12.8.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 213/9


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/1381

tal-10 ta' Awwissu 2015

dwar il-monitoraġġ tal-arseniku fl-ikel

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 292 tiegħu,

Billi:

(1)

L-arseniku jinsab b'mod naturali fl-ambjent u jinsab fil-ħamrija, fl-ilma tal-pjan u fix-xtieli. L-arseniku jinsab f'varjetà wiesgħa ta' komposti tal-arseniku. L-arseniku jinsab fl-ilma, fil-ħamrija u fl-art. Kull xitla u kull annimal jassorbu l-arseniku.

(2)

L-effetti negattivi ewlenin irrappurtati li huma assoċjati mal-inġestjoni fit-tul tal-arseniku inorganiku fil-bniedem huma leżjonijiet tal-ġilda, il-kanċer, it-tossiċità tal-iżvilupp, in-newrotossiċità, il-mard kardjovaskulari, il-metaboliżmu tal-glukożju anormali u d-dijabete.

(3)

Il-Kummissjoni Ewropea talbet lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) biex tħejji opinjoni xjentifika dwar ir-riskji għas-saħħa pubblika b'rabta mal-preżenza tal-arseniku f'oġġetti tal-ikel (inkluż l-ilma tax-xorb).

(4)

L-opinjoni xjentifika tal-EFSA (1) rrakkomandat li tiġi ġġenerata dejta dwar l-ispeċjazzjoni għal oġġetti differenti tal-ikel li tappoġġa l-valutazzjoni tal-esponiment djetiku biex il-valutazzjoni tar-riskju tal-arseniku inorganiku tkun irfinuta,

ADOTTAT DAWN IR-RAKKOMANDAZZJONIJIET:

1.

Li l-Istati Membri jimmonitorjaw il-preżenza tal-arseniku fl-ikel matul is-snin 2016, 2017 u 2018. Biex tkun possibbli stima preċiża tal-esponiment, il-monitoraġġ għandu jinkludi varjetà kbira ta' oġġetti tal-ikel li jirreflettu l-abitudnijiet tal-konsum inkluż ikel bħall-qmuħ taċ-ċereali, prodotti bbażati fuq iċ-ċereali (inklużi n-nuħħala u n-nebbieta), il-meraq tal-frott u tal-ħaxix, l-ilma tax-xorb (inkluż l-ilma tal-flixkun), il-kafè, il-weraq niexef tat-te, il-birra, il-ħut u l-frott tal-baħar, il-ħaxix, il-prodotti tal-alka (inkluż il-ħiġiki), il-ħalib, il-prodotti tal-ħalib, l-ikel maħsub għat-trabi u għat-tfal żgħar, l-ikel għal għanijiet mediċi speċjali u supplimenti tal-ikel.

2.

Li l-Istati Membri jimxu mal-proċeduri tat-teħid tal-kampjuni kif stabbiliti fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 333/2007 (2) sabiex jiżguraw li l-kampjuni huma rappreżentattivi tal-lott li minnu ttieħed il-kampjun.

3.

Li l-Istati Membri jwettqu l-analiżi tal-arseniku, preferibbilment billi jiddeterminaw il-kontenut ta' arseniku inorganiku u dak totali u, jekk ikun possibbli, speċi oħra rilevanti ta' arseniku f'konformità mal-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) billi jużaw metodu ta' analiżi li ġie muri li jiġġenera riżultati affidabbli.

4.

Li fuq bażi regolari l-Istati Membri jagħtu lill-EFSA d-dejta ta' monitoraġġ espressa fuq bażi ta' piż sħiħ bl-informazzjoni u fil-format ta' rappurtar elettroniku kif stabbilit mill-EFSA biex tinġabar f'bażi tad-dejta waħda.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta' Awwissu 2015.

Għall-Kummissjoni

Vytenis ANDRIUKAITIS

Membru tal-Kummissjoni


(1)  Il-Bord tal-EFSA dwar il-Kontaminanti fil-Katina Alimentari (CONTAM); Opinjoni Xjentifika dwar l-Arseniku fl-Ikel. The EFSA Journal 2009; 7(10):1351.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 333/2007 tat-28 ta' Marzu 2007 li jistabbilixxi l-metodi ta' teħid ta' kampjuni u analiżi għall-kontroll uffiċjali ta' livelli ta' ċomb, kadmju, merkurju, landa inorganika, 3-MCPD u benzo(a)pirene fl-oġġetti tal-ikel (ĠU L 88, 29.3.2007, p. 29).

(3)  Ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar il-kontrolli uffiċjali mwettqa biex tiġi żgurata l-verifikazzjoni tal-konformità mal-liġi tal-għalf u l-ikel, mas-saħħa tal-annimali u mar-regoli dwar il-welfare tal-annimali (ĠU L 165, 30.4.2004, p. 1).