4.12.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 318/1


DEĊIŻJONI (UE) 2015/2240 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-25 ta' Novembru 2015

li tistabbilixxi programm dwar soluzzjonijiet ta' interoperabbiltà u oqfsa komuni għall-amministrazzjonijiet pubbliċi, in-negozji u ċ-ċittadini Ewropej (Programm ISA2) bħala mezz għall-modernizzazzjoni tas-settur pubbliku

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 172 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqtli jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

F'serje ta' Dikjarazzjonijiet Ministerjali (f'Manchester fl-24 ta' Novembru 2005, f'Lisbona fid-19 ta' Settembru 2007, f'Malmö fit-18 ta' Novembru 2009 u fi Granada fid-19 ta' April 2010), il-Ministri stiednu lill-Kummissjoni tiffaċilita l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri billi jiġu implimentati soluzzjonijiet ta' interoperabbiltà transkonfinali u transsettorjali li jippermettu servizzi pubbliċi aktar effiċjenti u siguri. Barra minn hekk, l-Istati Membri rrikonoxxew li jridu jitwettqu servizzi pubbliċi aħjar b'inqas riżorsi, u li l-potenzjal tal-gvern elettroniku jista' jissaħħaħ bil-promozzjoni ta' kultura ta' kollaborazzjoni u bit-titjib tal-kundizzjonijiet għall-interoperabbiltà fl-amministrazzjonijiet pubbliċi Ewropej.

(2)

Fil-Komunikazzjoni tagħha tad-19 ta' Mejju 2010 bit-titolu “Aġenda Diġitali għall-Ewropa” (ADE), waħda mill-inizjattivi emblematiċi tal-Istrateġija Ewropa 2020 tagħha, il-Kummissjoni enfasizzat li l-interoperabbiltà hija essenzjali għall-fini li jiġi massimizzat il-potenzjal soċjali u ekonomiku ta' teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT) u li, konsegwentement, l-aġenda diġitali tista' tkun effettiva biss jekk tiġi żgurata l-interoperabbiltà.

(3)

Fil-Komunikazzjoni tagħha tas-16 ta' Diċembru 2010 bit-titolu Lejn l-interoperabbiltà għas-servizzi pubbliċi Ewropej, il-Kummissjoni introduċiet l-Istrateġija Ewropea għall-Interoperabbiltà (IEI) u l-Qafas Ewropew għall-Interoperabbiltà (QEI).

(4)

L-interoperabbiltà tiffaċilita l-implimentazzjoni b'suċċess tal-politiki u toffri potenzjal kbir biex jiġu evitati l-ostakoli elettroniċi transkonfinali, tiżgura aktar l-apparizzjoni ta' servizzi pubbliċi komuni ġodda jew il-konsolidazzjoni ta' servizzi pubbliċi komuni li għadhom qed jiġu żviluppati fil-livell tal-Unjoni. Il-politiki deskritti fil-premessi li ġejjin, b'mod partikolari, jiddependu fuq l-interoperabbiltà għall-implimentazzjoni effettiva u effiċjenti tagħhom.

(5)

Fil-qasam tas-suq intern, id-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) tirrikjedi li l-Istati Membri joffru lill-fornituri ta' servizzi l-possibbiltà li jimlew b'mod elettroniku u bejn il-fruntieri l-proċeduri u l-formalitajiet kollha meħtieġa biex jipprovdu servizz barra mill-Istat Membru ta' stabbiliment tagħhom.

(6)

Fil-qasam tad-dritt soċjetarju, id-Direttiva 2012/17/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) tirrikjedi l-interoperabbiltà tar-reġistri ċentrali, kummerċjali u tal-kumpaniji tal-Istati Membri permezz ta' pjattaforma ċentrali. L-interkonnessjoni tar-reġistri tal-kumpaniji se tiżgura l-iskambju transfruntier tal-informazzjoni bejn ir-reġistri u se tiffaċilita l-aċċess fil-livell tal-Unjoni għan-negozji u ċ-ċittadini u għad-data dwar il-kumpaniji, u b'hekk titjieb iċ-ċertezza tad-dritt fl-ambjent tan-negozju fl-Unjoni.

(7)

Fil-qasam tal-ambjent, id-Direttiva 2007/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) tirrikjedi l-adozzjoni ta' regoli ta' implimentazzjoni komuni li jistabbilixxu arranġamenti ta' interoperabbiltà teknika. B'mod partikolari, dik id-Direttiva tirrikjedi li l-infrastrutturi nazzjonali jiġu adattati sabiex jiżguraw li s-settijiet tad-data u tas-servizzi spazjali jkunu interoperabbli u aċċessibbli bejn il-fruntieri fi ħdan l-Unjoni.

(8)

Fil-qasam tal-ġustizzja u l-affarijiet interni, l-interoperabbiltà msaħħa fil-bażijiet ta' data Ewropej hija l-bażi tas-Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Viża (7), is-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen II (8), is-Sistema Ewropea tad-dattiloskopija (9) u l-Portal Ewropew tal-Ġustizzja elettronika (10). Barra minn hekk, fl-24 ta' Settembru 2012, il-Kunsill adotta konklużjonijiet li jitolbu l-introduzzjoni tal-Identifikatur Ewropew tal-Leġiżlazzjoni u li enfasizza l-ħtieġa għat-tfittix u l-iskambju interoperabbli tal-informazzjoni ġuridika ppubblikata f'ġurnali uffiċjali nazzjonali u f'gazzetti ġuridiċi, permezz tal-użu ta' identifikaturi uniċi u metadata strutturata. Il-kollaborazzjoni bejn l-Aġenzija Ewropea għat-tmexxija operattiva tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira fl-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja u l-programm stabbilit f'din id-deċiżjoni jistgħu jiġġeneraw sinerġiji li jkunu ta' benefiċċju għall-kisba tal-miri rispettivi tagħhom.

(9)

L-interoperabbiltà fi ħdan amministrazzjonijiet pubbliċi lokali, nazzjonali u Ewropej tiffaċilita l-kisba tal-miri stabbiliti mill-Parlament Ewropew fir-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta' Marzu 2012 dwar ir-Rapport tal-2010 dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE: Inżarmaw l-ostakoli għad-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE.

(10)

L-interoperabbiltà kienet fattur ewlieni fis-suċċess tad-dwana, it-tassazzjoni u d-dazji tas-sisa: bl-operat tas-sistemi tal-ICT trans-Ewropej madwar l-Istati Membri, u jappoġġaw is-servizzi tan-negozju interoperabbli ffinanzjati mill-programmi Fiscalis 2013 u Dwana 2013. Dawk il-programmi huma implimentati u operati mill-Kummissjoni u l-amministrazzjonijiet nazzjonali. L-assi maħluqa taħt il-programmi Fiscalis 2013 u Dwana 2013 huma disponibbli għall-kondiviżjoni u l-użu mill-ġdid f'oqsma ta' politika oħrajn. Barra minn hekk, l-Istati Membri u l-Kummissjoni kienu mistiedna, fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-26 ta' Mejju 2014 dwar ir-riforma ta' governanza tal-Unjoni Doganali tal-UE, jiżviluppaw strateġija ta' sistemi tal-IT ġestiti u operati b'mod komuni fl-oqsma kollha relatati mad-dwana.

(11)

Fil-qasam tas-saħħa, id-Direttiva 2011/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11) tipprevedi regoli biex jiffaċilitaw l-aċċess għal kura tas-saħħa transkonfinali sigura u ta' kwalità għolja. B'mod speċifiku, dik id-Direttiva stabbilixxiet in-netwerk tas-Saħħa elettronika biex tindirizza l-isfida tal-interoperabbiltà bejn is-sistemi elettroniċi tas-saħħa. In-netwerk eHealth jista' jadotta linji gwida dwar il-ġabra minima ta' data li għandha tiġi skambjata bejn il-fruntieri fil-każ ta' kura mhux ippjanata u ta' emerġenza u dwar is-servizzi tal-Preskrizzjoni elettronika bejn il-fruntieri.

(12)

Fil-qasam tal-fondi Ewropej, l-Artikolu 122 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12) jirrikjedi li l-iskambji kollha ta' informazzjoni bejn il-benefiċjarji u l-awtoritajiet ta' ġestjoni, l-awtoritajiet ta' ċertifikazzjoni, l-awtoritajiet tal-awditjar u l-korpi intermedji jitwettqu permezz ta' sistemi elettroniċi għall-iskambju tad-data. Dawk is-sistemi għandhom jiffaċilitaw l-interoperabbiltà mal-oqfsa nazzjonali u tal-Unjoni u jippermettu lill-benefiċjarji jressqu l-informazzjoni meħtieġa darba biss.

(13)

Fil-qasam tal-informazzjoni tas-settur pubbliku, id-Direttiva 2013/37/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13) tenfasizza li l-korpi tas-settur pubbliku, meta jkun possibbli u xieraq, għandhom jagħmlu d-dokumenti disponibbli f'formati miftuħa u li jinqraw elettronikament, flimkien mal-metadata tagħhom, fl-aqwa livell ta' preċiżjoni u granularità, f'format li jiżgura l-interoperabbiltà, l-użu mill-ġdid u l-aċċessibbiltà.

(14)

Fil-qasam tal-identifikazzjoni elettronika, ir-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14) jistabbilixxi qafas tal-interoperabbiltà għall-finijiet ta' interoperabbiltà ta' skemi nazzjonali ta' identifikazzjoni elettronika.

