2.10.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 324/17


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-1 ta' Ottubru 2015

dwar notifika lil pajjiż terz dwar il-possibbiltà li dan jiġi identifikat bħala pajjiż terz li ma jikkooperax fil-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat

(2015/C 324/10)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 tad-29 ta' Settembru 2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat, li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1936/2001 u (KE) Nru 601/2004 u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 1093/94 u (KE) Nru 1447/1999 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 32 tiegħu,

Billi:

1.   INTRODUZZJONI

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 1005/2008 (“ir-Regolament IUU”) jistabbilixxi sistema tal-Unjoni li tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (IUU).

(2)

Il-Kapitolu VI tar-Regolament IUU jistabbilixxi l-proċedura għall-identifikazzjoni ta' pajjiżi terzi li ma jikkooperawx, id-démarches fir-rigward ta' pajjiżi bħal dawn, l-istabbiliment ta' lista ta' tali pajjiżi, it-tneħħija minn dik il-lista, il-pubbliċità ta' dik il-lista u kull miżura ta' emerġenza.

(3)

Skont l-Artikolu 32 tar-Regolament IUU, il-Kummissjoni għandha tinnotifika lill-pajjiżi terzi bil-possibbiltà li jiġu identifikati bħala pajjiżi li ma jikkooperawx. Din in-notifika hija ta' natura preliminari. In-notifika għandha tkun ibbażata fuq il-kriterji stipulati fl-Artikolu 31 tar-Regolament IUU. Il-Kummissjoni għandha tieħu wkoll id-démarches kollha stabbiliti fl-Artikolu 32 ta' dak ir-Regolament fir-rigward tal-pajjiżi terzi nnotifikati. B'mod partikolari, fin-notifika l-Kummissjoni għandha tinkludi informazzjoni dwar il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li jsejsu identifikazzjoni bħal din, tagħti l-opportunità lil dawk il-pajjiżi biex jirrispondu u jipprovdu evidenza li tikkontradixxi l-identifikazzjoni u, fejn ikun xieraq, toffri pjan ta' azzjoni għat-titjib u miżuri meħudin biex jirrettifikaw is-sitwazzjoni. Il-Kummissjoni għandha tagħti żmien biżżejjed lill-pajjiżi terzi nnotifikati biex iwieġbu għan-notifika u żmien xieraq biex jirranġaw is-sitwazzjoni.

(4)

Skont l-Artikolu 31 tar-Regolament IUU, il-Kummissjoni Ewropea għandha tidentifika lill-pajjiżi terzi li hija tqis bħala pajjiżi li ma jikkooperawx fil-ġlieda kontra s-sajd IUU. Pajjiż terz għandu jiġi identifikat bħala pajjiż terz li ma jikkooperax jekk jonqos milli jaqdi d-dmirijiet tiegħu skont il-liġi internazzjonali bħala Stat tal-bandiera, tal-port, kostali jew tas-suq, jew milli jieħu azzjoni biex jipprevjeni, jiskoraġġixxi u jelimina s-sajd IUU.

(5)

L-identifikazzjoni ta' pajjiżi terzi li ma jikkooperawx għandha tkun ibbażata fuq ir-rieżami tal-informazzjoni kollha kif inhu stipulat fl-Artikolu 31(2) tar-Regolament IUU.

(6)

Skont l-Artikolu 33 tar-Regolament IUU, il-Kunsill għandu jistabbilixxi lista ta' pajjiżi terzi li ma jikkooperawx. Il-miżuri stipulati, inter alia, fl-Artikolu 38 tar-Regolament IUU japplikaw għal dawk il-pajjiżi.

(7)

Il-kunċett ta' responsabbiltà tal-Istat tal-bandiera u ta' responsabbiltà tal-Istat kostali ilu jissaħħaħ b'mod kostanti fil-liġi internazzjonali tas-sajd u llum huwa previst bħala obbligu ta' “diliġenza dovuta”, li jfisser obbligu biex dak l-Istat iwettaq l-aħjar sforzi possibbli u biex jagħmel dak kollu possibbli biex jiġi evitat is-sajd IUU, li jinkludi l-obbligu li jadotta l-miżuri amministrattivi u ta' infurzar meħtieġa biex jiżgura li bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tiegħu, iċ-ċittadini tiegħu, jew il-bastimenti tas-sajd involuti fl-ilmijiet tiegħu ma jkunux involuti f'attivitajiet li jmorru kontra l-miżuri applikabbli dwar il-konservazzjoni u l-ġestjoni ta' riżorsi bijoloġiċi tal-baħar, u f'każ ta' ksur, li jikkoopera u jikkonsulta ma' Stati oħra għal skop ta' investigazzjoni u, jekk ikun meħtieġ, jimponi sanzjonijiet li jkunu biżżejjed biex jiskoraġġixxu l-ksur u jċaħħdu lil dawk li jiksru l-liġi mill-benefiċċji li jieħdu mill-attivitajiet illegali tagħhom.

(8)

Skont l-Artikolu 20(1) tar-Regolament IUU, l-aċċettazzjoni ta' ċertifikati tal-qabda vvalidati minn pajjiżi terzi li huma Stati tal-bandiera hija soġġetta għal notifika lill-Kummissjoni dwar l-arranġamenti għall-implimentazzjoni, il-kontroll u l-infurzar tal-liġijiet, ir-regolamenti u l-miżuri ta' konservazzjoni u ġestjoni li l-bastimenti tas-sajd tal-pajjiżi terzi kkonċernati għandhom ikunu konformi magħhom.

(9)

Skont l-Artikolu 20(4) tar-Regolament IUU, il-Kummissjoni għandha tikkoopera b'mod amministrattiv ma' pajjiżi terzi f'oqsma li jappartjenu għall-implimentazzjoni ta' dak ir-Regolament.

2.   PROĊEDURA FIR-RIGWARD TAL-ENTITÀ TAS-SAJD TAT-TAJWAN

(10)

In-notifika tal-entità tas-sajd tat-Tajwan (2) (minn issa 'l quddiem “it-Tajwan”) bħala Stat tal-bandiera (3) skont l-Artikolu 20 tar-Regolament IUU, ġiet aċċettata mill-Kummissjoni sa mit-28 ta' Jannar 2010.

(11)

Bejn l-20 u l-24 ta' Frar 2012, il-Kummissjoni, bl-appoġġ tal-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd (EFCA), wettqet missjoni ta' evalwazzjoni fit-Tajwan fil-kuntest tal-kooperazzjoni amministrattiva stipulata fl-Artikolu 20(4) tar-Regolament IUU u twettaq rapport fuq il-post.

(12)

Iż-żjara saret biex tivverifika l-informazzjoni dwar l-arranġamenti tat-Tajwan għall-implimentazzjoni, għall-kontroll u għall-infurzar tal-liġijiet, tar-regolamenti u tal-miżuri ta' konservazzjoni u ġestjoni li l-bastimenti tas-sajd iridu jikkonformaw magħhom, il-miżuri meħuda mit-Tajwan biex jimplimenta l-obbligi tiegħu fil-ġlieda kontra s-sajd IUU u biex jissodisfa r-rekwiżiti tiegħu dwar l-implimentazzjoni tal-iskema tal-Unjoni taċ-ċertifikazzjoni tal-qabda.

(13)

It-Tajwan bagħat informazzjoni addizzjonali fit-8 ta' Marzu 2012 u l-kummenti dwar ir-rapport fid-19 ta' Marzu 2012.

(14)

It-Tajwan bagħat informazzjoni addizzjonali (statistika dwar l-importazzjonijiet/l-esportazzjonijiet tal-prodotti tas-sajd lejn it-Tajwan jew minnu, maqsuma skont il-prodotti tas-sajd u l-pajjiż ta' oriġini/il-pajjiż ta' destinazzjoni mill-2010 sal-ewwel kwart tal-2012) fit-2 ta' Lulju 2012.

(15)

Il-Kummissjoni għamlet missjoni oħra fit-Tajwan biex issegwi l-azzjonijiet meħuda mit-Tajwan wara l-ewwel missjoni li saret bejn is-17 u d-19 ta' Lulju 2012.

(16)

Fl-14 ta' Diċembru 2012 saret laqgħa teknika bejn it-Tajwan u l-Kummissjoni li fiha ġie ppreżentat abbozz preliminari ta' “Pjan ta' Azzjoni Nazzjonali tat-Tajwan biex jipprevjeni, jiskoraġġixxi u jelimina s-sajd IUU” (NPOA-IUU).

