31.3.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 86/1


REGOLAMENT TA' DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/531

tal-24 ta' Novembru 2014

li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 508/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jidentifika l-ispejjeż li huma eliġibbli għall-għajnuna tal-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd sabiex jittejbu l-kundizzjonijiet tal-iġjene, tas-saħħa, tas-sigurtà u tax-xogħol tas-sajjieda, sabiex jiġu protetti u rkuprati l-bijodiversità u l-ekosistemi tal-baħar, sabiex jittaffa t-tibdil fil-klima u sabiex tiżdied l-effiċjenza enerġetika tal-bastimenti tas-sajd

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 508/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2328/2003, (KE) Nru 861/2006, (KE) Nru 1198/2006 u (KE) Nru 791/2007 u r-Regolament (UE) Nru 1255/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), u b'mod partikolari l-Artikoli 32(4), 40(4) u 41(10) tiegħu,

Billi:

(1)

Skont ir-Regolament (UE) Nru 508/2014, il-Kummissjoni għandha s-setgħa tistipula regoli speċifiċi dwar l-eliġibbiltà tal-ispejjeż relatati mal-operazzjonijiet għall-protezzjoni u l-irkupru tal-bijodiversità u tal-ekosistemi tal-baħar fil-qafas ta' attivitajiet tas-sajd sostenibbli, dwar l-eliġibbiltà tal-ispejjeż relatati mal-operazzjonijiet immirati lejn il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u lejn it-titjib tal-effiċjenza enerġetika tal-bastimenti tas-sajd, u dwar l-eliġibbiltà tal-operazzjonijiet immirati lejn it-titjib tal-kundizzjonijiet tal-iġjene, tas-saħħa, tas-sigurtà u tax-xogħol għas-sajjieda.

(2)

Id-dispożizzjonijiet kollha ta' dan ir-Regolament jittrattaw aspetti li jirrigwardaw l-eliġibbiltà tal-ispejjeż jew tal-operazzjonijiet, u tnejn minnhom huma relatati ma' operazzjonijiet li jinvolvu investimenti abbord il-bastimenti. Barra minn hekk, dawn il-miżuri kollha għandhom impatt fuq il-forma li fiha titwettaq l-attività tas-sajd. Għalhekk, dawn id-dispożizzjonijiet huma marbutin mill-qrib ma' xulxin. Sabiex tiġi żgurata l-koerenza bejn dawk id-dispożizzjonijiet, u sabiex jiġu ffaċilitati perspettiva komprensiva u aċċess kumpatt għalihom mir-residenti kollha tal-Unjoni, dawk id-dispożizzjonijiet għandhom jiġu adottati f'att wieħed.

(3)

Is-sajd għadu wieħed mill-aktar impjiegi perikolużi fl-Unjoni, b'għadd sinifikanti ta' inċidenti li jseħħu fuq bastimenti tas-sajd fuq skala żgħira. Għaldaqstant, id-Direttivi tal-Kunsill 93/103/KE (2) u 92/29/KEE (3) jistabbilixxu rekwiżiti minimi għas-saħħa u s-sigurtà li japplikaw għax-xogħol abbord il-bastimenti tas-sajd, u li għandhom jiġu implimentati fil-leġiżlazzjoni nazzjonali. Ir-Regolament (UE) Nru 508/2014 jipprevedi l-finanzjament ta' ċertu investimenti sabiex jittejbu l-kundizzjonijiet tal-iġjene, tas-saħħa, tas-sikurezza u tax-xogħol għas-sajjieda, dejjem jekk dawn imorru lil hinn mir-rekwiżiti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u fil-leġiżlazzjoni nazzjonali. Għalhekk, jeħtieġ li jiġi speċifikat liema spejjeż relatati ma' investimenti speċifiċi ta' dan it-tip, inkluż it-taħriġ dwar is-saħħa u l-kampanji ta' informazzjoni, jistgħu jiġu ffinanzjati skont ir-Regolament (UE) Nru 508/2014.

(4)

Ix-xiri u l-installazzjoni abbord il-bastimenti ta' tagħmir li għandu l-għan li jnaqqas l-emissjonijiet ta' sustanzi li jniġġsu jew ta' gassijiet b'effett ta' serra u li jżid l-effiċjenza enerġetika tal-bastimenti tas-sajd jistgħu jikkontribwixxu lejn l-objettivi tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. It-tħaddim b'mod effiċjenti tal-bastimenti jista' wkoll iwassal għal tnaqqis sinifikanti fil-konsum tal-enerġija. L-Artikolu 41(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 508/2014 jipprevedi l-finanzjament ta' investimenti f'tagħmir jew ta' investimenti abbord li għandhom l-għan li jnaqqsu l-emissjonijiet ta' sustanzi li jniġġsu jew ta' gassijiet b'effett ta' serra u li jżidu l-effiċjenza enerġetika tal-bastimenti tas-sajd, kif ukoll il-finanzjament ta' investimenti fl-irkaptu tas-sajd, sakemm dawn l-investimenti ma jipperikolawx is-selettività ta' dak l-irkaptu u l-verifiki u l-iskemi tal-effiċjenza enerġetika. Għalhekk, jeħtieġ li jiġu speċifikati iktar l-ispejjeż li jistgħu jiġu ffinanzjati mill-FEMS biex jiġu promossi dawn l-objettivi.

