15.9.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 239/146


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2015/1523

tal-14 ta' Settembru 2015

li tistabbilixxi miżuri proviżorji fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali għall-benefiċċju tal-Italja u tal-Greċja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 78(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 78(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“TFUE”), f'każ li Stat Membru wieħed jew aktar isibu ruħhom f'sitwazzjoni ta' emerġenza kkaratterizzata minn dħul f'daqqa ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi, il-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni u wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew, jista' jadotta miżuri proviżorji għall-benefiċċju tal-Istat(i) Membru(i) kkonċernat(i).

(2)

Skont l-Artikolu 80 TFUE, il-politiki tal-Unjoni fil-qasam tal-kontrolli fuq il-fruntiera, tal-asil u l-immigrazzjoni u tal-implimentazzjoni tagħhom, għandhom jiġu rregolati mill-prinċipju tas-solidarjetà u tal-kondiviżjoni ġusta tar-responsabbiltà bejn l-Istati Membri, u l-atti tal-Unjoni adottati f'dan il-qasam għandhom jinkludu miżuri xierqa għall-applikazzjoni ta' dan il-prinċipju.

(3)

Is-sitwazzjoni ta' kriżi reċenti fil-Mediterran wasslet lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni sabiex jirrikonoxxu minnufih il-flussi migratorji eċċezzjonali f'dan ir-reġjun, u biex isejħu għal miżuri konkreti ta' solidarjetà mal-Istati Membri tal-ewwel art. B'mod partikolari, f'laqgħa konġunta tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin u tal-Intern fl-20 ta' April 2015, il-Kummissjoni ppreżentat pjan ta' għaxar punti ta' azzjoni immedjata b'rispons għal din il-kriżi, inkluż l-impenn li jiġu kkunsidrati opzjonijiet għall-mekkaniżmu ta' rilokazzjoni ta' emerġenza.

(4)

Fil-laqgħa tiegħu tat-23 ta' April 2015, il-Kunsill Ewropew iddeċieda, fost l-oħrajn, li jsaħħaħ is-solidarjetà u r-responsabbiltà interni, u impenja ruħu b'mod partikolari li jżid l-għajnuna ta' emerġenza lill-Istati Membri tal-ewwel art, u li jikkunsidra opzjonijiet sabiex tiġi organizzata r-rilokazzjoni ta' emerġenza bejn l-Istati Membri fuq bażi volontarja, kif ukoll li jintbagħtu timijiet mill-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil (EASO) fl-Istati Membri tal-ewwel art għall-ipproċessar konġunt tal-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali, inklużi r-reġistrazzjoni u t-teħid tal-marki tas-swaba'.

(5)

Fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' April 2015, il-Parlament Ewropew tenna l-ħtieġa li l-Unjoni tibbaża r-rispons tagħha għat-traġedji l-aktar reċenti fil-Mediterran fuq is-solidarjetà u l-kondiviżjoni ġusta tar-responsabbiltà, u li tintensifika l-isforzi tagħha f'dan il-qasam lejn dawk l-Istati Membri li jirċievu l-ikbar għadd ta' refuġjati u applikanti għal protezzjoni internazzjonali, f'termini assoluti jew f'termini relattivi.

(6)

Fil-laqgħa tiegħu tal-25 u s-26 ta' Ġunju 2015, il-Kunsill Ewropew iddeċieda fost l-oħrajn, li għandhom jiġu avvanzati tliet dimensjonijiet ewlenin f'mod parallel: ir-rilokazzjoni/ir-risistemazzjoni, ir-ritorn/ir-riammissjoni/ir-reintegrazzjoni, u l-kooperazzjoni mal-pajjiżi ta' oriġini u ta' transitu. Il-Kunsill Ewropew qabel b'mod partikolari, fid-dawl tas-sitwazzjoni ta' emerġenza attwali u tal-impenn biex tissaħħaħ is-solidarjetà u r-responsabbiltà, dwar ir-rilokazzjoni temporanja u eċċezzjonali mifruxa fuq sentejn ta' 40 000 persuna fi bżonn ċar ta' protezzjoni internazzjonali, mill-Italja u mill-Greċja lejn Stati Membri oħra. Huwa appella għall-adozzjoni rapida ta' deċiżjoni tal-Kunsill għal dak l-effett u kkonkluda li, għal dak il-għan, l-Istati Membri għandhom jaqblu b'kunsens dwar id-distribuzzjoni ta' dawn il-persuni, li jirrifletti s-sitwazzjonijiet speċifiċi tal-Istati Membri.

(7)

Is-sitwazzjonijiet speċifiċi tal-Istati Membri jirriżultaw b'mod partikolari minn flussi migratorji f'reġjuni ġeografiċi oħra, bħar-rotta migratorja tal-Balkani tal-Punent.

(8)

Bosta Stati Membri kienu qed iħabbtu wiċċhom ma' żieda sinifikanti fl-għadd totali ta' migranti, inklużi l-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali, li waslu fit-territorju tagħhom fl-2014 u li xi wħud għadhom qed jagħmlu hekk fl-ewwel xhur tal-2015. Lil diversi Stati Membri ngħatatilhom assistenza finanzjarja ta' emerġenza mill-Kummissjoni u appoġġ operazzjonali mill-EASO bħala għajnuna biex ilaħħqu ma' din iż-żieda.

(9)

Fost l-Istati Membri li għaddejjin minn sitwazzjoni ta' pressjoni konsiderevoli u fid-dawl tal-ġrajjiet reċenti traġiċi fil-Mediterran, l-Italja u l-Greċja b'mod partikolari esperjenzaw flussi bla preċedent ta' migranti, inklużi applikanti għall-protezzjoni internazzjonali li jeħtieġu b'mod ċar protezzjoni internazzjonali, li waslu fit-territorju tagħhom, u ħolqu pressjoni sinifikanti fuq is-sistemi ta' migrazzjoni u ta' asil tagħhom.

