6.3.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 62/16


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/360

tal-5 ta' Marzu 2015

li jiftaħ il-ħażna privata għal-laħam tal-majjal u li jiffissa bil-quddiem l-ammont ta' għajnuna

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 18(2), l-Artikolu 20(c), (k), (l), (m) u (n), u l-Artikolu 223(3)(c) tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1370/2013 tas-16 ta' Diċembru 2013 li jiddetermina miżuri dwar l-iffissar ta' ċerti għajnuniet u rifużjonijiet relatati mal-organizzazzjoni komuni tas-swieq tal-prodotti agrikoli (2) u b'mod partikolari l-Artikolu 4(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Il-punt (h) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jipprevedi l-possibbiltà li tingħata għajnuna għall-ħażna privata tal-laħam tal-majjal.

(2)

Il-prezzijiet medji tas-suq tal-Unjoni rreġistrati kienu taħt il-limitu ta' referenza kif stipulat fil-punt (f) tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 għal aktar minn 18-il ġimgħa konsekuttiva u għandhom impatt negattiv sinifikanti fuq il-marġini fis-settur tal-majjali. Is-sitwazzjoni diffiċli persistenti fis-suq tikkomprometti l-istabbiltà finanzjarja ta' ħafna azjendi agrikoli. It-tneħħija temporanja tal-laħam tal-majjal mis-suq tidher meħtieġa sabiex il-bilanċ tas-suq jistabbilixxi ruħu mill-ġdid u jgħolew il-prezzijiet. Għaldaqstant, huwa xieraq li tingħata għajnuna għal ħżin privat tal-laħam tal-majjal u li jiġi ffissat bil-quddiem l-ammont tal-għajnuna.

(3)

Ir-Regolament (KE) Nru 826/2008 (3) stabbilixxa regoli komuni għall-implimentazzjoni tal-iskemi ta' għajnuna għall-ħżin privat.

(4)

Skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 826/2008, se tingħata għajnuna ffissata minn qabel skont ir-regoli u l-kundizzjonijiet dettaljati kif ipprovduti fil-Kapitolu III ta' dak ir-Regolament.

(5)

Sabiex teħfief il-ġestjoni tal-miżura, il-prodotti tal-majjal għandhom jiġu kklassifikati f'kategoriji skont kriterji ta' xebh fir-rigward tal-livell tal-ispejjeż għall-ħżin.

(6)

Biex jiġi ffaċilitat ix-xogħol amministrattiv u ta' kontroll f'dak li għandu x'jaqsam mal-konklużjoni ta' kuntratti, għandhom ikunu ffissati l-kwantitajiet minimi ta' prodotti li għandhom jiġu koperti minn kull applikazzjoni.

(7)

Għandha tiġi ffissata garanzija sabiex jiġi żgurat li l-operaturi jaqdu d-dmirijiet kuntrattwali tagħhom u li l-miżura jkollha l-effett mixtieq fuq is-suq.

(8)

L-Artikolu 35 tar-Regolament (KE) Nru 826/2008 jistipula t-tagħrif li l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni. Huwa xieraq li jiġu stabbiliti xi regoli speċifiċi dwar il-frekwenza tan-notifiki rigward il-kwantitajiet li ssir applikazzjoni għalihom fil-qafas ta' dan ir-Regolament.

(9)

Il-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli ma tax opinjoni fil-limiti taż-żmien iffissati mill-Presidenza tiegħu,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Kamp ta' applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament jipprevedi l-għajnuna għall-ħżin privat tal-laħam tal-majjal kif imsemmija fil-punt (h) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013.

2.   Il-lista tal-kategoriji tal-prodotti eliġibbli għall-għajnuna u l-ammonti korrispondenti jingħataw fl-Anness għal dan ir-Regolament.

3.   Ir-Regolament (KE) Nru 826/2008 għandu japplika, għajr meta previst xorta oħra f'dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Sottomissjoni tal-applikazzjonijiet

1.   Mid-9 ta' Marzu 2015 'l quddiem, jintlaqgħu l-applikazzjonijiet għall-għajnuna għall-ħażna privata għall-kategoriji tal-prodotti tal-laħam tal-majjal eliġibbli għall-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1.

2.   L-applikazzjonijiet għandhom ikopru perjodu ta' ħżin ta' 90, 120 jew 150 jum.

3.   Kull applikazzjoni għandha tirreferi għal kategorija waħda biss mill-kategoriji ta' prodotti elenkati fl-Anness, waqt li tindika l-kodiċi tan-NM rilevanti fi ħdan dik il-kategorija.