(5)

Għandhom jiġu speċifikati wkoll l-ispejjeż relatati ma' operazzjonijiet li jikkontribwixxu għall-protezzjoni u l-irkupru tal-bijodiversità u tal-ekosistemi tal-baħar, u mar-reġimi ta' kumpens fil-qafas ta' attivitajiet tas-sajd sostenibbli. Dawn l-operazzjonijiet għandhom jinkludu l-prinċipji bażiċi tal-Infrastruttura Ekoloġika, kif iddefinit fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni (4) dwar l-Infrastruttura Ekoloġika (5), li jistgħu jagħtu kontribut sinifikanti għall-implimentazzjoni effettiva ta' politiki li għandhom l-għan li jilħqu l-għanijiet tagħhom, b'mod sħiħ jew parzjali, permezz ta' soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura.

(6)

L-ispejjeż eliġibbli relatati mal-operazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 32, l-Artikolu 40(1) u l-Artikolu 41(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 508/2014 għandhom ikunu konformi mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 11 tal-istess Regolament, li jistabbilixxi li operazzjonijiet li jżidu l-kapaċità tas-sajd tal-bastiment jew tagħmir li jżid il-kapaċità tal-bastiment biex isib il-ħut mhumiex eliġibbli għall-għajnuna tal-FEMS. Sabiex l-effett ta' inċentiv tal-investimenti eliġibbli skont dan ir-Regolament jiġi ppreżervat, l-ispejjeż relatati mal-manutenzjoni skedata jew ta' prevenzjoni fuq kwalunkwe parti mit-tagħmir li żżomm l-apparat f'kundizzjoni tajba ta' tħaddim għandhom jiġu esklużi mill-finanzjament tal-FEMS.

(7)

Minħabba li l-perjodu ta' eliġibbiltà għall-operazzjonijiet li għandhom jiġu ffinanzjati mill-FEMS beda fl-1 ta' Jannar 2014, sabiex ikunu jistgħu jiġu applikati fil-pront il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament, b'mod partikolari fir-rigward tal-eliġibbiltà tal-ispejjeż, u sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jippreparaw u jimplimentaw il-programmi operazzjonali tagħhom fil-kuntest tal-FEMS, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jidentifika:

(a)

it-tipi ta' operazzjonijiet li huma eliġibbli għall-għajnuna tal-FEMS sabiex jittejbu l-kundizzjonijiet tal-iġjene, tas-saħħa, tas-sigurtà u tax-xogħol għas-sajjieda;

(b)

l-ispejjeż li huma eliġibbli għall-għajnuna tal-FEMS sabiex jiġu protetti u rkuprati l-bijodiversità u l-ekosistemi tal-baħar, u r-reġimi ta' kumpens fil-qafas ta' attivitajiet tas-sajd sostenibbli;

(c)

l-ispejjeż li huma eliġibbli għall-għajnuna tal-FEMS sabiex tittejjeb l-effiċjenza enerġetika tal-bastimenti tas-sajd u sabiex jittaffew l-effetti tat-tibdil fil-klima.

KAPITOLU II

DISPOŻIZZJONIJIET KOMUNI

Artikolu 2

Spejjeż esklużi

1.   L-ispejjeż relatati mal-manutenzjoni skedata jew ta' prevenzjoni fuq kwalunkwe parti mit-tagħmir li żżomm l-apparat f'kundizzjoni tajba ta' tħaddim ma għandhomx ikunu eliġibbli għall-għajnuna tal-FEMS abbażi ta' dan ir-Regolament.

2.   L-ispejjeż li huma meħtieġa għall-installazzjoni ta' oġġetti skont kif stipulat f'dan ir-Regolament u li huma marbutin b'mod dirett magħha biss għandhom ikunu eliġibbli għall-għajnuna tal-FEMS.