(15)

Fil-qasam tal-istandardizzazzjoni tal-ICT, ir-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15) jirreferi għall-interoperabbiltà bħala eżitu essenzjali tal-istandardizzazzjoni.

(16)

Fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni, ir-Regolament (UE) Nru 1291/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16) li jistabbilixxi Orizzont 2020, isemmi b'mod ċar li s-soluzzjonijiet interoperabbli u l-istandards fl-ICT huma fatturi determinanti għas-sħubija tal-industriji fil-livell tal-Unjoni. Il-kollaborazzjoni madwar pjattaformi komuni b'teknoloġija miftuħa b'effetti konsegwenzjali u ta' ingranaġġ se tippermetti li firxa wiesgħa ta' partijiet interessati jibbenefikaw minn żviluppi ġodda u joħolqu aktar innovazzjonijiet.

(17)

Fil-qasam tal-akkwist pubbliku, id-Direttivi 2014/23/UE (17), 2014/24/UE (18) u 2014/25/UE (19) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jirrikjedu li l-Istati Membri jimplimentaw l-akkwist elettroniku. Huma jipprovdu li l-għodod u l-apparat li għandhom jintużaw għall-komunikazzjoni b'mezzi elettroniċi, kif ukoll il-karatteristiċi tekniċi tagħhom, iridu jkunu interoperabbli mal-prodotti tal-ICT f'użu ġenerali. Barra minn hekk, id-Direttiva 2014/55/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (20) tipprovdi għall-iżvilupp ta' standard Ewropew għall-fatturar elettroniku fl-akkwist pubbliku sabiex tiġi żgurata l-interoperabbiltà bejn is-sistemi tal-fatturar elettroniku fl-Unjoni kollha.

(18)

Għalhekk huwa importanti li l-politika li tirrigwarda l-interoperabbiltà u l-użi possibbli tagħha għandhom ikunu koordinati fil-livell tal-Unjoni bil-mod l-aktar effettiv, u l-aktar responsiv possibbli, l għall-utenti finali. Sabiex tiġi eliminata l-frammentazzjoni fil-qasam tal-interoperabbiltà fl-Unjoni, għandhom jiġu promossi fehim komuni tal-interoperabbiltà fl-Unjoni u approċċ olistiku fir-rigward ta' soluzzjonijiet ta' interoperabbiltà.

(19)

L-interoperabbiltà hija wkoll element fundamentali tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (FNE) stabbilita mir-Regolament (UE) Nru 1316/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (21) fil-qasam tal-infrastruttura u s-servizzi tal-broadband. Ir-Regolament (UE) Nru 283/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (22) dwar il-linji gwida għan-netwerks trans-Ewropej fil-qasam tal-infrastruttura tat-telekomunikazzjoni jsemmi b'mod espliċitu li sett wieħed mill-prijoritajiet operazzjonali għall-FNE huwa l-interoperabbiltà, il-konnettività, il-mobilizzazzjoni sostenibbli, l-operat u t-titjib tal-infrastrutturi tas-servizzi diġitali trans-Ewropej u l-koordinazzjoni tagħhom fil-livell tal-Unjoni. B'mod partikolari, ir-Regolament (UE) Nru 283/2014 jipprevedi għal hekk imsejħa elementi kostitwenti, bħalma huma l-identifikazzjoni elettronika, il-kunsinna elettronika u t-traduzzjoni awtomatizzata, biex jiffaċilitaw l-interoperabbiltà transkonfinali.

(20)

F'livell politiku, il-Kunsill talab ripetutament għal interoperabbiltà ħafna akbar fl-Ewropa u għal sforzi kontinwi għall-modernizzazzjoni tal-amministrazzjonijiet pubbliċi Ewropej. Fl-24 u l-25 ta' Ottubru 2013, il-Kunsill Ewropew adotta konklużjonijiet li fihom enfasizza li l-modernizzazzjoni tal-amministrazzjonijiet pubbliċi għandha titkompla permezz tal-implimentazzjoni rapida tas-servizzi, bħal pereżempju l-gvern elettroniku, is-saħħa elettronika, il-fatturar elettroniku u l-akkwist elettroniku li jiddependu fuq l-interoperabbiltà. L-impenn tal-Istati Membri huwa essenzjali sabiex tiġi żgurata mobilizzazzjoni veloċi ta' soċjetà elettronika interoperabbli fl-Unjoni u l-involviment tal-amministrazzjonijiet pubbliċi biex iħeġġu l-użu ta' proċeduri onlajn. Barra minn hekk, sabiex tiġi stabbilita amministrazzjoni elettronika aktar effettiva, simplifikata u faċli għall-utent, jista' jkun meħtieġ xi adattament fl-amministrazzjonijiet pubbliċi Ewropej, bl-appoġġ tal-Istati Membri. Servizzi pubbliċi onlajn effiċjenti huma kruċjali biex iħeġġu l-kunfidenza tan-negozji u taċ-ċittadini fis-servizzi diġitali.

(21)

Perspettiva ta' interoperabbiltà f'settur uniku hija assoċjata mar-riskju li l-adozzjoni ta' soluzzjonijiet differenti jew mhux kompatibbli fil-livelli nazzjonali jew settorjali toħloq ostakoli elettroniċi ġodda li jimpedixxu l-funzjonament tajjeb tas-suq intern u l-moviment liberu assoċjat, u tnaqqas il-ftuħ u l-kompetittività tas-swieq u t-twettiq tas-servizzi ta' interess ġenerali għan-negozji u ċ-ċittadini. Sabiex inaqqsu dak ir-riskju, l-Istati Membri u l-Unjoni għandhom isaħħu l-isforzi konġunti sabiex jevitaw il-frammentazzjoni tas-suq. Huma għandhom jiżguraw l-interoperabbiltà transkonfinali jew transsettorjali fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni, filwaqt li jnaqqsu l-piżijiet u l-ispejjeż amministrattivi u jtejbu l-effiċjenza, u għandhom jippromwovu s-soluzzjonijiet ICT li jkun sar qbil komuni fuqhom, filwaqt li jiżguraw governanza xierqa.

(22)

Fl-istabbiliment, it-titjib jew l-operat ta' soluzzjonijiet komuni l-inizjattivi kollha għandhom, fejn xieraq, jibnu fuq jew ikunu akkumpanjati mill-kondiviżjoni ta' esperjenza u soluzzjonijiet u l-iskambju u l-promozzjoni tal-aħjar prattiki, in-newtralità u l-adattabbiltà teknoloġika, filwaqt li l-prinċipji ta' sigurtà, privatezza u protezzjoni ta' data personali għandhom ikunu applikati dejjem. F'dak il-kuntest, għandhom jiġu promossi l-konformità mal-QEI, u standards u speċifikazzjonijiet miftuħa.

(23)

Bosta programmi suċċessivi ppruvaw jiżguraw l-iżvilupp u l-implimentazzjoni koerenti ta' strateġiji ta' interoperabbiltà globali u settorjali, oqfsa ġuridiċi, linji gwida, servizzi u għodod sabiex jindirizzaw ir-rekwiżiti skont il-politiki applikabbli fl-Unjoni kollha, bħal pereżempju: (i) il-programm għall-iskambju ta' tagħrif bejn l-amministrazzjonijiet (1999-2004) (il-“Programm IDA”), stabbilit bid-Deċiżjonijiet Nru 1719/1999/KE (23) u Nru 1720/1999/KE (24) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill; (ii) il-programm dwar it-twassil interoperabbli ta' servizzi ta' eGovernment pan-Ewropej lill-amministrazzjonijiet pubbliċi, negozji u ċittadini (2005-2009) (il-“Programm IDABC”), stabbilit bid-Deċiżjoni 2004/387/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (25); u (iii) il-programm dwar soluzzjonijiet ta' interoperabbiltà għall-amministrazzjonijiet pubbliċi Ewropej (2010-2015) (il-“Programm ISA”), stabbilit bid-Deċiżjoni Nru 922/2009/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (26). Il-Programm stabbilit f'din id-Deċiżjoni għandu jkun ibbażat fuq l-esperjenza miksuba matul dawk il-programmi.

(24)

L-attivitajiet fil-programmi IDA, IDABC u ISA għamlu kontributi importanti għall-iżgurar tal-interoperabbiltà fl-iskambju elettroniku ta' informazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet pubbliċi Ewropej. Fir-Riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' April 2012 dwar Suq uniku diġitali kompetittiv — il-Gvern elettroniku bħala xprun, il-Parlament Ewropew irrikonoxxa l-kontribut u r-rwol kumplessiv tal-Programm ISA fid-definizzjoni, il-promozzjoni u l-appoġġ tal-implimentazzjoni tas-soluzzjonijiet u l-oqfsa tal-interoperabbiltà għall-amministrazzjonijiet pubbliċi Ewropej, fil-ksib tas-sinerġiji, fil-promozzjoni tal-użu mill-ġdid tas-soluzzjonijiet u fil-bidla tar-rekwiżiti ta' interoperabbiltà tagħhom fi speċifikazzjonijiet u standards għas-servizzi diġitali.

