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/909

tat-12 ta' Ġunju 2015

dwar il-modalitajiet għall-kalkolu tal-ispiża direttament imġarrba minħabba t-tħaddim tas-servizz ferrovjarju

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2012/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Novembru 2012 li tistabbilixxi żona ferrovjarja unika Ewropea (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 31(3) tagħha,

Billi:

(1)

Il-ħtieġa għal tkabbir aktar mgħaġġel ta' tiġdid jew ta' manutenzjoni li jirriżultaw minn użu aktar intens tan-netwerk jistgħu jittieħdu inkonsiderazzjoni għall-finijiet ta' kalkolu ta' spejjeż diretti, sakemm ikun żgurat li l-ispejjeż direttament imġarrba bħala riżultat tal-operat tas-servizz tal-ferrovija biss huma inklużi.

(2)

Il-maniġers tal-infrastruttura huma taħt l-obbligu li joperaw in-netwerks kemm waqt li jiffaċċjaw restrizzjonijiet li jfixklu l-ġestjoni effiċjenti u l-kontroll tal-ispejjeż. Konsegwentement, l-Istati Membri għandu jkollhom l-opportunità li jistabbilixxu spejjeż diretti fil-livell tal-ispejjeż ta' provvista ta' servizzi effiċjenti.

(3)

L-istabbiliment tat-tariffa tal-aċċess għall-binarji fil-livell tal-ispejjeż diretti mġarrba mis-servizz ferrovjarju m'għandux jirriżulta li jikkawża li l-maniġer tal-infrastruttura jesperjenza la telf finanzjarju nett u lanqas qligħ finanzjarju nett minħabba t-tħaddim tas-servizz ferrovjarju.

(4)

Il-valuri storiċi tal-assi għandhom ikunu bbażati fuq l-ammonti mħallsa għall-akkwist ta' assi mill-maniġer tal-infrastruttura bil-kondizzjoni li l-maniġer tal-infrastruttura jibqa' responsabbli għal dawn l-ammonti.

(5)

Il-maniġer tal-infrastruttura m'għandux jitħalla jirkupra l-ispiża tal-investiment f'assi meta ma jkunx obbligat li jħallas dik l-ispiża.

(6)

Peress li l-modalitajiet għall-kalkolu tal-ispejjeż direttament imġarrba minħabba t-tħaddim tas-servizz ferrovjarju għandhom ikunu applikabbli fl-Unjoni kollha, dawn għandhom ikunu kompatibbli mal-infrastruttura eżistenti u mas-sistemi tal-kontabbiltà tal-ispejjeż u d-dejta tal-ispejjeż previsti applikati mill-maniġers tal-infrastruttura.

(7)

L-użu ta' spejjeż previsti u ta' livelli ta' prestazzjoni m'għandux iwassal, taħt ċirkostanzi kummerċjali normali, għal livelli ogħla ta' spejjeż diretti, tal-imposti tal-aċċess għall-binarji u eventwalment għal użu ineffettiv tan-netwerk. Għalhekk għandhom jiġu applikati l-valuri storiċi tal-assi u fil-każ biss li t-tali valuri ma jkunux disponibbli, jew fejn il-valuri kurrenti huma aktar baxxi, jistgħu jiġu kkunsidrati bħala valuri kurrenti. Alternattivament, jistgħu jintużaw valuri stmati jew ta' sostituzzjoni, spejjeż previsti u livelli ta' prestazzjoni previsti dment li l-maniġer tal-infrastruttura jissostanzja lill-korp regolatorju kif huwa stabbilixxihom u li stabbilixxihom b'mod oġġettiv.