KAPITOLU III

SPEJJEŻ RELATATI MAT-TITJIB TAL-KUNDIZZJONIJIET TAL-IĠJENE, TAS-SAĦĦA, TAS-SIGURTÀ U TAX-XOGĦOL GĦAS-SAJJIEDA

Artikolu 3

Operazzjonijiet eliġibbli relatati mas-sigurtà

Għall-operazzjonijiet immirati lejn it-titjib tas-sigurtà tas-sajjieda abbord il-bastimenti tas-sajd skont l-Artikolu 32 tar-Regolament (UE) Nru 508/2014, ix-xiri u, jekk ikun applikabbli, l-installazzjoni, tal-oġġetti li ġejjin, huma eliġibbli għall-għajnuna tal-FEMS:

(a)

ċattri ta' salvataġġ;

(b)

unitajiet ta' rilaxx idrostatiku għaċ-ċattri ta' salvataġġ;

(c)

apparat ta' sinjalar personalizzat għas-sejbien bħal, pereżempju, l-apparat ta' Sinjalar ta' Emerġenza bir-Radju li Jindika l-Pożizzjoni (“Emergency Position Indicating Radio Beacons — EPIRB”), li jista' jiġi integrat fil-ġkieket tas-salvataġġ u fl-ilbies tax-xogħol tas-sajjieda;

(d)

Apparat Personali li Jżomm f'Wiċċ l-Ilma (“PFD”), b'mod partikolari l-ilbies ta' immersjoni jew ta' sopravivenza, u l-bagi u l-ġkieket tas-salvataġġ;

(e)

murtali għall-għajnuna;

(f)

tagħmir għat-tfigħ tal-ħbula;

(g)

sistemi ta' salvataġġ ta' persuni mill-baħar (“man-overboard (‘MOB’) recovery systems”);

(h)

tagħmir għat-tifi tan-nar, bħat-teffejja tan-nar, il-gvieret ta' kontra n-nar, id-detetturi tan-nar u tad-duħħan u l-apparat tan-nifs;

(i)

bibien ta' protezzjoni min-nar;

(j)

valvijiet isolanti tat-tankijiet tal-fjuwil;

(k)

detetturi tal-gass u sistemi ta' allarm għat-tnixxijiet tal-gass;

(l)

pompi u allarmi tas-sentina;

(m)

tagħmir għall-komunikazzjonijiet bir-radju u bis-satellita;

(n)

bokkaporti u bibien li ma jħallux l-ilma jgħaddi minnhom;

(o)

ilqugħ ta' fuq il-makkinarju, bħall-vinċijiet jew winċijiet tax-xbieki;

(p)

passaġġi u slielem ta' aċċess;

(q)

dwal għat-tfittxija, tal-gverta jew ta' emerġenza;

(r)

mekkaniżmi ta' rilaxx tas-sigurtà f'każ li l-irkaptu tas-sajd jinqabad ma' ostakli taħt l-ilma;

(s)

kameras u moniters tas-sigurtà;

(t)

tagħmir u elementi meħtieġa għat-titjib tas-sigurtà fuq il-gverta.

Artikolu 4

Operazzjonijiet eliġibbli relatati mas-saħħa

Għall-operazzjonijiet jew għall-forniment ta' tagħmir maħsub għat-titjib tal-kundizzjonijiet tas-saħħa tas-sajjieda abbord il-bastimenti tas-sajd skont l-Artikolu 32 tar-Regolament (UE) Nru 508/2014, l-azzjonijiet li ġejjin huma eliġibbli għall-finanzjament:

(a)

ix-xiri u l-installazzjoni ta' kaxxi għall-ewwel għajnuna;

(b)

ix-xiri ta' mediċini u apparat għall-kura urġenti abbord;

(c)

il-forniment tat-telemediċina, inkluż ta' teknoloġiji elettroniċi u ta' tagħmir u sistemi ta' immaġni mediċi applikati għall-konsultazzjoni mill-bogħod minn dawn il-bastimenti;

(d)

il-forniment ta' gwidi u manwali għat-titjib tas-saħħa abbord;

(e)

kampanji ta' informazzjoni għat-titjib tas-saħħa abbord.

Artikolu 5

Operazzjonijiet eliġibbli relatati mal-iġjene

Għall-operazzjonijiet jew għall-forniment ta' tagħmir maħsub għat-titjib tal-kundizzjonijiet tal-iġjene tas-sajjieda abbord il-bastimenti tas-sajd skont l-Artikolu 32 tar-Regolament (UE) Nru 508/2014, ix-xiri u, jekk ikun applikabbli, l-installazzjoni tal-oġġetti li ġejjin huma eliġibbli għall-finanzjament:

(a)

faċilitajiet sanitarji, bħal tojlits u faċilitajiet għall-ħasil;

(b)

faċilitajiet tal-kċina u tagħmir għall-ħżin tal-provvisti tal-ikel;

(c)

tagħmir ta' purifikazzjoni tal-ilma għall-ilma tajjeb għax-xorb;

(d)

tagħmir tat-tindif għaż-żamma tal-kundizzjonijiet sanitarji abbord;

(e)

gwidi u manwali dwar it-titjib tal-iġjene abbord, inkluż għodod fil-forma ta' softwer.