(25)

Id-Deċiżjoni Nru 922/2009/KE tiskadi fil-31 ta' Diċembru 2015. Għalhekk huwa meħtieġ programm ġdid tal-Unjoni dwar soluzzjonijiet ta' interoperabbiltà u oqfsa komuni għal amministrazzjonijiet pubbliċi, negozji u ċittadini Ewropej (il-“Programm ISA2”) sabiex jiġi żviluppat, jinżamm u jiġi promoss approċċ olistiku rigward l-interoperabbiltà sabiex tiġi eliminata l-frammentazzjoni fix-xenarju tal-interoperabbiltà fl-Unjoni u jiġu eliminati l-ostakoli elettroniċi fl-Unjoni; tiġi ffaċilitata interazzjoni elettronika transkonfinali jew transsettorjali effiċjenti u effettiva bejn, minn naħa, l-amministrazzjonijiet pubbliċi Ewropej, u min-naħa l-oħra bejn l-amministrazzjonijiet pubbliċi Ewropej u n-negozji u ċ-ċittadini, biex jiġu identifikati, maħluqa u operati soluzzjonijiet ta' interoperabbiltà li jappoġġaw l-implimentazzjoni ta' politiki u attivitajiet tal-Unjoni; u biex jiġi faċilitat l-użu mill-ġdid ta' soluzzjonijiet ta' interoperabbiltà minn amministrazzjonijiet pubbliċi Ewropej.

(26)

Minbarra l-amministrazzjonijiet pubbliċi Ewropej, in-negozji u ċ-ċittadini huma wkoll utenti finali tas-soluzzjonijiet ta' interoperabbiltà minħabba l-użu tagħhom ta' servizzi pubbliċi elettroniċi pprovduti mill-amministrazzjonijiet pubbliċi. Il-prinċipju tal-iffukar fuq l-utent japplika, b'mod partikolari, għall-utenti finali tas-soluzzjonijiet ta' interoperabbiltà. Għandu jiġu interpretat li n-negozji jinkludu, b'mod partikolari, l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) u l-mikrointrapriżi, minħabba l-kontribut prezzjuż tagħhom għall-ekonomija tal-Unjoni.

(27)

Oqfsa u soluzzjonijiet komuni stabbiliti jew operati skont il-Programm ISA2 għandhom, kemm jista' jkun, jiffurmaw xenarju tal-interoperabbiltà biex jiffaċilitaw l-interazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet pubbliċi, l-intrapriżi u ċ-ċittadini Ewropej, u biex jiżguraw, jiffaċilitaw u jippermettu l-interoperabbiltà transkonfinali jew transsettorjali.

(28)

Għandu jkun possibbli li jiġu implimentati azzjonijiet fil-qafas tal-Programm ISA2 bl-użu ta' “metodoloġija iterattiva”.

(29)

Hekk kif aktar servizzi pubbliċi qed isiru “diġitali awtomatikament”, huwa importanti li tiġi massimizzata l-effiċjenza tal-infiq pubbliku fuq is-soluzzjonijiet tal-ICT. Tali effiċjenza għandha tiġi ffaċilitata billi jkun żgurat li l-provvista ta' dawn is-servizzi tiġi ppjanata fi stadju bikri u, fejn possibbli, permezz ta' skambju u użu mill-ġdid ta' soluzzjonijiet sabiex jiġi massimizzat il-valur tal-infiq pubbliku. Il-Programm ISA2 għandu jikkontribwixxi għal dak il-għan.

(30)

L-interoperabbiltà u, konsegwentement, is-soluzzjonijiet stabbiliti u mħaddma fil-qafas tal-Programm ISA2 huma kruċjali għall-isfruttar sħiħ tal-potenzjal tal-gvern elettroniku u tad-demokrazija elettronika billi jippermettu l-implimentazzjoni ta' “one-stop shops” u l-għoti ta' servizzi pubbliċi minn tarf sa tarf u trasparenti li jwasslu għal anqas piż amministrattiv u spejjeż aktar baxxi.

(31)

Bħala utenti finali, in-negozji u ċ-ċittadini għandhom ukoll jibbenefikaw minn servizzi tal-front-office komuni, li jistgħu jerġgħu jintużaw u interoperabbli li jirriżultaw minn integrazzjoni aħjar ta' proċessi u skambju ta' data permezz tal-back-offices tal-amministrazzjonijiet pubbliċi Ewropej.

(32)

Fl-attivitajiet tagħha, l-Unjoni għandha tirrispetta l-prinċipju tat-trattament ugwali. Iċ-Ċittadini tal-Unjoni għandu jkollhom id-dritt li jingħataw trattament ugwali mill-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-organi tal-Unjoni. L-Unjoni għandha tikkunsidra r-rekwiżiti relatati mal-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali. F'dak ir-rigward, l-aċċessibbiltà għal kulħadd għandha tkun inkorporata fl-iżvilupp tal-istrateġiji relatati mal-interoperabbiltà tas-servizzi pubbliċi fl-Unjoni, b'kunsiderazzjoni taċ-ċittadini l-iktar żvantaġġati u tal-aktar żoni skarsament popolati sabiex jiġu miġġielda d-distakk u l-esklużjoni diġitali kif mitlub mill-Parlament Ewropew fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' April 2012 dwar Suq uniku diġitali kompetittiv — il-Gvern elettroniku bħala xprun. L-implimentazzjoni ta' servizzi pubbliċi elettroniċi mill-amministrazzjonijiet pubbliċi Ewropej teħtieġ approċċ inklużiv (inklużjoni elettronika) li, fejn neċessarju, jipprovdi appoġġ u taħriġ tekniku sabiex jitnaqqsu l-inugwaljanzi fl-użu tas-soluzzjonijiet tal-ICT u jinkorporaw il-forniment ta' servizzi permezz ta' mezzi diversi, inkluż, jekk ikun il-każ, iż-żamma ta' mezzi tradizzjonali ta' aċċess.

(33)

Soluzzjonijiet ta' interoperabbiltà taħt il-Program ISA2 għandhom ikunu żviluppati skont id-dritt tal-utenti finali li jaċċessaw u jiddistribwixxu informazzjoni u kontenut, jużaw u jipprovdu applikazzjonijiet u servizzi, u jużaw tagħmir terminali tal-għażla tagħhom, irrispettivament mill-post fejn jinsab l-utent finali jew il-fornitur, jew il-post fejn tinsab l-informazzjoni, il-kontenut, l-applikazzjoni jew is-servizz, jew l-oriġini jew id-destinazzjoni tagħhom, permezz tas-servizz tagħhom ta' aċċess għall-Internet ipprovdut fir-Regolament (UE) 2015/2120 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (27).

(34)

Il-Programm ISA2 għandu jkun strument għall-modernizzazzjoni tal-amministrazzjonijiet pubbliċi Ewropej. Il-modernizzazzjoni tal-amministrazzjonijiet pubbliċi Ewropej u ż-żieda tal-interoperabbiltà tagħhom hija kontribuzzjoni importanti għall-ikkompletar tas-suq uniku diġitali biex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jibbenefikaw bis-sħiħ minn servizzi elettroniċi interoperabbli, mill-gvern elettroniku sas-saħħa elettronika, bi prijorità lit-tneħħija ta' ostakoli bħal servizzi elettroniċi mhux konnessi. In-nuqqas ta' interoperabbiltà ta' spiss idgħajjef l-implimentazzjoni ta' servizzi diġitali tarf sa tarf u l-iżvilupp ta' one-stop shops għan-negozji u ċ-ċittadini.

(35)

L-interoperabbiltà hija konnessa direttament mal-istandards miftuħa u l-użu ta' speċifikazzjonijiet u standards miftuħa. Il-Programm ISA2 għandu jippromwovi u, fejn xieraq, jappoġġa l-istandardizzazzjoni parzjali jew sħiħa tas-soluzzjonijiet ta' interoperabbiltà eżistenti. Tali standardizzazzjoni għandha tinkiseb f'kooperazzjoni ma' attivitajiet ta' standardizzazzjoni oħrajn fil-livell tal-Unjoni, ma' organizzazzjonijiet ta' standardizzazzjoni Ewropej u ma' organizzazzjonijiet ta' standardizzazzjoni internazzjonali oħrajn.

(36)

Billi tiġi żgurata l-interoperabbiltà, l-amministrazzjonijiet pubbliċi Ewropej jibqgħu miftuħa u flessibbli biżżejjed biex jevolvu u jkunu kapaċi jinkorporaw sfidi ġodda u oqsma ġodda. L-interoperabbiltà hija kundizzjoni biex ikun jista' jiġi evitat lock-in teknoloġiku, li tagħmel possibbli l-iżviluppi tekniċi u t-trawwim tal-innovazzjoni. Bl-iżvilupp ta' soluzzjonijiet interoperabbli u oqfsa komuni, il-Program ISA2 għandu jikkontribwixxi għal interoperabbiltà bejn amministrazzjonijiet pubbliċi Ewropej li tirrispetta n-newtralità teknoloġika, sabiex jiġi evitat lock-in teknoloġiku u jagħmel possibbli kompetizzjoni u innovazzjoni akbar li jagħtu spinta lill-kompetittività globali tal-Unjoni.

(37)

Il-modernizzazzjoni tal-amministrazzjonijiet pubbliċi Ewropej hija waħda mill-prijoritajiet ewlenin għall-implimentazzjoni b'suċċess tal-Istrateġija Ewropa 2020 u s-Suq Uniku Diġitali (SUD). F'dak il-kuntest, l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir ippubblikat mill-Kummissjoni fl-2011, l-2012 u l-2013 juri li l-kwalità tal-amministrazzjonijiet pubbliċi Ewropej għandha impatt dirett fuq l-ambjent ekonomiku u għalhekk hija kruċjali għall-istimulazzjoni tal-produttività, tal-kompetittività, tal-kooperazzjoni ekonomika, tat-tkabbir u tal-impjiegi. Dan huwa rifless b'mod ċar fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għal kull pajjiż, li jitolbu azzjoni speċifika mmirata lejn ir-riforma tal-amministrazzjoni pubblika Ewropea.