(10)

Skont id-data tal-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta' Kooperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni (Frontex), ir-rotot tal-Mediterran Ċentrali u tal-Lvant kienu ż-żoni prinċipali għall-qsim irregolari tal-fruntieri ġewwa l-Unjoni fl-2014. Fl-2014, biss fl-Italja waslu aktar minn 170 000 migrant b'mod irregolari, u dan jirrappreżenta żieda ta' 277 % meta mqabbel mal-2013. Kien hemm żieda kostanti wkoll fil-Greċja b'aktar minn 50 000 migrant irregolari li waslu fil-pajjiż, u dan jirrappreżenta żieda ta' 153 % meta mqabbel mal-2013. In-numri globali komplew jiżdiedu matul l-2015. Fl-ewwel sitt xhur tal-2015, l-Italja kellha żieda ta' 5 % ta' qsim irregolari tal-fruntieri meta mqabbel mal-istess perijodu s-sena l-oħra. Il-Greċja ffaċċjat żieda qawwija fin-numru ta' qsim irregolari tal-fruntieri matul l-istess perijodu, li jikkorrispondi għal żieda ta' sitt darbiet matul l-ewwel sitt xhur tal-2014 (aktar minn 76 000 fil-perijodu Jannar–Ġunju 2015 meta mqabbel ma' 11 336 fil-perijodu Jannar–Ġunju 2014). Proporzjon sinifikanti tal-għadd totali ta' migranti irregolari maqbuda f'dawn iż-żewġ reġjuni kien jinkludi migranti ta' nazzjonalitajiet li, abbażi tad-data tal-Eurostat, igawdu minn livell għoli ta' rikonoxximent fil-livell tal-Unjoni.

(11)

Skont il-Eurostat, 64 625 persuna applikaw għall-protezzjoni internazzjonali fl-Italja fl-2014, meta mqabbla mas-26 920 tal-2013 (li jirrappreżentaw żieda ta' 143 %). Il-Greċja kellha żieda iżgħar fl-għadd ta' applikazzjonijiet, b'9 430 applikant (li jirrappreżentaw żieda ta' 15 %). Fl-ewwel tliet xhur tal-2015, 15 250 persuna applikaw għall-protezzjoni internazzjonali fl-Italja (li jirrappreżentaw żieda ta' 47 % meta mqabbla mal-ewwel tliet xhur tal-2014) u 2 615 persuna applikaw fil-Greċja (li jirrappreżentaw żieda ta' 28 % meta mqabbla mal-ewwel tliet xhur tal-2014).

(12)

Sa issa ttieħdu ħafna azzjonijiet sabiex jingħata appoġġ lill-Italja u l-Greċja fil-qafas tal-politika dwar il-migrazzjoni u l-asil, inkluż billi ngħataw assistenza ta' emerġenza sostanzjali u appoġġ operazzjonali mill-EASO. L-Italja u l-Greċja kienu t-tieni u t-tielet l-akbar benefiċjarji tal-finanzjament żbursat matul il-perijodu 2007–2013 taħt il-Programm Ġenerali “Solidarjetà u Ġestjoni tal-Flussi ta' Migrazzjoni” (SOLID) u, barra minn hekk, irċevew finanzjament ta' emerġenza sostanzjali. Huwa probabbli li l-Italja u l-Greċja ser ikomplu jkunu l-benefiċjarji prinċipali tal-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (AMIF) matul l-2014–2020.

(13)

Minħabba l-instabbiltà u l-konflitti li għadhom għaddejjin fil-viċinat immedjat tal-Italja u tal-Greċja, huwa probabbli ħafna li jibqa' jkun hemm pressjoni sinifikanti u akbar fuq is-sistemi ta' migrazzjoni u ta' asil tagħhom, b'porzjoni sinifikanti tal-migranti li jistgħu jkunu jeħtieġu protezzjoni internazzjonali. Dan juri l-ħtieġa kritika li tintwera solidarjetà mal-Italja u l-Greċja u li l-azzjonijiet li ttieħdu s'issa jiġu kkomplementati sabiex jingħataw appoġġ b'miżuri proviżorji fil-qasam tal-asil u l-migrazzjoni.

(14)

Fl-istess ħin, l-Italja u l-Greċja għandhom jipprovdu soluzzjonijiet strutturali sabiex jindirizzaw il-pressjonijiet eċċezzjonali fuq is-sistemi tagħhom tal-asil u l-migrazzjoni. Il-miżuri stabbiliti f'din id-Deċiżjoni għandhom għalhekk jimxu id f'id mat-twaqqif mill-Italja u mill-Greċja ta' qafas solidu u strateġiku li jirrispondi għas-sitwazzjoni ta' kriżi u li jintensifika l-proċess ta' riforma li għaddej bħalissa f'dawn l-oqsma. F'dan ir-rigward, kull wieħed mill-Italja u l-Greċja għandu, fid-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni, jippreżenta pjan direzzjonali lill-Kummissjoni, li għandu jinkludi miżuri adegwati fil-qasam tal-asil, l-ewwel akkoljenza u r-ritorn, it-tisħiħ tal-kapaċità, il-kwalità u l-effiċjenza tas-sistemi tagħhom f'dawn l-oqsma, kif ukoll miżuri sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni adegwata ta' din id-Deċiżjoni bil-ħsieb li jippermettilhom biex ilaħħqu aħjar, wara t-tmiem tal-applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni, mal-possibbiltà ta' iktar dħul ta' migranti fit-territorji tagħhom.

(15)

Filwaqt li żżomm f'moħħha li l-Kunsill Ewropew qabel dwar sett ta' miżuri marbutin ma' xulxin, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li, fejn ikun adatt u wara li tkun tat l-opportunità lill-Istat ikkonċernat li jippreżenta l-fehmiet tiegħu, tissospendi l-applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni għal perjodu limitat meta l-Italja jew il-Greċja ma tirrispettax l-impenji tagħha f'dan ir-rigward.

(16)

Jekk xi Stat Membru jiffaċċja sitwazzjoni ta' emerġenza simili kkaratterizzata minn dħul f'daqqa ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi, il-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni u wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew, jista' jadotta miżuri proviżorji għall-benefiċċju tal-Istat Membru kkonċernat, abbażi tal-Artikolu 78(3) TFUE. Dawn il-miżuri jistgħu jinkludu, fejn adatt, is-sospensjoni tal-obbligi ta' dak l-Istat Membru previsti f'din id-Deċiżjoni.

(17)

F'konformità mal-Artikolu 78(3) TFUE, il-miżuri previsti għall-benefiċċju tal-Italja u tal-Greċja għandhom ikunu ta' natura proviżorja. Huwa raġonevoli perijodu ta' 24 xahar sabiex jiġi żgurat li l-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni jkollhom impatt reali bħala appoġġ għall-Italja u għall-Greċja sabiex jiġġestixxu l-flussi migratorji sinifikanti fit-territorji tagħhom.