Artikolu 6

Operazzjonijiet eliġibbli relatati mal-kundizzjonijiet tax-xogħol

Għall-operazzjonijiet jew għall-forniment ta' tagħmir maħsub għat-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol abbord il-bastimenti tas-sajd skont l-Artikolu 32 tar-Regolament (UE) Nru 508/2014, ix-xiri u, jekk ikun applikabbli, l-installazzjoni tal-oġġetti li ġejjin huma eliġibbli għall-finanzjament:

(a)

poġġamani ta' fuq il-gverta;

(b)

strutturi ta' kenn ta' fuq il-gverta u l-immodernizzar tal-kabini sabiex tiġi pprovduta protezzjoni mill-kundizzjonijiet ħżiena tat-temp;

(c)

oġġetti relatati mat-titjib tas-sigurtà tal-kabina u mal-provvista ta' żoni komuni għall-ekwipaġġ;

(d)

tagħmir li jnaqqas ix-xogħol tal-irfigħ bl-idejn, għajr magni relatati b'mod dirett mal-operazzjonijiet tas-sajd, bħal pereżempju l-vinċijiet;

(e)

żebgħa u twapet tal-lastku għal kontra ż-żliq;

(f)

tagħmir ta' iżolazzjoni kontra l-istorbju, is-sħana jew il-kesħa, u tagħmir li jtejjeb il-ventilazzjoni;

(g)

ilbies tax-xogħol u tagħmir tas-sigurtà bħal żraben li ma jidħolx l-ilma fihom, tagħmir għall-protezzjoni tal-għajnejn u tan-nifs, ingwanti u elmi ta' protezzjoni, jew tagħmir ta' protezzjoni mill-waqgħat;

(h)

sinjali ta' twissija ta' emerġenza u tas-sigurtà;

(i)

analiżijiet u valutazzjonijiet tar-riskju sabiex jiġu identifikati r-riskji għas-sajjieda kemm meta dawn ikunu fil-port kif ukoll meta jkunu qed ibaħħru, sabiex jittieħdu miżuri għall-prevenzjoni jew għat-tnaqqis tar-riskji;

(j)

gwidi u manwali dwar it-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol abbord.

KAPITOLU IV

SPEJJEŻ RELATATI MAL-PROTEZZJONI U L-IRKUPRU TAL-BIJODIVERSITÀ U TAL-EKOSISTEMI TAL-BAĦAR FIL-QAFAS TA' ATTIVITAJIET TAS-SAJD SOSTENIBBLI

Artikolu 7

Spejjeż eliġibbli relatati mal-ġbir tal-iskart min-naħa tas-sajjieda

Għall-operazzjonijiet relatati mal-ġbir tal-iskart mill-baħar min-naħa tas-sajjieda, kif imsemmi fl-Artikolu 40(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 508/2014, l-ispejjeż relatati mal-azzjonijiet li ġejjin huma eliġibbli għall-għajnuna:

(a)

it-tneħħija mill-baħar ta' rkaptu tas-sajd li jintilef, b'mod partikolari sabiex jingħeleb is-sajd inviżibbli;

(b)

ix-xiri u, jekk ikun applikabbli, l-installazzjoni ta' tagħmir abbord għall-ġbir u l-ħżin tal-iskart;

(c)

il-ħolqien ta' skemi għall-ġbir tal-iskart għas-sajjieda parteċipanti, inklużi inċentivi finanzjarji;

(d)

ix-xiri u, jekk ikun applikabbli, l-installazzjoni ta' tagħmir ibbażat fil-faċilitajiet tal-portijiet tas-sajd għall-ġbir u r-riċiklaġġ tal-iskart;

(e)

il-kampanji ta' komunikazzjoni, ta' informazzjoni u ta' sensibilizzazzjoni, biex is-sajjieda u l-partijiet ikkonċernati l-oħra jiġu mħeġġa jipparteċipaw fi proġetti għat-tneħħija ta' rkaptu tas-sajd li jintilef;

(f)

it-taħriġ għas-sajjieda u għall-aġenti tal-portijiet.