(17)

Wara din il-laqgħa, fil-21 ta' Diċembru 2012, il-Kummissjoni pprovdiet ħarsa ġenerali dettaljata u elaborata tar-regoli tal-Unjoni dwar il-kontroll, it-traċċabbiltà, il-politiki ta' ġestjoni tas-sajd u l-politiki IUU implimentati mill-Unjoni.

(18)

Fis-27 ta' Frar 2013, it-Tajwan bagħat abbozz ta' verżjoni tal-Pjan ta' Azzjoni Nazzjonali.

(19)

Fid-29 ta' Marzu 2013, it-Tajwan bagħat il-verżjoni finali tal-NPOA-IUU u kopja ta' dan il-pjan ta' Ħidma tat-Tajwan kontra s-sajd IUU b'reazzjoni għall-kooperazzjoni bejn it-Tajwan u l-UE kontra s-sajd IUU.

(20)

Fis-27 ta' Frar 2014 saret laqgħa teknika bejn il-Kummissjoni u t-Tajwan għas-segwitu tal-azzjonijiet meħuda mit-Tajwan u l-konklużjonijiet intbagħtu lit-Tajwan fit-12 ta' Marzu 2014.

(21)

Fl-20 ta' Awwissu 2014, il-Kummissjoni bagħtet ħarsa ġenerali dettaljata tal-osservazzjonijiet u l-kummenti tagħha dwar l-azzjonijiet ippjanati jew konklużi tat-Tajwan taħt l-NPOA-IUU.

(22)

Fit-23 ta' Ottubru 2014, it-Tajwan bagħat verżjoni aġġornata dwar il-Progress tat-Tajwan dwar il-Kooperazzjoni fil-Ġlieda kontra l-Attivitajiet tas-Sajd IUU.

(23)

Fl-24 ta' Ottubru 2014 saret vidjokonferenza bejn il-Kummissjoni u t-Tajwan għas-segwitu tal-azzjonijiet meħuda mit-Tajwan u l-Kummissjoni bagħtet il-konklużjonijiet tagħha fil-31 ta' Ottubru 2014.

(24)

Fit-28 ta' Ottubru 2014, it-Tajwan bagħat Pjan ta' Azzjoni Nazzjonali għall-Ġestjoni tal-Kapaċità tas-Sajd (NPOA-Kapaċità tas-Sajd).

(25)

Fis-17 ta' Diċembru 2014, it-Tajwan bagħat pjan dettaljat tal-kopertura tal-e-logbook u l-abbozz ta' dikjarazzjonijiet tal-iskema tal-ħatt.

(26)

Fit-18 ta' Diċembru 2014 saret vidjokonferenza bejn il-Kummissjoni u t-Tajwan għas-segwitu tal-azzjonijiet meħuda mit-Tajwan.

(27)

Fid-19 ta' Jannar 2015, il-Kummissjoni bagħtet kampjuni ta' programmi ta' spezzjoni ppubblikati tal-Unjoni u analiżi tan-nuqqasijiet li nstabu fiċ-ċertifikati tal-qbid ivvalidati mill-awtoritajiet tat-Tajwan.

(28)

Fil-11 ta' Frar 2015, it-Tajwan bagħat kummenti bil-miktub dwar l-analiżi tan-nuqqasijiet li nstabu fiċ-ċertifikati tal-qbid ivvalidati.

(29)

Fis-27 ta' Frar 2015, fit-13 ta' Marzu 2015 u fit-18 ta' Marzu 2015, il-Kummissjoni bagħtet talba għal missjoni fit-Tajwan u informazzjoni sussegwenti relatata mal-missjoni, kwistjonijiet dwar iċ-ċertifikazzjoni tal-qbid u l-politiki tal-ġestjoni tas-sajd biex tindirizza s-sajd IUU.

(30)

Fis-17 u fid-19 ta' Marzu 2015, it-Tajwan bagħat kummenti bil-miktub dwar iċ-ċertifikazzjoni tal-qbid, ksur serju, dikjarazzjonijiet tal-ħatt l-art u l-awditi ta' kumpaniji kummerċjali tas-sajd.

(31)

Fl-24 ta' Marzu 2015 il-Kummissjoni għamlet missjoni oħra fit-Tajwan biex issegwi l-azzjonijiet meħuda mit-Tajwan.

(32)

Fis-7 ta' April 2015, fl-14 ta' Mejju 2015 u fl-4 ta' Awwissu 2015, it-Tajwan bagħat kummenti bil-miktub dwar rekords ta' konformità mar-regoli tal-Organizzazzjoni Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd, il-bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tat-Tajwan u ċ-ċertifikazzjoni tal-qbid. Il-Kummissjoni pprovdiet spjegazzjonijiet bil-miktub dwar l-implimentazzjoni taċ-ċertifikazzjoni tal-qbid fl-10 ta' Awwissu 2015.

(33)

Fis-16 ta' April 2015, it-Tajwan bagħat kummenti bil-miktub dwar il-pjan tiegħu li jaħdem fil-ġlieda kontra s-sajd IUU.

(34)

Ir-rapport finali taż-żjara ntbagħat lit-Tajwan fis-27 ta' Mejju 2015. Matul iż-żjara, il-Kummissjoni stabbiliet li ftit li xejn sar progress dwar id-dgħufijiet kritiċi msijuba fl-2012. Barra minn hekk, il-pjan għall-ħidma fil-ġlieda kontra s-sajd IUU kien prekarju b'xogħol ippjanat fis-seħħ sal-2017.

(35)

Fid-29 ta' Ġunju 2015, it-Tajwan bagħat kummenti bil-miktub dwar ir-rapport. Dawn il-kummenti ma pprovdew l-ebda impenn li jindirizzaw in-nuqqasijiet stabbiliti f'perjodu ta' żmien raġonevoli.

(36)

Ta' min jinnota li t-Tajwan, minħabba l-istatus politiku tiegħu, mhuwiex membru tan-Nazzjonijiet Uniti (NU). F'dan il-kuntest it-Tajwan ma ffirma jew ma rratifika l-ebda wieħed mill-ftehimiet internazzjonali li jirregolaw is-sajd, fost l-oħrajn, il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Dritt tal-Baħar (UNCLOS) u l-Ftehim tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Istokkijiet tal-Ħut (UNFSA), il-Ftehim tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura (FAO) li jippromwovi l-Konformità mal-Miżuri Internazzjonali ta' Konservazzjoni u Ġestjoni mill-Bastimenti tas-Sajd fl-Ibħra Miftuħa (il-Ftehim tal-Osservanza tal-FAO). Madankollu, huwa ffirma l-Konvenzjoni ta' Ġinevra tal-1958 dwar l-Ibħra Miftuħa (4) u l-Konvenzjoni tal-1958 dwar l-Ibħra Territorjali u ż-Żona Kontigwa matul il-perjodu li l-awtoritajiet kienu jiffurmaw parti min-NU (5). Biex tevalwa l-konformità tat-Tajwan mal-obbligi internazzjonali tiegħu bħala Stat tal-bandiera, tal-port, kostali jew tas-suq, il-Kummissjoni qieset xieraq li tuża l-UNLCOS bħala l-ewwel qafas legali internazzjonali applikabbli, minbarra l-ftehimiet li t-Tajwan huwa parti għalihom. Dawn id-dispożizzjonijiet jikkodifikaw regoli li diġà jeżistu tad-dritt konswetudinarju u jagħmlu tagħhom kważi litteralment partijiet mit-test tal-Konvenzjoni dwar l-Ibħra Miftuħa u tal-Konvenzjoni dwar l-Ibħra Territorjali u ż-Żona Kontigwa. Jiġu nnutat ukoll li l-obbligu tal-Istati tal-bandiera li jissodisfaw ir-responsabbiltajiet tagħhom ta' diliġenza dovuta dwar, inter alia, l-attivitajiet ta' sajd IUU tal-bastimenti tagħhom, jifforma parti mid-dritt internazzjonali konswetudinarju.