(38)

Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 jinkludi għan tematiku għal “tisħiħ tal-kapaċità istituzzjonali tal-awtoritajiet pubbliċi u tal-partijiet interessati u amministrazzjoni pubblika effiċjenti”. F'dak il-kuntest, il-Programm ISA2 għandu jkun marbut ma' inizjattivi oħra li jikkontribwixxu għall-modernizzazzjoni tal-amministrazzjonijiet pubbliċi Ewropej, b'mod partikolari fir-rigward tal-ħidma fuq l-interoperabbiltà u jfittex sinerġiji magħhom.

(39)

L-interoperabbiltà tal-amministrazzjonijiet pubbliċi Ewropej tikkonċerna l-livelli kollha tal-amministrazzjoni: tal-Unjoni, nazzjonali, reġjonali u lokali. Għalhekk huwa importanti li tiġi żgurata l-aktar parteċipazzjoni wiesgħa possibbli fil-Programm ISA2 u li s-soluzzjonijiet iqisu l-ħtiġijiet rispettivi tagħhom, kif ukoll dawk taċ-ċittadini u l-intrapriżi fejn rilevanti.

(40)

L-amministrazzjonijiet nazzjonali, reġjonali u lokali jistgħu jiġu appoġġati fix-xogħol tagħhom permezz ta' strumenti speċifiċi taħt il-Fondi Ewropej Strutturali u ta' Investiment, b'mod partikolari l-parti li tikkonċerna l-bini tal-kapaċità istituzzjonali li tinkludi t-taħriġ tal-persunal tal-amministrazzjonijiet pubbliċi Ewropej, fejn xieraq. Il-kooperazzjoni mill-qrib taħt il-Programm ISA2 għandha timmassimizza l-benefiċċji mistennija minn dawn l-istrumenti billi tiżgura li l-proġetti ffinanzjati jkunu allinjati mal-oqfsa u l-ispeċifikazzjonijiet tal-interoperabbiltà madwar l-Unjoni kollha bħal pereżempju l-QEI.

(41)

Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi pakkett finanzjarju għat-tul kollu tal-Programm ISA2 li għandu jikkostitwixxi l-ammont primarju ta' referenza, skont it-tifsira tal-Punt (17) tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (28), għall-Parlament Ewropew u l-Kunsill matul il-proċedura baġitarja annwali.

(42)

Għandha titqies il-possibbiltà li jintużaw il-fondi ta' qabel l-adeżjoni biex tiġi ffaċilitata l-parteċipazzjoni tal-pajjiżi kandidati fil-Programm ISA2 u l-adozzjoni u l-implimentazzjoni ulterjuri f'dawk il-pajjiżi tas-soluzzjonijiet previsti fih.

(43)

Il-Programm ISA2 għandu jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni ta' kull inizjattiva ta' segwitu fil-kuntest tal-Ewropa 2020 u l-ADE. Sabiex jiġi evitat l-irduppjar tal-isforzi, il-Programm ISA2 għandu jqis kull programm tal-Unjoni u inizjattivi fil-qasam tas-soluzzjonijiet, is-servizzi u l-infrastrutturi tal-ICT, b'mod partikolari l-FNE, l-Orizzont 2020 u l-Pjan ta' Azzjoni Ewropew għall-Gvern Elettroniku 2011-2015 stabbilit fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta' Diċembru 2010. Il-Kummissjoni għandha tikkoordina dawk l-azzjonijiet meta timplimenta l-Programm ISA2 u meta tippjana inizjattivi futuri li jaffettwaw l-interoperabbiltà. Għall-fini ta' razzjonalizzazzjoni, l-iskedar tal-laqgħat tal-kumitat tal-Programm ISA2 għandhom jieħdu kont, sa fejn ikun possibbli, tal-laqgħat skedati relatati ma' inizjattivi u programmi rilevanti oħra tal-Unjoni.

(44)

Il-prinċipji u d-dispożizzjonijiet stabbiliti fid-dritt tal-Unjoni rigward il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, b'mod partikolari d-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (29), id-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (30) u r-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (31), għandhom japplikaw għal soluzzjonijiet operati taħt il-Programm ISA2 li jinvolvu l-ipproċessar ta' data personali. Għaldaqstant, dawk is-soluzzjonijiet għandhom jimplimentaw miżuri tekniċi u organizzattivi xierqa biex tiġi żgurata konformità mar-rekwiżiti tal-protezzjoni tad-data taħt id-dritt tal-Unjoni. B'mod partikolari, u awtomatikament, id-data personali għandha tkun ipproċessata biss jekk hija adegwata, rilevanti u mhux eċċessiva fir-rigward tal-għan li għalih tinġabar. Meta jkunu qed jiġi żviluppati u stabbiliti soluzzjonijiet ta' interoperabbiltà, għandha tingħata attenzjoni dovuta għall-impatt fuq il-protezzjoni tad-data personali.

(45)

Meta tevalwa l-Programm ISA2, il-Kummissjoni għandha tagħti attenzjoni partikolari jekk is-soluzzjonijiet maħluqa u implimentati għandhomx impatt pożittiv jew negattiv fuq il-modernizzazzjoni tas-settur pubbliku u l-iffaċilitar tal-bżonnijiet tan-negozji u ċ-ċittadini, pereżempju billi jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi u l-ispejjeż tagħhom u billi tissaħħaħ l-interkonnessjoni globali bejn l-amministrazzjonijiet pubbliċi Ewropej minn naħa waħda u bejn l-amministrazzjonijiet pubbliċi Ewropej u n-negozji u ċ-ċittadini min-naħa l-oħra.

(46)

Il-provvista ta' servizzi esterni għall-finijiet tal-Program ISA2 fejn meħtieġ hija soġġetta għar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (32) u għad-Direttivi 2014/23/UE, 2014/24/UE u 2014/25/UE.

(47)

Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni għandha tingħata setgħat ta' implimentazzjoni biex tadotta programm kontinwu ta' ħidma. Dawn is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (33).

(48)

Il-Kummissjoni għandha tadotta minnufih atti ta' implimentazzjoni applikabbli meta, f'każijiet debitament ġustifikati relatati mal-programm ta' ħidma stabbilit kontinwu, bħal pereżempju riskju ta' interruzzjoni fis-servizz, raġunijiet importanti ħafna ta' urġenza jkunu jeħtieġu hekk.

(49)

L-għanijiet ta' din id-Deċiżjoni huma li tiżviluppa, iżżomm u tippromwovi approċċ olistiku rigward l-interoperabbiltà; biex tiffaċilita interazzjoni elettronika transkonfinali jew transsettorjali effiċjenti u effettiva bejn l-amministrazzjonijiet pubbliċi Ewropej minn naħa, u bejn l-amministrazzjonijiet pubbliċi Ewropej u n-negozji u ċ-ċittadini min-naħa l-oħra; biex jiġu identifikati, maħluqa u operati soluzzjonijiet ta' interoperabbiltà li jappoġġaw l-implimentazzjoni ta' politiki u attivitajiet tal-Unjoni; u biex jiġi faċilitat l-użu mill-ġdid ta' soluzzjonijiet ta' interoperabbiltà minn amministrazzjonijiet pubbliċi Ewropej. Billi dawk l-għanijiet ma jistgħux jinkisbu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri jekk dawn jaġixxu waħedhom minħabba li l-istabbiliment tal-funzjoni ta' koordinazzjoni fil-livell Ewropew ikun diffiċli u għali fil-livell tal-Istati Membri mill-Istati Membri nnifishom u għalhekk, minħabba l-iskala u l-effetti tagħhom, jistgħu jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Deċiżjoni ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Suġġett u għanijiet

1.   Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi, għall-2016-2020, programm dwar soluzzjonijiet ta' interoperabbiltà u oqfsa komuni għall-amministrazzjonijiet pubbliċi, in-negozji u ċ-ċittadini Ewropej (il-“Programm ISA2”).

L-għanijiet tal-Programm ISA2 għandhom ikunu li:

(a)

jiżviluppa, iżomm u jippromwovi approċċ olistiku rigward l-interoperabbiltà fl-Unjoni sabiex tiġi eliminata l-frammentazzjoni fix-xenarju tal-interoperabbiltà fl-Unjoni;

(b)

jiffaċilita l-interazzjoni transkonfinali jew transsettorjali elettronika effiċjenti u effettiva bejn l-amministrazzjonijiet pubbliċi Ewropej minn naħa, u bejn amministrazzjonijiet pubbliċi Ewropej u n-negozji u ċ-ċittadini min-naħa l-oħra, u biex jikkontribwixxi għall-iżvilupp ta' amministrazzjoni elettronika aktar effettiva, simplifikata u faċli għall-utent fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali ta' amministrazzjoni pubblika;

(c)

jidentifika, joħloq u jopera soluzzjonijiet ta' interoperabbiltà li jappoġġaw l-implimentazzjoni tal-politiki u attivitajiet tal-Unjoni;

(d)

jiffaċilita l-użu mill-ġdid ta' soluzzjonijiet ta' interoperabbiltà minn amministrazzjonijiet pubbliċi Ewropej.

