8.12.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 407/4


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-4 ta’ Diċembru 2015

dwar il-pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tad-dokument uniku msemmi fl-Artikolu 94(1)(d) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u tar-referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott għal isem fis-settur tal-inbid

[Dons (DOP)]

(2015/C 407/06)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 97(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Id-Danimarka applikat għall-protezzjoni tal-isem “Dons” skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 dwar il-protezzjoni tad-deżinjazzjonijiet tal-oriġini u l-indikazzjonijiet ġeografiċi fis-settur tal-inbid. Skont l-Artikolu 97(2) ta’ dak ir-Regolament, l-applikazzjoni tad-Danimarka ġiet eżaminata mill-Kummissjoni.

(2)

Il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 93 sa 96, l-Artikolu 97(1) u l-Artikoli 100 sa 102 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 ġew issodisfati.

(3)

Sabiex ikunu jistgħu jitressqu d-dikjarazzjonijiet ta’ oġġezzjoni skont l-Artikolu 98 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea għandu jippubblika d-dokument uniku msemmi fl-Artikolu 94(1)(d) ta’ dak ir-Regolament u r-referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott li saret fil-proċedura preliminari nazzjonali għall-eżami tal-applikazzjoni għall-protezzjoni tal-isem “Dons”,

IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:

Artikolu Uniku

Id-dokument uniku msemmi fl-Artikolu 94(1)(d) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 u r-referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott għall-isem “Dons” (DOP) huma stabbiliti fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Skont l-Artikolu 98 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, il-pubblikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni tagħti d-dritt tal-oġġezzjoni għall-protezzjoni tal-isem speċifikat fl-ewwel paragrafu ta’ dan l-Artikolu fi żmien xahrejn mid-data tal-pubblikazzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, l-4 ta’ Diċembru 2015.

Għall-Kummissjoni

Phil HOGAN

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.


ANNESS

DOKUMENT UNIKU

1.   Isem għar-reġistrazzjoni

Dons

2.   Tip ta’ indikazzjoni ġeografika

DOP — Denominazzjoni tal-oriġini protetta

3.   Kategoriji tal-prodotti tad-dwieli

5.

Inbid frizzanti ta’ kwalità

4.   Deskrizzjoni tal-inbid/inbejjed

Rekwiżiti analitiċi

Kriterji tal-aċċettazzjoni għal Dons

—   Aċidità malika: < 0,3 g/l

—   Kontenut ta’ diossidu tal-karbonju: > 4 bar ta’ pressjoni eċċessiva f’20 °C

—   Kontenut ta’ zokkor residwu: < 25 g/l

Organolettikament, l-inbid frizzanti ta’ kwalità Dons huwa kkaratterizzat minn aċidità partikolarment “brillanti”. L-inbejjed frizzanti huma ħfief u eleganti, iddominati minn aċidità li tispikka, li tirriżulta mill-konverżjoni tal-livelli għolja tal-aċidità malika oriġinali f’aċidità lattika. Bix-xamm wieħed jinnota aroma ta’ ċitru/lumi aħdar/sebuqa u togħma karatteristika ta’ xiwi, u jħalli togħma li ddum fil-ħalq u tintemm fuq nota ta’ aċidità.

F’termini ta’ dehra l-inbid huwa trasparenti bi lwien bojod li jagħtu fir-roża/rożé/aħmar ċar, u bi bżieżaq fini, żgħar u li ma jitilqux malajr.

Karatteristiċi analitiċi ġenerali

Qawwa alkoħolika totali massima (f’volum %)

 

Qawwa alkoħolika attwali minima (f’volum %)

10,0

Aċidità totali minima

4,5 g/l, espressa bħala aċidu tartariku

Aċidità volatili massima (f’milliekwivalenti għal kull litru)

16,66

Total ta’ diossidu tal-kubrit massimu (f’milligrammi għal kull litru)

150

5.   Metodi tal-produzzjoni tal-inbid

a.   Metodi enoloġiċi essenzjali

L-għasir tal-għeneb

Metodi enoloġiċi speċifiċi

Il-metodu tal-għasir li jintuża huwa l-għasir ġentili ta’ għenieqed sħaħ tal-għeneb bi pressjoni massima ta’ 1,6 bar.