(37)

It-Tajwan huwa membru kontraenti tal-Kummissjoni għall-Konservazzjoni tat-Tonna tan-Nofsinhar (CCSBT), l-Organizzazzjoni Reġjonali għall-Ġestjoni tas-Sajd fin-Nofsinhar tal-Paċifiku (SPRFMO), il-Kummissjoni tas-Sajd tal-Paċifiku tat-Tramuntana (NPFC) u parti li tikkoopera u li mhix parti kontraenti tal-Kummissjoni għas-Sajd fil-Punent tal-Paċifiku u l-Paċifiku Ċentrali (WCPFC), il-Kummissjoni Inter-Amerikana tat-Tonn Tropikali (IATTC) u l-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku (ICCAT). Barra minn hekk, it-Tajwan huwa espert mistieden tal-Kummissjoni għat-Tonn tal-Oċean Indjan (IOTC).

(38)

Sabiex tevalwa l-konformità tat-Tajwan mal-obbligi internazzjonali tiegħu bħala Stat tal-bandiera, tal-port, kostali jew tas-suq, kif stipulati fil-ftehimiet internazzjonali msemmija fil-premessa 36 u stabbiliti mill-Organizzazzjonijiet Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd (RFMOs) rilevanti msemmija f'dik il-premessa, il-Kummissjoni fittxet u analizzat l-informazzjoni kollha li qieset neċessarja għall-finijiet ta' dan l-eżerċizzju. Il-qafas legali intern prinċipali attwali għall-ġestjoni tas-sajd tat-Tajwan huwa l-Att dwar is-Sajd (promulgat f'Novembru 1929 u emendat l-aħħar f'Novembru 2012) u korp ta' ftehimiet Ministerjali. L-awtoritajiet tat-Tajwan aċċettaw il-ħtieġa li jiġi rrevedut il-qafas legali għas-sajd u li jiġi żviluppat l-istrument il-ġdid.

(39)

Il-Kummissjoni użat ukoll l-informazzjoni li toħroġ mid-dejta disponibbli ppubblikata mill-RFMOs rilevanti, kif ukoll l-informazzjoni disponibbli għall-pubbliku.

3.   POSSIBBILTÀ LI T-TAJWAN JIĠI IDENTIFIKAT BĦALA PAJJIŻ TERZ LI MA JIKKOOPERAX

(40)

Il-Kummissjoni analizzat l-obbligi tat-Tajwan bħala Stat tal-bandiera, tal-port, kostali jew tas-suq, skont l-Artikolu 31(3) tar-Regolament IUU. Għall-fini ta' dak ir-rieżami, il-Kummissjoni qieset il-kriterji elenkati fl-Artikolu 31(4) sa (7) tar-Regolament IUU.

3.1.   Ir-rikorrenza ta' Bastimenti IUU u l-flussi kummerċjali IUU u l-miżuri meħuda f'dan ir-rigward (l-Artikolu 31(4) tar-Regolament IUU)

(41)

Il-Kummissjoni stabbiliet, abbażi tal-informazzjoni miksuba miż-żjarat tagħha fuq il-post u minn informazzjoni disponibbli pubblikament, li mill-anqas 22 bastiment kienu involuti f'attivitajiet IUU matul il-perjodu bejn l-2010 u l-2015.

(42)

Bastiment tas-sajd li jtajjar il-bandiera tat-Tajwan (Yu Fong 168) għadu elenkat f'lista ta' bastimenti għas-sajd IUU tad-WCPFC mill-2009 fl-EEZ tal-Gżejjer Marshall mingħajr permess u bi ksur tal-Miżuri ta' Konservazzjoni u ta' Ġestjoni (6). It-Tajwan spjega li l-bastiment mhuwiex taħt il-kontroll tiegħu sa mill-2009 u li l-unika azzjoni li l-awtoritajiet jistgħu jieħdu hija li jimponu sanzjoni għall-ksur tar-ritorn lura fil-port. It-Tajwan spjega li huwa impona sanzjonijiet bħal dawn ripetutament, mingħajr ma pprovda l-ebda tagħrif addizzjonali. F'dan il-kuntest, ta' min jinnota li l-Att dwar is-Sajd, għal ksur bħal dan jipprevedi l-impożizzjoni ta' multa ta' bejn EUR 3 400 u EUR 8 500.

(43)

Abbażi tal-evidenza miġbura, bastiment tas-sajd li jtajru l-bandiera tat-Tajwan ġie arrestat fl-2015 fil-Gżejjer Marshall talli stad illegalment u fixkel lill-osservaturi tas-sajd (7). L-awtoritajiet tat-Tajwan sa issa għadhom ma imponew l-ebda sanzjoni lill-bastiment tas-sajd u liċ-ċittadini Tajwaniżi involuti jew li għandhom x'jaqsmu ma' dawn l-attivitajiet tas-sajd tal-bastiment. L-unika azzjoni li ħadu kienet li komplew għaddejjin bl-investigazzjoni dwar il-każ u infurmaw lill-Kummissjoni li l-każ ġie riferut lill-qrati tal-Gżejjer Marshall.

(44)

Għoxrin bastiment li jtajru l-bandiera tat-Tajwan huma rrappurtati mill-Kummissjoni għat-Tonn tal-Oċean Indjan li wettqu ksur kontra l-miżuri ta' konservazzjoni u ta' ġestjoni tal-Istati kostali tal-Oċean Indjan fl-2013 u l-2014. Dawn il-bastimenti wettqu operazzjonijiet: b'tagħmir tas-sajd mhux immarkati, mingħajr dokumenti oriġinali abbord il-bastiment jew b'nuqqas ta' dokumentazzjoni relatata mas-sajd, b'liċenzji tas-sajd skaduti, mingħajr approvazzjoni mill-aħħar port tas-sajd, mingħajr liċenzja tas-sajd mill-pajjiż mill-Istat tal-bandiera, mingħajr ebda Sistema ta' Monitoraġġ tal-Bastimenti (VMS) abbord li taħdem jew b'VMS abbord b'servizz interrott, wettqu operazzjonijiet ta' tneħħija tal-pinen tal-klieb il-baħar, wettqu trażbordi illegali fuq il-baħar u bla ma rrappurtaw it-trażbordi.

(45)

Il-Kummissjoni pprovdiet din l-informazzjoni lit-Tajwan u talbet lill-awtoritajiet Tajwaniżi biex jinvestigaw l-inċidenti. L-Aġenzija tas-Sajd tat-Tajwan sostniet li skont l-investigazzjoni preliminari tagħha, il-bastimenti kollha ġew awtorizzati kif xieraq biex joperaw f'ilmijiet tal-Istati tal-kosta u ma kien hemm l-ebda kwistjoni bir-rappurtar bil-VMS jew b'liċenzji tas-sajd attivi. Madankollu, l-awtoritajiet Tajwaniżi ma spjegawx jekk humiex konxji dwar il-kwistjonijiet tal-Istati kostali u jekk humiex se jikkooperaw mal-Istati Kostali rilevanti għall-attivitajiet ta' dawn il-bastimenti, il-kaptani, l-uffiċjali u l-ekwipaġġ tagħhom.

(46)

Fir-rigward tal-informazzjoni stipulata fil-premessi 42, 43 u 44, il-Kummissjoni tqis li t-Tajwan naqas milli jissodisfa r-responsabbiltajiet tiegħu bħala Stat tal-bandiera biex jipprevjeni li l-flotta tiegħu tinvolvi ruħha f'attivitajiet IUU. F'dan il-kuntest ta' min ifakkar li, skont l-Artikolu 94(2)(b) tal-UNCLOS, l-Istat tal-bandiera għandu jassumi l-ġurisdizzjoni skont il-liġi interna tiegħu fuq kull vapur li jtajjar il-bandiera tiegħu, inkluż fuq l-azzjonijiet tal-kaptan, tal-uffiċjali u tal-ekwipaġġ abbord (ara l-Artikolu 5 tal-Konvenzjoni ta' Ġinevra tal-1958 dwar l-Ibħra Miftuħa (8)). Ta' min jinnota li l-Istat tal-bandiera għandu d-dmir li jieħu, jew li jikkoopera ma' Stati oħra biex jittieħdu miżuri bħal dawn għaċ-ċittadini rispettivi tiegħu skont kif ikun meħtieġ għall-konservazzjoni tar-riżorsi ħajjin fl-ibħra internazzjonali. Barra minn hekk, skont il-punti 31, 32, 33, 35 u 38 tal-Linji Gwida Volontarji tal-FAO dwar il-Prestazzjoni tal-Istat tal-Bandiera (9), l-Istati tal-bandiera jridu jimplimentaw sistemi ta' kontroll fuq il-bastimenti tagħhom u għandu jkollhom fis-seħħ sistema ta' infurzar li, inter alia, tidentifika u tieħu azzjonijiet ta' infurzar u sanzjonijiet effettivi kontra l-ksur tal-liġijiet, tar-regolamenti u tal-miżuri internazzjonali ta' konservazzjoni u ġestjoni applikabbli.