Il-Programm ISA2 għandu jqis l-aspetti soċjali, ekonomiċi u oħrajn tal-interoperabbiltà, kif ukoll is-sitwazzjoni speċifika tal-SMEs u tal-mikrointrapriżi, sabiex titjieb l-interazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet pubbliċi Ewropej, minn naħa waħda, u bejn amministrazzjonijiet pubbliċi Ewropej u n-negozji u ċ-ċittadini, min-naħa l-oħra.

2.   Il-Programm ISA2 għandu jiżgura fehim komuni ta' interoperabbiltà permezz tal-QEI u l-implimentazzjoni tiegħu fl-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri. Il-Kummissjoni, permezz tal-Programm ISA2 għandha tissorvelja l-implimentazzjoni tal-QEI.

3.   Il-Programm ISA2 jiġi wara, u għandu jikkonsolida, jippromwovi u jespandi, l-attivitajiet tal-Programm ISA.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“interoperabbiltà” tfisser il-kapaċità ta' organizzazzjonijiet differenti u diversi li jinteraġixxu lejn għanijiet ta' benefiċċju u miftiehma b'mod komuni, li jinvolvu l-qsim ta' informazzjoni u għarfien bejn l-organizzazzjonijiet permezz tal-proċessi tan-negozju li huma jappoġġaw, permezz tal-iskambju ta' data bejn is-sistemi tal-ICT rispettivi tagħhom;

(2)

“qafas għall-interoperabbiltà” tfisser approċċ miftiehem rigward l-interoperabbiltà għal organizzazzjonijiet li jixtiequ jaħdmu flimkien għat-twassil konġunt ta' servizzi pubbliċi, li, fi ħdan l-ambitu ta' applikabbiltà tiegħu, jispeċifika ġabra ta' elementi komuni bħal vokabularju, kunċetti, prinċipji, politiki, linji gwida, rakkomandazzjonijiet, standards, speċifikazzjonijiet u prattiki;

(3)

“oqfsa komuni” tfisser arkitetturi ta' referenza, speċifikazzjonijiet, kunċetti, prinċipji, politiki, rakkomandazzjonijiet, standards, metodoloġiji, linji gwida, assi semantiċi u approċċi u dokumenti simili, meħuda individwalment jew flimkien f'sett;

(4)

“servizzi komuni” tfisser il-kapaċità organizzattiva u teknika li twassal eżitu wieħed lill-amministrazzjonijiet pubbliċi Ewropej, inklużi s-sistemi operazzjonali, l-applikazzjonijiet u l-infrastrutturi diġitali ta' natura ġenerika li jissodisfaw rekwiżiti komuni tal-utent f'oqsma politiċi jew żoni ġeografiċi, flimkien mal-governanza operazzjonali ta' appoġġ tagħhom;

(5)

“għodod ġeneriċi” tfisser sistemi, pjattaformi ta' referenza, pjattaformi kondiviżi u kollaborattivi, u komponenti ġeneriċi li jissodisfaw rekwiżiti komuni tal-utent f'oqsma politiċi jew żoni ġeografiċi;

(6)

“soluzzjonijiet ta' interoperabbiltà” tfisser servizzi komuni u għodod ġeneriċi li jiffaċilitaw il-kooperazzjoni bejn organizzazzjonijiet differenti u diversi, iffinanzjati u żviluppati b'mod awtonomu taħt il-Programm ISA2 jew żviluppati b'kooperazzjoni ma' inizjattivi tal-Unjoni oħrajn, fuq il-bażi tar-rekwiżiti identifikati tal-amministrazzjonijiet pubbliċi Ewropej;

(7)

“azzjonijiet” tfisser proġetti, soluzzjonijiet li diġà huma f'fażi operazzjonali u miżuri ta' akkumpanjament;

(8)

“proġett” tfisser sekwenza limitata fiż-żmien ta' kompiti definiti sew li jindirizzaw ħtiġijiet identifikati tal-utent permezz ta' approċċ f'fażijiet;

(9)

“azzjonijiet sospiżi” tfisser l-azzjonijiet tal-Programm ISA2 li l-finanzjament tagħhom huwa sospiż għal ċertu perjodu ta' żmien, iżda li l-għan tagħhom għadu validu u li jibqgħu soġġetti għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-Programm ISA2;

(10)

“miżuri ta' akkumpanjament” tfisser:

(a)

miżuri strateġiċi;

(b)

informazzjoni, komunikazzjoni tal-benefiċċji tal-Programm ISA2 u miżuri ta' sensibilizzazzjoni, immirati lejn l-amministrazzjonijiet pubbliċi Ewropej, u fejn xieraq lejn in-negozji u ċ-ċittadini;

(c)

miżuri li jappoġġaw il-ġestjoni tal-Programm ISA2;

(d)

miżuri f'rabta mal-kondiviżjoni tal-esperjenza u l-iskambju u l-promozzjoni tal-aħjar prattika;

(e)

miżuri għall-promozzjoni tal-użu mill-ġdid ta' soluzzjonijiet ta' interoperabbiltà eżistenti;

(f)

miżuri li jimmiraw lejn il-bini tal-komunità u ż-żieda tal-kapaċità; u

(g)

miżuri li jimmiraw lejn l-istabbiliment ta' sinerġiji ma' inizjattivi rilevanti mal-interoperabbiltà f'oqsma oħra tal-politika tal-Unjoni;

(11)

“strumenti ta' appoġġ għall-amministrazzjonijiet pubbliċi” tfisser l-għodod, l-oqfsa, il-linji gwida, u l-ispeċifikazzjonijiet tal-interoperabbiltà li jappoġġaw l-amministrazzjonijiet pubbliċi Ewropej meta jfasslu, jimplimentaw u joperaw soluzzjonijiet ta' interoperabbiltà;

(12)

“amministrazzjonijiet pubbliċi Ewropej” tfisser amministrazzjonijiet pubbliċi fil-livell tal-Unjoni, nazzjonali, reġjonali u lokali;

(13)

“utenti finali” tfisser amministrazzjonijiet pubbliċi Ewropej, negozji, inklużi SMEs u mikrointrapriżi, u ċittadini;

(14)

“fatturi determinanti ewlenin tal-interoperabbiltà” tfisser soluzzjonijiet ta' interoperabbiltà li huma neċessarji sabiex jippermettu t-twettiq effiċjenti u effettiv tas-servizzi pubbliċi tul amministrazzjonijiet;

(15)

“Arkitettura Ewropea ta' Referenza għall-Interoperabbiltà” jew “AERI” tfisser struttura ġenerika, li tinkludi prinċipji u linji gwida li japplikaw għall-implimentazzjoni ta' soluzzjonijiet ta' interoperabbiltà fl-Unjoni Ewropea;

(16)

“Kartografija Ewropea tal-Interoperabbiltà” jew “KEI” tfisser repożitorju ta' soluzzjonijiet ta' interoperabbiltà għall-amministrazzjonijiet pubbliċi Ewropej ipprovdut mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni u l-Istati Membri, ippreżentat f'format komuni u li jikkonforma mal-kriterji speċifiċi tal-użu mill-ġdid u l-interoperabbiltà li jistgħu jiġu rrappreżentati fuq l-AERI.

Artikolu 3

Attivitajiet

Il-programm ISA2 għandu jappoġġa u jippromwovi:

(a)

il-valutazzjoni, it-titjib, l-operat u l-użu mill-ġdid tas-soluzzjonijiet ta' interoperabbiltà transkonfinali jew transsettorjali eżistenti u oqfsa komuni;

(b)

l-iżvilupp, l-istabbiliment, il-maturazzjoni, l-operat u l-użu mill-ġdid tas-soluzzjonijiet ta' interoperabbiltà transkonfinali jew transsettorjali ġodda u oqfsa komuni;

(c)

il-valutazzjoni tal-implikazzjonijiet tal-ICT tad-dritt tal-Unjoni proposta jew adottata;

(d)

l-identifikazzjoni ta' diskrepanzi fil-leġiżlazzjoni fil-livell tal-Unjoni u f'dak nazzjonali li jfixklu l-interoperabbiltà transkonfinali jew transsettorjali bejn l-amministrazzjonijiet pubbliċi Ewropej;

(e)

l-iżvilupp ta' mekkaniżmi li jkejlu u jikkwantifikaw il-benefiċċji tas-soluzzjonijiet ta' interoperabbiltà inklużi metodoloġiji għall-valutazzjoni tal-iffrankar tal-ispejjeż;

(f)

l-immappjar u l-analiżi tax-xenarju kumplessiv tal-interoperabbiltà fl-Unjoni permezz tal-istabbiliment, iż-żamma u t-titjib tal-AERI u tal-KEI bħala strumenti li jiffaċilitaw l-użu mill-ġdid tas-soluzzjonijiet ta' interoperabbiltà eżistenti u biex jiġu identifikati l-oqsma fejn għad hemm nuqqas ta' tali soluzzjonijiet;

(g)

iż-żamma, l-aġġornament, il-promozzjoni u l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-IEI, tal-QEI u tal-AERI;

