7.10.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 260/6


DIRETTIVA TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/1787

tas-6 ta' Ottubru 2015

li temenda l-Annessi II u III tad-Direttiva tal-Kunsill 98/83/KE dwar il-kwalità tal-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 98/83/KE tat-3 ta' Novembru 1998 dwar il-kwalità tal-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 11(2) tagħha,

Billi:

(1)

L-Annessi II u III tad-Direttiva 98/83/KE jistabbilixxu r-rekwiżiti minimi tal-programmi ta' monitoraġġ għall-ilma kollu maħsub għall-konsum mill-bniedem u l-ispeċifikazzjonijiet għall-metodu ta' analiżi ta' parametri differenti.

(2)

L-ispeċifikazzjonijiet f'dawk l-Annessi II u III għandhom jiġu aġġornati fid-dawl tal-progress xjentifiku u tekniku u sabiex tkun żgurata l-koerenza mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni.

(3)

L-Anness II tad-Direttiva 98/83/KE jagħti grad ta' flessibbiltà fit-twettiq tal-monitoraġġ tal-awditu u tal-kontroll, u b'hekk jippermetti monitoraġġ anqas frekwenti ta' kampjuni taħt ċerti ċirkostanzi. Il-kundizzjonijiet speċifiċi biex jitwettaq il-monitoraġġ ta' parametri fi frekwenzi xierqa u l-firxa ta' tekniki ta' monitoraġġ jeħtieġu jiġu ċċarati fid-dawl tal-progress xjentifiku.

(4)

Mill-2004, l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa żviluppat approċċ ta' pjan għas-sigurtà tal-ilma bbażat fuq il-valutazzjoni tar-riskju u l-prinċipji tal-ġestjoni tar-riskju, stabbiliti fil-Linji Gwida tagħha għall-Kwalità tal-Ilma tax-Xorb (2). Dawk il-Linji Gwida, flimkien mal-istandard EN 15975-2 dwar is-sigurtà tal-provvista tal-ilma tax-xorb, huma prinċipji rikonoxxuti internazzjonalment li fuqhom huma bbażati l-produzzjoni, id-distribuzzjoni, il-monitoraġġ u l-analiżi ta' parametri fl-ilma tax-xorb. L-Anness II tad-Direttiva 98/83/KE għandu għalhekk jiġi allinjat mal-aħħar aġġornamenti ta' dawk il-prinċipji.

(5)

Biex jikkontrollaw ir-riskji għas-saħħa tal-bniedem, il-programmi ta' monitoraġġ għandhom jiżguraw li hemm miżuri fis-seħħ tul il-katina tal-provvista tal-ilma u jikkunsidraw l-informazzjoni minn korpi tal-ilma użati għall-astrazzjoni tal-ilma tax-xorb. L-obbligi ġenerali għal programmi ta' monitoraġġ għandhom jagħlqu d-distakk bejn l-astrazzjoni tal-ilma u l-provvista. Skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), l-Istati Membri jridu jiżguraw l-istabbiliment ta' reġistru(i) taż-żoni protetti. Żoni protetti bħal dawn jinkludu l-korpi kollha tal-ilma użati għall-astrazzjoni tal-ilma tax-xorb, jew maħsuba għal użu bħal dan, skont l-Artikolu 7(1) ta' dik id-Direttiva. Ir-riżultati mill-monitoraġġ ta' dawk il-korpi tal-ilma skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 7(1) u l-Artikolu 8 ta' dik id-Direttiva għandhom jintużaw biex jiddeterminaw ir-riskju potenzjali għall-ilma tax-xorb qabel u wara t-trattament għall-finijiet tad-Direttiva 98/83/KE.

(6)

L-esperjenza wriet li, għal ħafna parametri (b'mod partikolari dawk fiżikokimiċi), il-konċentrazzjonijiet eżistenti rarament jirriżultaw f'xi ksur tal-valuri tal-limitu. Il-monitoraġġ u r-rappurtar ta' parametri bħal dawn mingħajr rilevanza prattika jimplikaw spejjeż sinifikanti, speċjalment fejn jeħtieġ li jiġu kkunsidrati għadd kbir ta' parametri. L-introduzzjoni ta' frekwenzi flessibbli ta' monitoraġġ taħt ċirkostanzi bħal dawn tippreżenta potenzjal ta' opportunitajiet għall-iffrankar tal-ispejjeż li ma jagħmlux ħsara għas-saħħa pubblika jew għal benefiċċji oħra. Monitoraġġ flessibbli jnaqqas ukoll il-ġbir ta' dejta li tipprovdi ftit li xejn informazzjoni dwar il-kwalità tal-ilma tax-xorb.