(18)

Il-miżuri ta' rilokazzjoni mill-Italja u mill-Greċja, kif stipulat f'din id-Deċiżjoni, jinvolvu deroga temporanja mir-regola stabbilita fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) li skontu l-Italja u l-Greċja kienu altrimenti jkunu responsabbli għall-eżami ta' applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali bbażata fuq il-kriterji stipulati fil-Kapitolu III ta' dak ir-Regolament, kif ukoll deroga temporanja mill-passi proċedurali, inklużi l-limiti ta' żmien, stabbiliti fl-Artikoli 21, 22 u 29 ta' dak ir-Regolament. Id-dispożizzjonijiet l-oħra tar-Regolament (UE) Nru 604/2013, inklużi r-regoli ta' implimentazzjoni stabbiliti fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1560/2003 (2) u r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 118/2014 (3), jibqgħu applikabbli, inklużi r-regoli li jinsabu fihom dwar l-obbligu li l-Istati Membri li jittrasferixxu jħallsu l-ispejjeż meħtieġa għat-trasferiment tal-applikant lejn l-Istat Membru ta' rilokazzjoni u dwar il-kooperazzjoni dwar it-trasferimenti bejn l-Istati Membri, kif ukoll dwar it-trasmissjoni ta' informazzjoni permezz tan-netwerk ta' komunikazzjoni elettronika DubliNet.

Din id-Deċiżjoni tinvolvi wkoll deroga mill-kunsens tal-applikant għal protezzjoni internazzjonali kif imsemmi fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament (UE) Nru 516/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4).

(19)

Il-miżuri ta' rilokazzjoni ma jeżentawx lill-Istati Membri milli japplikaw b'mod sħiħ ir-Regolament (UE) Nru 604/2013, inkluż id-dispożizzjonijiet relatati mar-riunifikazzjoni tal-familja, il-protezzjoni speċjali ta' minorenni mhux akkumpanjati, u l-klawżola diskrezzjonarja għal raġunijiet umanitarji.

(20)

Kellha ssir għażla fir-rigward tal-kriterji li għandhom jiġu applikati meta jiġi deċiż min u kemm-il applikant għandhom jiġu rilokati mill-Italja u mill-Greċja, mingħajr preġudizzju għal deċiżjonijiet fuq livell nazzjonali dwar l-applikazzjonijiet għall-asil. Hija prevista sistema ċara u li tiffunzjona bbażata fuq il-limitu tar-rata medja, fil-livell tal-Unjoni, ta' deċiżjonijiet li jagħtu protezzjoni internazzjonali fil-proċeduri fl-ewwel istanza, kif definiti mill-Eurostat, mill-għadd totali, fil-livell tal-Unjoni, ta' deċiżjonijiet dwar applikazzjonijiet għall-asil għall-protezzjoni internazzjonali meħuda fl-ewwel istanza, abbażi tal-statistiċi l-aktar reċenti disponibbli. Minn naħa, dan il-limitu għandu jiżgura, kemm jista' jkun possibbli, li l-applikanti kollha li jidher ċar li jeħtieġu protezzjoni internazzjonali jkunu f'pożizzjoni li jgawdu b'mod sħiħ u malajr id-drittijiet tagħhom ta' protezzjoni fl-Istat Membru ta' rilokazzjoni. Min-naħa l-oħra, għandu jimpedixxi, sal-massimu possibbli, li dawk l-applikanti li x'aktarx tingħatalhom deċiżjoni negattiva għall-applikazzjoni tagħhom jiġu rilokati fi Stat Membru ieħor, u għaldaqstant li l-permanenza tagħhom fl-Unjoni tittawwal indebitament. Limitu ta' 75 %, ibbażat fuq l-aħħar data aġġornata disponibbli ta' kull tliet xhur tal-Eurostat għal deċiżjonijiet fl-ewwel istanza, għandu jintuża f'din id-Deċiżjoni.

(21)

Il-miżuri proviżorji huma maħsuba biex itaffu l-pressjoni sinifikanti tal-asil fuq l-Italja u fuq l-Greċja, b'mod partikolari billi jiġu rilokati għadd sinifikanti ta' applikanti li jeħtieġu b'mod ċar il-protezzjoni internazzjonali, li waslu fit-territorju tal-Italja jew il-Greċja wara d-data li fiha din id-Deċiżjoni ssir applikabbli. Abbażi tal-għadd totali ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li daħlu irregolarment fl-Italja jew fil-Greċja fl-2014, u l-għadd ta' dawk li b'mod ċar jeħtieġu protezzjoni internazzjonali, it-total ta' 40 000 applikant li b'mod ċar jeħtieġu protezzjoni internazzjonali għandhom jiġu rilokati mill-Italja u mill-Greċja. Dan l-għadd jikkorrispondi bejn wieħed u ieħor għal 40 % tal-għadd totali ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li b'mod ċar jeħtieġu protezzjoni internazzjonali li daħlu irregolarment fl-Italja jew fil-Greċja fl-2014. Għaldaqstant, il-miżura ta' rilokazzjoni proposta f'din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi l-kondiviżjoni ġusta tal-piż bejn l-Italja u l-Greċja min-naħa l-waħda, u l-Istati Membri min-naħa l-oħra. Abbażi tal-istess ċifri globali disponibbli fl-2014 u fl-ewwel erba' xhur tal-2015, fl-Italja meta mqabbla mal-Greċja, 60 % ta' dawn l-applikanti għandhom jiġu rilokati mill-Italja u 40 % mill-Greċja.

(22)

Fl-20 ta' Lulju 2015, b'riflessjoni tas-sitwazzjonijiet speċifiċi tal-Istat Membri, ġiet adottata b'kunsens Riżoluzzjoni tar-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill, dwar ir-rilokazzjoni mill-Italja u mill-Greċja ta' 40 000 persuna fi bżonn ċar ta' protezzjoni internazzjonali. Matul perijodu ta' sentejn, 24 000 persuna għandhom jiġu rilokati mill-Italja u 16 000 persuna għandhom jiġu rilokati mill-Greċja.

(23)

Il-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (AMIF) stabbilit permezz tar-Regolament (UE) Nru 516/2014 jipprovdi appoġġ għal operazzjonijiet ta' kondiviżjoni tal-piżijiet maqbula bejn l-Istati Membri u huwa miftuħ għal żviluppi ġodda ta' politika f'dak il-qasam. L-Artikolu 7(2) tar-Regolament (UE) Nru 516/2014 jipprevedi l-possibbiltà għall-Istati Membri li jimplimentaw azzjonijiet relatati mat-trasferiment ta' applikanti għall-protezzjoni internazzjonali bħala parti mill-programmi nazzjonali tagħhom, filwaqt li l-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) Nru 516/2014 jipprevedi l-possibilità ta' somma f'daqqa ta' EUR 6 000 għat-trasferiment ta' benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali minn Stat Membru ieħor.