(h)

il-valutazzjoni, l-aġġornament u l-promozzjoni ta' speċifikazzjonijiet u standards komuni eżistenti u l-iżvilupp, l-istabbiliment u l-promozzjoni ta' speċifikazzjonijiet ġodda komuni u speċifikazzjonijiet u standards miftuħa permezz tal-pjattaformi ta' standardizzazzjoni tal-Unjoni u b'kooperazzjoni mal-organizzazzjoni ta' standardizzazzjoni Ewropej jew internazzjonali kif xieraq;

(i)

iż-żamma u l-pubblikazzjoni ta' pjattaforma li tippermetti l-aċċess u l-kollaborazzjoni fir-rigward tal-aħjar prattiċi, tiffunzjona bħala mezz ta' sensibilizzazzjoni u ta' tqassim ta' soluzzjonijiet disponibbli, inklużi oqfsa ta' sigurtà u sikurezza, u tikkontribwixxi sabiex jiġi evitat l-irduppjar tal-isforzi filwaqt li jiġi nkoraġġut l-użu mill-ġdid ta' soluzzjonijiet u standards;

(j)

il-maturazzjoni ta' servizzi u għodod ġodda ta' interoperabbiltà, u jinżammu u jiġu operati servizzi u għodod eżistenti tal-interoperabbiltà fuq bażi interim;

(k)

l-identifikazzjoni u l-promozzjoni tal-aħjar prattiki, biex jiġu żviluppati linji gwida sabiex jiġu kkoordinati l-inizjattivi ta' interoperabbiltà u biex jiġu animati u appoġġati l-komunitajiet li qed jaħdmu fuq kwistjonijiet rilevanti għall-qasam ta' interazzjoni transkonfinali jew transsettorjali elettronika bejn l-utenti finali.

Sat-8 ta' Settembru 2016, il-Kummissjoni għandha tiżviluppa strateġija ta' komunikazzjoni, bl-għan li ttejjeb l-informazzjoni u żżid is-sensibilizzazzjoni fir-rigward tal-Programm ISA2 u l-benefiċċji tiegħu, immirata lejn in-negozji, inklużi l-SMEs, u ċ-ċittadini, u li tuża mezzi faċli għall-utenti fis-sit web tal-Programm ISA2.

Artikolu 4

Prinċipji ġenerali

L-azzjonijiet varati jew li jitkomplew fil-Programm ISA2 għandhom:

(a)

ikunu bbażati fuq l-utilità u mmexxija minn ħtiġijiet identifikati u mill-għanijiet tal-programm;

(b)

jikkonformaw mal-prinċipji li ġejjin:

is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità;

l-iffukar fuq l-utent;

l-inklużjoni u l-aċċessibbiltà;

twassil tas-servizzi pubbliċi b'tali mod li jiġi evitat distakk diġitali;

is-sigurtà, ir-rispett għall-privatezza u l-protezzjoni tad-data;

il-multilingwiżmu;

is-simplifikazzjoni amministrattiva u l-modernizzazzjoni;

it-trasparenza;

il-preżervazzjoni tal-informazzjoni;

il-ftuħ;

l-użu mill-ġdid u evitar ta' irduppjar;

in-newtralità tekonoloġika, soluzzjonijiet li kemm jista' jkun jibqgħu validi fil-futur, u l-adattabbiltà teknoloġika;

l-effettività u l-effiċjenza;

(c)

ikunu flessibbli, estensibbli u applikabbli għal negozji jew oqsma politiċi oħrajn; u

(d)

juru sostenibbiltà finanzjarja, organizzazzjonali u teknika.

Artikolu 5

Azzjonijiet

1.   Il-Kummissjoni, b'kooperazzjoni mal-Istati Membri, u b'mod konformi mal-Artikolu 8, għandha timplimenta l-azzjonijiet speċifikati fil-programm kontinwu ta' ħidma stabbilit skont l-Artikolu 9.

2.   L-azzjonijiet fil-forma ta' proġetti għandhom, fejn xieraq, jikkonsistu fil-fażijiet li ġejjin:

inizjazzjoni;

ippjanar;

eżekuzzjoni;

għeluq u evalwazzjoni finali;

monitoraġġ u kontroll.

Il-fażijiet ta' proġetti speċifiċi għandhom jiġu identifikati u speċifikati fiż-żmien meta l-azzjoni tiġi inkluża fil-programm kontinwu ta' ħidma. Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-evoluzzjoni ta' proġetti.

3.   L-implimentazzjoni tal-programm ISA2 għandha tkun appoġġata minn miżuri ta' akkumpanjament.

Artikolu 6

Kriterji ta' eliġibbiltà

L-azzjonijiet kollha li għandhom jiġu ffinanzjati taħt il-Programm ISA2 għandhom jikkonformaw mal-kriterji kollha ta' eliġibbiltà li ġejjin:

(a)

l-għanijiet tal-Programm ISA2 stabbiliti fl-Artikolu 1(1);

(b)

attività waħda jew aktar tal-Programm ISA2 stabbiliti fl-Artikolu 3;

(c)

il-prinċipji ġenerali tal-Programm ISA2 stabbiliti fl-Artikolu 4;

(d)

il-kundizzjonijiet ta' finanzjament stabbiliti fl-Artikolu 11.

Artikolu 7

Prijoritizzazzjoni

1.   Soġġetti għall-paragrafu 2, l-azzjonijiet kollha li jissodisfaw il-kriterji ta' eliġibilità għandhom ikunu prijoritizzati skont il-kriterji ta' prijoritizzazzjoni li ġejjin:

(a)

il-kontribut tal-azzjoni għax-xenarju tal-interoperabbiltà, li jitkejjel skont l-importanza u l-ħtieġa tal-azzjoni biex jitlesta x-xenarju tal-interoperabbiltà madwar l-Unjoni;

(b)

l-ambitu tal-azzjoni, li jitkejjel skont l-impatt orizzontali tiegħu, ladarba jitlesta, fis-setturi kkonċernati;

(c)

il-firxa ġeografika tal-azzjoni, li titkejjel bin-numru ta' Stati Membri u ta' amministrazzjonijiet pubbliċi Ewropej involuti;

(d)

l-urġenza tal-azzjoni, li titkejjel permezz tal-impatt potenzjali tagħha, b'kont meħud tan-nuqqas ta' sorsi oħra ta' finanzjament;

(e)

il-possibbiltà ta' użu mill-ġdid tal-azzjoni, li titkejjel skont kemm jistgħu jintużaw mill-ġdid ir-riżultati tagħha;

(f)

l-użu mill-ġdid bl-azzjoni ta' oqfsa u elementi ta' soluzzjonijiet ta' interoperabbiltà komuni eżistenti;

(g)

ir-rabta tal-azzjoni ma' inizjattivi tal-Unjoni li għandha titkejjel skont il-livell ta' kollaborazzjoni u kontribut tal-azzjoni għal inizjattivi tal-Unjoni bħalma huwa s-SUD.

2.   Il-kriterji ta' prijoritizzazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu ta' valur ugwali. L-azzjonijiet eliġibbli li jissodisfaw aktar kriterji minn azzjonijiet eliġibbli oħra għandhom jingħataw prijorità akbar biex jiġu inklużi fil-programm kontinwu ta' ħidma.

Artikolu 8

Regoli ta' implimentazzjoni

1.   Fl-implimentazzjoni tal-Programm ISA2 għandhom jitqiesu kif dovut l-IEI u l-QEI.

2.   Sabiex tiġi żgurata l-interoperabbiltà bejn is-sistemi ta' informazzjoni nazzjonali u tal-Unjoni, is-soluzzjonijiet ta' interoperabbiltà għandhom jiġu speċifikati b'referenza għall-istandards Ewropej eżistenti u ġodda jew speċifikazzjonijiet disponibbli għall-pubbliku jew miftuħa għall-iskambju tal-informazzjoni u l-integrazzjoni tas-servizzi.

3.   L-istabbiliment jew it-titjib ta' soluzzjonijiet ta' interoperabbiltà għandhom, fejn xieraq, jibnu jew jiġu akkumpanjati mill-iskambju ta' fehmiet u l-iskambju u l-promozzjoni tal-prattika tajba. Għal dak il-għan, il-Kummissjoni għandha tlaqqa' lill-partijiet ikkonċernati u torganizza konferenzi, workshops u laqgħat oħra fuq kwistjonijiet indirizzati mill-Programm ISA2.

4.   Fl-implimentazzjoni tas-soluzzjonijiet ta' interoperabbiltà taħt il-Programm ISA2, għandha tingħata konsiderazzjoni debita, fejn xieraq, lill-AERI.

5.   Is-soluzzjonijiet ta' interoperabbiltà u l-aġġornamenti tagħhom għandhom, fejn ikun il-każ, jiġu inklużi fil-KEI u jiġu magħmula disponibbli, fejn xieraq, għall-użu mill-ġdid mill-amministrazzjonijiet pubbliċi Ewropej.

6.   Il-Kummissjoni għandha, f'kull ħin, tħeġġeġ u tippermetti lill-Istati Membri jingħaqdu f'azzjoni jew proġett fi kwalunkwe stadju.

7.   Sabiex jiġi evitat l-irduppjar, soluzzjonijiet ta' interoperabbiltà ffinanzjati fil-qafas tal-Programm ISA2 għandhom, fejn xieraq, jirreferenzjaw ir-riżultati miksuba permezz ta' inizjattivi rilevanti tal-Unjoni jew tal-Istati Membri, u għandhom jużaw mill-ġdid soluzzjonijiet ta' interoperabbiltà eżistenti.