(7)

L-Istati Membri għandhom għalhekk jitħallew jidderogaw mill-programmi ta' monitoraġġ li jkunu stabbilixxew, sakemm jitwettqu valutazzjonijiet tar-riskju kredibbli, li jistgħu jkunu bbażati fuq il-Linji Gwida tad-WHO għall-Kwalità tal-Ilma tax-Xorb, u għandhom iqisu l-monitoraġġ imwettaq skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2000/60/KE.

(8)

It-Tabella B2 fl-Anness II tad-Direttiva 98/83/KE, li tikkonċerna l-ilma li jitqiegħed fi fliexken jew f'kontenituri maħsuba għall-bejgħ, ma għadhiex tapplika, billi dawk il-prodotti huma koperti bir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4). Dawk il-prodotti huma wkoll koperti bil-prinċipji ta' “analiżi tal-periklu u punti kritiċi ta' kontroll” (HACCP) stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 852/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) u l-prinċipji ta' kontroll uffiċjali kif stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6). B'konsegwenza tal-adozzjoni ta' dawn ir-Regolamenti, l-Anness II tad-Direttiva 98/83/KE de facto ma japplikax aktar għall-ilma li jitqiegħed fi fliexken jew f'kontenituri maħsuba għall-bejgħ.

(9)

Id-Direttiva tal-Kunsill 2013/51/Euratom (7) introduċiet arranġamenti speċifiċi għall-monitoraġġ ta' sustanzi radjuattivi. Għaldaqstant għandhom jiġu stabbiliti programmi ta' monitoraġġ esklussivament skont dik id-Direttiva.

(10)

Il-laboratorji li japplikaw l-ispeċifikazzjonijiet għall-analiżi tal-parametri stabbiliti fl-Anness III tad-Direttiva 98/83/KE għandhom, sa fejn huwa possibbli, jaħdmu skont proċeduri approvati internazzjonalment jew standards tal-prestazzjoni bbażati fuq kriterji u jużaw metodi ta' analiżi li jkunu ġew ivvalidati.

(11)

Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2009/90/KE (8) tistipula l-istandard EN ISO/IEC 17025, jew standards oħra ekwivalenti aċċettati fil-livell internazzjonali, biex jintużaw għall-validazzjoni il-metodi ta' analiżi. L-EN ISO/IEC 17025 huwa wkoll wieħed mill-istandards użati skont ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 għall-akkreditazzjoni ta' laboratorji nnominati mill-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri. Għaldaqstant huwa meħtieġ li dak l-istandard, jew standards oħra ekwivalenti aċċettati fil-livell internazzjonali, ikunu stipulati għall-validazzjoni tal-metodi ta' analiżi fil-kuntest tad-Direttiva 98/83/KE. Biex l-Anness III tad-Direttiva 98/83/KE jiġi allinjat mad-Direttiva 2009/90/KE, il-limitu ta' kwantifikazzjoni u l-inċertezza tal-kejl għandhom jiġu introdotti bħala karatteristiċi ta' prestazzjoni. Madankollu, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jkomplu jippermettu l-użu tal-eżattezza, il-preċiżjoni u l-limitu ta' detezzjoni bħala karatteristiċi tal-prestazzjoni skont l-Anness III tad-Direttiva 98/83/KE għal perjodu limitat, u b'hekk il-laboratorji jingħatalhom żmien biżżejjed biex jadattaw għal dan l-avvanz tekniku.

(12)

Għall-analiżi ta' parametri mikrobijoloġiċi ġew stabbiliti għadd ta' standards ISO. B'hekk, EN ISO 9308-1 u EN ISO 9308-2 (għall-enumerazzjoni ta' E. coli u batterji koliformi) u l-istandard EN ISO 14189 (għall-analiżi ta' Clostridium perfringens) jipprovdu l-ispeċifikazzjonijiet kollha meħtieġa biex titwettaq l-analiżi. Dawn l-istandards u l-iżviluppi tekniċi ġodda għandhom ikunu riflessi fl-Anness III tad-Direttiva 98/83/KE.

(13)

Għall-finijiet ta' valutazzjoni tal-ekwivalenza ta' metodi alternattivi mal-metodu stabbilit fl-Anness III tad-Direttiva 98/83/KE, l-Istati Membri għandhom jitħallew jużaw l-istandard EN ISO 17994, li diġà ġie stabbilit bħala l-istandard dwar l-ekwivalenza ta' metodi mikrobijoloġiċi fil-kuntest tad-Direttiva 2006/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) u mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/64/KE (10). B'mod alternattiv, dawn għandhom jitħallew jużaw l-istandard EN ISO 16140 jew protokolli simili oħrajn aċċettati internazzjonalment, kif hemm referenza fl-Artikolu 5(5) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2073/2005 (11), biex jistabbilixxu l-ekwivalenza ta' metodi msejsa fuq prinċipji, għajr il-kulturi, li huma lil hinn mill-ambitu tal-EN ISO 17994.

(14)

L-Annessi II u III tad-Direttiva 98/83/KE għandhom għalhekk jiġu emendati kif xieraq.