Il-ħsad, l-issortjar u l-għasir

Metodi ta’ kultivazzjoni

L-għeneb irid ikunu maqtugħ bl-idejn qabel ma jilħaq il-maturità fiżjoloġika sħiħa sabiex tiġi żgurata l-konservazzjoni tal-livell għoli ta’ aċidità, b’mod partikolari l-aċidità malika.

L-għenieqed tal-għeneb għandhom jintagħżlu bl-idejn skont struzzjonijiet speċifiċi.

Il-fermentazzjoni

Metodi enoloġiċi speċifiċi

Il-prodott isir frizzanti permezz tat-tieni fermentazzjoni alkoħolika fil-flixkun. Il-qawwa alkoħolika totali tal-cuvée wara l-ewwel fermentazzjoni tkun mill-inqas ta’ 9 %.

Qabel it-tieni fermentazzjoni, il-cuvée jgħaddi minn fermentazzjoni malolattika.

It-tul tal-proċess tal-produzzjoni, inkluż il-proċess tal-maturazzjoni, huwa mill-inqas disa’ xhur ikkalkulati mill-bidu tal-proċess tal-fermentazzjoni.

Il-fermentazzjoni hija maħsuba biex lill-cuvée tagħmlu frizzanti, u l-cuvée għandu jitħalla jimmatura fuq il-karfa ġewwa flixkun għal mill-inqas 180 jum.

Wara l-fermentazzjoni fil-flixkun il-prodott jiġi sseparat mill-karfa permezz tal-isbokkament.

b.   Produzzjoni massima

5 000 kg ta’ għeneb għal kull ettaru

6.   Żona demarkata

Iż-żona definita: Il-belt ta’ Dons qrib Kolding, fid-Danimarka; b’mod aktar speċifiku, il-wied mina ta’ ċagħaq fluvjoglaċjali u sedimenti tar-ramel fid-distrett katastali ta’ Dons By, Almind. Id-distrett katastali Dons By, li għandu erja ta’ 853 ettaru, ġie mmarkat b’mod ċar fuq il-mapep mill-1821.

Il-vinji jinsabu f’altitudni ta’ 25-60 m u qrib ħafna tal-baħar, madwar 7 km minn Kolding Fjord.

7.   Għenbiet ewlenin tal-inbid

 

Zalas Perle

 

Cabernet Cortis

 

Orion

 

Madeleine Angevine

 

Solaris

 

Rondo

 

Regent

 

Pinot Noir

8.   Deskrizzjoni tar-rabta/rabtiet

Il-vinji jinsabu madwar il-belt ta’ Dons, f’altitudni ta’ 25-60 m u madwar 7 km mill-baħar. Iż-żona hija wied mina ffurmat mill-erożjoni subglaċjali, b’lagi ffurmati fil-ħofor li ħalla s-silġ mejjet (dead-ice kettles), terren bl-għoljiet u xagħri fqir fin-nutrijenti li jinsab fuq saff ta’ sediment ramli.

Il-parametri analitiċi huma differenti minn dawk tal-inbejjed frizzanti klassiċi f’termini ta’ aċidità lattika ogħla minħabba l-kundizzjonijiet ta’ tkabbir tat-Tramuntana.

Il-profil tal-inbid, b’mod partikolari l-aċidità tiegħu, huwa attribwibbli għall-kundizzjonijiet ġeografiċi taż-żona u tat-“terroir” speċifiku tiegħu, ikkaratterizzati minn sediment ta’ ċagħaq fqir fin-nutrijenti u saffi profondi ta’ ramel ‘il fuq sewwa mill-akwifer tal-ilma ta’ taħt l-art, li jirriżultaw f’salvaġġi (rootstocks) kbar, u għall-għażla ta’ varjetajiet li huma relattivament reżistenti.