(8)

Il-maniġer tal-infrastruttura għandu jkun jista' jinkludi fil-kalkolu tal-ispejjeż diretti tiegħu dawk l-ispejjeż biss li jistgħu oġġettivament u b'mod ċar juru li huma attivati direttament mill-operat tas-servizz ferrovjarju. Pereżempju, tkagħbir mill-użu normali tas-sinjali fil-ġenb tal-binarji u tal-kaxxi tas-senjaletika ma jvarjax mat-traffiku u għalhekk ma għandux ikun soġġett għal tariffa bbażata fuq l-ispejjeż diretti (2). Bil-maqlub ta' dan, xi partijiet, bħall-infrastruttura tal-qlib, se jkunu esposti għal tkagħbir mill-użu normali bit-tħaddim tas-servizz ferrovjarju u għalhekk għandhom jiġu soġġetti parzjalment għal tariffa bbażata fuq l-ispejjeż diretti. Bl-użu aktar mifrux tas-sensuri fil-ferroviji u fl-infrastruttura, dawn jistgħu jipprovdu informazzjoni addizzjonali dwar it-tkagħbir mill-użu normali effettivament ikkawżat mis-servizz ferrovjarju.

(9)

Il-Qorti tal-Ġustizzja tat sentenza dwar il-kalkolu ta' spejjeż diretti mġarrba bit-tħaddim tas-servizz ferrovjarju (3). Dan ir-Regolament jieħu dik is-sentenza inkonsiderazzjoni.

(10)

It-tagħmir tal-provvista tal-elettriku bħall-kejbils jew it-transformers ġeneralment mhumiex soġġetti għal tkagħbir mill-użu normali minħabba t-tħaddim tas-servizz ferrovjarju. Dawn la huma esposti għal frizzjoni u lanqas għal impatti oħrajn ikkawżati mit-tħaddim tas-servizz ferrovjarju. Għalhekk, dawn l-ispejjeż ta' tagħmir għall-provvista elettrika m'għandhomx jiġu inklużi fil-kalkolu tal-ispejjeż li jkunu saru direttament minħabba t-tħaddim tas-servizz ferrovjarju. Madankollu, il-ferroviji, meta huma jużaw trazzjoni elettrika, ikagħbru l-mezz ta' kuntatt (il-wajer sospiż jew it-tielet binarju elettrifikat) minħabba l-frizzjoni u l-arki elettriċi li jistgħu jikkawżaw. Konsegwentement, parti minn dawn l-ispejjeż ta' manutenzjoni u ta' tiġdid ta' dawn il-mezzi ta' kuntatt tista' tiġi kkunsidrata bħala direttament imġarrba bit-tħaddim tas-servizz ferrovjarju. Spejjeż ta' manutenzjoni u ta' tiġdid ta' komponenti oħra ta' tagħmir tal-linja sospiża jistgħu jiddegradaw bħala riżultat dirett ta' movimenti tat-traffiku li jikkawżaw stress mekkaniku u elettriku.

(11)

L-użu ta' vetturi jew ta' linji ferrovjarji ma' ċerti karatteristiċi tad-disinn jirriżulta f'livelli differenti ta' spejjeż diretti mġarrba minħabba s-servizz ferrovjarju. L-Istati Membri jistgħu jippermettu lill-maniġers tal-infrastruttura jimmodulaw l-ispejjeż diretti medji tagħhom skont, inter alia, l-aħjar prattika internazzjonali biex jirriflettu dawn id-differenzi.

(12)

Huwa prinċipju ekonomiku stabbilit sew li t-tariffi għall-utenti bbażati fuq l-ispejjeż marġinali jiżguraw l-aħjar użu effettiv mill-kapaċità infrastrutturali disponibbli. Għalhekk, il-maniġer tal-infrastruttura jista' jiddeċiedi juża l-proxy ta' spejjeż marġinali għall-kalkolu tal-ispejjeż direttament imġarrba minħabba t-tħaddim tas-servizz ferrovjarju.

(13)

Barra minn hekk, l-aqwa prattika internazzjonali (4) stabbiliet metodi u mudelli bħall-immudellar ekonometriku jew tal-inġinerija, għall-kalkolu tal-ispejjeż marġinali tal-użu tal-infrastruttura. Fl-istess ħin, l-aħjar prattika internazzjonali se tkompli tiżviluppa hekk kif jitwettqu aktar analiżi u riċerka indipendenti — ivverifkati indipendentement mill-maniġer tal-infrastruttura, bħall-Korp Regolatorju — inklużi analiżi u riċerka li jistgħu jkunu speċifiċi għal Stat Membru individwali minħabba karatteristiċi partikolari tal-infrastruttura. Konsegwentement, il-maniġer tal-infrastruttura għandu jitħalla juża dawn il-mudelli biex jidentifika l-ispejjeż diretti mġarrba minħabba t-tħaddim tas-servizz ferrovjarju.