(15)

Il-miżuri stipulati f'din id-Direttiva huma skont l-opinjoni tal-Kumitat għall-Ilma tax-Xorb stabbilit skont l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 98/83/KE,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Id-Direttiva 98/83/KE hija emendata kif ġej:

(1)

L-Anness II jinbidel bit-test stabbilit fl-Anness I ta' din id-Direttiva.

(2)

L-Anness III jinbidel skont l-Anness II ta' din id-Direttiva.

Artikolu 2

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva mhux aktar tard mis-27 ta' Ottubru 2017. Għalhekk huma għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-testi ta' dawn id-dispożizzjonijiet.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn referenza bħal din waqt il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif għandha ssir din ir-referenza.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, is-6 ta' Ottubru 2015.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 330, 5.12.1998, p. 32.

(2)  http://www.who.int/water_sanitation_health/publications/2011/dwq_guidelines/en/index.html

(3)  Id-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2000 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma (ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1).

(4)  Ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Jannar 2002 li jistabilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta' sigurtà tal-ikel (ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1).

(5)  Ir-Regolament (KE) Nru 852/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar l-iġjene tal-oġġetti tal-ikel (ĠU L 139, 30.4.2004, p. 1).

(6)  Ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar il-kontrolli uffiċjali mwettqa biex tiġi żgurata l-verifikazzjoni tal-konformità mal-liġi tal-għalf u l-ikel, mas-saħħa tal-annimali u mar-regoli dwar il-welfare tal-annimali (ĠU L 165, 30.4.2004, p. 1).

(7)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2013/51/Euratom tat-22 ta' Ottubru 2013 li tistabbilixxi rekwiżiti għall-protezzjoni tas-saħħa tal-pubbliku ġenerali fir-rigward ta' sustanzi radjuattivi fl-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem (ĠU L 296, 7.11.2013, p. 12).

(8)  Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2009/90/KE tal-31 ta' Lulju 2009 li tistipula, skont id-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, speċifikazzjonijiet tekniċi għall-analiżi u l-monitoraġġ kimiċi tal-istat tal-ilma (ĠU L 201, 1.8.2009, p. 36).

(9)  Id-Direttiva 2006/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Frar 2006 dwar l-immaniġġar tal-kwalità tal-ilma għall-għawm (ĠU L 64, 4.3.2006, p. 37).

(10)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/64/KE tal-21 ta' Jannar 2009 li tispeċifika, skont id-Direttiva 2006/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, EN ISO 17994:2004(E) bħala l-istandard dwar l-ekwivalenza ta' metodi mikrobijoloġiċi (ĠU L 23, 27.1.2009, p. 32).

(11)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2073/2005 tal-15 ta' Novembru 2005 dwar kriterji mikrobijoloġiċi għall-prodotti tal-ikel (ĠU L 338, 22.12.2005, p. 1).


ANNESS I

“ANNESS II

MONITORAĠĠ

PARTI A

L-għanijiet ġenerali u l-programmi ta' monitoraġġ għall-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem

1.

Il-programmi ta' monitoraġġ għall-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem iridu:

(a)

jivverifikaw li l-miżuri fis-seħħ għall-kontroll tar-riskji għas-saħħa tal-bniedem matul il-katina tal-provvista tal-ilma mill-baċir tal-iskular permezz tal-astrazzjoni, it-trattament u l-ħżin sad-distribuzzjoni qed jaħdmu b'mod effettiv u li l-ilma fil-punt tal-konformità jkun tajjeb u nadif;

(b)

jagħtu informazzjoni dwar il-kwalità tal-ilma fornut għall-kunsum mill-bniedem biex juru li l-obbligi stipulati fl-Artikoli 4 u 5, u li l-valuri parametriċi stabbiliti fl-Anness I, huma ssodisfati;

(c)

jidentifikaw l-aktar mezzi xierqa biex jitnaqqas ir-riskju għas-saħħa tal-bniedem.

2.

Skont l-Artikolu 7(2), l-awtoritajiet kompetenti għandhom jistabbilixxu programmi ta' monitoraġġ konformi mal-parametri u l-frekwenzi stipulati fil-Parti B ta' dan l-Anness li jikkonsistu minn dawn li ġejjin:

(a)

ġbir u analiżi ta' kampjuni diskreti tal-ilma; jew

(b)

kejl irreġistrat permezz ta' proċess kontinwu ta' monitoraġġ.

Barra minn hekk, il-programmi ta' monitoraġġ jistgħu jikkonsistu minn:

(a)

spezzjonijiet tar-reġistrazzjonijiet tal-funzjonalità u l-manteniment tal-istatus tal-apparat; u/jew

(b)

spezzjonijiet tal-baċir tal-iskular, l-astrazzjoni tal-ilma, it-trattament, il-ħżin u l-infrastruttura tad-distribuzzjoni.