(24)

Bil-ħsieb li jiġi implimentat il-prinċipju ta' solidarjetà u tal-kondiviżjoni ġusta tar-responsabbiltà, u waqt li jittieħed kont li din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp ulterjuri ta' politika f'dan il-qasam, huwa xieraq li jiġi żgurat li l-Istati Membri li jirrilokaw l-applikanti li jidher b'mod ċar li jeħtieġu protezzjoni internazzjonali mill-Italja jew mill-Greċja skont din id-Deċiżjoni, jirċievu somma f'daqqa għal kull persuna rilokata li hija identika għas-somma f'daqqa prevista fl-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) Nru 516/2014, jiġifieri EUR 6 000, u implimentata billi jiġu applikati l-istess proċeduri. Dan jinvolvi deroga temporanja u limitata mill-Artikolu 18 tar-Regolament 516/2014 peress li s-somma f'daqqa għandha titħallas fir-rigward tal-applikanti rilokati aktar milli fir-rigward ta' benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali. Tali estensjoni temporanja tal-ambitu tal-benefiċjarji potenzjali tas-somma f'daqqa tidher tabilħaqq li hija parti integrali mill-iskema ta' emerġenza stabbilita b'din id-Deċiżjoni.

(25)

Huwa meħtieġ li jiġi żgurat li tiġi stabbilita proċedura ta' rilokazzjoni rapida u li l-implimentazzjoni tal-miżuri proviżorji tkun akkumpanjata minn kooperazzjoni amministrattiva mill-qrib bejn l-Istati Membri u minn appoġġ operazzjonali li jingħata mill-EASO.

(26)

Is-sigurtà nazzjonali u l-ordni pubbliku għandhom jittieħdu inkonsiderazzjoni matul il-proċedura ta' rilokazzjoni, sakemm it-trasferiment tal-applikant jiġi implimentat. B'rispett sħiħ għad-drittijiet fundamentali tal-applikant, inklużi r-regoli rilevanti dwar il-protezzjoni tad-data, meta Stat Membru ikollu raġunijiet raġonevoli biex jikkunsidra applikant bħala ta' periklu għas-sigurtà nazzjonali jew għall-ordni pubbliku, huwa għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra b'dan.

(27)

Meta jkun qed jiġi deċiż liema applikanti li jeħtieġu b'mod ċar il-protezzjoni internazzjonali għandhom jiġu rilokati mill-Italja u mill-Greċja, għandha tingħata prijorità lil applikanti vulnerabbli fis-sens tal-Artikoli 21 u 22 tad-Direttiva 2013/33/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5). F'dan ir-rigward, kull bżonn speċjali tal-applikanti, inkluża s-saħħa, għandu jingħata l-ewwel l-importanza. L-aħjar interessi tat-tfal għandhom dejjem jiġu kkunsidrati l-ewwel.

(28)

Barra minn hekk, sabiex jiġi deċiż liema Stat Membru speċifiku għandu jkun l-Istat Membru ta' rilokazzjoni, għandha tingħata konsiderazzjoni speċifika għall-kwalifiki speċifiċi u l-karatteristiċi tal-applikanti kkonċernati, bħall-ħiliet lingwistiċi tagħhom u indikazzjonijiet individwali oħra abbażi ta' rabtiet ta' familja, kulturali u soċjali li jistgħu jiffaċilitaw l-integrazzjoni tagħhom fl-Istat Membru ta' rilokazzjoni. Fil-każ ta' applikanti partikolarment vulnerabbli, għandha tingħata konsiderazzjoni għall-kapaċità tal-Istat Membru ta' rilokazzjoni li jipprovdi l-appoġġ adegwat lil dawk l-applikanti u għall-ħtieġa li tiġi żgurata d-distribuzzjoni ġusta ta' dawk l-applikanti fost l-Istati Membri. Bir-rispett dovut għall-prinċipju ta' nondiskriminazzjoni, l-Istati Membri ta' rilokazzjoni jistgħu jindikaw il-preferenzi tagħhom għall-applikanti bbażati fuq l-informazzjoni ta' hawn fuq, li abbażi tagħhom l-Italja u l-Greċja, f'konsultazzjoni mal-EASO u, fejn applikabbli, l-uffiċjali ta' kollegament jistgħu jagħmlu listi ta' applikanti possibbli identifikati għar-rilokazzjoni lejn dak l-Istat Membru.

(29)

Il-ħatra mill-Istati Membri ta' uffiċjali ta' kollegament fl-Italja u fil-Greċja għandha tiffaċilita l-implimentazzjoni effettiva tal-proċedura ta' rilokazzjoni, inkluża l-identifikazzjoni adatta tal-applikanti li jistgħu jiġu rilokati, b'kont meħud b'mod partikolari tal-vulnerabbiltà u l-kwalifiki tagħhom. Fir-rigward kemm tal-ħatra ta' uffiċjali ta' kuntatt fl-Italja u fil-Greċja kif ukoll it-twettiq tal-kompiti tagħhom, l-Istat Membru ta' rilokazzjoni u l-Italja u l-Greċja għandhom jiskambjaw l-informazzjoni rilevanti kollha u jkomplu jikkooperaw mill-qrib matul il-proċedura ta' rilokazzjoni.

(30)

Is-salvagwardji legali u proċedurali stipulati fir-Regolament (UE) Nru 604/2013 jibqgħu japplikaw fir-rigward ta' applikanti li huma koperti minn din id-Deċiżjoni. Barra minn hekk, l-applikanti għandhom ikunu infurmati dwar il-proċedura ta' rilokazzjoni stabbilita f'din id-Deċiżjoni u jkunu nnotifikati bid-deċiżjoni ta' rilokazzjoni li tikkostitwixxi deċiżjoni ta' trasferiment skont it-tifsira tal-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) Nru 604/2013. Meta jiġi kkunsidrat li applikant ma għandux id-dritt, skont il-liġi tal-UE, li jagħżel l-Istat Membru responsabbli għall-applikazzjoni tiegħu, l-applikant għandu jkollu d-dritt għal rimedju effettiv kontra d-deċiżjoni ta' rilokazzjoni skont ir-Regolament (UE) Nru 604/2013, bil-għan biss li d-drittijiet fundamentali tiegħu jiġu rrispettati. F'konformità mal-Artikolu 27 ta' dak ir-Regolament, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu fil-liġi nazzjonali tagħhom li l-appell kontra t-trasferiment ma jissospendix awtomatikament it-trasferiment tal-applikant iżda li l-persuna kkonċernata għandha l-opportunità li titlob sospensjoni tal-implimentazzjoni tad-deċiżjoni tat-trasferiment sakemm ikun magħruf l-eżitu tal-appell tagħha.