(14)

Forom differenti ta' mudellar ekonometriku jew ta' inġinerija jistgħu joffru livell ogħla ta' preċiżjoni fil-kalkolu tal-ispejjeż diretti jew tal-ispejjeż marġinali tal-użu tal-infrastruttura. Madankollu, l-immudellar tal-ispejjeż jeħtieġ livell ogħla ta' kwalità tad-dejta u ta' għarfien espert mill-metodi bbażati fuq it-tnaqqis mill-ispejjeż kollha ċerti kategoriji ta' spejjeż mhux eliġibbli. Barra minn hekk, il-korpi regolatorji jistgħu ma jkunux għadhom saru kapaċi jivverifikaw il-konformità ta' kalkolu konkret mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2012/34/UE. Konsegwentement, fejn dawn ir-rekwiżiti ogħla huma ssodisfati, il-maniġer tal-infrastruttura għandu jingħata d-dritt li jikkalkola l-ispejjeż diretti fuq il-bażi ta' mudelli ekonometriċi jew ta' inġinerija jew ta' kombinazzjoni tat-tnejn.

(15)

Il-korpi regolatorji għandhom ikunu jistgħu jikkontrollaw jekk il-prinċipji tariffarji differenti humiex applikati b'mod konsistenti mal-informazzjoni li l-maniġer tal-infrastruttra kien ipprovdielhom. Għalhekk, l-Anness IV tad-Direttiva 2012/34/UE jitlob li fid-dikjarazzjoni dwar in-netwerk tiegħu, il-maniġer tal-infrastruttura jispeċifika l-metodoloġija, ir-regoli u, fejn applikabbli, il-parametri fir-rigward kemm tal-ispejjeż kif ukoll tat-tariffi.

(16)

Studji internazzjonali (5) kkalkolaw il-valuri ta' spejjeż unitarji diretti f'kollaborazzjoni mill-qrib mal-maniġers tal-infrastruttura. Għalkemm dawn l-istudji analizzaw diversi metodi użati fl-Istati Membri għal kompożizzjonijiet varji tal-flotta u għal destinazzjonijiet differenti, bosta valuri ta' spejjeż diretti għal kull kilometru ta' distanza ferrovjarja nstabu li kienu inqas minn EUR 2 (bil-prezzijiet u r-rati tal-kambju tal-2005, bl-użu ta' indiċi tal-prezz xieraq) għal kull km ta' distanza ferrovjarja ta' ferrovija tal-1 000 t. Biex jitrażżan l-isforz amministrattiv għall-korpi regolatorji, ma għandux ikun meħtieġ l-istess grad ta' dettall għall-kalkolu tal-ispejjeż diretti meta l-valur tagħhom jibqa' taħt dan il-livell.

(17)

Għal raġunijiet differenti, bħal żieda fil-produttività, it-tixrid ta' teknoloġiji ġodda jew fehim aħjar ta' dak li jikkawża l-ispejjeż, il-kalkolu tal-ispejjeż diretti għandhom jiġu aġġornati jew riveduti regolarment skont, inter alia, l-aħjar prattika internazzjonali.

(18)

Billi l-impriżi ferrovjarji għandhom bżonn sistemi ta' tariffi prevedibbli u billi jkollhom aspettattivi raġonevoli għall-iżvilupp tat-tariffi tal-infrastruttura, il-maniġer tal-infrastruttura għandu jipprovdi pjan ta' dħul gradwali għall-impriżi ferrovjarji li joperaw is-servizzi ferrovjarji li jista' jżid b'mod sinifikanti t-tariffi tagħhom wara reviżjoni tal-implimentazzjoni ta' modalitajiet ta' kalkolu eżistenti, jekk it-tali pjan gradwali jkun meħtieġ mill-korp regolatorju.