3.

Il-programmi ta' monitoraġġ jistgħu jkunu bbażati fuq valutazzjoni tar-riskju kif stipulat fil-Parti C.

4.

L-Istati Membri għandhom ikunu żguri li l-programmi ta' monitoraġġ jiġu riveduti fuq bażi kontinwa u aġġornati jew ikkonfermati mill-ġdid tal-anqas kull ħames snin.

PARTI B

Parametri u frekwenzi

1.   Qafas ġenerali

Il-programm ta' monitoraġġ irid jikkunsidra l-parametri li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 5, inkluż dawk li huma importanti għall-valutazzjoni tal-impatt tas-sistemi ta' distribuzzjoni domestika dwar il-kwalità tal-ilma fil-punt ta' konformità, kif stipulat fl-Artikolu 6(1). Fl-għażla tal-parametri xierqa għall-monitoraġġ, għandhom jiġu kkunsidrati l-kundizzjonijiet lokali għal kull sistema ta' forniment tal-ilma.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-parametri elenkati fil-punt 2 jiġu ssorveljati bil-frekwenzi tal-kampjunar rilevanti kif stipulat fil-punt 3.

2.   Lista ta' parametri

Parametri Grupp A

Il-parametri li ġejjin (il-Grupp A) għandhom jiġu ssorveljati skont il-frekwenzi ta' monitoraġġ kif stipulat fil-Tabella 1 tal-punt 3:

(a)

Escherichia coli (E. coli), batterji koliformi, l-għadd tal-kolonji f'temperatura ta' 22 °C, kulur, turbidità, togħma, riħa, pH, konduttività;

(b)

parametri oħra identifikati bħala rilevanti fil-programm ta' monitoraġġ, skont l-Artikolu 5(3) u, fejn rilevanti, permezz ta' valutazzjoni tar-riskju kif stipulat fil-Parti C.

Dawn il-parametri għandhom jiżdiedu mal-Grupp A tal-Parametri, skont ċirkostanzi speċifiċi:

(a)

ammonju u nitrit, jekk tintuża l-kloraminazzjoni;

(b)

aluminju u ħadid, jekk jintużaw bħala kimiki għat-trattament tal-ilma.

Parametri Grupp B

Biex tiġi ddeterminata l-konformità mal-valuri parametriċi kollha stipulati f'din id-Direttiva, il-parametri l-oħra kollha li mhumiex analizzati taħt il-Grupp A u stipulati skont l-Artikolu 5 għandhom jiġu sorveljati tal-anqas fil-frekwenzi stipulati fit-Tabella 1 tal-punt 3.

3.   Il-frekwenza tal-kampjunar

Tabella 1

Il-frekwenza minima tal-kampjunar u l-analiżi tal-monitoraġġ tal-konformità

Volum ta' ilma mqassam jew prodott għal kull ġurnata f'żona ta' forniment

(Ara n-Noti 1 u 2)

m3

Parametri Grupp A

għadd ta' kampjuni kull sena

(Ara n-Nota 3)

Parametri Grupp B

għadd ta' kampjuni kull sena

 

≤ 100

> 0

(Ara n-Nota 4)

> 0

(Ara n-Nota 4)

> 100

≤ 1 000

4

1

> 1 000

≤ 10 000

4

+ 3

għal kull 1 000 m3/d u parti mill-volum totali

1

+ 1

għal kull 4 500 m3/d u parti mill-volum totali

> 10 000

≤ 100 000

3

+ 1

għal kull 10 000 m3/d u parti mill-volum totali

> 100 000

 

12

+ 1

għal kull 25 000 m3/d u parti mill-volum totali

Nota 1:

Żona ta' forniment hija żona ġeografika identifikata li tforni ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem minn sors wieħed jew aktar u li l-kwalità tal-ilma tagħha tista' titqies li hi bejn wieħed u ieħor l-istess.

Nota 2:

Il-volumi huma kalkulati bħala medji għal sena kalendarja. Jista' jintuża l-għadd ta' abitanti f'żona ta' forniment minflok il-volum ta' ilma biex tiġi ddeterminata l-frekwenza minima, meta wieħed jassumi l-konsum ta' ilma bħala 200 l/(ġurnata*capita).

Nota 3:

Il-frekwenza indikata hija kkalkulata kif ġej: eż. 4 300 m3/d = 16-il kampjun (erbgħa għall-ewwel 1 000 m3/d + 12 għat-3 300 m3/d addizzjonali).

Nota 4:

L-Istati Membri li ddeċidew li jeżentaw fornimenti individwali skont l-Artikolu 3(2)(b) ta' din id-Direttiva għandhom japplikaw dawn il-frekwenzi biss għaż-żoni ta' forniment li jqassmu bejn 10 u 100m3 kuljum.

PARTI C

Valutazzjoni tar-riskju

1.