(31)

Qabel u wara li jiġu trasferiti fl-Istati Membri ta' rilokazzjoni, l-igwadu mid-drittijiet u l-garanziji stabbiliti fid-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) u d-Direttiva 2013/33/UE, inkluż fir-rigward tal-akkoljenza speċjali u l-ħtiġijiet proċedurali tagħhom. Barra minn hekk, ir-Regolament (UE) Nru 603/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), jibqa' applikabbli fir-rigward ta' applikanti koperti b'din id-Deċiżjoni.

(32)

Għandhom jittieħdu miżuri sabiex jiġu evitati l-movimenti sekondarji ta' persuni rilokati mill-Istat Membru ta' rilokazzjoni lejn Stati Membri oħra li jistgħu jxekklu l-applikazzjoni effiċjenti ta' din id-Deċiżjoni. B'mod partikolari, l-applikanti għandhom ikunu infurmati dwar il-konsegwenzi ta' moviment irregolari ulterjuri fi ħdan l-Istati Membri u tal-fatt li, jekk l-Istat Membru ta' rilokazzjoni jagħtihom protezzjoni internazzjonali, fil-prinċipju, huma biss intitolati għad-drittijiet marbutin mal-protezzjoni internazzjonali f'dak l-Istat Membru.

(33)

Barra minn hekk, f'konformità mal-objettivi stabbiliti fid-Direttiva 2013/33/UE, l-armonizzazzjoni tal-kondizzjonijiet ta' akkoljenza fost l-Istati Membri għandha tgħin biex tillimita l-movimenti sekondarji tal-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali influwenzati mill-varjetà ta' kondizzjonijiet għall-akkoljenza tagħhom. Bil-ħsieb li jintlaħaq l-istess objettiv, l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw li jimponu obbligi ta' rappurtar u jipprovdu lill-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali kondizzjonijiet materjali ta' akkoljenza li jinkludu akkomodazzjoni, ikel u ħwejjeġ, biss in natura, kif ukoll, fejn adatt, li jiżguraw li l-applikanti jiġu ttrasferiti direttament lill-Istat Membru ta' rilokazzjoni. Bl-istess mod, matul il-perijodu ta' eżami tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali, kif previst fl-acquis ta' Schengen u dwar l-asil, ħlief għal raġunijiet umanitarji serji, l-Istati Membri la għandhom jipprovdu lill-applikanti dokumenti nazzjonali tal-ivvjaġġar, u lanqas jagħtuhom inċentivi oħra, bħal dawk finanzjarji, li jistgħu jiffaċilitaw il-movimenti irregolari tagħhom lejn Stati Membri oħra. Fl-eventwalità ta' movimenti irregolari lejn Stati Membri oħra, l-applikanti għandhom jintbagħtu lura lejn l-Istat Membru ta' rilokazzjoni skont ir-regoli stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 604/2013.

(34)

Sabiex jiġu evitati movimenti sekondarji ta' benefiċjarji ta' protezzjoni internazzjonali, l-Istati Membri għandhom jinfurmaw ukoll lill-benefiċjarji dwar il-kondizzjonijiet li taħthom jistgħu legalment jidħlu u joqogħdu fi Stat Membru ieħor u għandhom ikunu jistgħu jimponu obbligi ta' rappurtar. Skont id-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8), l-Istati Membri għandhom jirrikjedu lil benefiċjarju ta' protezzjoni internazzjonali li qed joqgħod b'mod irregolari fit-territorju tagħhom biex imur lura minnufih lejn l-Istat Membru ta' rilokazzjoni. F'każ li l-persuna tirrifjuta li tmur lura volontarjament, ir-ritorn lura fl-Istat Membru ta' rilokazzjoni għandu jiġi infurzat.

Barra minn hekk, jekk previst fil-liġi nazzjonali, fil-każ ta' ritorn infurzat lejn l-Istat Membru ta' rilokazzjoni, l-Istat Membru li inforza r-ritorn jista' jiddeċiedi li joħroġ projbizzjoni ta' dħul nazzjonali li twaqqaf il-benefiċjarju, għal ċertu perijodu ta' żmien, milli jerġa' jidħol fit-territorju ta' dak l-Istat Membru speċifiku.

(35)

Peress li l-għan ta' din id-Deċiżjoni huwa li tindirizza sitwazzjoni ta' emerġenza u li tappoġġa lill-Italja u l-Greċja fit-tisħiħ tas-sistemi ta' asil tagħhom, għandha tagħtihom il-possibbiltà li, bl-għajnuna tal-Kummissjoni, jagħmlu arranġamenti bilaterali mal-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja u l-Iżvizzera dwar ir-rilokazzjoni ta' persuni li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni. Arranġamenti bħal dawn għandhom jirriflettu wkoll l-elementi ewlenin ta' din id-Deċiżjoni, b'mod partikolari dawk marbutin mal-proċedura ta' rilokazzjoni u d-drittijiet u l-obbligi tal-applikanti kif ukoll dawk marbutin mar-Regolament (UE) Nru 604/2013.

(36)

L-appoġġ speċifiku pprovdut lill-Italja u lill-Greċja permezz tal-iskema ta' rilokazzjoni għandu jiġi kkomplementat b'miżuri addizzjonali, mill-wasla ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi fit-territorju tal-Italja jew tal-Greċja sat-tlestija tal-proċeduri applikabbli kollha, ikkoordinati mill-EASO u minn Aġenziji rilevanti oħra, bħall-Frontex li tikkoordina r-ritorn ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li ma jkollhomx id-dritt li jibqgħu fit-territorju, f'konformità mad-Direttiva 2008/115/KE.

(37)

Peress li l-objettivi ta' din id-Deċiżjoni ma jistgħux jinkisbu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jistgħu pjuttost, minħabba l-iskala u l-effetti tal-azzjoni, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (“TUE”). F'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stipulat f'dak l-Artikolu, din id-Deċiżjoni ma tmurx lil hinn minn dak li hu neċessarju sabiex jintlaħqu dawk l-objettivi.

(38)

Din id-Deċiżjoni tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

(39)

F'konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja, anness mat-TUE u mat-TFUE, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 ta' dak il-Protokoll, dawk l-Istati Membri mhumiex qed jieħdu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni u mhumiex marbutin biha jew soġġetti għall-applikazzjoni tagħha.