Artikolu 8

Spejjeż eliġibbli relatati mal-faċilitajiet maħsubin għall-protezzjoni u t-titjib tal-fawna u l-flora tal-baħar

1.   Għall-operazzjonijiet relatati mal-kostruzzjoni, l-installazzjoni jew il-modernizzazzjoni ta' faċilitajiet statiċi jew mobbli skont l-Artikolu 40(1)(b) tar-Regolament (UE) Nru 508/2014, l-ispejjeż relatati mal-azzjonijiet li ġejjin huma eliġibbli għall-għajnuna:

(a)

ix-xiri u, jekk ikun applikabbli, l-installazzjoni ta' faċilitajiet għall-protezzjoni taż-żoni tal-baħar mis-sajd li jsir bit-tkarkir mal-qiegħ;

(b)

ix-xiri u, jekk ikun applikabbli, l-installazzjoni ta' faċilitajiet għall-irkuprar ta' ekosistemi tal-baħar iddegradati;

(c)

l-ispejjeż relatati ma' xogħol preliminari bħal tiftix u studji jew evalwazzjonijiet xjentifiċi;

(d)

fir-reġjuni l-aktar imbiegħda, l-ispejjeż relatati max-xiri u, jekk ikun applikabbli, mal-installazzjoni ta' rkaptu tal-aggregazzjoni tal-ħut immażżrat mal-qiegħ li jikkontribwixxi għas-sajd sostenibbli u selettiv, skont l-Artikolu 38(2) tar-Regolament (UE) Nru 508/2014.

2.   Għall-operazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1, l-ispejjeż li ġejjin ma għandhomx jitqiesu bħala eliġibbli:

(a)

ix-xiri ta' bastiment biex dan jiġi mgħarraq u jintuża bħala skoll artifiċjali;

(b)

l-ispejjeż relatati mal-bini u l-manutenzjoni tal-irkaptu tal-aggregazzjoni tal-ħut, għajr l-ispejjeż previsti fil-paragrafu 1(d).

Artikolu 9

Spejjeż eliġibbli relatati mal-kontribuzzjoni lejn ġestjoni jew konservazzjoni aħjar tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar

1.   Għall-operazzjonijiet immirati lejn ġestjoni jew konservazzjoni aħjar tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar kif imsemmi fl-Artikolu 40(1)(c) tar-Regolament (UE) Nru 508/2014 u li huma konformi mal-Artikolu 38 ta' dak ir-Regolament, l-ispejjeż relatati max-xiri jew, jekk ikun applikabbli, mal-installazzjoni tal-oġġetti li ġejjin huma eliġibbli għall-għajnuna:

(a)

is-snanar ittundjati;

(b)

l-apparat akustiku li jservi ta' deterrent imqabbad max-xbieki;

(c)

l-apparat għall-esklużjoni tal-fkieren tal-baħar (“TEDs”);

(d)

il-linji tat-tnaffir;

(e)

għodod jew tagħmir ieħor li jkun intwera li huwa effiċjenti fil-prevenzjoni tal-qabdiet aċċidentali tal-ispeċijiet protetti;

2.   Barra minn hekk, l-ispejjeż relatati mal-azzjonijiet u l-proġetti li ġejjin huma eliġibbli għall-għajnuna:

(a)

taħriġ għas-sajjieda rigward ġestjoni jew konservazzjoni aħjar tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar;

(b)

proġetti li jiffukaw fuq il-ħabitats kostali li huma ta' importanza għall-ħut, għall-għasafar u għal organiżmi oħra;

(c)

il-proġetti li jiffukaw fuq żoni li huma importanti għar-riproduzzjoni tal-ħut bħal, pereżempju, l-artijiet mistagħdra kostali, ukoll jistgħu jkunu eliġibbli għall-għajnuna.

3.   Għas-sostituzzjoni tal-irkaptu tas-sajd eżistenti b'tagħmir tas-sajd b'impatt baxx, l-ispejjeż marbutin man-nases tal-ħut, mat-tirjix u mas-sajd bix-xlief fuq l-idejn jistgħu jkunu eliġibbli għall-għajnuna.

Artikolu 10

Spejjeż eliġibbli relatati mat-tħejjija ta' pjanijiet ta' protezzjoni u ta' ġestjoni għal attivitajiet relatati mas-sajd

Għall-operazzjonijiet li jikkonsistu fit-tħejjija ta' pjanijiet ta' protezzjoni u ta' ġestjoni għal attivitajiet relatati mas-sajd, kif imsemmi fl-Artikolu 40(1)(d) tar-Regolament (UE) Nru 508/2014, l-ispejjeż relatati mal-azzjonijiet li ġejjin huma eliġibbli għall-għajnuna:

(a)

it-twettiq ta' studji, b'mod partikolari għall-monitoraġġ u s-sorveljanza tal-ispeċijiet u tal-ħabitats, inkluż l-immappjar tagħhom, u l-ġestjoni tar-riskju;

(b)

l-immappjar tal-attivitajiet u tal-intensità tas-sajd, u tal-interazzjonijiet tas-sajd mal-ispeċijiet u l-ħabitats protetti;

