28.7.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 198/26


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/1291

tat-23 ta' Lulju 2015

li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti tal-ħalib ittrattati bis-sħana ffermentati bil-batterju tat-tip Bacteroides xylanisolvens (DSM 23964) bħala ikel ġdid skont ir-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(notifikata bid-dokument C(2015) 4960)

(It-test bil-Ġermaniż biss huwa awtentiku)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Jannar 1997 dwar l-ikel il-ġdid u l-ingredjenti tal-ikel il-ġdid (1), u b'mod partikulari l-Artikolu 7 tiegħu,

Billi:

(1)

Fit-18 ta' Diċembru 2012, il-kumpanija Avitop GmbH talbet lill-awtoritajiet kompetenti tal-Irlanda biex tqiegħed il-prodotti tal-ħalib ittrattati bis-sħana ffermentati bil-batterju tat-tip Bacteroides xylanisolvens (DSM 23964) fis-suq bħala ikel ġdid.

(2)

Fil-21 ta' Ġunju 2013, l-entità kompetenti tal-valutazzjoni tal-ikel tal-Irlanda ħarġet l-ewwel rapport ta' valutazzjoni tagħha. F'dak ir-rapport, hija waslet għall-konklużjoni li l-prodotti tal-ħalib ittrattati bis-sħana ffermentati bil-batterju tat-tip Bacteroides xylanisolvens (DSM 23964) jissodisfaw il-kriterji għall-ikel il-ġdid stabbiliti fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 258/97.

(3)

Fl-4 ta' Settembru 2013, il-Kummissjoni għaddiet ir-rapport ta' valutazzjoni inizjali lill-Istati Membri l-oħra.

(4)

Matul il-perjodu ta' 60 jum stabbilit fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(4) tar-Regolament (KE) Nru 258/97, tqajmu xi oġġezzjonijiet motivati.

(5)

Fl-10 ta' April 2014, il-Kummissjoni kkonsultat lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (l-EFSA) u talbitha twettaq valutazzjoni tal-prodotti tal-ħalib ittrattati bis-sħana ffermentati bil-batterju tat-tip Bacteroides xylanisolvens (DSM 23964) bħala ikel ġdid skont ir-Regolament (KE) Nru 258/97.

(6)

Fl-10 ta' Diċembru 2014, l-EFSA adottat “Opinjoni xjentifika dwar is-sikurezza tal-”prodotti tal-ħalib ittrattati bis-sħana ffermentati bil-batterju tat-tip Bacteroides xylanisolvens (DSM 23964) “bħala ikel ġdid” (2), u kkonkludiet li dawk il-prodotti tal-ħalib huma sikuri.

(7)

F'din l-opinjoni jingħataw biżżejjed raġunijiet biex jiġi stabbilit li l-prodotti tal-ħalib ittrattati bis-sħana ffermentati bil-batterju tat-tipBacteroides xylanisolvens (DSM 23964) bħala ikel ġdid jikkonformaw mal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 258/97.

(8)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-prodotti tal-ħalib ittrattati bis-sħana ffermentati bil-batterju tat-tip Bacteroides xylanisolvens (DSM 23964) speċifikati fl-Anness jistgħu jitqiegħdu fis-suq tal-Unjoni bħala ikel ġdid f'forma likwida u semi-likwida u bħala trab imnixxef bl-atomizzazzjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-kumpanija Avitop GmbH, li tinsab fl-indirizz li ġej: Robert Rössle Str. 10, D-13125 Berlin, il-Ġermanja.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta' Lulju 2015.

Għall-Kummissjoni

Vytenis ANDRIUKAITIS

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 43, 14.2.1997, p. 1.

(2)  EFSA Journal 2015; 13(1):3956.


ANNESS

SPEĊIFIKAZZJONI TA' PRODOTTI TAL-ĦALIB ITTRATTATI BIS-SĦANA FFERMENTATI BIL-BATTERJU TAT-TIP BACTEROIDES XYLANISOLVENS (DSM 23964)

Definizzjoni

:

Il-prodotti tal-ħalib ittrattati bis-sħana u ffermentati jsiru billi għalihom jintuża l-batterju tat-tip Bacteroides xylanisolvens (DSM 23964) bħala kultura li tibda l-fermentazzjoni.

Deskrizzjoni

:

Il-ħalib parzjalment xkumat (li jkollu bejn 1,5 % u 1,8 % xaħam) jew il-ħalib xkumat (li jkollu 0,5 % xaħam jew inqas) jiġi ppasturizzat jew ittrattat bis-sħana qabel ma tinbeda l-fermentazzjoni bil-batterju tat-tip Bacteroides xylanisolvens (DSM 23964). Il-prodott tal-ħalib iffermentat li jirriżulta minn dan il-proċess jiġi omoġenizzat u mbagħad ittrattat bis-sħana biex il-batterju tat-tip Bacteroides xylanisolvens (DSM 23964) ma jibqax attiv. Il-prodott finali ma jkunx fih ċelloli vijabbli tal-batterju tat-tip Bacteroides xylanisolvens (DSM 23964) (1).


(1)  L-istandard DIN EN ISO 21528-2 modifikat.