30.10.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 284/184


DEĊIŻJONI DELEGATA TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/1959

tal-1 ta' Lulju 2015

dwar is-sistemi applikabbli għall-valutazzjoni u l-verifika tal-kostanza tal-prestazzjoni ta' prodotti tal-inġinerija għall-ilma mormi, skont ir-Regolament (UE) Nru 305/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 305/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Marzu 2011 li jistabbilixxi kondizzjonijiet armonizzati għall-kumerċjalizzazzjoni tal-prodotti għall-bini u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 89/106/KEE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 60(e) tiegħu,

Billi:

(1)

Il-proċedura għall-attestazzjoni tal-konformità ta' prodotti tal-inġinerija għall-ilma mormi mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi applikabbli, ġiet stabbilita fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 97/464/KE (2).

(2)

Id-Deċiżjoni 97/464/KE ma tistabbilixxix kriterji dettaljati għall-għażla ta' sistemi għall-valutazzjoni u l-verifika tal-kostanza ta' prestazzjoni għar-reazzjoni għan-nar ta' prodotti tal-inġinerija għall-ilma mormi, b'mod partikolari t-tappieri tal-ħofor għall-ispezzjonar u l-għotjien tal-gandotti.

(3)

Is-sistemi stabbiliti fl-Anness V tar-Regolament (UE) Nru 305/2011 għandhom jintgħażlu b'mod aktar adegwat sabiex tiġi vvalutata l-prestazzjoni tal-prodotti tal-inġinerija għall-ilma mormi. B'dan il-mod, il-manifatturi jistgħu jiksbu aċċess għas-suq intern b'mod aktar effiċjenti, u b'hekk tiżdied il-kompetittività tal-industrija tal-bini kollha kemm hi.

(4)

Id-Deċiżjoni 97/464/KE għandha titħassar u tiġi sostitwita fl-interess taċ-ċarezza u tat-trasparenza,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Din id-Deċiżjoni tapplika għall-prodotti tal-inġinerija għall-ilma mormi stabbiliti fl-Anness I.

Artikolu 2

Il-prodotti tal-inġinerija għall-ilma mormi msemmija fl-Artikolu 1 għandhom jiġu vvalutati u vverifikati għall-kostanza tal-prestazzjoni b'rabta mal-karatteristiċi essenzjali tagħhom f'konformità mas-sistemi speċifikati fl-Anness II.

Artikolu 3

Id-Deċiżjoni 97/464/KE hija mħassra.

Ir-referenzi għad-Deċiżjoni mħassra għandhom jiġu mifhuma bħala referenzi għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, l-1 ta' Lulju 2015.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 88, 4.4.2011, p. 5.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta' Ġunju 1997 dwar il-proċedura ta' attestazzjoni tal-konformità tal-prodotti għall-bini skont l-Artikolu 20(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/106/KEE fejn għandhom x'jaqsmu prodotti tal-inġinerija għall-ilma mormi (ĠU L 198, 25.7.1997, p. 33).


ANNESS I

PRODOTTI KOPERTI

Din id-Deċiżoni tapplika għal:

(1)

Apparati għall-back-flow: pajpijiet ventilati b'valvoli li jippermettu d-dħul tal-arja;

(2)

Kits għal stazzjon tal-ippumpjar tal-ilma mormi u impjanti li jtellgħu l-effluwent

(3)

Kits u elementi għal impjanti ta' trattament tal-ilma mormi u apparat ta' trattament fuq il-post;

(4)

Tankijiet settiċi;

(5)

Kanali tad-dranaġġ prefabbrikati;

(6)

Toqob u kmamar tal-ispezzjonar;

(7)

Turġien tal-ħadid, slielem, poġġamani għat-toqob u għall-kmamar tal-ispezzjonar;

(8)

Separaturi;

(9)

Għotjien ta' toqob għall-ispezzjonar u għotjien tal-gandotti.


ANNESS II

SISTEMI TA' VALUTAZZJONI U VERIFIKA TAL-KOSTANZA TAL-PRESTAZZJONI

Għall-prodotti koperti minn din id-Deċiżjoni, b'kont meħud tal-karatteristiċi essenzjali tagħhom, is-sistemi ta' Valutazzjoni u Verifika tal-Kostanza tal-Prestazzjoni japplikaw kif ġej:

Tabella 1

Għall-karatteristiċi essenzjali kollha għajr ir-reazzjoni għan-nar

Prodotti

Karatteristiċi Essenzjali

Sistemi applikabbli għall-Valutazzjoni u għall-Verifika tal-Kostanza tal-Prestazzjoni kif stabbilit fl-Anness V tar-Regolament (UE) Nru 305/2011

Apparati għall-back-flow: pajpijiet ventilati b'valvoli li jippermettu d-dħul tal-arja

Għall-karatteristiċi essenzjali kollha għajr ir-reazzjoni għan-nar

4

Kits għal stazzjon tal-ippumpjar tal-ilma mormi u impjanti li jtellgħu l-effluwent

3

Kits u elementi għal impjanti tat-trattament tal-ilma mormi u apparat ta' trattament fuq il-post

3

Tankijiet settiċi

3

Kanali tad-dranaġġ prefabbrikati

3

Toqob u kmamar tal-ispezzjonar

4

Turġien tal-ħadid, slielem u poġġamani għat-toqob u għall-kmamar tal-ispezzjonar

4

Separaturi

4

Għotjien tat-toqob għall-ispezzjonar u għotjien tal-gandotti

1


Tabella 2

Għal reazzjoni għan-nar biss

Għall-prodotti kollha indikati fl-ewwel kolonna tat-Tabella 1, is-sistemi ta' Valutazzjoni u Verifika tal-Kostanza ta' Prestazzjoni huma determinati, skont is-subfamilji tagħhom, kif ġej:


Subfamilji tal-prodott

Sistemi applikabbli għall-Valutazzjoni u l-Verifika tal-Kostanza tal-Prestazzjoni kif stabbilit fl-Anness V tar- Regolament (UE) Nru 305/2011

Il-prodotti li għalihom stadju identifikabbli b'mod ċar fil-proċess tal-produzzjoni tagħhom jirriżulta f'titjib fil-prestazzjoni tagħhom ta' reazzjoni għan-nar (eż. billi jiżdiedu r-ritardanti tan-nar jew jiġu llimitati l-materjali organiċi)

1

Prodotti li għalihom teżisti bażi ġuridika Ewropea applikabbli li tikklassifika l-prestazzjoni tagħhom ta' reazzjoni għan-nar mingħajr ittestjar

4

Prodotti li ma jappartjenux għas-subfamilji indikati fir-ringieli 1 u 2

3