(47)

Skont l-Artikolu 31(4)(b), il-Kummissjoni eżaminat ukoll il-miżuri li ħa t-Tajwan fir-rigward tal-aċċess ta' prodotti tal-ħut li ġejjin minn sajd IUU fis-suq tiegħu.

(48)

Il-Kummissjoni analizzat id-dokumentazzjoni u informazzjoni oħra dwar il-monitoraġġ tat-Tajwan u l-kontroll tas-sajd minn qbid marittimu tiegħu u tal-prodotti importati, esportati jew kummerċjati internazzjonalment. Wara din il-valutazzjoni, il-Kummissjoni tqis li t-Tajwan ma jistax jiżgura li l-prodotti tas-sajd li jidħlu fil-portijiet tiegħu u li l-impjanti tal-ipproċessar ma jkunux ġejjin minn sajd IUU. L-awtoritajiet tat-Tajwan ma setgħux juru li għandhom l-informazzjoni kollha meħtieġa biex jiċċertifikaw il-legalità tal-importazzjonijiet u tal-prodotti pproċessati maħsuba għas-suq tal-Unjoni. L-elementi ewlenin fil-bażi tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni jingħataw fil-qosor aktar 'il quddiem.

(49)

Iż-żjarat tal-2012 u tal-2015 wrew li t-Tajwan kien nieqes minn sistema ta' traċċabbiltà li hija kapaċi tiżgura trasparenza sħiħa fl-istadji kollha ta' tranżazzjonijiet jiġifieri il-qbid, it-trażbord, il-ħatt, it-trasport, l-ipproċessar fil-fabbrika, l-esportazzjoni u l-kummerċ. Fl-2012 il-Kummissjoni żaret diversi operaturi, sensara biex tevalwa t-trasparenza u t-traċċabbiltà fis-suq tal-industrija tas-sajd fit-Tajwan. Ġew identifikati għadd ta' nuqqasijiet li kienu kkomunikati lill-awtoritajiet mingħajr ebda segwitu sussegwenti.

(50)

Il-Kummissjoni stabbiliet li l-kumpaniji kummerċjanti mhumiex qed jinkorporaw informazzjoni dwar it-traċċabbiltà ta' operazzjonijiet tas-sajd fis-sistemi tal-kontabilità tagħhom, u m'hemm l-ebda ċertezza li dak li jiġi rreġistrat fis-sistemi tal-awtoritajiet jikkorrispondi ma' dak li hu rreġistrat fis-sistemi tal-kontabilità u tal-produzzjoni tal-kumpaniji. Din is-sitwazzjoni ddgħajjef l-affidabilità tal-katina tat-traċċabilità fil-livell tal-kumpaniji. Dan jesponi s-sistema wkoll għall-possibilità ta' abbuż billi, permezz ta' ċertifikati tal-qabda żbaljati, l-operaturi kummerċjanti jitħallew jiddikjaraw li daħħlu kwantitajiet akbar milli fil-fatt ikun vera u b'hekk isir ħasil tal-ħut permezz ta' dawn l-istimi ogħla. Barra minn hekk, il-bażijiet tad-dejta elettroniċi Tajwaniżi li jappoġġjaw is-sistemi tal-awtoritajiet huma inkompleti u dokumenti kruċjali fil-katina tal-provvista bħal dikjarazzjonijiet tal-ħatt l-art, e-logbooks u informazzjoni minn portijiet magħżula għadhom jew kinux irreġistrati bis-sħiħ, jew huma nieqsa. Dan jenfasizza n-nuqqasijiet fis-sistema sħiħa tat-traċċabilità.

(51)

Ir-riskju ta' nuqqas ta' traċċabbiltà huwa amplifikat bil-kundizzjonijiet speċifiċi tal-flotta Tajwaniża. It-Tajwan għandu għadd sinifikanti ta' bastimenti tas-sajd għall-flotta ta' distanza twila, jiġifieri 468 bastiment ta' aktar minn 100 tunnellaġġ gross (GT) u bejn 1 200 u 1 400 bastiment b'inqas minn 100 GT. Barra minn hekk iċ-ċittadini tat-Tajwan investew u qed joperaw 238 bastiment tas-sajd li jtajru bandiera barranija. Bastimenti tas-sajd tal-flotta ta' distanza twila li jtajtu l-bandiera Tajwaniż qed joperaw fl-ibħra miftuħa u fl-ilmijiet tal-Istati kostali, u jużaw bħala bażijiet ta' sajd u ta' ħatt l-art portijiet f'pajjiżi terzi u rarament jidħlu lura lejn il-portijiet interni. Il-prodotti tas-sajd jintbagħtu minn żoni tas-sajd fl-ibħra miftuħa jew mill-ilmijiet tal-Istati kostali lejn it-Tajwan biex jiġu pproċessati aktar jew biex jintbagħtu minn kumpaniji kummerċjali Tajwaniżi lejn pajjiżi terzi għal ipproċessar ulterjuri. Hemm nuqqas ta' kooperazzjoni bejn it-Tajwan u l-awtoritajiet ta' pajjiżi terzi u problemi sinifikanti fl-abbiltà tat-Tajwan għall-monitoraġġ tad-daqs u tal-kapaċità tal-flotta. Din is-sitwazzjoni tippermetti lill-operaturi u lill-kummerċjanti li jkollhom il-ħsieb li jwettqu atti illegali u li joperaw mit-Tajwan mingħajr riskju li jinqabdu. Ir-riskju li l-bastimenti Tajwaniżi joperaw bi ksur tar-regoli applikabbli għall-konservazzjoni u l-ġestjoni u li l-kumpaniji kummerċjali Tajwaniżi jikkummerċjaw qabdiet mhux iddikjarati għall-ipproċessar għadu għoli. Din is-sitwazzjoni żżid ir-riskju li l-prodotti tal-ħut maħsuba għas-suq tal-Unjoni, li ġejjin minn ħut li joriġina mit-Tajwan, ma jistgħux jiġu ggarantiti bħala li ma jkunux ġejjin minn sajd IUU.

(52)

It-Tajwan jonqos milli jikkonforma mar-rekwiżiti li jiżguraw monitoraġġ, kontroll u sorveljanza komprensivi u effikaċi tas-sajd skont l-Artikolu 94 tal-UNCLOS u l-punt 33 tal-Linji Gwida Volontarji tal-FAO dwar il-Prestazzjoni tal-Istat tal-Bandiera u l-punt 24 tal-Pjan Internazzjonali ta' Azzjoni biex Jipprevjeni, Jiskoraġġixxi u Jelimina sajd Illegali, Mhux Irrappurtat u Mhux Irregolat (IPOA-IUU (10)).

(53)

L-awtoritajiet tat-Tajwan qed jiżviluppaw skemi ta' traċċabbiltà biex jimmonitorjaw u jikkontrollaw b'mod effikaċi ħut maqbud minn bastimenti tagħhom u prodotti tas-sajd li jidħlu fil-portijiet tagħhom għall-ipproċessar u l-esportazzjoni. Din is-sena, l-awtoritajiet introduċew ukoll Pjan Strateġiku għall-Awditjar tal-Kumpaniji Kummerċjali. Madankollu, sa dan il-mument dan il-pjan għadu ma ġiex implimentat u l-awditi tal-kumpaniji kummerċjali tas-sajd qatt ma twettqu. In-nuqqas ta' awditi mill-Aġenzija tas-Sajd juru nuqqas ta' rieda li tiġi żgurata t-trasparenza fil-katina tal-provvista u nuqqas ta' miżuri kontra operaturi konnessi direttament jew indirettament ma' attivitajiet ta' sajd IUU b'konformità ma' dawk deskritti fil-punti 72 sa 74 tal-IPOA-IUU.