(c)

il-konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati waqt it-tħejjija tal-pjanijiet ta' ġestjoni;

(d)

l-iżvilupp u l-applikazzjoni ta' indikaturi tal-pressjonijiet u tal-impatti, u t-twettiq ta' valutazzjonijiet tal-istatus ta' konservazzjoni;

(e)

taħriġ għas-sajjieda u għal persuni oħra li jaħdmu għall-korpi li huma responsabbli għall-ġestjoni taż-żoni protetti tal-baħar (“MPAs”) jew f'isimhom, li huwa rilevanti għat-tħejjija tal-pjanijiet ta' protezzjoni u ta' ġestjoni għal attivitajiet relatati mas-sajd;

(f)

id-demarkazzjoni tal-MPAs;

(g)

is-sorveljanza, inklużi s-salarji tal-persunal involut fl-attivitajiet ta' sorveljanza;

(h)

it-twettiq ta' miżuri ta' pubbliċità u ta' sensibilizzazzjoni fir-rigward tal-MPAs;

(i)

il-valutazzjoni tal-impatti tal-pjanijiet ta' ġestjoni fuq iż-żoni tan-netwerk Natura 2000 u fuq iż-żoni tas-sajd affettwati mill-pjanijiet ta' ġestjoni.

Artikolu 11

Spejjeż eliġibbli relatati mal-ġestjoni, l-irkupru u l-monitoraġġ tas-siti Natura 2000 u taż-Żoni Protetti tal-Baħar

Għall-operazzjonijiet relatati mal-ġestjoni, l-irkupru u l-monitoraġġ tas-siti Natura 2000 u taż-Żoni Protetti tal-Baħar u mat-tkattir tal-għarfien ambjentali, kif imsemmi fl-Artikolu 40(1)(e), (f) u (g) tar-Regolament (UE) Nru 508/2014, l-ispejjeż relatati mal-azzjonijiet li ġejjin huma eliġibbli għall-għajnuna:

(a)

il-konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati waqt it-tħejjija tal-pjanijiet ta' ġestjoni;

(b)

l-iżvilupp u l-applikazzjoni ta' indikaturi tal-pressjonijiet/tal-impatti u l-valutazzjonijiet tal-istatus ta' konservazzjoni;

(c)

is-sorveljanza tas-siti Natura 2000 u tal-MPAs;

(d)

it-taħriġ għal persuni li jaħdmu għall-korpi li huma responsabbli għall-ġestjoni tas-siti Natura 2000 u tal-MPAs jew f'isimhom;

(e)

it-taħriġ tas-sajjieda dwar il-konservazzjoni u l-irkupru tal-ekosistemi tal-baħar u dwar attivitajiet alternattivi relatati magħhom bħal, pereżempju, l-ekoturiżmu fis-siti Natura 2000 u fl-MPAs;

(f)

l-immappjar tal-attivitajiet tas-sajd u l-monitoraġġ tal-intensità tagħhom, u r-reġistrazzjoni tal-interazzjonijiet tas-sajd mal-ispeċijiet protetti bħall-foki, il-fkieren tal-baħar, id-dniefel u t-tjur tal-baħar;

(g)

l-għajnuna għall-iżvilupp ta' miżuri ta' ġestjoni tas-sajd fis-siti Natura 2000 u fl-MPAs bħal, pereżempju, l-istudji tal-valutazzjonijiet tal-impatt u l-valutazzjoni tar-riskju, inklużi l-azzjonijiet li jrawmu t-titjib tal-koerenza tagħhom;

(h)

l-għajnuna għal miżuri li jżidu l-għarfien ambjentali li jinvolvu lis-sajjieda fir-rigward tal-protezzjoni u l-irkupru tal-bijodiversità tal-baħar;

(i)

il-kooperazzjoni u n-netwerking tal-maniġers tas-siti Natura 2000 u tal-MPAs.

Artikolu 12

Spejjeż eliġibbli relatati mal-parteċipazzjoni f'azzjonijiet oħra mmirati lejn iż-żamma u t-titjib tas-servizzi tal-bijodiversità u tal-ekosistemi

1.   Għall-operazzjonijiet relatati mal-parteċipazzjoni f'azzjonijiet oħra mmirati lejn iż-żamma u t-titjib tas-servizzi tal-bijodiversità u tal-ekosistemi, kif imsemmi fl-Artikolu 40(1)(i) tar-Regolament (UE) Nru 508/2014, l-ispejjeż relatati mal-azzjonijiet li ġejjin huma eliġibbli għall-għajnuna:

(a)

l-ispejjeż relatati ma' skemi għall-ittestjar ta' tekniki ġodda ta' monitoraġġ, u b'mod partikolari:

(i)

is-sistemi ta' monitoraġġ elettroniku mill-bogħod bħalma huma s-CCTVs, għall-monitoraġġ u r-reġistrazzjoni tal-qabdiet inċidentali tal-ispeċijiet protetti;

(ii)

ir-reġistrazzjoni ta' dejta oċeanografika bħalt-temperatura, is-salinità, il-preżenza tal-plankton, il-proliferazzjoni tal-algi u d-dardir;

(iii)

l-immappjar tal-ispeċijiet aljeni invażivi (l-IAS);

(iv)

l-azzjonijiet, inklużi studji, għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-espansjoni tal-IAS;

(b)

l-inċentivi finanzjarji għall-installazzjoni abbord ta' mezzi ta' reġistrazzjoni awtomatika għall-monitoraġġ u r-reġistrazzjoni tad-dejta oċeanografika, bħat-temperatura, is-salinità, il-preżenza tal-plankton, il-proliferazzjoni tal-algi u d-dardir;

(c)

l-ispejjeż għall-kiri ta' bastimenti kummerċjali tas-sajd għall-osservazzjoni ambjentali b'rata li hija proporzjonata mal-attività;

(d)

l-ispejjeż għal azzjonijiet xjentifiċi oħrajn relatati mal-immappjar u l-valutazzjoni tal-ekosistemi kostali u tal-baħar, u għas-servizzi tagħhom.

2.   Għall-operazzjonijiet immirati lejn l-irkupru ta' ħabitats tal-baħar u kostali speċifiċi sabiex tiġi megħjuna s-sostenibbiltà tal-istokkijiet tal-ħut, kif imsemmi fl-Artikolu 40(1)(i) tar-Regolament (UE) Nru 508/2014, l-azzjonijiet li ġejjin huma eliġibbli għall-għajnuna:

(a)

azzjonijiet għat-tnaqqis tat-tniġġis fiżiku u tat-tniġġis minn sustanzi kimiċi;

(b)

azzjonijiet għat-tnaqqis ta' pressjonijiet fiżiċi oħrajn, inkluż l-istorbju antropoġeniku ta' taħt il-baħar li jaffettwa ħażin lill-bijodiversità;

(c)

miżuri pożittivi ta' konservazzjoni għall-protezzjoni u l-konservazzjoni tal-flora u tal-fawna, inkluż it-tidħil mill-ġdid jew ir-ripopolazzjoni bi speċijiet indiġeni, u l-applikazzjoni tal-prinċipji tal-Infrastruttura Ekoloġika msemmija fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Infrastruttura Ekoloġika (6);

(d)

azzjonijiet għall-prevenzjoni, il-kontroll jew l-eliminazzjoni tal-ispeċijiet aljeni invażivi (l-IAS).

KAPITOLU V

SPEJJEŻ RELATATI MAL-PROMOZZJONI TAL-EFFIĊJENZA ENERĠETIKA U MAL-MITIGAZZJONI TAT-TIBDIL FIL-KLIMA

Artikolu 13

Spejjeż eliġibbli relatati mal-idrodinamika tal-buq tal-bastiment

1.   Għall-operazzjonijiet immirati lejn it-titjib tal-idrodinamika tal-buq tal-bastiment skont l-Artikolu 41(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 508/2014, l-ispejjeż relatati mal-azzjonijiet li ġejjin huma eliġibbli għall-għajnuna:

(a)

l-investimenti f'mekkaniżmi ta' stabbiltà bħal, pereżempju, propelli tas-sentina u pruwi stillati bbuzzati 'l barra minn taħt (“bulbous bows”) li jikkontribwixxu għal navigazzjoni aħjar u stabbiltà mtejba;

(b)

l-ispejjeż relatati mal-użu ta' żebgħa antiveġetattiva mhix tossika, bħal, pereżempju, l-kisi bir-ram, sabiex titnaqqas il-frizzjoni;

(c)

l-ispejjeż relatati mal-apparat tal-istering, bħas-sistemi ta' kontroll tal-apparat tal-istering u diversi tmien sabiex titnaqqas l-attività tat-tmun skont il-kundizzjonijiet tat-temp u tal-baħar;

(d)

l-ittestjar f'baċir sabiex tiġi pprovduta bażi għat-titjib tal-idrodinamika.