L-Istati Membri jistgħu jistipulaw il-possibbiltà ta' deroga mill-frekwenzi tal-parametri u tal-kampjunar fil-Parti B, sakemm il-valutazzjoni tar-riskju ssir skont din il-Parti.

2.

Il-valutazzjoni tar-riskju li hemm referenza għaliha fil-punt 1 għandha tkun ibbażata fuq il-prinċipji ġenerali tal-valutazzjoni tar-riskju stabbilita b'rabta mal-istandards internazzjonali bħall-istandard EN 15975-2 dwar ‘il-linji gwida dwar il-ġestjoni tar-riskji u tal-kriżi għas-sigurtà tal-forniment tal-ilma tax-xorb’.

3.

Il-valutazzjoni tar-riskju għandha tqis ir-riżultati tal-programmi ta' monitoraġġ stabbiliti bit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 7(1), u l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*) għal korpi tal-ilma identifikati skont l-Artikolu 7(1) li jfornu medja ta' aktar minn 100m3 kuljum, skont l-Anness V ta' dik id-Direttiva.

4.

Abbażi tar-riżultati tal-valutazzjoni tar-riskju, il-lista tal-parametri fil-punt 2 tal-Parti B għandha tiġi estiża u/jew il-frekwenzi tal-kampjunar fil-punt 3 tal-Parti B jiżdiedu, fejn hija ssodisfata xi waħda minn dawn il-kundizzjonijiet:

(a)

il-lista tal-parametri jew tal-frekwenzi stipulata f'dan l-Anness mhijiex biżżejjed biex jiġu ssodisfati l-obbligi imposti skont l-Artikolu 7(1);

(b)

huwa meħtieġ monitoraġġ addizzjonali għall-fini tal-Artikolu 7(6);

(c)

huwa meħtieġ li jingħataw l-assigurazzjonijiet stipulati fil-punt (1)(a) tal-Parti A.

5.

Abbażi tar-riżultati tal-valutazzjoni tar-riskju, il-lista tal-parametri stipulata fil-punt 2 tal-Parti B u l-frekwenzi tal-kampjunar stipulati fil-punt 3 tal-Parti B jistgħu jitnaqqsu sakemm jiġu ssodisfati dawn il-kundizzjonijiet:

(a)

tkun xi tkun iċ-ċirkostanza, il-frekwenza tal-kampjunar għal E. coli ma għandhiex titnaqqas aktar minn dik stipulata fil-punt 3 tal-Parti B;

(b)

għall-parametri l-oħra kollha:

(i)

il-post u l-frekwenza tal-kampjunar għandhom jiġu ddeterminati b'rabta mal-oriġini tal-parametri, kif ukoll mal-varjabbiltà u x-xejra fuq termini twal tal-konċentrazzjoni tagħhom, fid-dawl tal-Artikolu 6;

(ii)

biex titnaqqas il-frekwenza minima tal-kampjunar ta' parametru, kif stipulat fil-punt 3 tal-Parti B, ir-riżultati miksuba mill-kampjuni miġbura f'intervalli regolari fuq perjodu ta' mill-anqas tliet snin minn rapreżentazzjoni ta' punti ta' kampjunar miż-żona kollha ta' forniment, għandhom ikunu anqas minn 60 % tal-valur parametriku;

(iii)

biex jitneħħa parametru mil-lista ta' parametri li għandhom jiġu ssorveljati, kif stipulat fil-punt 2 tal-Parti B, ir-riżultati miksuba mill-kampjuni miġbura f'intervalli regolari fuq perjodu ta' mill-anqas tliet snin minn rapreżentazzjoni ta' punti ta' kampjunar miż-żona kollha ta' forniment, għandhom ikunu anqas minn 30 % tal-valur parametriku;

(iv)

it-tneħħija ta' xi parametru partikolari stipulat fil-punt 2 tal-Parti B mil-lista ta' parametri li għandhom jiġu ssorveljati, għandha tkun ibbażata fuq ir-riżultat tal-valutazzjoni tar-riskju, sostnuta mir-riżultati tal-monitoraġġ tas-sorsi tal-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem u għandha tikkonferma li s-saħħa tal-bniedem hija protetta minn kull effett ħażin ta' kontaminazzjoni ta' ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem, kif stipulat fl-Artikolu 1;

(v)

il-frekwenza tal-kampjunar tista' titnaqqas jew parametru jista' jitneħħa mil-lista ta' parametri li għandhom jiġu ssorveljati kif stipulat fil-punti (ii) u (iii) biss jekk il-valutazzjoni tar-riskju tikkonferma li ma jista' jiġi antiċipat l-ebda fattur li jista' jikkawża deterjorazzjoni tal-kwalità tal-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem.