(54)

Il-paragrafi 11(2) u 11(3) tal-Kodiċi ta' Kondotta tal-FAO jgħidu li l-kummerċ internazzjonali ta' ħut u prodotti tal-ħut ma għandux jikkomprometti l-iżvilupp sostenibbli tas-sajd, u għandu jkun ibbażat fuq miżuri trasparenti kif ukoll fuq liġijiet, regolamenti u proċeduri amministrattivi sempliċi u komprensivi. Barra minn hekk, il-paragrafu 11(1)(11) tal-Kodiċi ta' Kondotta tal-FAO jistipula li l-Istati għandhom jiżguraw li l-kummerċ internazzjonali u lokali tal-ħut u tal-prodotti tas-sajd jikkonforma mal-prattiki ta' konservazzjoni u ta' ġestjoni tajbin billi jtejbu l-identifikazzjoni tal-oriġini tal-ħut u tal-prodotti tas-sajd innegozjati. Barra minn hekk, l-IPOA IUU jipprovdi wkoll gwida dwar il-miżuri relatati mas-suq li dwarhom hemm ftehim internazzjonali (il-punti 65 sa 76), li jappoġġjaw it-tnaqqis jew l-eliminazzjoni tal-kummerċ tal-ħut u tal-prodotti tal-ħut li jkunu ġejjin minn sajd IUU. Is-sistemi ta' traċċabbiltà osservati mill-Kummissjoni (kif deskritt fil-premessi 48 sa 53) juru biċ-ċar kif it-Tajwan naqas milli jieħu miżuri biex itejjeb it-trasparenza tas-swieq tiegħu u b'hekk jipprevjeni r-riskju ta' kummerċ tal-prodotti IUU mit-Tajwan jew permezz ta'.kumpaniji kummerċjali Tajwaniżi.

(55)

Bi tħejjija għaż-żjara tal-2015, l-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd (European Fisheries Control Agency — EFCA) analizzat ftit mijiet ta' ċertifikati tal-qbid ippreżentati fil-fruntieri tal-Unjoni għal kunsinni li joriġinaw mit-Tajwan. Dawn iċ-ċertifikati tal-qbid kienu vvalidati mill-awtoritajiet tas-sajd tat-Tajwan abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-operaturi Tajwaniżi. L-impatt ta' problemi fis-sistemi ta' reġistrazzjoni tad-dejta kif deskritt hawn fuq jidher fl-irregolaritajiet elenkati hawn taħt (kif deskritt fil-premessi 56 u 57).

(56)

L-analiżi ta' prodotti maqbuda minn bastimenti li jtajru l-bandiera tat-Tajwan żvelat l-inkonsistenzi li ġejjin: ċertifikati tal-qbid b'dejta emendata jew mingħajr id-dejta meħtieġa kollha, informazzjoni inkonsistenti dwar il-qbid, dikjarazzjonijiet tal-kaptan, logbook, dokumenti statistiċi tal-ICCAT, dikjarazzjonijiet dwar is-sigurtà tad-dniefel, dejta u dati tat-trażbord, tal-ħatt l-art u tal-ipproċessar, nuqqas ta' aċċess għall-Iskema ta' Ġranet tal-Bastimenti, dejta attwali dwar l-isforz tas-sajd għal bastimenti li joperaw fil-Paċifiku, ebda rekord ta' liċenzji minn Stati kostali, inkonsistenzi dwar bastimenti tas-sajd u bastimenti tal-ġarr b'ismijiet li qed jinbidlu u bastimenti li mhumiex elenkati f'listi ta' stabbilimenti sanitarji approvati tal-Unjoni, x-xejriet tal-kummerċ inkomprensibbli (jiġifieri ħut maqbud fl-Oċean Alantiku jew l-Oċean Indjan, trasportati fl-Asja, ipproċessat u esportat lejn l-Unjoni) u informazzjoni mhux kompluta dwar stqarrijiet ta' pproċessar u rendimenti tal-produzzjoni rilevanti.

(57)

Il-Kummissjoni pprovdiet informazzjoni dettaljata dwar ir-riżultati tal-analiżi tal-EFCA lill-awtoritajiet tat-Tajwan. L-awtoritajiet investigaw il-kwistjoni u taw tweġibiet sodisfaċenti dwar ir-rendimenti tal-produzzjoni fid-dikjarazzjoni tal-ipproċessar. Huma ħadu nota tal-kwistjonijiet kollha u ammettew li jeħtieġu jaġġornaw ir-regoli interni tagħhom biex isolvu l-problemi. Huma rrappurtaw ukoll li jixtiequ jikkooperaw mal-Kummissjoni biex jikkoreġu l-proċeduri operattivi tagħhom.

(58)

Is-sitwazzjoni deskritta fil-premessa 56 tenfasizza r-riskju li jkun hemm prodotti tas-sajd ipproċessati Tajwaniżi jew materja prima derivata minn qabdiet direttament marbuta ma' attivitajiet IUU li toriġina mit-Tajwan. Barra minn hekk. l-eżistenza ta' żbalji li jistgħu jiġu identifikati b'mod ċar, kif imsemmija fil-premessa 56, turi li t-Tajwan naqas milli jikkoopera ma' Stati oħra u ma' organizzazzjonijiet reġjonali għall-ġestjoni tas-sajd biex jadotta miżuri xierqa relatati mas-suq biex jipprevjeni, jiskoraġġixxi jew jelimina s-sajd IUU kif inhu speċifikat fil-punti 68 u 72 tal-IPOA-IUU.

(59)

L-informazzjoni deskritta fil-premessa 56 turi li prodotti pproċessati jew ikkummerċjalizzati mit-Tajwan jimminaw ir-regoli sostenibbli ta' wara l-ġbir kif deskritti fl-Artikolu 11 tal-Kodiċi ta' Kondotta tal-FAO u tenfasizza aktar kif it-Tajwan naqas milli jimponi regoli biex jiżgura koperazzjoni adegwata ma' pajjiżi terzi li fihom jistadu u jħottu l-art il-bastimenti tiegħu u biex jimplimenta miżuri li jiżguraw it-trasparenza u t-traċċabbiltà ta' prodotti fis-suq skont il-punti 67 sa 69 u 71 sa 72 tal-IPOA-IUU tas-swieq sabiex jippermetti t-traċċabbiltà tal-ħut u ta' prodotti tal-ħut.

(60)

Fid-dawl tas-sitwazzjoni kif spjegata f'din it-Taqsima tad-Deċiżjoni u abbażi tal-elementi fattwali kollha miġbura mill-Kummissjoni, kif ukoll tad-dikjarazzjonijiet magħmulin mill-pajjiż, seta' jkun stabbilit, skont l-Artikolu 31(3) u 31(4)(a) u (b) tar-Regolament IUU, li t-Tajwan naqas li jaqdi dawk li huma d-dmirijiet tiegħu skont id-dritt internazzjonali bħala Stat tal-bandiera, tal-port, kostali jew tas-suq fir-rigward tal-bastimenti IUU u tas-sajd IUU imwettaq jew appoġġjat mill-bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tiegħu jew miċ-ċittadini tiegħu u biex jipprevjeni l-aċċess għal prodotti tas-sajd li joriġinaw minn sajd IUU fis-suq tiegħu.

3.2.   Nuqqas ta' kooperazzjoni u ta' infurzar (l-Artikolu 31(5) tar-Regolament IUU)

(61)

Skont l-Artikolu 31(5)(a), il-Kummissjoni analizzat il-kollaborazzjoni tagħha mat-Tajwan biex tara jekk dan effettivament ikkooperax billi wieġeb għall-mistoqsijiet, ipprovda rispons jew investiga kwistjonijiet relatati mas-sajd IUU u l-attivitajiet assoċjati miegħu.