(19)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 62(1) tad-Direttiva 2012/34/UE,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta' applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-modalitajiet għall-kalkolu tal-ispejjeż direttament imġarrba minħabba t-tħaddim tas-servizz ferrovjarju sabiex jiġu ffissati “l-imposti għall-pakkett minimu tal-aċċess u għal aċċess għal infrastrutturi li jgħaqqdu l-faċilitajiet ta' servizz” imsemmija fl-Artikolu 31(3) tad-Direttiva 2012/34/UE.

2.   Dan ir-Regolament japplika mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet rigward il-finanzjament tal-infrastruttura jew l-ekwilibriju ta' dħul u nfiq tal-maniġer tal-infrastruttura stabbilit fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2012/34/UE.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“spiża diretta” tfisser l-ispiża direttament imġarrba minħabba t-tħaddim tas-servizz ferrovjarju;

(2)

“spiża unitarja diretta” tfisser l-ispiża diretta għal kull kilometru ferrovjarju, kull kilometru ta' vettura, kull kilometru tunnellata gross ta' ferrovija, jew kombinazzjoni ta' dawn;

(3)

“ċentru tal-ispejjeż” tfisser unità tan-negozju fi ħdan is-sistema ta' kontabbiltà tal-maniġer tal-infrastruttura li għalihom l-ispejjeż huma allokati għal raġunijiet ta' tqassim ta' dawk l-ispejjeż direttament jew indirettament għal servizz kummerċjabbli.

Artikolu 3

Spejjeż diretti abbażi tan-netwerk kollu

1.   L-ispejjeż diretti abbażi tan-netwerk kollu għandhom jiġu kkalkolati bħala d-differenza bejn, minn naħa waħda, l-ispejjeż għall-forniment tas-servizzi tal-pakkett tal-aċċess minimu u għall-aċċess għal infrastruttura li tgħaqqad il-faċilitajiet ta' servizz u, min-naħa l-oħra, l-ispejjeż mhux eliġibbli msemmija fl-Artikolu 4.

2.   L-Istat Membru jista' jiddeċiedi li l-maniġer tal-infrastruttura japplika l-ispejjeż ta' provvista ta' servizzi effiċjenti għall-finijiet tal-kalkolu tal-ispejjeż diretti abbażi tan-netwerk kollu msemmi fil-paragrafu 1.

3.   Il-valuri tal-assi użati għall-fini tal-kalkolu tal-ispejjeż diretti abbażi tan-netwerk kollu għandhom ikunu bbażati fuq valuri storiċi jew, fejn dawn il-valuri ma jkunux disponibbli jew fejn il-valuri kurrenti huma aktar baxxi, f'valuri kurrenti. Il-valuri storiċi tal-assi għandhom ikunu bbażati fuq l-ammonti mħallsa u dokumentati mill-maniġer tal-infrastruttura fil-mument tal-akkwist ta' dawn l-assi. F'każ ta' ħelsien mid-dejn, fejn il-parti kollha tad-djun tal-maniġer tal-infrastruttura ġew assunti minn entità oħra, il-maniġer tal-infrastruttura għandu jattribwixxi parti rilevanti tal-ħelsien mid-dejn biex inaqqas il-valuri tal-assi tiegħu u l-ispejjeż diretti korrispondenti abbażi tan-netwerk kollu. B'deroga mill-ewwel sentenza, il-maniġer tal-infrastruttura jista' japplika valuri inklużi valuri stmati jew valuri kurrenti jew valuri ta' sostituzzjoni, jekk dawn ikunu jistgħu jiġu mkejla b'mod trasparenti, robust u oġġettiv u jiġu ġġustifikati kif dovut lill-korp regolatorju.