6.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li:

(a)

l-valutazzjonijiet tar-riskju jkunu approvati mill-awtorità kompetenti rilevanti tagħhom; u

(b)

l-informazzjoni li tkun disponibbli turi li twettqet valutazzjoni tar-riskju, flimkien ma' sommarju tar-riżultati tagħha.

PARTI D

Il-metodi u l-punti tal-kampjunar

1.

Il-punti tal-kampjunar għandhom jintgħażlu b'mod li jassiguraw il-konformità mal-punti ta' konformità kif definit fl-Artikolu 6(1). F'każ ta' netwerk ta' distribuzzjoni, Stat Membru jista' jieħu kampjuni fiż-żona ta' forniment jew mix-xogħlijiet ta' trattament għal parametri partikolari jekk ikun jista' jintwera li mhux se jkun hemm l-ebda bidla negattiva għall-valur imkejjel tal-parametri kkonċernati. Sa fejn huwa possibbli, l-għadd ta' kampjuni għandu jitqassam ugwalment kemm fil-ħin kif ukoll fil-post.

2.

Il-kampjunar fil-punt ta' konformità għandu jissodisfa dawn ir-rekwiżiti:

(a)

il-kampjuni tal-konformità għal ċerti parametri kimiċi (b'mod partikolari, iċ-ċomb u n-nikil) għandhom jittieħdu mill-vitin tal-konsumaturi mingħajr ifflaxxjar minn qabel. Għandu jittieħed kampjun aleatorju b'volum ta' litru matul il-ġurnata. Bħala alternattiva, l-Istati Membri jistgħu jużaw metodi ta' żmien fiss ta' staġnar li jirriflettu s-sitwazzjonijiet nazzjonali tagħhom, sakemm fil-livell taż-żona ta' forniment, dan ma jirriżultax f'każijiet anqas ta' nuqqas ta' konformità minn meta jintuża l-metodu aleatorju ta' matul il-ġurnata;

(b)

il-kampjuni ta' konformità għall-parametri mikrobijoloġiċi fil-punt ta' konformità għandhom jittieħdu u jiġu mmaniġjati skont EN ISO 19458, l-iskop B tal-kampjunar.

3.

Il-kampjunar fin-netwerk ta' distribuzzjoni, bl-eċċezzjoni tal-kampjunar fil-vitin tal-konsumaturi, għandu jkun skont ISO 5667-5. Għall-parametri mikrobijoloġiċi, il-kampjunar fin-netwerk ta' distribuzzjoni għandu jittieħed u jiġi mmaniġjat skont EN ISO 19458, l-iskop A tal-kampjunar.


(*)  Id-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2000 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma (ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1).”


ANNESS II

L-Anness III tad-Direttiva 98/83/KE huwa emendat kif ġej:

(1)

Il-paragrafu introduttorju jinbidel b'dan li ġej:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-metodi ta' analiżi użati għall-finijiet ta' monitoraġġ u demostrazzjoni tal-konformità ma' din id-Direttiva huma vvalidati u ddokumentati skont l-EN ISO/IEC 17025 jew standards oħra ekwivalenti aċċettati fil-livell internazzjonali. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li laboratorji jew partijiet ikkuntrattati ma' laboratorji japplikaw prattiki ta' sistema ta' ġestjoni ta' kwalità skont l-EN ISO/IEC 17025 jew standards oħra ekwivalenti aċċettati fil-livell internazzjonali.

Fin-nuqqas ta' metodu analitiku li jissodisfa l-kriterji tal-prestazzjoni minima stipulati fil-Parti B, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-monitoraġġ isir bl-użu tal-aħjar tekniki disponibbli iżda li ma joħolqux spejjeż eċċessivi.”

(2)

Il-punt 1 qed jiġi emendat kif ġej:

(a)

L-intestatura tal-punt 1 tinbidel b'dan li ġej:

“PARTI A

Parametri mikrobijoloġiċi b'metodi tal-analiżi speċifikati għalihom”

(b)

Mit-tielet sad-disa' paragrafi, inkluża n-Nota 1, jinbidlu b'dan li ġej:

“Il-metodi għall-parametri mikrobijoloġiċi huma:

(a)

Escherichia coli (E. coli) u batterja koliformi (EN ISO 9308-1 jew EN ISO 9308-2)

(b)

Enterococci (EN ISO 7899-2)

(c)

Pseudomonas aeruginosa (EN ISO 16266)

(d)

enumerazzjoni ta' mikroorganiżmi li jistgħu jitkabbru — l-għadd tal-kolonji f'temperatura ta' 22 °C (EN ISO 6222)

(e)

enumerazzjoni ta' mikroorganiżmi li jistgħu jitkabbru — l-għadd tal-kolonji f'temperatura ta' 36 °C (EN ISO 6222)

(f)

Clostridium perfringens inklużi l-ispori (EN ISO 14189)”

(3)

Il-punt 2 qed jiġi emendat kif ġej:

(a)