(62)

Wara ż-żjara tal-2012, il-Kummissjoni stiednet lit-Tajwan biex jikkoopera fuq għadd ta' kwistjonijiet dwar il-ġestjoni tas-sajd li kienu jeħtieġu attenzjoni urġenti. Dawn huma elenkati hawn taħt. Il-qafas legali u amministrattiv għall-ġestjoni tas-sajd kien jeħtieġ aġġornament mal-adozzjoni tal-Liġi dwar is-Sajd u l-Kodiċi ta' Kondotta IUU (Pjan ta' Azzjoni Nazzjonali dwar l-IUU) riveduti, biex tkun żgurata t-trażpożizzjoni fil-liġi nazzjonali ta' leġiżlazzjoni internazzjonali u reġjonali dwar il-ġestjoni tas-sajd u ta' rakkomandazzjonijiet mhux vinkolanti. Il-Kummissjoni stiednet lit-Tajwan biex jiżviluppa skema ta' sanzjonijiet koerenti u deterrenti appoġġjata minn reġistru tal-ksur u tas-sanzjonijiet. Il-Kummissjoni ssuġġeriet titjib tal-monitoraġġ, tal-kontroll u tas-sorveljanza (MCS) biex jiġi żgurat il-kontroll fuq il-flotta tat-Tajwan li topera fl-ibħra miftuħa u fl-ilmijiet ta' pajjiżi terzi, u l-iżvilupp ta' sistemi ta' logbook, ta' rappurtar dwar il-qbid u ta' dikjarazzjoni tal-ħatt l-art, portijiet magħżula kif ukoll dik ta' pjan ta' spezzjoni għall-kontroll tal-attivitajiet tas-sajd, it-trażbord u l-ħatt l-art. L-effettività u t-trasparenza tal-iskema taċ-ċertifikazzjoni u t-traċċabbiltà tal-qbid għal esportazzjonijiet destinati għas-suq tal-Unjoni kellhom jittejbu.

(63)

It-Tajwan wieġeb fl-2013 bl-NPOA-IUU tiegħu u fl-2014 bl-NPOA dwar il-kapaċità tas-sajd tiegħu. Il-Kummissjoni u l-awtoritajiet tat-Tajwan kellhom għadd ta' skambji bil-miktub, vidjokonferenzi u laqgħat dwar dawn id-dokumenti.

(64)

Fir-rigward tal-NPOA-IUU, l-analiżi tal-Kummissjoni żvelat li għalkemm l-ideat li jinsabu fil-pjan huma fil-prinċipju korretti, l-iskeda ta' żmien għall-implimentazzjoni hija twila b'mod mhux raġunat u tkopri azzjonijiet sal-2020. Filwaqt li jitqies id-daqs tal-flotta tat-Tajwan li topera f'iktar minn 30 pajjiż terz u l-fatt li l-bastimenti tas-sajd Tajwaniżi huma fornituri importanti ta' materja prima għal impjanti tal-ipproċessar u tal-ippakkjar f'landi, huwa importanti li t-Tajwan jimplimenta malajr l-azzjonijiet tiegħu dwar l-MCS, l-osservaturi, il-ħatt l-art u t-trażbord u li fil-Liġi dwar is-Sajd tiegħu jindirizza b'mod effettiv il-kwistjonijiet relatati ma' ksur serju u mal-kontroll ta' ċittadini.

(65)

Fir-rigward tal-NPOA dwar il-Kapaċità tas-Sajd. l-analiżi tal-Kummissjoni żvelat li dan il-pjan mhuwiex jiżgura r-rabta bejn il-kapaċitajiet ta' kontroll tat-Tajwan mal-għadd ta' Bastimenti tas-sajd ta' distanza twila Tajwaniżi. Il-miżuri introdotti mit-Tajwan (jiġifieri logbooks, e-logbooks, sistemi ta' dikjarazzjoni dwar il-ħatt l-art u ta' rappurtar dwar il-qbid, portijiet magħżula, spezzjoni u kontroll tal-ħatt l-art, trażbordi, tlugħ abbord u spezzjoni ta' bastimenti, pjanijiet nazzjonali ta' spezzjoni/osservazzjoni u traċċabbiltà) għall-monitoraġġ tal-flotta tiegħu mhumiex komprensivi għax huma miżuri li jkopru parzjalment il-flotta ta' distanza twila, huma parzjalment implimentati jew huma pjanijiet li għadhom ma ġewx żviluppati. Barra minn hekk, din il-politika ma għandha l-ebda mira ta' ġestjoni kwantifikabbli, l-ebda indikazzjoni dwar il-livelli tal-isforz tas-sajd, il-kwoti, il-liċenzji, l-awtorizzazzjonijiet għas-sajd lejn pajjiżi terzi, l-għadd ta' bastimenti fl-RFMOs, valutazzjonijiet u miri tal-istokkijiet jew parir xjentifiku. M'hemm l-ebda analiżi dwar ir-rabta bejn in-numru ta' bastimenti, in-numru ta' liċenzji, il-volum tal-qabdiet u r-riżorsi finanzjarji u umani disponibbli li huma meħtieġa biex jikkontrollaw u jimmonitorjaw lill-industrija. Hemm nuqqas ta' punti ta' riferiment biex jintlaħqu l-miri politiċi jew ta' metodoloġija biex ikollu dawn il-punti ta' riferiment. Fl-aħħar nett, l-azzjonijiet futuri previsti huma vagi u ma joffru l-ebda indikazzjoni dwar kif u meta l-awtoritajiet se jimplimentaw din il-politika.

(66)

Matul il-perjodu mill-2012 sal-2015, il-Kummissjoni pprovdiet kummenti dettaljati dwar id-diversi pjanijiet tat-Tajwan biex jindirizza s-sajd IUU u saħqet fuq il-bżonn ta' kooperazzjoni u ta' azzjonijiet korrettivi. Mingħajr ma kkontesta s-sejbiet tal-Kummissjoni, it-Tajwan insista b'mod ripetut dwar il-ħtieġa għal riflessjoni dwar azzjonijiet u żmien addizzjonali biex jiġu implimentati.

(67)

Iż-żjara tal-2015 fit-Tajwan żvelat ftit li xejn progress fl-oqsma ta' tħassib identifikati mill-Kummissjoni fil-perjodu bejn l-2012 u l-2015 (kif deskritt fil-premessa iktar 'il fuq). L-Att dwar is-Sajd kien għadu abbozz, l-NPOA-IUU ġie rrappurtat li kien fil-proċess tal-implimentazzjoni iżda fir-realtà mingħajr introduzzjoni attwali tal-miżuri deskritti f'din it-Taqsima tad-Deċiżjoni, u bi skedi taż-żmien mhux ċari, l-NPOA-Kapaċità tas-Sajd kien għadu dokument b'nuqqas ta' miri attwali u bi skedi ta' żmien ineżistenti biex issir l-implimentazzjoni. L-iżviluppi fil-qafas tal-MCS kienu minimi, bl-e-logbooks li kienu jkopru biss parti mill-flotta, il-portijiet magħżula kienu ineżistenti, id-dikjarazzjonijiet tal-ħatt l-art ikopru biss is-sajd domestiku u bi pjanijiet għal espansjoni fil-futur għal flotot għal distanzi twal u miżuri biex jiġu kkontrollati t-trażbordi fil-fażi tal-iżvilupp. Ir-rapport tal-Kummissjoni ta' Lulju 2012 jagħti dettalji dwar diversi kwistjonijiet imsemmija f'din il-premessa, u dawn huma l-istess bħal dawk li nstabu fiż-żjara riċenti ta' Marzu 2015. Ir-rapport tal-Kummissjoni tal-missjoni ta' Marzu 2015 mill-ġdid ipprovda l-kwistjonijiet kritiċi kollha u enfasizza l-konsegwenzi possibbli ta' nuqqas ta' progressi.

(68)

Għal dawn ir-raġunijiet, il-Kummissjoni tqis li t-Tajwan naqas milli jindirizza l-kwistjonijiet kollha identifikati fil-perjodu 2012-2015.

(69)

Naqas ukoll milli jadotta qafas legali li jipprevedi d-definizzjoni tas-sajd IUU u ksur serju skont ir-Riżoluzzjoni 11/03 tal-IOTC (11) u l-Artikolu 25(4) tal-Konvenzjoni tad-WCPFC (12). Huwa naqas ukoll milli jeżerċita l-ġurisdizzjoni tiegħu fuq kwistjonijiet amministrattivi u tekniċi tal-flotta tiegħu skont l-Artikolu 94 tal-UNCLOS (ara wkoll l-Artikolu 5 tal-Konvenzjoni ta' Ġinevra tal-1958 dwar l-Ibħra Miftuħa). Naqas ukoll milli jimplimenta d-dispożizzjonijiet tal-punti 31-33 tal-Linji Gwida Volontarji tal-FAO dwar il-Prestazzjoni tal-Istat tal-Bandiera. Barra minn hekk, naqas milli jimplimenta d-dispożizzjonijiet tal-punt 24 tal-IPOA IUU fir-rigward tal-monitoraġġ, tal-kontroll u tas-sorvelajnza fuq il-flotta tiegħu.