8.   Sabiex jiġu massimizzati s-sinerġiji u jiġu żgurati sforzi kumplimentari u kumbinati, l-azzjonijiet għandhom, fejn xieraq, jiġu kkoordinati ma' inizjattivi rilevanti oħrajn tal-Unjoni.

9.   Soluzzjonijiet ta' interoperabbiltà stabbiliti jew imtejba taħt il-Programm ISA2 għandhom jibnu fuq il-kondiviżjoni tal-esperjenza u l-iskambju u l-promozzjoni tal-aħjar prattiki. Il-Programm ISA2 għandu jippromwovi attivitajiet ta' bini tal-komunità maqdwar oqfsa u soluzzjonijiet ta' interess komuni, li jinvolvu l-partijiet ikkonċernati inklużi organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ u universitajiet.

Artikolu 9

Programm kontinwu ta' ħidma

1.   Għall-finijiet tal-azzjonijiet ta' implimentazzjoni, il-Kummissjoni għandha, sat-8 ta' Ġunju 2016, tadotta atti ta' implimentazzjoni li jistabbilixxu programm kontinwu ta' ħidma għall-perjodu ta' applikazzjoni sħiħ ta' din id-Deċiżjoni. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 12(2). Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni li jemendaw dak il-programm kontinwu ta' ħidma tal-anqas darba fis-sena.

Il-programm kontinwu ta' ħidma għandu jidentifika, jipprijoritizza, jiddokumenta, jagħżel, jimplimenta, jopera u jevalwa azzjonijiet, jippromwovi r-riżultati tagħhom u, soġġett għall-Artikolu 11(5), jissospendi jew itemm il-finanzjament tagħhom.

2.   L-inklużjoni ta' azzjonijiet fil-programm kontinwu ta' ħidma għandha tkun soġġetta għall-konformità tagħhom mal-Artikoli 6 u 7.

3.   Proġett li jkun ġie varat u żviluppat fil-Programm ISA jew taħt inizjattiva oħra tal-Unjoni jista' jiġi inkluż fil-programm kontinwu ta' ħidma fi kwalunkwe fażi tiegħu.

Artikolu 10

Dispożizzjonijiet baġitarji

1.   Il-fondi għandhom jiġu rilaxxati meta proġett jew soluzzjoni fil-fażi operazzjonali tiegħu jew tagħha jiġi/tiġi inkluż/a fil-programm kontinwu ta' ħidma jew wara t-tlestija b'suċċess ta' fażi tal-proġett kif definit fil-programm kontinwu ta' ħidma u kull emenda tiegħu.

2.   L-emendi għall-programm kontinwu ta' ħidma li jikkonċernaw l-allokazzjonijiet baġitarji ta' aktar minn EUR 400 000 għal kull azzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 12(2).

3.   L-azzjonijiet fil-Programm ISA2 jistgħu jirrikjedu l-akkwist ta' servizzi esterni, li għandu jiġi soġġett għar-regoli tal-Unjoni dwar l-akkwist kif stabbilit fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012.

Artikolu 11

Finanzjament ta' azzjonijiet

1.   L-iżvilupp, l-istabbiliment u t-titjib ta' oqfsa komuni u għodod ġeneriċi għandhom jiġu ffinanzjati mill-Programm ISA2. L-użu ta' tali oqfsa u għodod għandu jiġi ffinanzjat mill-amministrazzjonijiet pubbliċi Ewropej.

2.   L-iżvilupp, l-istabbiliment, il-maturazzjoni u t-titjib ta' servizzi komuni għandhom jiġu ffinanzjati mill-Programm ISA2. Operazzjoni ċentralizzata ta' dawn is-servizzi fil-livell tal-Unjoni tista' tiġi ffinanzjata wkoll mill-Programm ISA2, fil-każijiet fejn din l-operazzjoni sservi lill-interessi tal-Unjoni u tkun ġustifikata kif dovut fil-programm kontinwu ta' ħidma. Fil-każijiet l-oħra kollha, l-użu ta' dawk is-servizzi għandu jiġi ffinanzjat b'mezzi oħrajn.

3.   Is-soluzzjonijiet ta' interoperabbiltà li huma meħuda mill-Programm ISA2 biex iwassalhom sal-maturazzjoni jew biex iżommhom fuq bażi interim għandhom jiġu ffinanzjati mill-Programm ISA2 sakemm jittieħdu minn programmi jew inizjattivi oħrajn.

4.   Il-miżuri ta' akkumpanjament għandhom jiġu ffinanzjati mill-Programm ISA2.

5.   Il-finanzjament ta' azzjoni tista' tiġi sospiża jew tintemm skont ir-riżultati ta' monitoraġġ u kontroll taħt l-Artikolu 5 u abbażi ta' valutazzjoni ta' jekk l-azzjoni tkomplix tissodisfa l-ħtiġijiet identifikati, u tal-effettività u l-effiċjenza tal-azzjoni.

Artikolu 12

Proċedura tal-kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tiġi assistita mill-Kumitat dwar Soluzzjonijiet ta' Interoperabbiltà għall-Amministrazzjonijiet Pubbliċi, in-Negozji u ċ-Ċittadini Ewropej (il-Kumitat tal-ISA2). Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

3.   Minħabba raġunijiet ġustifikati importanti ħafna ta' urġenza, il-Kummissjoni għandha tadotta minnufih atti ta' implimentazzjoni applikabbli skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011. Dawk l-atti għandhom jibqgħu fis-seħħ għal perjodu li ma jaqbiżx sitt xhur.

Artikolu 13

Monitoraġġ u evalwazzjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha timmonitorja regolarment l-implimentazzjoni u l-impatt tal-Programm ISA2 għall-fini tal-evalwazzjoni ta' jekk l-azzjonijiet tiegħu għadhomx jissodisfaw il-ħtiġijiet identifikati. Il-Kummissjoni għandha tesplora wkoll sinerġiji ma' programmi tal-Unjoni kumplimentari.

2.   Il-Kummissjoni tirrapporta annwalment lill-Kumitat ISA2, lill-kumitat jew kumitati responsabbli tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-implimentazzjoni u r-riżultati tal-Programm ISA2.

Il-Kummissjoni timmonitorja regolarment l-implimentazzjoni u l-użu mill-ġdid ta' soluzzjonijiet ta' interoperabbiltà fl-Unjoni kollha, bħala parti mill-programm kontinwu ta' ħidma stabbilit skont l-Artikolu 9(1).

3.   Il-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjoni interim tal-Programm ISA2 sat-30 ta' Settembru 2019 u evalwazzjoni finali sal-31 ta' Diċembru 2021 u għandha tikkomunika r-riżultati ta' dawk l-evalwazzjonijiet lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sal-istess dati. F'dak il-kuntest, il-kumitat jew kumitati responsabbli tal-Parlament Ewropew jistgħu jistiednu lill-Kummissjoni tippreżenta r-riżultati tal-evalwazzjonijiet u li twieġeb id-domandi mqajma mill-membri tagħhom.

4.   L-evalwazzjonijiet msemmija fil-paragrafu 3 għandhom jeżaminaw, inter alia, ir-rilevanza, l-effettività, l-effiċjenza, l-utilità, inkluż, fejn rilevanti, is-sodisfazzjon tan-negozji u taċ-ċittadini u s-sostenibbiltà u l-koerenza tal-azzjonijiet tal-Programm ISA2. Barra minn hekk, l-evalwazzjoni finali għandha teżamina l-punt sa fejn il-Programm ISA2 laħaq l-għanijiet tiegħu bħall-użu mill-ġdid tas-soluzzjonijiet ta' interoperabbiltà fl-Unjoni, b'attenzjoni partikolari għall-bżonnijiet espressi mill-amministrazzjonijiet pubbliċi Ewropej.

5.   L-evalwazzjonijiet għandhom jivvalutaw il-prestazzjoni tal-Programm ISA2 bi tqabbil mal-kisba tal-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 1(1) u l-konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-punt (b) tal-Artikolu 4. Il-kisba tal-għanijiet għandha titkejjel b'mod partikolari f'termini tal-għadd ta' fatturi determinanti ewlenin tal-interoperabbiltà u permezz tal-għadd ta' strumenti ta' appoġġ għall-amministrazzjonijiet pubbliċi mwassla lill-amministrazzjonijiet pubbliċi Ewropej u użati minnhom. L-indikaturi għall-kejl tar-riżultat u l-impatt tal-Programm ISA2 għandhom jiġu definiti fil-programm kontinwu ta' ħidma.

6.   L-evalwazzjonijiet għandhom jeżaminaw il-benefiċċji tal-azzjonijiet għall-Unjoni għall-avvanz tal-politiki komuni, jidentifikaw sovrapożizzjonijiet potenzjali u jeżaminaw koerenza ma' oqsma għal titjib u jivverifikaw is-sinerġiji ma' inizjattivi oħra tal-Unjoni, b'mod partikolari mal-FNE.

L-evalwazzjonijiet għandhom jevalwaw ir-rilevanza tal-azzjonijiet tal-Programm ISA2 għall-awtoritajiet lokali u reġjonali sabiex itejbu l-interoperabbiltà tal-amministrazzjoni pubblika u l-effettività tat-twassil tas-servizzi pubbliċi.

