31.1.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 26/19


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/153

tat-30 ta' Jannar 2015

li jidderoga mir-Regolament (KE) Nru 1918/2006 fir-rigward tal-limiti fix-xahar għall-ħruġ ta' liċenzji tal-importazzjoni skont il-kwota tat-tariffi għall-2015 għaż-żejt taż-żebbuġa li joriġina mit-Tuneżija

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b'mod partikolari l-punt (a) tal-Artikolu 187 tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 2(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1918/2006 (2) jistabbilixxi limiti fix-xahar għall-kwantità ta' żejt taż-żebbuġa li għalih jistgħu jinħarġu liċenzji għall-importazzjoni bħala parti mill-volum ġenerali tal-kwota stipulata fil-paragrafu 1 ta' dak l-Artikolu.

(2)

Sabiex jitħaffef il-kummerċ fiż-żejt taż-żebbuġa bejn l-Unjoni u t-Tuneżija għas-sena ta' produzzjoni attwali, huwa meħtieġ li tingħata deroga mir-Regolament (KE) Nru 1918/2006 u li jiġu awtorizzati limiti fix-xahar differenti għall-perjodu mill-1 ta' Frar 2015 sal-31 ta' Ottubru 2015 mingħajr preġudizzju għall-volum ġenerali tal-kwota tat-tariffi stabbilita fl-Artikolu 2(1) ta' dak ir-Regolament.

(3)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

B'deroga mill-Artikolu 2(2) tar-Regolament (KE) Nru 1918/2006 u mingħajr preġudizzju għall-volum tal-kwota tariffarja stabbilita fl-Artikolu 2(1) ta' dak ir-Regolament, il-ħruġ ta' liċenzji huwa b'dan awtorizzat għall-perjodu mill-1 ta' Frar 2015 sal-31 ta' Ottubru 2015, sa dawn il-limiti ta' kull xahar:

9 000 tunnellata kull xahar ta' Frar u Marzu, u

8 000 tunnellata kull xahar minn April sa Ottubru.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta' Jannar 2015.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

(2)  ĠU L 365, 21.12.2006, p. 84.