(70)

B'mod ġenerali, l-awtoritajiet tat-Tajwan ikkooperaw meta wieġbu malajr għat-talbiet għal informazzjoni jew verifiki kemm mill-Istati Membri kif ukoll mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 17(6) ta' KE 1005/2008. Xi kwistjonijiet li jikkonċernaw l-aċċess tal-Istati Membri għal informazzjoni relatata ma' dejta tal-VMS ta' bastimenti bil-bandiera tat-Tajwan kienu riżolti bl-intervent tal-Kummissjoni. Madankollu, l-eżattezza tat-tweġibiet tal-awtoritajiet tat-Tajwan kienet imminata mill-inadegwatezzi tas-sistemi ta' traċċabbiltà tagħhom kif deskritt fit-Taqsima 3.1 ta' din id-Deċiżjoni.

(71)

Skont l-Artikolu 31(5)(b), il-Kummissjoni analizzat ukoll il-miżuri ta' infurzar eżistenti biex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina s-sajd IUU fit-Tajwan.

(72)

Matul il-perjodu bejn l-2012 u l-2015, il-Kummissjoni enfasizzat il-ħtieġa li t-Tajwan jippromulga Att dwar is-Sajd ġdid. Fil-liġi eżistenti hemm nuqqas ta' definizzjonijiet ċari dwar il-kamp ta' applikazzjoni u ksur serju filwaqt li ma hemm l-ebda dispożizzjoni għal ksur aggravat fil-każ ta' reati ripetuti. Il-livell attwali tal-multi fil-liġi mhuwiex biżżejjed biex iċaħħad lil bastimenti kummerċjali kbar ta' benefiċċji miksuba minn attivitajiet potenzjalment illegali (il-multi massimi huma stabbiliti għal madwar EUR 9 000). Għaldaqstant, il-penali kif inhuma llum mhumiex komprensivi fil-kamp ta' applikazzjoni u mhumiex severi biżżejjed biex jiksbu l-funzjoni tagħhom ta' deterrent. Hemm ukoll nuqqas ta' dispożizzjonijiet speċifiċi fil-liġi dwar ċittadini li jappoġġaw jew huma involuti fl-attivitajiet tas-sajd IUU. Hemm xi dispożizzjonijiet dwar sanzjonar fakultattivi fl-Ordinanza għal investimenti Tajwaniżi fl-operazzjoni ta' bastimenti tas-sajd li jtajru bandiera barranija b'sanzjonijiet għal frodi dwar l-oriġini tal-ħut u l-operazzjoni ta' bastimenti tas-sajd li jtajru bandiera barranija b'kontravenzjoni ta' regoli stabbiliti mill-Istat tal-bandiera. Madankollu, is-sanzjonijiet monetarji previsti mhumiex obbligatorji u mhuwiex ċar jekk dawn jiġux applikati f'każ li pajjiżi oħrajn ikunu imponew multi severi biżżejjed liċ-ċittadini Tajwaniżi fuq l-istess ksur.

(73)

Fl-aħħar nett, m'hemm l-ebda qafas legali ċar fir-rigward tat-trażpożizzjoni tal-miżuri ta' konservazzjoni u ġestjoni tal-RFMOs. L-awtoritajiet Tajwaniżi kkonfermaw li l-qafas legali għandu jiġi rivedut sabiex jindirizza l-kwistjonijiet imsemmija hawn fuq. It-Tajwan indika wkoll li huwa impenjat bis-sħiħ biex jiżgura li bastimenti tas-sajd li ġew sanzjonati mill-Istati kostali għal ksur b'sanzjonijiet ta' severità mhux suffiċjenti jkomplu jiġu kkastigati fit-Tajwan. L-awtoritajiet Tajwaniżi ħabbru li sal-aħħar tal-2014 se titlesta Liġi dwar is-Sajd ġdida. Madankollu, s'issa dan għadu ma seħħx. It-Tajwan jonqos milli jirrispetta l-obbligi tiegħu biex jimponi miżuri effikaċi ta' infurzar skont l-Artikolu 94 tal-UNCLOS (ara wkoll l-Artikolu 5 tal-Konvenzjoni ta' Ġinevra tal-1958 dwar l-Ibħra Miftuħa). Barra minn hekk, jonqos ukoll milli jsegwi l-punti 31-33, 35 u 38 tal-Linji Gwida Volontarji tal-FAO dwar il-Prestazzjoni tal-Istati tal-Bandiera u naqas milli juri li għandu reġim ta' sanzjonijiet adegwati sabiex jiġġieled l-IUU kif rakkomandat fil-punt 21 tal-IPOA IUU u li adotta miżuri li jikkonċernaw ċittadini soġġetti għall-ġurisdizzjoni tiegħu li jappoġġaw jew huma involuti f'sajd IUU kif rakkomandat fil-punt 18 tal-IPOA IUU.

(74)

Il-kapaċitajiet tal-MSC tat-Tajwan mhumiex żviluppati biżżejjed. M'hemm l-ebda pjan ta' spezzjoni nazzjonali biex tiġi żgurata politika koerenti dwar is-sorveljanza u l-monitoraġġ tal-operazzjonijiet tal-flotta tiegħu. Miżuri u għodod speċifiċi tal-MCS għad għandhom xi nuqqasijiet kif spjegat fil-premessi 65 u 67 b'hekk jimminaw l-abbiltà tal-miżuri ta' infurzar tat-Tajwan biex jipprevjeni, jiskoraġġixxi u jelimina s-sajd IUU. Skont l-informazzjoni disponibbli, it-Tajwan qed ikopri biss 60 % tal-flotta tiegħu fuq distanza twila ta' aktar minn 100 GT li qed topera barra l-ilmijiet tat-Tajwan, inklużi l-bastimenti eżistenti kollha li jistadu bil-purse seines. It-Tajwan qed jaħdem ma' aktar minn 30 pajjiż fuq l-istabbiliment ta' portijiet magħżula, iżda bħalissa m'għandu l-ebda arranġamenti operattivi fis-seħħ. Minn Settembru tal-2014 'l hawn daħħal fis-seħħ skema ġdida ta' dikjarazzjoni tal-ħatt l-art u jinsab fil-proċess li jtejjibha b'dispożizzjonijiet legali ġodda iżda l-iskema l-ġdida ta' dikjarazzjoni tal-ħatt l-art għadha ma tkoprix it-tipi kollha ta' bastimenti tal-flotta fuq distanzi twal. Fl-aħħar nett, għadu qed jaħdem fuq l-iżvilupp ta' sistema effettiva ta' kontroll fuq trażbord ta' bastimenti tal-flotta tiegħu fuq distanza twila.

(75)

In-nuqqas ta' sistema tal-MCS effettiva juri n-nuqqas ta' ħila fil-monitoraġġ tal-operazzjonijiet tas-sajd fuq il-baħar u jimmina l-kapaċità biex l-Aġenzija tas-Sajd tinforza r-regoli applikabbli għaż-żoni ta' baħar differenti kkonċernati b'mod effettiv. Dan, flimkien man-nuqqas ta' kooperazzjoni effettiva ma' pajjiżi terzi fir-rigward ta' portijiet magħżula u t-trażbord jiggrava r-riskju ta' attivitajiet tas-sajd IUU mwettqa minn bastimenti Tajwaniżi. Għaldaqstant, il-Kummissjoni temmen li t-Tajwan ma jiżgurax sistema tal-MCS komprensiva u effettiva tal-bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tiegħu. In-nuqqas tat-Tajwan li jimplimenta sistema ta' MCS effettiva jaffettwa b'mod negattiv il-konformità tagħha mal-Artikolu 94 tal-UNCLOS (ara wkoll l-Artikolu 5 tal-Konvenzjoni ta' Ġinevra tal-1958 dwar l-Ibħra Miftuħa). Dan ifisser ukoll nuqqas milli jsegwi r-rakkomandazzjonijiet tal-punti 33 tal-Linji Gwida Volontarji tal-FAO dwar il-Prestazzjoni tal-Istat tal-Bandiera u tal-punt 24 tal-IPOA-IUU.