2.   L-ispejjeż relatati mal-manutenzjoni bażika tal-bwieq mhumiex eliġibbli għall-finanzjament skont dan l-Artikolu.

Artikolu 14

Spejjeż eliġibbli relatati mat-titjib tas-sistema ta' propulsjoni tal-bastiment

Għall-operazzjonijiet immirati lejn it-titjib tas-sistema ta' propulsjoni tal-bastiment skont l-Artikolu 41(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 508/2014, l-ispejjeż relatati max-xiri u, jekk ikun meħtieġ, mal-installazzjoni tal-oġġetti li ġejjin huma eliġibbli għall-għajnuna:

(a)

l-iskrejjen effiċjenti fl-użu tal-enerġija, inklużi x-xaftijiet ta' trażmissjoni;

(b)

il-katalizzaturi;

(c)

il-ġeneraturi effiċjenti fl-użu tal-enerġija bħal, pereżempju. dawk li jaħdmu bl-idroġenu jew bil-gass naturali;

(d)

l-elementi ta' propulsjoni li jaħdmu bl-enerġija rinnovabbli, bħall-qlugħ, l-ogħla qlugħ tal-bastiment li jittellgħu biss meta r-riħ ikun ħafif, l-imtieħen tar-riħ, it-turbini jew il-pannelli fotovoltajċi;

(e)

l-iskrejjen fil-pruwa;

(f)

il-konverżjoni tal-magni biex dawn jaħdmu bil-bijofjuwils;

(g)

l-ekonometri, is-sistemi ta' ġestjoni tal-fjuwil u s-sistemi ta' monitoraġġ;

(h)

l-investimenti fi żnienen li jtejbu s-sistema ta' propulsjoni.

Artikolu 15

Spejjeż eliġibbli relatati mal-investimenti fl-irkaptu u t-tagħmir tas-sajd

Għall-investimenti fl-irkaptu u t-tagħmir tas-sajd, kif imsemmi fl-Artikolu 41(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 508/2014, l-ispejjeż relatati mal-azzjonijiet li ġejjin huma eliġibbli għall-għajnuna:

(a)

is-sostituzzjoni tal-irkaptu rmunkat bi rkaptu alternattiv;

(b)

il-modifikazzjoni tal-irkaptu rmunkat;

(c)

l-investimenti f'tagħmir ta' monitoraġġ tal-irkaptu rmunkat.

Artikolu 16

Spejjeż eliġibbli relatati mal-investimenti mmirati lejn it-tnaqqis tal-konsum tal-elettriku jew tal-enerġija termali

Għall-investimenti mmirati lejn it-tnaqqis tal-konsum tal-elettriku jew tal-enerġija termali skont l-Artikolu 41(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 508/2014, l-ispejjeż li ġejjin huma eliġibbli għall-għajnuna:

(a)

l-investimenti għat-titjib tas-sistemi ta' tkessiħ, ta' ffriżar jew ta' iżolazzjoni ta' bastimenti ta' inqas minn 18-il metru;

(b)

l-investimenti biex jiġi mħeġġeġ ir-riċiklaġġ tas-sħana li tkun fil-bastiment, li jinvolvi l-irkuprar u l-użu mill-ġdid tas-sħana għal operazzjonijiet awżiljarji oħrajn abbord il-bastiment.

KAPITOLU VI

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 17

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta' Novembru 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 149, 20.5.2014, p. 1.

(2)  Id-Direttiva tal-Kunsill 93/103/KE tat-23 ta' Novembru 1993 li tirrigwarda l-ħtiġijiet minimi tas-sikurezza u s-saħħa għax-xogħol abbord il-bastimenti tas-sajd (it-tlettax-il Direttiva individwali li taqa' taħt it-tifsira tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE) (ĠU L 307, 13.12.1993, p. 1).

(3)  Id-Direttiva tal-Kunsill 92/29/KEE tal-31 ta' Marzu 1992 dwar ħtiġiet minimi ta' sigurtà u ta' saħħa għal trattament mediku mtejjeb abbord bastimenti (ĠU L 113, 30.4.1992, p. 19).

(4)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni msejħa “L-Infrastruttura Ekoloġika (IE) — Insaħħu l-Kapital Naturali tal-Ewropa”, Brussell, COM(2013) 249 final, 6.5.2013.

(5)  L-Infrastruttura Ekoloġika hija netwerk ippjanat b'mod strateġiku magħmul minn żoni naturali u seminaturali b'karatteristiki ambjentali oħrajn ippjanati u mmaniġġjati biex jipprovdu firxa wiesgħa ta' servizzi tal-ekosistema. L-Infrastruttura Ekoloġika tinkorpora spazji ekoloġiċi (jew marittimi fil-każ tal-ekosistemi akkwatiċi) u karatteristiki fiżiċi oħrajn f'żoni fuq l-art (inkluż dawk li jinsabu mal-kosta) u f'żoni tal-baħar.

(6)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni msejħa “L-Infrastruttura Ekoloġika (IE) — Insaħħu l-Kapital Naturali tal-Ewropa”, Brussell, COM(2013) 249 final, 6.5.2013.