2.6.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 135/13


REGOLAMENT TA' DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/852

tas-27 ta' Marzu 2015

li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 508/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-każijiet ta' nuqqas ta' konformità u tal-każijiet ta' nuqqas ta' konformità serju mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd li jistgħu jwasslu għal interruzzjoni tal-iskadenza tal-pagament jew għal sospensjoni tal-pagamenti tal-Fond Ewropew Marittimu u tas-Sajd

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 508/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2328/2003, (KE) Nru 861/2006, (KE) Nru 1198/2006 u (KE) Nru 791/2007 (UE) u r-Regolament (UE) Nru 1255/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 102 tiegħu,

Billi:

(1)

Il-kisba tal-objettivi tal-Politika Komuni tas-Sajd (PKS) ma għandhiex tiddgħajjef mill-Istati Membri li jiksru r-regoli tal-PKS. Skont l-Artikolu 41 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), l-għajnuna finanzjarja mill-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS) tingħata bil-kundizzjoni li l-Istati Membri jikkonformaw mar-regoli tal-PKS. In-nuqqas ta' konformità mill-Istati Membri mar-regoli tal-PKS jista' jwassal għall-interruzzjoni jew is-sospensjoni tal-ħlasijiet jew għall-applikazzjoni ta' korrezzjoni finanzjarja għall-għajnuna finanzjarja tal-Unjoni skont il-PKS.

(2)

L-Artikoli 83(1) u 142(1) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) stipulaw il-kundizzjonijiet li jistgħu jwasslu għall-interruzzjoni tal-iskadenza tal-pagament jew is-sospensjoni tal-pagamenti, rispettivament. Dawn iż-żewġ Artikoli jipprevedu li r-regoli speċifiċi għall-fondi għall-FEMS jistgħu jistabbilixxu bażijiet speċifiċi għall-interruzzjoni u s-sospensjoni marbuta man-nuqqas ta' konformità mar-regoli applikabbli skont il-Politika Komuni tas-Sajd.

(3)

Sabiex jitħarsu l-interessi finanzjarji tal-Unjoni u taċ-ċittadini tagħha li jħallsu t-taxxa, fejn Stat Membru jonqos milli jikkonforma mal-obbligi tiegħu skont il-PKS jew fejn il-Kummissjoni għandha provi li jissuġġerixxu tali nuqqas ta' konformità, il-Kummissjoni hija awtorizzata, bħala miżura ta' prekawzjoni, li tinterrompi l-iskadenzi tal-pagamenti skont l-Artikolu 100 tar-Regolament (UE) Nru 508/2014.

(4)

Minbarra l-interruzzjoni tal-iskadenza tal-pagamenti u, sabiex jiġi evitat ir-riskju ta' pagament ta' nefqa ineliġibbli, il-Kummissjoni hija awtorizzata, skont l-Artikolu 101 tar-Regolament (UE) Nru 508/2014, li tissospendi l-pagamenti f'każijiet ta' nuqqas serju ta' konformità mar-regoli tal-PKS.

(5)

Il-konsegwenzi finanzjarji imposti fuq l-Istati Membri jekk dawn ma jikkonformawx mar-regoli tal-PKS, għandhom ikunu proporzjonati man-natura, il-gravità, id-dewmien u r-ripetizzjoni tan-nuqqas ta' konformità.

(6)

Sabiex tingħata ċertezza legali biex l-Istati Membri jimplimentaw programmi operazzjonali tal-FEMS, jeħtieġ li wieħed jiddefinixxi l-każijiet ta' nuqqas ta' konformità mar-regoli tal-PKS li huma essenzjali għall-konservazzjoni ta' riżorsi bijoloġiċi tal-baħar li jistgħu jikkawżaw l-interruzzjoni tal-iskadenza tal-pagament jew is-sospensjoni tal-pagamenti skont ir-Regolament (UE) Nru 508/2014. Dawk il-każijiet se jaqdu l-għanijiet tar-Regolament (UE) Nru 508/2014 u se jimplimentaw l-Artikolu 41 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 mingħajr preġudizzju għal xi sanzjonijiet oħra imposti mir-regoli tal-PKS.