(40)

F'konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-TUE u mat-TFUE, id-Danimarka mhijiex qiegħda tieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni, u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

(41)

Minħabba l-urġenza tas-sitwazzjoni, din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data wara dik tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Suġġett

Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi miżuri proviżorji fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali għall-benefiċċju tal-Italja u tal-Greċja bil-ħsieb li tappoġġahom biex ilaħħqu aħjar ma' sitwazzjoni ta' emerġenza kkaratterizzata minn dħul f'daqqa ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi f'dawn l-Istati Membri.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-iskopijiet ta' din id-Deċiżjoni, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali” tfisser applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali kif definit fil-punt (h) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9);

(b)

“applikant” tfisser ċittadin ta' pajjiż terz jew persuna apolida li għamel applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali li dwarha tkun għadha ma tteħditx deċiżjoni finali;

(c)

“protezzjoni internazzjonali” tfisser status ta' refuġjat u status ta' protezzjoni sussidjarja kif definiti fil-punti (e) u (g), rispettivament, tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/95/UE;

(d)

“membri tal-familja” tfisser membri tal-familja kif definit f'punt (g) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill;

(e)

“rilokazzjoni” tfisser it-trasferiment ta' applikant mit-territorju tal-Istat Membru li l-kriterji stipulati fil-Kapitolu III tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 jindikaw bħala responsabbli milli jeżamina l-applikazzjoni tiegħu għall-protezzjoni internazzjonali lejn it-territorju tal-Istat Membru ta' rilokazzjoni;

(f)

“Stat Membru ta' rilokazzjoni” tfisser l-Istat Membru li jsir responsabbli milli jeżamina l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali skont ir-Regolament (UE) Nru 604/2013 ta' applikant wara r-rilokazzjoni tiegħu jew tagħha fit-territorju ta' dan l-Istat Membru.

Artikolu 3

Kamp ta' applikazzjoni

1.   Ir-rilokazzjoni skont dinid-Deċiżjoni sseħħ biss fir-rigward ta' applikant li jkun issottometta l-applikazzjoni tiegħu għall-protezzjoni internazzjonali fl-Italja jew fil-Greċja u li għalih dawk l-Istati kienu altrimenti jkunu responsabbli skont il-kriterji għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli stipulati fil-Kapitolu III tar-Regolament (UE) Nru 604/2013.

2.   Ir-rilokazzjoni skont din id-Deċiżjoni għandha tiġi applikata biss fir-rigward ta' applikant li huwa ta' nazzjonalità li għalih il-proporzjon ta' deċiżjonijiet li jagħtu protezzjoni internazzjonali fost deċiżjonijiet meħuda fil-bidu dwar applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali kif imsemmi fil-Kapitolu III tad-Direttiva 2013/32/UE tkun, f'konformità mad-data l-aktar reċenti ta' tliet xhur tal-Eurostat, aġġornata u disponibbli fl-Unjoni kollha, 75 % jew aktar. Fil-każ ta' persuni apolidi, għandu jittieħed kont tal-pajjiż li qabel kien ir-residenza abitwali tagħhom. Aġġornamenti ta' kull tliet xhur għandhom jitqiesu biss fir-rigward ta' applikanti li ma jkunux diġà ġew identifikati bħala applikanti li jistgħu jiġu rilokati skont l-Artikolu 5(3) ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 4

Rilokazzjoni ta' applikanti lejn l-Istati Membri

Wara li ntlaħaq qbil bejn l-Istati Membri permezz tar-Riżoluzzjoni tal-20 ta' Lulju 2015 tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri mlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill dwar ir-rilokazzjoni mill-Italja u mill-Greċja ta' 40 000 persuna fi bżonn ċar ta' protezzjoni internazzjonali:

(a)

24 000 applikant għandu jiġi rilokat mill-Italja lejn it-territorju tal-Istati Membri l-oħra;

(b)

16 000 applikant għandu jiġi rilokat mill-Greċja lejn it-territorju tal-Istati Membri l-oħra.

Artikolu 5

Proċedura ta' rilokazzjoni

1.   Minħabba l-kooperazzjoni amministrattiva meħtieġa biex tiġi implimentata din id-Deċiżjoni, kull Stat Membru għandu jaħtar punt ta' kuntatt nazzjonali, u jikkomunika l-indirizz tiegħu lill-Istati Membri l-oħra u lill-EASO. L-Istati Membri, f'kooperazzjoni mal-EASO u aġenziji rilevanti oħrajn, jieħdu l-miżuri kollha xierqa biex tiġi stabbilita kooperazzjoni diretta u tinqasam l-informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti, fost l-oħrajn dwar ir-raġunijiet imsemmija fil-paragrafu 7.

2.   L-Istati Membri għandhom, f'intervalli regolari, u mill-inqas kull tliet xhur, jindikaw in-numru ta' applikanti li jistgħu jiġu rilokati malajr lejn it-territorju tagħhom u kull informazzjoni rilevanti oħra.

3.   Fuq il-bażi ta' din l-informazzjoni, l-Italja u l-Greċja, bl-għajnuna tal-EASO u, fejn applikabbli, tal-uffiċjali ta' kuntatt tal-Istati Membri msemmija fil-paragrafu 8 ta' dan l-Artikolu, għandhom jidentifikaw l-applikanti individwali li jistgħu jiġu rilokati lejn l-Istati Membri l-oħra u jagħtu, kemm jista' jkun malajr, l-informazzjoni rilevanti kollha lill-punti ta' kuntatt ta' dawk l-Istati Membri. Għal dan il-għan għandha tingħata prijorità lil applikanti vulnerabbli skont it-tifsira tal-Artikoli 21 u 22 tad-Direttiva 2013/33/UE.

4.   Wara l-approvazzjoni tal-Istat Membru ta' rilokazzjoni, l-Italja u l-Greċja, malajr kemm jista' jkun, għandhom jieħdu deċiżjoni li jirrilokaw kull wieħed mill-applikanti identifikati lejn Stat Membru ta' rilokazzjoni speċifiku, f'konsultazzjoni mal-EASO, u għandhom jinnotifikaw lill-applikant skont l-Artikolu 6(4). L-Istat Membru ta' rilokazzjoni jista' jiddeċiedi li ma japprovax ir-rilokazzjoni ta' applikant biss jekk ikun hemm raġunijiet raġonevoli kif imsemmi fil-paragrafu 7 ta' dan l-Artikolu.

5.   L-applikanti li jkun jeħtieġ li jittiħdulhom il-marki tas-swaba' skont l-obbligi stipulati fl-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru 603/2013 jistgħu jiġu proposti għar-rilokazzjoni biss jekk il-marki tas-swaba' jkunu ttiħdulhom u ntbagħtu lis-Sistema Ċentrali tal-Eurodac, skont dak ir-Regolament.

6.   It-trasferiment tal-applikant għat-territorju tal-Istat Membru ta' rilokazzjoni għandu jsir kemm jista' jkun malajr wara d-data tan-notifika lill-persuna kkonċernat bid-deċiżjoni ta' trasferiment imsemmija fl-Artikolu 6(4). L-Italja u l-Greċja għandhom jibagħtu lill-Istat Membru ta' rilokazzjoni d-data u l-ħin tat-trasferiment kif ukoll kull informazzjoni rilevanti oħra.

