9.7.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 181/82


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/1111

tas-7 ta' Lulju 2015

dwar il-konformità tal-proposta konġunta mressqa mill-Istati Membri kkonċernati għall-estensjoni tal-kuritur tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija bejn il-Baħar tat-Tramuntana u l-Baltiku mal-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 913/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar netwerk ferrovjarju Ewropew għat-trasport ta' merkanzija kompetittiv

(notifikata bid-dokument C(2015) 4507)

(It-testi biċ-Ċek, bil-Ġermaniż, bil-Franċiż, bil-Litwan, bl-Olandiż u bil-Pollakk biss huma awtentiċi)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 913/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Settembru 2010 dwar netwerk ferrovjarju Ewropew għat-trasport ta' merkanzija kompetittiv (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 5(6) tiegħu,

Billi:

(1)

B'konformità mal-Artikolu 5(5) tar-Regolament (UE) Nru 913/2010, fis-27 ta' April 2014 il-ministeri responsabbli għat-trasport ferrovjarju fil-Belġju, fir-Repubblika Ċeka, fil-Ġermanja, fil-Litwanja, fin-Netherlands u fil-Polonja bagħtu ittra ta' intenzjoni lill-Kummissjoni li tinkludi proposta dwar estensjonijiet tal-kuritur tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija bejn il-Baħar tat-Tramuntana u l-Baltiku sar-Repubblika Ċeka u sal-fruntiera bejn il-Polonja u l-Ukrajna.

(2)

Il-Kummissjoni eżaminat din il-proposta skont l-Artikolu 5(6) tar-Regolament (UE) Nru 913/2010, u tqisha konformi mal-Artikolu 5 ta' dak ir-Regolament. B'mod partikolari, ir-riżultati tal-istudju tas-suq tat-trasport dwar il-kuritur tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija bejn il-Baħar tat-Tramuntana u l-Baltiku li sar mill-bord ta' tmexxija tal-kuritur juru li hemm potenzjal sinifikanti għal żieda ulterjuri fit-traffiku bejn il-portijiet il-kbar tal-Baħar tat-Tramuntana u kemm ir-Repubblika Ċeka kif ukoll in-Nofsinhar tal-Polonja, speċjalment mit-trasport ikkombinat. Barra minn hekk, l-estensjonijiet proposti joffru l-vantaġġ li jinħoloq “punt ta' waqfa waħda” (kif deskritt fl-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) Nru 913/2010) għall-ġestjoni tal-kapaċità tal-infrastruttura tul il-kurituri tat-trasport tal-merkanzija bejn il-portijiet tal-Baħar tat-Tramuntana u, rispettivament, ir-Repubblika Ċeka u n-Nofsinhar tal-Polonja. Barra minn hekk, l-estensjonijiet proposti huma konsistenti mad-disinn li ġie propost għall-Kuritur F fil-pjan Ewropew ta' varar tas-Sistema Ewropea tal-Ġestjoni tat-Traffiku Ferrovjarju (ERTMS), kif stabbilit fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2012/88/UE (2). L-estensjonijiet proposti jtejbu wkoll l-interkonnettività ġenerali tal-kurituri tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija li ġew mibnija biex jiġi ffurmat netwerk ferrovjarju Ewropew għat-trasport kompetittiv tal-merkanzija, b'mod partikolari billi tiġi pprovduta konnessjoni diretta bejn il-kuritur tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija bejn il-Baħar tat-Tramuntana u l-Baltiku u l-kuritur bejn ir-Renu u d-Danubju fir-Repubblika Ċeka. Fl-aħħar nett, l-estensjonijiet proposti jistgħu potenzjalment itejbu t-traffiku ferrovjarju tul il-fruntiera tal-Lvant tal-UE u fuq il-pont kontinentali bejn l-Ewropa u l-Asja.

(3)

L-estensjoni tal-kuritur tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija bejn il-Baħar tat-Tramuntana u l-Baltiku ma għandhiex ixxekkel l-iżvilupp tal-kuritur tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija bejn l-Orjent u l-Mediterran tal-Lvant, kif stipulat fl-Anness tar-Regolament (UE) Nru 913/2010, li jinkludi wkoll konnessjoni bejn il-portijiet tal-Baħar tat-Tramuntana u r-Repubblika Ċeka.

(4)

Il-miżuri stipulati f'din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit skont l-Artikolu 21 tar-Regolament (UE) Nru 913/2010,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-ittra ta' intenzjoni tas-27 ta' April 2014 dwar l-estensjonijiet tal-Kuritur tat-Trasport Ferrovjarju tal-Merkanzija bejn il-Baħar tat-Tramuntana u l-Baltiku sar-Repubblika Ċeka u sal-fruntiera bejn il-Polonja u l-Ukrajna, mibgħuta lill-Kummissjoni mill-ministeri responsabbli għat-trasport ferrovjarju fil-Belġju, fir-Repubblika Ċeka, fil-Ġermanja, fil-Litwanja, fin-Netherlands u fil-Polonja, u li tipproponi r-rotta Wilhelmshaven/Bremerhaven/Hamburg/Amsterdam/Rotterdam/Antwerpen-Aachen-Hannover/ Berlin-Varsavja-Terespol (il-fruntiera bejn il-Polonja u l-Belarussja)/Kaunas-Riga-Tallinn/Falkenberg-Praga/Wroclaw-Katowice-Medyka (il-fruntiera bejn il-Polonja u l-Ukrajna) bħala r-rotta prinċipali tal-kuritur tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija bejn il-Baħar tat-Tramuntana u l-Baltiku hija konformi mal-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 913/2010.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tal-Belġju, lir-Repubblika Ċeka, lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, lir-Repubblika tal-Litwanja, lir-Renju tan-Netherlands u lir-Repubblika tal-Polonja.

Magħmul fi Brussell, is-7 ta' Lulju 2015.

Għall-Kummissjoni

Violeta BULC

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 276, 20.10.2010, p. 22.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2012/88/UE tal-25 ta' Jannar 2012 dwar l-ispeċifikazzjoni teknika għall-interoperabbiltà relatata mas-subsistema tal-“kontroll-kmand u sinjalazzjoni” tas-sistema ferrovjarja trans-Ewropea (ĠU L 51, 23.2.2012, p. 1).