7.   L-evalwazzjonijiet għandhom jinkludu, fejn applikabbli, informazzjoni li tirrigwarda:

(a)

il-benefiċċji kwantifikabbli u kwalifikabbli li jagħtu s-soluzzjonijiet ta' interoperabbiltà billi jorbtu l-ICT mal-ħtiġijiet tal-utenti finali;

(b)

l-impatt kwantifikabbli u kwalifikabbli tas-soluzzjonijiet interoperabbli bbażati fuq l-ICT.

8.   L-azzjonijiet kompluti jew sospiżi għandhom jibqgħu soġġetti għall-evalwazzjoni globali tal-programm. Dawn għandhom jiġu mmonitorjati fir-rigward tal-pożizzjoni tagħhom fix-xenarju tal-interoperabbiltà fl-Ewropa u evalwati f'termini ta' adozzjoni mill-utent, l-użu u l-użu mill-ġdid.

Artikolu 14

Kooperazzjoni internazzjonali

1.   Il-Programm ISA2 għandu jkun miftuħ għall-parteċipazzjoni minn pajjiżi oħra taż-Żona Ekonomika Ewropea u l-pajjiżi kandidati fi ħdan il-qafas tal-ftehimiet rispettivi tagħhom mal-Unjoni.

2.   Għandha titħeġġeġ il-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi u ma organizzazzjonijiet jew korpi internazzjonali oħrajn, b'mod partikolari fi ħdan il-qafas tas-Sħubiji Ewro-Mediterranji u tal-Lvant u mal-pajjiżi fil-viċinat, b'mod partikolari dawk tar-reġjuni tal-Balkani tal-Punent u tal-Baħar l-Iswed. L-ispejjeż relatati m'għandhomx ikunu koperti mill-programm ISA2.

3.   Fejn xieraq, il-Programm ISA2 għandu jippromwovi l-użu mill-ġdid tas-soluzzjonijiet tiegħu mill-pajjiżi terzi.

Artikolu 15

Inizjattivi mhux tal-Unjoni

Mingħajr preġudizzju għall-politiki l-oħra tal-Unjoni, is-soluzzjonijiet ta' interoperabbiltà stabbiliti u operati taħt il-Programm ISA2 jistgħu jintużaw minn inizjattivi mhux tal-Unjoni, għal finijiet mhux kummerċjali, sakemm ma jkunx hemm spejjeż addizzjonali għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u l-għan ewlieni tal-Unjoni tas-soluzzjoni interoperabbli ma jiġix kompromess.

Artikolu 16

Protezzjoni tad-data

L-ipproċessar ta' data personali permezz ta' soluzzjonijiet imħaddma taħt il-Programm ISA2 għandu jkun konformi mal-prinċipji u mad-dispożizzjonijiet stabbiliti fid-Direttivi 95/46/KE u 2002/58/KE, u fir-Regolament (KE) Nru 45/2001.

Artikolu 17

Dispożizzjonijiet finanzjarji

1.   Il-pakkett finanzjarju għall-implimentazzjoni tal-azzjoni tal-Programm ISA2 għall-perjodu tal-applikazzjoni tagħha għandu jkun ta' EUR 130 928 000.

2.   L-approprjazzjonijiet annwali għandhom jiġu awtorizzati mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill fil-limiti tal-qafas finanzjarju pluriennali.

3.   L-allokazzjoni finanzjarja għall-Programm ISA2 tista' wkoll tkopri l-ispejjeż għall-attivitajiet ta' tħejjija, monitoraġġ, kontroll, awditjar u evalwazzjoni li huma meħtieġa fuq bażi regolari għall-ġestjoni tal-programm u l-kisba tal-għanijiet tiegħu.

Artikolu 18

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Hija għandha tapplika mill-1 ta' Jannar 2016 sal-31 ta' Diċembru 2020.

Minkejja t-tieni paragrafu ta' dan l-Artikolu, l-Artikolu 13 għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2016 sal-31 ta' Diċembru 2021.

Magħmul fi Strasburgu, il-25 ta' Novembru 2015.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

N. SCHMIT


(1)  ĠU C 12, 15.1.2015, p. 99.

(2)  ĠU C 140, 28.4.2015, p. 47.

(3)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Novembru 2015 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tat-23 ta' Novembru 2015.

(4)  Id-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU L 376, 27.12.2006, p. 36).

(5)  Id-Direttiva 2012/17/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Ġunju 2012 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 89/666/KEE u d-Direttivi 2005/56/KE u 2009/101/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-interkonnessjoni tar-reġistri ċentrali, kummerċjali u tal-kumpanniji (ĠU L 156, 16.6.2012, p. 1).

(6)  Id-Direttiva 2007/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Marzu 2007 li tistabbilixxi Infrastruttura għall-Informazzjoni Ġeografika fil-Komunità Ewropea (INSPIRE) (ĠU L 108, 25.4.2007, p. 1).

(7)  Ir-Regolament (KE) Nru 767/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Lulju 2008 dwar is-Sistema tal-Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) u l-iskambju ta' data bejn l-Istati Membri dwar viżi għal perjodu qasir (Regolament VIS) (ĠU L 218, 13.8.2008, p. 60).

(8)  Ir-Regolament (KE) Nru 1987/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-sistema ta' informazzjoni ta' Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II) (ĠU L 381, 28.12.2006, p. 4).

(9)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2725/2000 tal-11 ta' Diċembru 2000 dwar l-istabbiliment tal-Eurodac għat-tqabbil ta' marki tas-swaba' għall-applikazzjoni effettiva tal-Konvenzjoni ta' Dublin (ĠU L 316, 15.12.2000, p. 1).

(10)  https://e-justice.europa.eu

(11)  Id-Direttiva 2011/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Marzu 2011 dwar l-applikazzjoni tad-drittijiet tal-pazjenti fil-qasam tal-kura tas-saħħa transkonfinali (ĠU L 88, 4.4.2011, p. 45).

(12)  Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320).

(13)  Id-Direttiva 2013/37/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 li temenda d-Direttiva 2003/98/KE dwar l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku (ĠU L 175, 27.6.2013, p. 1).

(14)  Ir-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Lulju 2014 dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal transazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern u li jħassar id-Direttiva 1999/93/KE (ĠU L 257, 28.8.2014, p. 73).

(15)  Ir-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar l-Istandardizzazzjoni Ewropea, li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 89/686/KEE u 93/15/KEE u d-Direttivi 94/9/KE, 94/25/KE, 95/16/KE, 97/23/KE, 98/34/KE, 2004/22/KE, 2007/23/KE, 2009/23/KE u 2009/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/95/KEE u d-Deċiżjoni Nru 1673/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 316, 14.11.2012, p. 12).

(16)  Ir-Regolament (UE) Nru 1291/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi Orizzont 2020 — il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 104).

(17)  Id-Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-għoti ta' kuntratti ta' konċessjoni (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 1).

(18)  Id-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 65).

(19)  Id-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali u li tħassar id-Direttiva 2004/17/KE (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 243).

(20)  Id-Direttiva 2014/55/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 dwar il-fatturazzjoni elettronika fl-akkwist pubbliku (ĠU L 133, 6.5.2014, p. 1).

(21)  Ir-Regolament (UE) Nru 1316/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 913/2010 u jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 680/2007 u (KE) Nru 67/2010 (ĠU L 348, 20.12.2013, p. 129).

(22)  Ir-Regolament (UE) Nru 283/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 dwar linji gwida għal netwerks trans-Ewropej fil-qasam tal-infrastruttura tat-telekomunikazzjoni u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1336/97/KE (ĠU L 86, 21.3.2014, p. 14).

(23)  Id-Deċiżjoni Nru 1719/1999/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Lulju 1999 dwar serje ta' linji gwida, inkluża l-identifikazzjoni tal-proġetti ta' interess komuni, għan-networks trans-Ewropej għall-iskambju reċiproku elettroniku ta' tagħrif bejn l-amministrazzjonijiet (IDA) (ĠU L 203, 3.8.1999, p. 1).

(24)  Id-Deċiżjoni Nru 1720/1999/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Lulju 1999 li tadotta serje ta' azzjonijiet u miżuri biex tiżgura l-interoperabilità ta' u l-aċċess għan-networks trans-Ewropej għall-iskambju reċiproku elettroniku ta' tagħrif bejn l-amministrazzjonijiet (IDA) (ĠU L 203, 3.8.1999, p. 9).

(25)  Id-Deċiżjoni 2004/387/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' April 2004 dwar it-twassil interoperabbli ta' servizzi ta' eGovernment pan-Ewropej lill-amministrazzjonijiet publiċi, negozji u ċittadini (IDABC) (ĠU L 144, 30.4.2004, p. 62).

(26)  Id-Deċiżjoni Nru 922/2009/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Settembru 2009 dwar soluzzjonijiet ta' interoperabbiltà għall-amministrazzjonijiet pubbliċi Ewropej (ISA) (ĠU L 260, 3.10.2009, p. 20).

(27)  Ir-Regolament (UE) 2015/2120 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2015 li jistabbilixxi miżuri dwar aċċess għal Internet miftuħ u li jemenda d-Direttiva 2002/22/KE dwar servizz universali u d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma' networks u servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi u r-Regolament (UE) Nru 531/2012 dwar roaming fuq netwerks pubbliċi ta' komunikazzjoni mobbli fi ħdan l-Unjoni (ĠU L 310, 26.11.2015, p. 1).

(28)  ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.

(29)  Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data (ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31).

(30)  Id-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37).

(31)  Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta' dak id-data (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).

(32)  Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).

(33)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).