L-intestatura tal-punt 2 tinbidel b'dan li ġej:

“PARTI B

Parametri kimiċi, noti relatati u indikaturi b'karatteristiċi tal-prestazzjoni speċifikati għalihom”

(b)

Il-punt 2.1 jinbidel b'dan li ġej:

“1.   Parametri kimiċi u tal-indikaturi

Għall-parametri stipulati fit-Tabella 1, il-karatteristiċi tal-prestazzjoni speċifikata huma li l-metodu tal-analiżi użat għandu, bħala minimu, ikun kapaċi jkejjel il-konċentrazzjonijiet daqs il-valur parametriku b'limitu ta' kwantifikazzjoni, kif definit fl-Artikolu 2(2) tad-Direttiva tal-Kummissjoni 2009/90/KE (*), ta' 30 % jew anqas tal-valur parametriku u inċertezza tal-kejl kif speċifikat fit-Tabella 1. Ir-riżultat għandu jiġi espress bl-użu ta' mill-anqas l-istess għadd ta' cifri sinifikanti bħal dak tal-valur parametriku kkunsidrat fil-Partijiet B u C tal-Anness I.

Sal-31 ta' Diċembru 2019, l-Istati Membri jistgħu jippermettu l-użu ta' ‘eżattezza’, ‘preċiżjoni’ u ‘limitu ta' tkixxif’ kif speċifikat fit-Tabella 2, bħala sett alternattiv ta' karatteristiċi ta' prestazzjoni minflok ‘limitu ta' kwantifikazzjoni’ u ‘inċertezza tal-kejl’ speċifikati rispettivament, fl-ewwel paragrafu u fit-Tabella 1.

L-inċertezza tal-kejl stabbilita fit-Tabella 1 ma għandhiex tintuża bħala tolleranza addizzjonali mal-valuri parametriċi stipulati fl-Anness I

Tabella 1

Karatteristiċi minimi tal-prestazzjoni ‘Inċertezza tal-kejl’

Parametri

Inċertezzi tal-kejl

(Ara n-Nota 1)

% tal-valur parametriku (barra l-pH)

Noti

Aluminju

25

 

Ammonju

40

 

Antimonju

40

 

Arseniku

30

 

Benżo(a)piren

50

Ara n-Nota 5

Benżen

40

 

Boron

25

 

Bromat

40

 

Kadmju

25

 

Klorur

15

 

Kromju

30

 

Konduttività

20

 

Ram

25

 

Ċjanur

30

Ara n-Nota 6

1,2-dikloroetan

40

 

Fluworur

20

 

Konċentrazzjoni ta' pH b'joni ta' idroġenu (espressi f'unitajiet ta' pH)

0,2

Ara n-Nota 7

Ħadid

30

 

Ċomb

25

 

Manganiż

30

 

Merkurju

30

 

Nikil

25

 

Nitrat

15

 

Nitrit

20

 

Ossidabbiltà

50

Ara n-Nota 8

Pestiċidi

30

Ara n-Nota 9

Idrokarburi aromatiċi poliċikliċi

50

Ara n-Nota 10

Selenju

40

 

Sodju

15

 

Sulfat

15

 

Tetrakloroeten

30

Ara n-Nota 11

Trikloroetilen

40

Ara n-Nota 11

Trialometani — total

40

Ara n-Nota 10

Karbonju organiku totali (TOC)

30

Ara n-Nota 12

Turbidità

30

Ara n-Nota 13

Akrilammid, epikloroidrin u klorur tal-vinil li għandhom jiġu kkontrollati mill-ispeċifikazzjoni tal-prodott.


Tabella 2

Karatteristiċi minimi ta' prestazzjoni ‘Eżattezza’, ‘Preċiżjoni’ u ‘Limitu ta' tkixxif’ — jistgħu jintużaw sal-31 ta' Diċembru 2019

Parametri

Eżattezza

(Ara n-Nota 2)

% tal-valur parametriku (barra l-pH)

Preċiżjoni

(Ara n-Nota 3)

% tal-valur parametriku (barra l-pH)

Limitu ta' tkixxif

(Ara n-Nota 4)

% tal-valur parametriku (barra l-pH)

Noti

Aluminju

10

10

10

 

Ammonju

10

10

10

 

Antimonju

25

25

25

 

Arseniku

10

10

10

 

Benżo(a)piren

25

25

25

 

Benżen

25

25

25

 

Boron

10

10

10

 

Bromat

25

25

25

 

Kadmju

10

10

10

 

Klorur

10

10

10

 

Kromju

10

10

10

 

Konduttività

10

10

10

 

Ram

10

10

10

 

Ċjanur

10

10

10

Ara n-Nota 6

1,2-dikloroetan

25

25

10

 

Fluworur

10

10

10

 

Konċentrazzjoni ta' pH b'joni ta' idroġenu (espressi f'unitajiet ta' pH)