4.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 u jekk il-maniġer tal-infrastruttura jista' b'mod trasparenti, robust, u oġġettiv ikejjel u juri fuq il-bażi, inter alia, tal-aqwa prattika internazzjonali li l-ispejjeż huma direttament imġarrba bit-tħaddim tas-servizz ferrovjarju, il-maniġer tal-infrastruttura jista' jinkludi fil-kalkolu tal-ispejjeż diretti tiegħu abbażi tan-netwerk kollu, b'mod partikolari, l-ispejjeż li ġejjin:

(a)

l-ispejjeż ta' persunal meħtieġ biex tinżamm miftuħa medda ta' linja partikolari fil-każ li applikant jitlob sabiex jitmexxa servizz ferrovjarju speċifiku skedat barra mill-ħinijiet tal-ftuħ ta' din il-linja;

(b)

il-parti tal-ispejjeż tal-infrastruttura tal-qlib, inklużi l-punti tal-qlib u tal-qsim, li huma esposti għal tkagħbir mill-użu normali tas-servizz ferrovjarju;

(c)

il-parti tal-ispejjeż direttament imġarrba għat-tiġdid u l-manutenzjoni tal-wajer sospiż jew tat-tielet binarju elettrifikat jew tat-tnejn u tat-tagħmir ta' sostenn tal-wajer sospiż minħabba t-tħaddim tas-servizz ferrovjarju;

(d)

l-ispejjeż ta' persunal meħtieġ għat-tħejjija tal-allokazzjoni tal-mogħdijiet ferrovjarji u l-iskeda ta' żmien safejn dawn isiru direttament minħabba t-tħaddim tas-servizz ferrovjarju.

5.   L-ispejjeż użati għall-kalkolu skont dan l-Artikolu għandhom ikunu bbażati fuq il-ħlasijiet effettwati jew previsti mill-maniġer tal-infrastruttura. L-ispejjeż ikkalkolati skont dan l-Artikolu għandhom jiġu mkejla jew previsti b'mod konsistenti fuq il-bażi tad-dejta għall-istess perjodu ta' żmien.

Artikolu 4

Spejjeż mhux eliġibbli

1.   Il-maniġer tal-infrastruttura ma għandux jinkludi fil-kalkolu tal-ispejjeż diretti abbażi tan-netwerk kollu, b'mod partikolari, l-ispejjeż li ġejjin:

(a)

l-ispejjeż fissi għall-forniment ta' medda ta' linja li jrid iġarrab il-maniġer tal-infrastruttura saħansitra fin-nuqqas tal-movimenti ferrovjarji;

(b)

l-ispejjeż li ma għandhomx x'jaqsmu mal-pagamenti li saru mill-maniġer tal-infrastruttura. L-ispejjeż previsti jew ċentri tal-ispejjeż previsti li m'humiex direttament marbuta mal-forniment ta' għall-pakkett tal-aċċess minimu u għal aċċess għal infrastruttura li tgħaqqad il-faċilitajiet ta' servizz;

(c)

l-ispejjeż tal-akkwist, il-bejgħ, iż-żarmar, id-dekontaminazzjoni, il-kultivazzjoni mill-ġdid jew il-kiri ta' art jew ta' assi fissi oħra;

(d)

l-ispejjeż ġenerali tan-netwerk kollu, inklużi s-salarji u l-pensjonijiet;

(e)

l-ispejjeż ta' finanzjament;

(f)

l-ispejjeż relatati mal-progress teknoloġiku jew mal-waqfien mit-tħaddim minħabba mmodernizzar;

(g)

l-ispejjeż ta' assi intanġibbli;

(h)

l-ispejjeż ta' sensers maġenb il-binarji, ta' tagħmir ta' komunikazzjoni u ta' sinjalazzjoni maġenb il-binarji jekk mhumiex direttament imġarrba bit-tħaddim tas-servizz ferrovjarju;

(i)

l-ispejjeż tal-informazzjoni, tat-tagħmir tal-komunikazzjoni jew tat-tagħmir tat-telekomunikazzjoni li ma jinsabux maġenb il-binarji;

(j)

l-ispejjeż relatati ma' każijiet individwali ta' force majeure, aċċidenti u tfixkil fis-servizz mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 35 tad-Direttiva 2012/34/UE;