4.   Kull applikazzjoni għandha tkopri kwantità minima ta' 10 tunnellati għall-prodotti mingħajr għadam, u ta' 15-il tunnellata għal prodotti oħra.

Artikolu 3

Garanziji

L-ammont tal-garanzija, skont it-tunnellaġġ tal-prodott, li għandha tingħata skont l-Artikolu 16(2)(i) tar-Regolament (KE) Nru 826/2008 għandu jkun ta' 20 % tal-ammonti tal-għajnuna ffissati fil-kolonni 3, 4 u 5 tat-tabella fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 4

Frekwenza tan-notifiki tal-kwantitajiet li għalihom intbagħtu applikazzjonijiet

L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni darbtejn fil-ġimgħa l-kwantitajiet li għalihom intbagħtu applikazzjonijiet għall-konklużjoni tal-kuntratti, kif ġej:

(a)

kull nhar ta' Tnejn sa 12:00 (ħin ta' Brussell) il-kwantitajiet li għalihom għalihom intbagħtu applikazzjonijiet il-Ħamis u l-Ġimgħa tal-ġimgħa ta' qabel;

(b)

kull nhar ta' Ħamis sa 12:00 (ħin ta' Brussell) il-kwantitajiet li għalihom intbagħtu applikazzjonijiet it-Tnejn, it-Tlieta u l-Erbgħa tal-istess ġimgħa.

Artikolu 5

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-5 ta' Marzu 2015.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

(2)  ĠU L 346, 20.12.2013, p. 12.

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 826/2008 tal-20 ta' Awwissu 2008 li jipprovdi regoli komuni għall-għotja ta' għajnuna għall-ħażna privata ta' ċerti prodotti agrikoli (ĠU L 223, 21.8.2008, p. 3).


ANNESS

Kategoriji ta' prodotti

Prodotti li tingħatalhom l-għajnuna

Ammont tal-għajnuna għal perjodu ta' ħżin ta'

(EUR/tunnellata)

90 jum

120 jum

150 jum

1

2

3

4

5

Kategorija 1

 

230

243

257

ex 0203 11 10

Nofs karkassi, mingħajr is-sieq ta' quddiem, id-denb, il-kliewi, il-falda l-irqiqa u s-sinsla tad-dahar (1)

 

 

 

Kategorija 2

 

254

266

278

ex 0203 12 11

Prieżet

 

 

 

ex 0203 12 19

Spallejn

 

 

 

ex 0203 19 11

Trufijiet ta' quddiem

 

 

 

ex 0203 19 13

Ġenbejn, bit-tarf tal-għonq jew mingħajru, jew it-truf tal-għonq separatament, il-ġenbejn bil-koxxa jew mingħajrha (2)  (3)

 

 

 

Kategorija 3

 

281

293

305

ex 0203 19 55

Riġlejn, spallejn, truf ta' quddiem, ġenbejn bit-tarf tal-għonq jew mingħajru, jew truf tal-għonq separati, ġenbejn biċ-chump jew mingħajrha, bil-għadam imneħħi (2)  (3)

 

 

 

Kategorija 4

 

210

221

233

ex 0203 19 15

Żquq, sħaħ jew bix-xtur imneħħija b'qatgħa rettangolari

 

 

 

Kategorija 5

 

226

238

254

ex 0203 19 55

Żquq, sħaħ jew bix-xtur imneħħija b'qatgħa rettangolari, mingħajr il-ġilda ta' barra u l-kustilji

 

 

 

Kategorija 6

 

228

241

254

ex 0203 19 55

Qatgħat li jikkorrispondu għan-“nofsijiet”, bil-ġilda ta' barra jew bix-xaħam jew mingħajrhom, bl-għadam imneħħi (4)

 

 

 


(1)  L-għajnuna tista' tingħata wkoll għan-nofs karkassi ppreżentati bħala Wiltshire sides, jiġifieri mingħajr ir-ras, il-ħadd, ix-xedaq, is-saqajn, id-denb, il-grass tas-simna, il-kliewi, il-flett, l-għadma tal-ispalla, l-isternu, is-sinsla, l-għadma pelvika u d-dijaframma.

(2)  Il-ġenbejn u t-truf tal-għonq jistgħu jkunu bil-ġilda ta' barra jew mingħajrha, imma s-saff tax-xaħam ta' magħha ma għandux jaqbeż fond ta' 25 mm.

(3)  Il-kwantità kkuntrattata tista' tkopri kull kombinazzjoni tal-prodotti msemmija.

(4)  L-istess preżentazzjoni bħall-prodotti koperti bil-kodiċi tan-NM 0210 19 20.