0,2

0,2

 

Ara n-Nota 7

Ħadid

10

10

10

 

Ċomb

10

10

10

 

Manganiż

10

10

10

 

Merkurju

20

10

20

 

Nikil

10

10

10

 

Nitrat

10

10

10

 

Nitrit

10

10

10

 

Ossidabbiltà

25

25

10

Ara n-Nota 8

Pestiċidi

25

25

25

Ara n-Nota 9

Idrokarburi aromatiċi poliċikliċi

25

25

25

Ara n-Nota 10

Selenju

10

10

10

 

Sodju

10

10

10

 

Sulfat

10

10

10

 

Tetrakloroeten

25

25

10

Ara n-Nota 11

Trikloroetilen

25

25

10

Ara n-Nota 11

Trialometani — total

25

25

10

Ara n-Nota 10

Turbidità

25

25

25

 

Akrilammid, epikloroidrin u klorur tal-vinil li għandhom jiġu kkontrollati mill-ispeċifikazzjoni tal-prodott.

(*)  Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2009/90/KE tal-31 ta' Lulju 2009 li tistipula, skont id-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, speċifikazzjonijiet tekniċi għall-analiżi u l-monitoraġġ kimiċi tal-istat tal-ilma (ĠU L 201, 1.8.2009, p. 36).”"

(c)

Il-punt 2.2 jinbidel b'dan li ġej:

“2.   Noti għat-Tabelli 1 u 2

Nota 1

L-inċertezza tal-kejl hija parametru mhux negattiv li jikkaratterizza d-dispersjoni tal-valuri ta' kwantità attribwiti għal mikjel u bbażat fuq l-informazzjoni li ntużat. Il-kriterju tal-prestazzjoni għall-kejl tal-inċertezza (k = 2) huwa l-persentaġġ tal-valur parametriku msemmi fit-tabella jew aħjar. Il-kejl tal-inċertezza għandu jiġi kkalkulat fil-livell tal-valur parametriku, sakemm ma jiġix speċifikat mod ieħor.

Nota 2

L-eżattezza hija kejl ta' żball sistematiku, jiġifieri d-differenza bejn il-valur medju tal-għadd kbir ta' kejl ripetut u l-valur veru. Aktar speċifikazzjonijiet huma dawk stipulati f'ISO 5725.

Nota 3

Il-Preċiżjoni hija kejl ta' żball aleatorju u normalment espressa bhala d-devjazzjoni standard (fi ħdan u bejn lottijiet) tal-firxa ta' riżultati mill-valur medju. Preċiżjoni aċċettabli hija d-doppju tad-devjazzjoni standard relattiva. Dan it-terminu huwa mfisser f'aktar dettall f'ISO 5725.

Nota 4

Il-limitu ta' detezzjoni huwa jew:

tliet darbiet id-devjazzjoni standard f'lott ta' kampjun naturali li fih konċentrazzjoni baxxa tal-parametru; jew

ħames darbiet id-devjazzjoni standard ta' kampjun vojt (f'lott).

Nota 5

Jekk il-valur tal-inċertezza tal-kejl ma jistax jiġi ssodisfat, għandha tingħażel l-aħjar teknika disponibbli (sa 60 %).

Nota 6

Il-metodu għandu jistabilixxi t-total ta' ċjanur fil-forom kollha.

Nota 7

Il-valuri tal-eżattezza, il-preċiżjoni u l-inċertezza tal-kejl huma espressi f'unitajiet ta' pH.

Nota 8

Metodu ta' referenza: EN ISO 8467

Nota 9

Il-karatteristiċi tal-prestazzjoni għal pestiċidi individwali jingħataw bħala indikazzjoni. Jistgħu jinkisbu valuri tal-inċertezza tal-kejl baxxi (30 %) għal diversi pestiċidi, jistgħu jiġu permessi valuri għolja (sa 80 %) għal għadd ta' pestiċidi.

Nota 10

Il-karatteristiċi ta' prestazzjoni japplikaw għal sustanzi individwali speċifikati f'25 % tal-valur parametriku fil-Parti B tal-Anness I.

Nota 11

Il-karatteristiċi ta' prestazzjoni japplikaw għal sustanzi individwali speċifikati f'50 % tal-valur parametriku fil-Parti B tal-Anness I.

Nota 12

L-inċertezza tal-kejl għandha tiġi kkalkulata fil-livell ta' 3 mg/l tat-total ta' karbojnu organiku (TOC). Għandhom jintużaw il-linji gwida CEN 1484 għad-determinazzjoni tat-TOC u tal-karbojnu organiku dissolt (DOC).

Nota 13

L-inċertezza tal-kejl għandha tiġi kkalkulata fil-livell ta' 1,0 NTU (unitajiet ta' turbidità nefelometrika) skont l-EN ISO 7027.”

(4)

Jitħassar il-punt 3.