(k)

l-ispejjeż tat-tagħmir tal-provvista tal-elettriku għall-kurrent tat-trazzjoni jekk mhux direttament imġarrba bit-tħaddim tas-servizz ferrovjarju. L-ispejjeż diretti għat-tħaddim tas-servizzi ferrovjarji li ma jużawx tagħmir tal-provvista tal-elettriku ma għandhomx jinkludu l-ispejjeż għall-użu tat-tagħmir tal-provvista tal-elettriku;

(l)

l-ispejjeż marbutin mal-provvista ta' informazzjoni msemmija fil-punt 1(f) tal-Anness II tad-Direttiva 2012/34/UE, sakemm ma jkunux imġarrba minħabba t-tħaddim tas-servizz ferrovjarju;

(m)

l-ispejjeż amministrattivi li jsiru minn skemi ta' imposti differenzjati msemmija fl-Artikoli 31(5) u 32(4) tad- Direttiva 2012/34/UE;

(n)

deprezzament li ma jkunx iddeterminat abbażi tat-tkagħbir reali mill-użu normali tal-infrastruttura minħabba t-tħaddim tas-servizz ferrovjarju;

(o)

dik il-parti tal-ispejjeż tal-manutenzjoni u tat-tiġdid ta' infrastruttura ċivili li mhijiex direttament imġarrba minħabba t-tħaddim tas-servizz ferrovjarju.

2.   Fil-każ li l-maniġer tal-infrastruttura jkun irċieva fondi biex jiffinanzja investimenti infrastrutturali speċifiċi, li ma jkunx obbligat li jrodd lura u fejn it-tali investimenti jitqiesu fil-kalkolu tal-ispejjeż diretti, l-ispejjeż tat-tali investimenti ma għandhomx iżidu l-livell tat-tariffi mingħajr preġudizzji għall-Artikolu 32 tad-Direttiva 2012/34/UE.

3.   L-ispejjeż esklużi mill-kalkolu bis-saħħa ta' dan l-Artikolu għandhom ikunu mkejla jew previsti fuq il-bażi tal-perjodu ta' żmien imsemmi fl- Artikolu 3(5).

Artikolu 5

Kalkolu u modulazzjoni tal-ispejjeż unitarji diretti

1.   Il-maniġer tal-infrastruttura għandu jikkalkola l-ispejjeż unitajri diretti medji għan-netwerk kollu billi jiddividi l-ispejjeż diretti abbażi tan-netwerk kollu bl-għadd totali ta' kilometri ta' vettura, kilometri ferrovjarji jew kilometri tunnellati grossi previsti jew effettivament imħaddma.

Alternattivament, jekk il-maniġer tal-infrastruttura juri lill-korp regolatorju msemmi fl-Artikolu 55 tad-Direttiva 2012/34/UE li l-valuri jew il-parametri msemmija fil-paragrafu 2 li huma differenti b'mod sinifikanti għal partijiet differenti tan-netwerk tiegħu, u wara l-qsim tan-netwerk tiegħu f'dawn il-partijiet, il-maniġer tal-infrastruttura għandu jikkalkola l-ispejjeż unitarji diretti medji għal partijiet tan-netwerk tiegħu billi jiddividi l-ispejjeż diretti għal dawn il-partijiet bl-għadd totali ta' kilometri ta'vettura, kilometri ferrovjarji jew kilometri tunnellati grossi previsti jew effettivament imħaddma. Il-perjodu tal-previżjoni jista' jkopri bosta snin.

Sabiex jiġu kkalkolati l-ispejjeż unitarji diretti medji, il-maniġer tal-infrastruttura jista' juża taħlita ta' kilometri ta' vettura, kilometri ferrovjarji jew kilometri tunnellati grossi dment li dan il-metodu ta' kalkolu ma jbiddilx ir-rabta kawżali diretta mat-tħaddim tas-servizz ferrovjarju. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 3(3), il-maniġer tal-infrastruttura jista' japplika spejjeż tal-eżitu jew spejjeż previsti.