(7)

Il-każijiet ta' nuqqas ta' konformità mar-regoli tal-PKS li huma essenzjali għall-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar għandhom jitqiesu bħala serji, jekk l-Istat Membru jkun naqas milli jieħu l-azzjoni meħtieġa sabiex jirrimedja s-sitwazzjoni li tagħti lok għal interruzzjoni tal-iskadenza tal-pagament.

(8)

Qabel l-interruzzjoni jew is-sospensjoni tal-ħlasijiet, il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni skont l-Artikoli 100(2) u 101(2) tar-Regolament (UE) Nru 508/2014 li se jispeċifika aktar in-nuqqas ta' konformità tal-Istati Membri mal-obbligi tagħhom skont ir-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd li jista' jaffettwa n-nefqa li għaliha jintalab il-pagament interim.

(9)

Minħabba l-importanza li jiġi żgurat li jkun hemm mod armonizzat u trattament ugwali tal-operaturi fl-Istati Membri kollha mill-bidu tal-perjodu ta' programmazzjoni, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Każijiet ta' nuqqas ta' konformità

Il-każijiet ta' nuqqas ta' konformità minn Stat Membru mal-obbligi skont il-Politika Komuni tas-Sajd (PKS), li jistgħu jikkawżaw interruzzjoni tal-iskadenza tal-pagament għal talba ta' pagament interim skont l-Artikolu 100 tar-Regolament (UE) Nru 508/2014, huma stipulati fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Każijiet ta' nuqqas serju ta' konformità

Każijiet ta' nuqqas serju ta' konformità minn Stat Membru mal-obbligi tiegħu skont il-PKS, li jistgħu jwasslu għal sospensjoni ta' pagamenti skont l-Artikolu 101 tar-Regolament (UE) Nru 508/2014, għandhom ikunu dawk li huma elenkati fl-Anness ta' dan ir-Regolament jekk, barra minn hekk:

(a)

jistgħu jagħtu lok għal interruzzjoni tal-iskadenza tal-pagament għal talba ta' pagament interim skont l-Artikolu 100 tar-Regolament (UE) Nru 508/2014; kif ukoll

(b)

l-Istat Membru jkun naqas milli jieħu l-azzjoni meħtieġa biex jirrimedja s-sitwazzjoni fi żmien il-perjodu ta' interruzzjoni tal-iskadenza tal-pagament b'relazzjoni għal dawk il-każijiet.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-27 ta' Marzu 2015.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 149, 20.5.2014, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006, (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320).


ANNESS

Kategorija 1:   In-nuqqas ta' kontribut favur l-għanijiet tal-Politika Komuni tas-Sajd kif stabbiliti fl-Artikolu 2(2) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 li huma essenzjali għall-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar

1.1.

In-nuqqas li jiġi żgurat li huma rispettati l-opportunitajiet tas-sajd allokati lill-Istat Membru skont l-Artikoli 16-17 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013;

1.2.

In-nuqqas li jintlaħqu r-rekwiżiti stabbiliti fit-tipi differenti ta' miżuri ta' konservazzjoni elenkati fl-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013.

Kategorija 2:   In-nuqqas li jintlaħqu l-obbligi internazzjonali dwar il-konservazzjoni

2.1.

In-nuqqas li jintlaħqu l-obbligi li joħorġu mill-Artikolu 28 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013.

Kategorija 3:   In-nuqqas li jiġi żgurat li l-flotta hija f'bilanċ mar-riżorsi naturali

3.1.

In-nuqqas li jiġi sottomess ir-rapport dwar il-bilanċ bejn il-kapaċità tas-sajd tal-flotta u l-opportunitajiet tas-sajd li jikkonforma mar-rekwiżiti kollha tal-Artikolu 22(2) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013;

3.2.

In-nuqqas li jiġi implimentat il-pjan ta' azzjoni skont l-Artikolu 22(4) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, jekk pjan bħal dan ikun inkluż fir-rapport sottomess kull sena;

3.3.