7.   L-Istati Membri jżommu d-dritt li jirrifjutaw li jirrilokaw applikant biss fejn ikun hemm raġunijiet raġonevoli għalxiex iqisuh jew iqisuha bħala periklu għas-sigurtà nazzjonali jew l-ordni pubbliku tagħhom jew fejn ikun hemm raġunijiet serji għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar l-esklużjoni li jinsabu fl-Artikoli 12 u 17 tad-Direttiva 2011/95/UE.

8.   Għall-implimentazzjoni tal-aspetti kollha tal-proċedura ta' rilokazzjoni deskritta f'dan l-Artikolu, l-Istati Membri jistgħu, wara li jiskambjaw l-informazzjoni rilevanti kollha, jiddeċiedu li jaħtru uffiċjali ta' kuntatt għall-Italja u għall-Greċja.

9.   F'konformità mal-acquis tal-UE, l-Istati Membri għandhom jimplimentaw b'mod sħiħ l-obbligi tagħhom. Għaldaqstant, l-identifikazzjoni, ir-reġistrazzjoni u t-teħid tal-marki tas-swaba' għall-proċedura ta' rilokazzjoni għandhom jiġu ggarantiti mill-Italja u mill-Greċja u għandhom jiġu stabbiliti l-faċilitajiet meħtieġa. L-applikanti li jaħarbu l-proċedura ta' rilokazzjoni għandhom jiġu esklużi mir-rilokazzjoni.

10.   Il-proċedura ta' rilokazzjoni prevista f'dan l-Artikolu għandha titlesta malajr kemm jista' jkun u mhux aktar tard minn xahrejn minn meta tingħata l-indikazzjoni mill-Istat Membru ta' rilokazzjoni kif imsemmi fil-paragrafu 2, sakemm l-approvazzjoni mill-Istat Membru ta' rilokazzjoni msemmija fil-paragrafu 4 ma ssirx inqas ġimagħtejn qabel ma jiskadi dan il-perijodu ta' xahrejn. F'tali każ, il-limitu ta' żmien biex titlesta l-proċedura ta' rilokazzjoni jista' jiġi estiż għal perijodu mhux itwal minn ġimagħtejn oħra. Barra minn hekk, dan il-limitu ta' żmien jista' wkoll jiġi estiż, b'perijodu ulterjuri ta' erba' ġimgħat, kif xieraq, fejn l-Italja jew il-Greċja juru li hemm ostakoli prattiċi oġġettivi li jimpedixxu t-trasferiment milli jsir.

Fejn il-proċedura ta' rilokazzjoni ma titlestiex f'dawn il-limiti ta' żmien u sakemm l-Italja u l-Greċja ma jaqblux mal-Istat Membru ta' rilokazzjoni għal estensjoni raġonevoli tal-limitu ta' żmien, l-Italja u l-Greċja għandhom jibqgħu responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali skont ir-Regolament (UE) Nru 604/2013.

11.   Wara r-rilokazzjoni tal-applikant, l-Istat Membru ta' rilokazzjoni għandu jieħu, u jibgħat lis-Sistema Ċentrali tal-Eurodac, il-marki tas-swaba' tal-applikant skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru 603/2013 u jaġġorna l-ġabriet ta' data skont l-Artikolu 10, u fejn applikabbli, l-Artikolu 18, ta' dak ir-Regolament.

Artikolu 6

Drittijiet u obbligi tal-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali koperti minn din id-Deċiżjoni

1.   L-aħjar interessi tat-tfal għandhom ikunu l-ewwel ħaġa li jqisu l-Istati Membri meta jimplimentaw din id-Deċiżjoni.

2.   L-Istati Membri jiżguraw li membri tal-familja li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni jiġu rilokati fit-territorju tal-istess Stat Membru.

3.   Qabel id-deċiżjoni li jiġi rilokat applikant, l-Italja u l-Greċja għandhom jinfurmaw lill-applikant f'lingwa li l-applikant jifhem jew li huwa raġonevolment mistenni li jifhem, dwar il-proċedura ta' rilokazzjoni kif stipulata f'din id-Deċiżjoni.

4.   Meta tkun ittieħdet id-deċiżjoni li jiġi rilokat applikant u qabel ir-rilokazzjoni nnifisha, l-Italja u l-Greċja għandhom javżaw bil-miktub lill-persuna kkonċernata dwar id-deċiżjoni li jirrilokawha. Din id-deċiżjoni għandha tispeċifika l-Istat Membru ta' rilokazzjoni.

5.   Applikant jew benefiċjarju ta' protezzjoni internazzjonali li jidħol fit-territorju ta' Stat Membru li ma jkunx l-Istat Membru ta' rilokazzjoni mingħajr ma jissodisfa l-kundizzjonijiet biex joqgħod f'dak l-Istat Membru ieħor għandu jiġi rikjest imur lura minnufih. L-Istat Membru ta' rilokazzjoni għandu jieħu lura l-persuna.

Artikolu 7

Appoġġ operazzjonali lill-Italja u lill-Greċja

1.   Sabiex jappoġġaw lill-Italja u lill-Greċja biex ilaħħqu aħjar mal-pressjoni eċċezzjonali fuq is-sistemi ta' asil u migrazzjoni tagħhom ikkawżata mill-pressjoni migratorja akbar attwali fuq il-fruntieri esterni tagħhom, l-Istati Membri għandhom iżidu l-appoġġ operazzjonali tagħhom f'kooperazzjoni mal-Italja u l-Greċja fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali permezz ta' attivitajiet rilevanti kkoordinati mill-EASO, il-Frontex u Aġenziji rilevanti oħra, b'mod partikolari billi jipprovdu, kif xieraq, esperti nazzjonali għall-attivitajiet ta' appoġġ li ġejjin:

(a)

il-kontroll taċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li jaslu fl-Italja u fil-Greċja, inklużi l-identifikazzjoni ċara tagħhom, it-teħid tal-marki tas-swaba' u r-reġistrazzjoni, u, fejn applikabbli, ir-reġistrazzjoni tal-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali u, fuq talba tal-Italja jew tal-Greċja, l-ipproċessar inizjali tagħhom;

(b)

l-għoti lill-applikanti jew lill-applikanti potenzjali li jistgħu jkunu soġġetti għal rilokazzjoni skont din id-Deċiżjoni ta' informazzjoni u għajnuna speċifika li jista' jkollhom bżonn;

(c)

it-tħejjija u l-organizzazzjoni ta' operazzjonijiet ta' ritorn għal ċittadini ta' pajjiżi terzi li jew ma applikawx għall-protezzjoni internazzjonali jew inkella li d-dritt tagħhom li jibqgħu fit-territorju ma baqax validu.