2.   L-Istati Membri jistgħu jippermettu lill-maniġer tal-infrastruttura jimmodula l-ispejjeż unitarji diretti medji sabiex jittieħed kont tal-livelli differenti ta' tkagħbir mill-użu normali kkawżat għall-infrastruttura skont wieħed jew aktar minn dawn il-parametri:

(a)

it-tul tal-ferrovija u/jew in-numru tal-vetturi fil-ferrovija;

(b)

il-massa tal-ferrovija;

(c)

it-tip ta' vettura, b'mod partikolari l-massa mhux sospiża;

(d)

il-veloċità tal-ferrovija;

(e)

il-qawwa tat-trazzjoni tal-unità motorizzata;

(f)

il-piż fuq il-fus u/jew l-għadd ta' fusien;

(g)

l-għadd irreġistrat ta' ċattjaturi tar-roti jew l-użu effettiv ta' tagħmir li għandu l-għan li jipproteġi kontra ż-żliq tar-roti;

(h)

ir-riġidità lonġitudinali ta' vetturi u forzi orizzontali li għandhom impatt fuq il-binarju;

(i)

l-enerġija elettrika kkunsmata u mkejla jew id-dinamika ta' pantografi jew ta' punti ta' kuntatt mal-binarju bħala parametru għal imposti tat-tkagħbir mill-użu normali tal-wajer sospiż jew tal-binarju elettriku;

(j)

il-parametri tal-binarji, b'mod partikolari r-radji;

(k)

kull parametru ieħor relatat mal-ispiża fejn il-maniġer tal-infrastruttura jista' juri lill-korp regolatorju li l-valuri għal kull tali parametru, inkluż il-varjazzjoni għal kull tali parametru fejn rilevanti, huma mkejla u rreġistrati oġġettivament.

3.   Modulazzjoni tal-ispejjeż unitarji diretti m'għandhiex tirriżulta f'żieda fl-ispejjeż diretti abbażi tan-netwerk kollu kif imsemmi fl-Artikolu 3(1).

4.   Spejjeż addizzjonali kkawżati minn diverżjoni skedata jew mhix, ta' ferroviji fuq it-talba tal-maniġer tal-infrastruttura, ma għandhomx jiġu inklużi fl-ispejjeż diretti mġarrba mit-tħaddim ta' dawn is-servizzi ferrovjarji. L-ewwel sentenza ma għandhiex tapplika fil-każ li l-impriża ferrovjarja tiġi rimborżata għal dawk l-ispejjeż addizzjonali mill-maniġer tal-infrastruttura jew fil-każ li d-diverżjoni rriżultat minn proċedura ta' koordinazzjoni skont l-Artikolu 46 tad-Direttiva 2012/34/UE.

5.   L-għadd totali ta' kilometri ta' vettura, kilometri ferrovjarji, kilometri tunnellati gross jew kombinazzjoni ta' dawk użati għall-finijiet tal-kalkoli magħmula skont dan l-Artikolu għandhom jiġu mkejla jew previsti fuq il-bażi tal-perjodu ta' referenza msemmija fl-Artikolu 3(5).

Artikolu 6

L-immudellar tal-ispejjeż

B'deroga mill-Artikolu 3(1) u l-ewwel sentenza tal-Artikolu 5(1), il-maniġer tal-infrastruttura jista' jikkalkola l-ispejjeż unitarji diretti permezz tal-immudellar ekonometriku jew ta' inġinerija ppruvat dment li jkun jista' juri lill-korp regolatorju li l-ispejjeż unitarji diretti jinkludu biss spejjeż diretti mġarrba mit-tħaddim tas-servizz ferrovjarju u, b'mod partikolari, ma jinkludu l-ebda waħda mill-ispejjeż imsemmija fl-Artikolu 4. Il-korp regolatorju jista' jitlob lill-maniġer tal-infrastruttura biex jikkalkola l-ispejjeż unitarji diretti skont l-Artikolu 3(1) u l-Artikolu 5(1) jew permezz ta' mmudellar tal-ispejjeż skont l-ewwel sentenza.