In-nuqqas li jiġi żgurat li f'każ ta' kapaċità tas-sajd irtirata mill-finanzi pubbliċi, ikunu rtirati minn qabel il-liċenzji u l-awtorizzazzjonijiet tas-sajd rispettivi u ma tkunx sostitwita l-kapaċità kif imsemmi fl-Artikoli 22(5) u 22(6) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013;

3.4.

In-nuqqas li jiġi żgurat li l-kapaċità tas-sajd ma taqbiżx, fi kwalunkwe ħin, il-limiti massimi stabbiliti fl-Artikolu 22(7) u l-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013;

3.5.

In-nuqqas li tiġi implimentata skema ta' dħul/ħruġ skont ir-rekwiżiti tal-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013;

3.6.

In-nuqqas li jiġi ġestit ir-reġistru tal-flotta tas-sajd f'konformità mal-Artikolu 24 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 26/2004 (1).

Kategorija 4:   In-nuqqas li jiġi implimentat qafas Komunitarju għall-ġbir, il-ġestjoni u l-użu tad-data f'konformita mal-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 kif speċifikat aktar fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 199/2008  (2) li jirriżulta fIn-nuqqas ta' informazzjoni dwar riżorsi naturali

4.1.

In-nuqqas li tinġabar u tiġi ġestita data bijoloġika, ambjentali, teknika u soċjoekonomika meħtieġa għal ġestjoni tas-sajd kif stabbilit fl-Artikoli 4, 13 u 17 tar-Regolament (KE) Nru 199/2008;

4.2.

In-nuqqas li kull sena jiġi sottomess ir-rapport dwar l-eżekuzzjoni ta' programmi ta' ġbir ta' data nazzjonali u biex dan ir-rapport isir disponibbli pubblikament kif stabbilit fl-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 199/2008;

4.3.

In-nuqqas li tiġi żgurata koordinazzjoni nazzjonali tal-ġbir u l-ġestjoni tad-data xjentifika għall-ġestjoni tas-sajd kif stabbilit fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 199/2008;

4.4.

In-nuqqas li jiġu kkoordinati l-attivitajiet ta' ġbir tad-data ma' Stati Membri oħra fl-istess reġjun kif stabbilit fl-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 199/2008;

4.5.

In-nuqqas li tiġi pprovduta data lill-utenti finali fil-waqt f'konformità mal-Artikoli 18 sa 20 tar-Regolament (KE) Nru 199/2008.

Kategorija 5:   In-nuqqas li titħaddem sistema effikaċi ta' kontroll u ta' infurzar

5.1.

In-nuqqas li jiġu rispettati l-prinċipji ġenerali ta' kontroll u ta' infurzar skont it-Titolu II tar Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 (3);

5.2.

In-nuqqas li jiġi żgurat li l-kondizzjonijiet ġenerali għall-aċċess għall-ilmijiet u r-riżorsi skont it-Titolu III tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 huma rispettati;

5.3.

In-nuqqas ta' kontroll effettiv tal-kummerċjalizzazzjoni sabiex tkun żgurata r-rintraċċabilità tal-prodotti tas-sajd u tal-akwakultura, skont it-Titolu V tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009;

5.4.

In-nuqqas li jitwettqu sorveljanza u spezzjonijiet effettivi, u biex tiġi żgurata azzjoni ta' infurzar sistematika u adegwata fir-rigward ta' kwalunkwe ksur tar-regoli tal-PKS, skont it-Titoli VI, VII u VIII tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009;

5.5.

In-nuqqas li jiġu stabbiliti u implimentati programmi ta' azzjoni ta' kontroll nazzjonali skont l-Artikolu 46 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 u, meta rilevanti, biex jitwettqu programmi speċifiċi ta' kontroll u ta' spezzjoni stabbiliti mill-Kummissjoni skont it-Titolu IX ta' dak ir-Regolament;

5.6.

In-nuqqas ta' kooperazzjoni mal-Kummissjoni sabiex jiġi ffaċilitat it-twettiq ta' kompiti tal-uffiċjali tal-Kummissjoni waqt il-missjonijiet tagħhom ta' verifikazzjoni, spezzjonijiet awtonomi u verifiki skont it-Titolu X tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009;

5.7.