2.   Minbarra l-appoġġ mogħti skont paragrafu 1 u sabiex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni tal-passi kollha tal-proċedura ta' rilokazzjoni, għandu jingħata appoġġ speċifiku, kif xieraq, lill-Italja u lill-Greċja permezz ta' attivitajiet rilevanti kkoordinati mill-EASO, il-Frontex u minn Aġenziji rilevanti oħra.

Artikolu 8

Miżuri komplementari li għandhom jittieħdu mill-Italja u mill-Greċja

1.   L-Italja u l-Greċja, fis-16 ta' Settembru 2015, għandhom it-tnejn li huma jippreżentaw pjan direzzjonali lill-Kummissjoni fi żmien li għandu jinkludi miżuri adegwati fil-qasam tal-asil, l-ewwel ilqugħ u r-ritorn, it-tisħiħ tal-kapaċità, il-kwalità u l-effiċjenza tas-sistemi tagħhom f'dawn l-oqsma, kif ukoll miżuri biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni adatta ta' din id-Deċiżjoni. L-Italja u l-Greċja għandhom jimplimentaw bis-sħiħ dan il-pjan direzzjonali.

2.   Jekk l-Italja jew il-Greċja ma jikkonformawx mal-obbligi msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi, ladarba tkun tat lill-Istat ikkonċernat l-opportunità li jippreżenta l-fehmiet tiegħu, li tissospendi l-applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni fir-rigward ta' dak l-Istat Membru għal perijodu ta' mhux aktar minn tliet xhur. Il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi darba li testendi din is-sospensjoni għal perijodu ieħor ta' mhux aktar minn tliet xhur. Sospensjoni bħal din ma għandhiex taffettwa t-trasferimenti ta' applikanti li jkunu pendenti wara l-approvazzjoni tal-Istat Membru ta' rilokazzjoni skont l-Artikolu 5(4).

Artikolu 9

Sitwazzjonijiet ta' emerġenza oħrajn

Fil-każ ta' sitwazzjoni ta' emerġenza kkaratterizzata minn dħul f'daqqa ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi fi Stat Membru, il-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni u wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew, jista' jadotta miżuri proviżorji għall-benefiċċju tal-Istat Membru kkonċernat, skont l-Artikolu 78(3) TFUE. Dawn il-miżuri jistgħu jinkludu, fejn xieraq, sospensjoni tal-parteċipazzjoni ta' dak l-Istat Membru fir-rilokazzjoni kif previst f'din id-Deċiżjoni kif ukoll miżuri possibbli ta' kumpens għall-Italja u għall-Greċja.

Artikolu 10

Appoġġ finanzjarju

L-Istat Membru ta' rilokazzjoni għandu jirċievi somma kollha f'daqqa ta' EUR 6 000 għal kull persuna rilokata skont din id-Deċiżjoni. Dan l-appoġġ finanzjarju jiġi implimentat billi jiġu applikati l-proċeduri stipulati fl-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) Nru 516/2014.

Artikolu 11

Kooperazzjoni ma' Stati Assoċjati

Bl-għajnuna tal-Kummissjoni, jistgħu jsiru arranġamenti bilaterali bejn l-Italja u, rispettivament, l-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja u l-Iżvizzera, u bejn il-Greċja u, rispettivament, l-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja u l-Iżvizzera, dwar ir-rilokazzjoni ta' applikanti mit-territorju tal-Italja u tal-Greċja għat-territorju ta' dawn l-Istati. L-elementi ewlenin ta' din id-Deċiżjoni, b'mod partikolari dawk marbuta mal-proċedura ta' rilokazzjoni u d-drittijiet u l-obbligi tal-applikanti, għandhom jitqiesu kif xieraq f'dawk l-arranġamenti.

Artikolu 12

Rappurtar

Abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri u mill-aġenziji rilevanti, il-Kummissjoni kull sitt xhur għandha tirrapporta lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni.

Abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-Italja u mill-Greċja, il-Kummissjoni għandha wkoll tirrapporta lill-Kunsill kull sitt xhur dwar l-implimentazzjoni tal-pjani direzzjonali, imsemmija fl-Artikolu 8.

Artikolu 13

Dħul fis-seħħ

1.   Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2.   Hija għandha tapplika sas-17 ta' Settembru 2017.

3.   Hija għandha tapplika għal persuni li jaslu fit-territorju tal-Italja jew tal-Greċja mis-16 ta' Settembru 2015 sas-17 ta' Settembru 2017, kif ukoll għall-applikanti li jkunu waslu fit-territorju ta' dawn l-Istati Membri mill-15 ta' Awwissu 2015 'il quddiem.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta' Settembru 2015.

Għall-Kunsill

Il-President

J. ASSELBORN


(1)  Ir-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta' pajjiż terz jew persuna apolida (ĠU L 180, 29.6.2013, p. 31).

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1560/2003 tat-2 ta' Settembru 2003 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex jiġi determinat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-asil iddepożitata f'wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta' pajjiż terz (ĠU L 222, 5.9.2003, p. 3); Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 19 Volum 006 p. 200 — 220.

(3)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 118/2014 tat- 30 ta' Jannar 2014 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1560/2003 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex jiġi determinat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ppreżentata f'wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta' pajjiż terz (ĠU L 39, 8.2.2014, p. 1).

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 516/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 li jistabbilixxi l-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, li jemenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/381/KE u li jħassar id-Deċiżjonijiet Nru 573/2007/KE u Nru 575/2007/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/435/KE (ĠU L 150, 20.5.2014, p. 168).

(5)  Id-Direttiva 2013/33/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta' applikanti għall-protezzjoni internazzjonali (ĠU L 180, 29.6.2013, p. 96).

(6)  Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU L 180, 29.6.2013, p. 60).

(7)  Ir-Regolament (UE) Nru 603/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar l-istabbiliment tal-“Eurodac” għat-tqabbil tal-marki tas-swaba' għall-applikazzjoni effettiva tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ddepożitata f'wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta' pajjiż terz jew persuna apolida u dwar talbiet għat-tqabbil ma' data tal-Eurodac mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri u mill-Europol għall-finijiet ta' infurzar tal-liġi, u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1077/2011 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għat-tmexxija operattiva tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira fl-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja (ĠU L 180, 29.6.2013, p. 1).

(8)  Id-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (ĠU L 348, 24.12.2008, p. 98).

(9)  Id-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta' ċittadini nazzjonali ta' pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta' protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU L 337, 20.12.2011, p. 9).