9.   Kundizzjonijiet essenzjali oħra

Metodu tal-produzzjoni

Qafas legali:

Il-leġiżlazzjoni tal-UE

Tip ta’ kundizzjoni ulterjuri:

Dispożizzjonijiet addizzjonali dwar it-tikkettar

Deskrizzjoni tal-kundizzjoni:

Referenza għall-metodu tal-produzzjoni: Il-kliem “iffermentat fil-flixkun” jew “iffermentat fil-flixkun permezz tal-metodu tradizzjonali” għandha tidher fuq it-tikketta, kif xieraq u dokumentat f’termini tat-tul tal-fermentazzjoni fuq il-karfa.

Logo tal-UE

Qafas legali:

Il-leġiżlazzjoni tal-UE

Tip ta’ kundizzjoni ulterjuri:

Dispożizzjonijiet addizzjonali dwar it-tikkettar

Deskrizzjoni tal-kundizzjoni:

L-użu tal-logo tal-UE: Għandu jkun hemm l-indikazzjoni “Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta” flimkien mas-simbolu/logo tal-UE.

Varjetajiet tal-għeneb tal-inbid

Qafas legali:

Il-leġiżlazzjoni tal-UE

Tip ta’ kundizzjoni ulterjuri:

Dispożizzjonijiet addizzjonali dwar it-tikkettar

Deskrizzjoni tal-kundizzjoni:

Il-varjetà tad-dielja: It-tikketta trid tindika l-varjetà tal-għenba tal-inbid li minnha jkun magħmul il-prodott dejjem jekk tkun intużat varjetà waħda biss. Jekk il-prodott ikun magħmul minn cuvée ta’ diversi varjetajiet ta’ dwieli koperti mill-ispeċifikazzjoni tal-prodott, il-produttur jista’ jagħżel li jsemmi l-varjetajiet kollha f’ordni dixxendenti, jew li ma jsemmihomx fuq it-tikketta.

It-tikkettar skont is-sena tal-ħsad

Qafas legali:

Il-leġiżlazzjoni tal-UE

Tip ta’ kundizzjoni ulterjuri:

Dispożizzjonijiet addizzjonali dwar it-tikkettar

Deskrizzjoni tal-kundizzjoni:

Is-sena tal-ħsad: It-tikketta għandha tindika s-sena tal-ħsad jekk l-inbid ikun sar minn ħsad wieħed. Jekk l-inbid ikun sar minn cuvée ta’ diversi snin, ma hemmx għalfejn li tiġi indikata s-sena tal-ħsad.

Ibbottiljar

Qafas legali:

Il-leġiżlazzjoni tal-UE

Tip ta’ kundizzjoni ulterjuri:

L-ippakkjar fiż-żona demarkata

Deskrizzjoni tal-kundizzjoni:

L-ibbottiljar:

Skont it-Taqsima (c) tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott, il-prodott għandu jkun imkabbar, prodott u bbottiljat fiż-żona definita billi dan intwera li huwa prerekwiżit biex jinkisbu l-kwalitajiet speċifiċi tiegħu. Barra minn hekk, it-trasport barra miż-żona jista’ jaffettwa l-metodi tal-produzzjoni speċifiċi li għandhom x’jaqsmu mal-ħżin, l-isbokkament u l-maturazzjoni, li jwasslu għal tnaqqis fil-kwalità li ma jkunx fil-kontroll tal-produttur. Ma hemm l-ebda produzzjoni ta’ nbid fiz-żoni qrib dak kopert mill-applikazzjoni.

Link għall-ispeċifikazzjoni tal-prodott

http://www.foedevarestyrelsen.dk/SiteCollectionDocuments/Kemi%20og%20foedevarekvalitet/Varestandarder-handelsnormer-kvalitet/Produktspecifikation%20Dons%20rev%20nov%202014%20(2).pdf