In-nuqqas li jiġu implimentati l-miżuri li ġew deċiżi mill-Kummissjoni biex tiġi żgurata l-konformità mill-Istati Membri mal-għanijiet tal-PKS, bħal pjanijiet ta' azzjoni u ta' kull miżura oħra b'konformità mat-Titolu XI tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009;

5.8.

In-nuqqas li jintlaħqu r-rekwiżiti fir-rigward tal-analiżi, il-validazzjoni, l-aċċess u l-iskambju tad-data u tal-informazzjoni, skont it-Titolu XII tar-Regolament 1224/2009;

5.9.

In-nuqqas li tiġi kkontrollata l-implimentazzjoni ta' skema effettiva ta' ċertifikazzjoni tal-qabda stipulata wkoll fil-Kapitolu III tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 (4);

5.10.

In-nuqqas ta' reazzjoni dwar attivitajiet tas-sajd illegali allegati mhux rapportati u mhux regolati (IUU) skont l-Artikolu 26(3), 39 u 40 tar-Regolament (KE) Nru 1005/2008

Kategorija 6:   In-nuqqas li tiġi stabbilita u titħaddem sistema funzjonali ta' pieni effettivi, proporzjonati u dissważivi

6.1.

F'każ ta' ksur, in-nuqqas li jiġu nnotifikati l-Istat Membru tal-bandiera, l-Istat Membru li t-trasgressur hu ċittadin tiegħu u kull Stat Membru ieħor interessat fis-segwitu tal-miżuri meħuda biex tiġi żgurata l-konformità skont l-Artikolu 89(4) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009;

6.2.

In-nuqqas li jittieħdu miżuri immedjati f'konformità mal-Artikolu 91 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 biex jevitaw li kaptani ta' bastimenti tas-sajd jew persuni legali jew fiżiċi oħra li jkunu nqabdu fit-twettiq ta' ksur serju, milli jkomplu jagħmlu dan;

6.3.

In-nuqqas li jiġu stabbiliti l-kriterji li jiddeterminaw il-karattru serju tal-ksur tar-regoli tal-PKS skont l-Artikolu 42 tar-Regolament (KE) Nru 1005/2008;

6.4.

In-nuqqas li jiġi żgurat li jiġu applikati sistematikament sanzjonijiet effettivi għal każijiet ta' ksur tar-regoli tal-PKS u li l-livell ta' dawn is-sanzjonijiet ikun adegwat fil-gravità u proporzjonati mas-serjetà ta' tali ksur, sabiex tiġi żgurata d-deterrenza u, bħala minimu, effettivament iċaħħad lil dawk responsabbli mill-benefiċċji ekonomiċi miksuba mill-ksur tagħhom skont it-Titolu VIII tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009;

6.5.

In-nuqqas li tiġi applikata sistema ta' punti għal ksur serju għad-detenturi ta' liċenzji tas-sajd kif ukoll għall-kaptani skont l-Artikolu 92 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009;

6.6.

In-nuqqas li jiġi stabbilit u ġestit adegwatament ir-reġistru nazzjonali tal-ksur skont l-Artikolu 93 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009.


(1)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 26/2004 tat-30 ta' Diċembru 2003 dwar ir-reġistru tal-flotta tas-sajd tal-Komunità (ĠU L 5, 9.1.2004, p. 25).

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 199/2008 tal-25 ta' Frar 2008 dwar l-istabbiliment ta' qafas Komunitarju għall-ġbir, il-ġestjoni u l-użu ta' data fis-settur tas-sajd u appoġġ għall-parir xjentifiku fir-rigward tal-Politika Komuni dwar is-Sajd (ĠU L 60, 5.3.2008, p. 1).

(3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta' Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta' kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 847/96, (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 2115/2005, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007, (KE) Nru 676/2007, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 1300/2008, (KE) Nru 1342/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1627/94 u (KE) Nru 1966/2006 (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1).

(4)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 tad-29 ta' Settembru 2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat, li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1936/2001 u (KE) Nru 601/2004 u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 1093/94 u (KE) Nru 1447/1999 (ĠU L 286, 29.10.2008, p. 1).