Artikolu 7

Kontroll simplifikat

1.   Jekk l-ispejjeż diretti abbażi tan-netwerk kollu msemmi fl-Artikolu 3(1) jew l-ispejjeż diretti kkalkolati fuq il-bażi ta' mmudellar imsemmi fl-Artikolu 6 mmultiplikat bin-numru ta' kilometri ferrovjarji, kilometri tal-vettura u/jew kilometru tunnellata, imħaddma fil-perjodu ta' referenza jkunu ekwivalenti għal jew inqas minn 15 % tal-ispejjeż kollha ta' manutenzjoni u ta' tiġdid jew inqas mis-somma ta' 10 % ta' spejjeż ta' manutenzjoni u 20 % ta' spejjeż ta' tiġdid, il-korp regolatorju jista' jwettaq il-kontroll imsemmi fl- Artikolu 56(2) tad-Direttiva 2012/34/UE matul il-perjodu tal-kalkolu tal-ispejjeż diretti abbażi tan-netwerk kollu b'mod simplifikat. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jżidu l-perċentwali msemmija f'dan il-paragrafu jekk ma jkunux ogħla minn darbtejn il-valuri indikati.

2.   Il-korp regolatorju jista' jaċċetta l-kalkolu tal-spejjeż unitarji diretti medji msemmija fl-Artikolu 5(1) u l-spejjeż unitarji diretti medji mmodulati msemmija fl-Artikolu 5(2) u/jew l-immudellar tal-ispejjeż imsemmi fl-Artikolu 6 soġġett għall-kontroll simplifikat imsemmi fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, jekk l-ispiża diretta medja għal kull kilometru ferrovjarju ta' ferrovija ta' 1 000 tunnellata tammonta għal mhux aktar minn EUR 2 (fi prezzijiet u r-rati tal-kambju tal-2005, bl-użu ta' indiċi tal-prezz xieraq)

3.   Il-kontrolli ssimplifikati kif imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandhom jiġu applikati indipendentement minn xulxin. Il-kontrolli ssimplifikati għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 31 jew 56 tad-Direttiva 2012/34/UE.

4.   Huwa l-korp regolatorju li jiddetermina d-dettalji tal-kontroll simplifikat.

Artikolu 8

Reviżjoni tal-kalkolu

Il-maniġer tal-infrastruttura għandu jaġġorna regolarment il-metodu ta' kalkolu ta' spejjeż diretti tiegħu filwaqt li jqis, inter alia, l-aħjar prattika internazzjonali.

Artikolu 9

Dispożizzjonijiet tranżitorji

Sa mhux aktar tard mit-3 ta' Lulju 2017 il-maniġer tal-infrastruttura għandu jippreżenta lill-korp regolatorju l-metodu tiegħu ta' kalkolu tal-ispejjeż diretti u, jekk japplika, pjan ta' dħul gradwali.

Artikolu 10

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa japplika mill-1 ta' Awwissu 2015.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta' Ġunju 2015.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 32.

(2)  L-istudju CATRIN jipprovdi ħarsa fil-qosor ta' studji differenti fir-rigward tal-karatteristiċi tal-infrastruttura użati fi studji ekonometriċi dwar l-ispiża ferrovjarja ta' seba' maniġers tal-infrastruttura tal-UE. Sitta mis-seba' maniġers tal-infrastruttura ma kkunsidrawx il-ġestjoni tat-traffiku jew is-sinjalar bħala karatteristika rilevanti għall-istudji tagħhom dwar l-ispiża ekonometrika (ara t-Tabella 13, ir-Riżultat 1 tal-istudju CATRIN, p. 40).

(3)  Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Commission v Poland, C-512/10, ECLI:EU:C:2013:338, il-paragrafi 82, 83 u 84.

(4)  Ir-Riżultat D1 tal-istudju CATRIN, ikkoordinat minn VTI, Marzu 2008, p. 37-54 u p. 82-84.

(5)  Il-proġett GRACE ikkoordinat mill-Università ta' Leeds, ir-Riżultat D7 “Generalisation of marginal social cost estimates”, paġna 22, 23.