(76)

Il-Kummissjoni tinnota li, abbażi tal-informazzjoni misluta miż-żjajjar tal-Kummissjoni fl-2012 u fl-2015, u abbażi tad-diskussjonijiet mal-awtoritajiet Tajwaniżi matul il-perjodu mill-2012 sal-2015, ma jistax jitqies li l-awtoritajiet Tajwaniżi għandhom nuqqas ta' riżorsi finanzjarji, iżda pjuttost ma għandhomx l-ambjent legali u amministrattiv meħtieġ biex jiżgura l-prestazzjoni effiċjenti u effettiva tad-dmirijiet tagħhom bħala Stat tal-bandiera, kostali u tas-suq.

(77)

Ta' min ifakkar li t-Tajwan, minħabba l-istatus politiku tiegħu, mhuwiex membru tan-Nazzjonijiet Uniti (NU). Abbażi tal-istatistika tal-Indiċi tal-Iżvilupp tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti (HDI) li t-Tajwan ġabar bl-użu tal-metodoloġija tan-NU, it-Tajwan huwa meqjus bħala pajjiż bi żvilupp għoli tal-bniedem (ikklassifikat fil-21 post minn 188 pajjiż) (13).

(78)

Fid-dawl ta' dawn l-elementi, il-Kummissjoni tqis li t-Tajwan mhuwiex nieqes mir-riżorsi finanzjarji biex jissodisfa dmirijietu bħala Stat tal-bandiera, tal-port u tas-suq, iżda pjuttost l-istrumenti legali u amministrattivi meħtieġa biex jiżgura l-prestazzjoni effiċjenti u effettiva ta' dmirijietu.

(79)

Fid-dawl tas-sitwazzjoni spjegata f'din it-Taqsima u abbażi tal-elementi fattwali kollha miġbura mill-Kummissjoni, kif ukoll mid-dikjarazzjonijiet kollha li saru mit-Tajwan, jista' jiġi stabbilit, skont l-Artikolu 31(3) u (5) tar-Regolament IUU, li t-Tajwan naqas milli jaqdi dmirijietu skont il-liġi internazzjonali fir-rigward tal-isforzi għall-kooperazzjoni u għall-infurzar.

3.3.   Nuqqas ta' implimentazzjoni tar-regoli internazzjonali (l-Artikolu 31 (6) tar-Regolament IUU)

(80)

It-Tajwan ma ffirma jew irratifika ebda wieħed mill-Ftehimiet internazzjonali li speċifikament jirregolaw is-sajd. Kif spjegat fil-premessa 36 it-Tajwan huwa kkunsidrat bħala kopert minn regoli li diġà jeżistu dwar id-dritt konswetudinarju kif ukoll bl-obbligu ta' diliġenza dovuta fir-rigward ta' bastimenti tas-sajd li jwettqu sajd IUU. It-Tajwan huwa Membru Kontraenti tas-SPRFMO, tas-CCSBT, u tal-NPFC u huwa pajjiż kooperatur mhux Parti kontraenti tad-WCPFC, tal-IATTC u tal-ICCAT. Barra minn hekk, it-Tajwan huwa espert mistieden tal-IOTC.

(81)

Skont l-Artikolu 31(6)(b), il-Kummissjoni analizzat l-informazzjoni kollha dwar l-istatus tat-Tajwan bħala Parti Kontraenti tas-CCSBT, tal-SPRFMO u tal-NPFC, bħala pajjiż kooperatur mhux Parti kontraenti tad-WCPFC, tal-IATTC, tal-ICCAT, bħala espert mistieden tal-IOTC.

(82)

Il-Kummissjoni analizzat ukoll kull informazzjoni meqjusa rilevanti fir-rigward tal-ftehim tat-Tajwan biex japplika l-miżuri ta' konservazzjoni u ġestjoni adottati mid-WCPFC, mill-IATTC, mill-ICCAT, mis-CCSBT, mill-SPRFMO u mill-IOTC.

(83)

Skont informazzjoni li ħarġet mir-Rapport ta' Konformità tal-IOTC għat-Tajwan ippreżentat fit-23 ta' Marzu 2015 (14), ġew identifikati diversi kwistjonijiet ripetuti ta' konformità fl-2014. B'mod partikolari, skont l-informazzjoni disponibbli, it-Tajwan ma pprovdiex l-informazzjoni kollha obbligatorja tal-istandard tal-IOTC dwar il-Lista ta' bastimenti tat-tonn tropikali matul l-2006 kif meħtieġ skont ir-Riżoluzzjoni 12/11 tal-IOTC. Huwa ma bagħatx l-informazzjoni obbligatorja kollha tal-istandard tal-IOTC dwar il-Lista ta' bastimenti li jistadu għall-pixxispad u għall-alonga matul l-2007, kif meħtieġ skont ir-Riżoluzzjoni 12/11 tal-IOTC. Huwa ma bagħatx l-informazzjoni obbligatorja kollha tal-istandard tal-IOTC dwar il-Lista ta' bastimenti Awtorizzati twal b'kollox 24 metru jew aktar, kif meħtieġ skont ir-Riżoluzzjoni 14/04 tal-IOTC. Huwa ma rrappurtax dwar il-frekwenza tad-daqs tas-sajd bil-konzijiet tal-istandard tal-IOTC, kif mitlub mir-Riżoluzzjoni 10/02. Huwa ma rrappurtax dwar il-frekwenza tad-daqs fuq il-klieb il-baħar tal-istandard tal-IOTC, kif mitlub mir-Riżoluzzjoni 05/05. Huwa ma bagħatx ir-rapport tal-osservatur, kif mitlub mir-Riżoluzzjoni 11/04. Barra minn hekk, it-Tajwan ma pprovdiex ir-rapport sommarju tal-VMS, kif mitlub mir-Riżoluzzjoni 12/13, ma implimentax l-immarkar ta' rkaptu tas-sajd passiv, kif mitlub mir-Riżoluzzjoni 13/02, ma pprovdiex rapport dettaljat dwar it-trażbord fil-portijiet, kif mitlub mir-Riżoluzzjoni 12/05. Ġie stabbilit ukoll li t-Tajwan ma kienx konformi mar-Riżoluzzjoni tal-IOTC 14/06.

(84)

Għal dawn ir-raġunijiet, fl-2014 it-Tajwan kien identifikat mill-IOTC bħala pajjiż bi ksur ripetut minħabba li tmienja u erbgħin bastiment tas-sajd bil-konz għat-tonn fuq skala kbira (LSTLVs) tal-flotta tiegħu għandhom rekord ta' ksur ripetut fl-2014 u tmienja u tletin minnhom għandhom rekord ta' ksur possibbli fl-2013 ukoll (15).

(85)

Ġie stabbilit ukoll li t-Tajwan għad jeħtieġ li jindirizza kwistjonijiet ta' każijiet li jinvolvu bastiment u ċittadin mit-Tajwan li ġew identifikati bħala attività ta' sajd IUU fl-2013 (ara l-premessa 86).

(86)

Skont informazzjoni li toħroġ mir-Rapport ta' Konformità tal-IOTC għat-Tajwan li sar fis-26 ta' April 2014 (16), ta' min ifakkar li l-IOTC identifikat it-Tajwan għan-nuqqas tiegħu li jikkonforma mar-Riżoluzzjoni tal-IOTC 12/05. Għal dawn ir-raġunijiet, fl-2013 it-Tajwan kien identifikat mill-IOTC bħala pajjiż bi ksur ripetut billi mija u żewġ LSTLVs tal-flotta tiegħu għandhom rekord ta' ksur ripetut fl-2013 u erbgħa u tletin minnhom għandhom rekord ta' ksur possibbli fl-2012 ukoll. Barra minn hekk, it-Tajwan naqas milli jagħti prova li twettqu investigazzjonijiet xierqa u li ġew imposti sanzjonijiet ta' severità adegwata fir-rigward ta' bastiment (bl-isem “MAN YIH FENG”) fil-lista proviżorja tal-IOTC IUU (17).

(87)

Wara ż-żjara tal-2015, it-Tajwan issottometta lill-Kummissjoni li hu jirrikonoxxi l-importanza tal-kwistjonijiet fir-rigward tat-trażbordi ta' bastimenti tas-sajd fuq skala kbira u spjega li ħa miżuri biex jipprojbixxi t-trażbord, jiżgura li l-liċenzji tas-sajd huma validi u iqassam logbooks ġodda lil bastimenti ġodda. It-Tajwan irrikonoxxa wkoll il-ħtieġa ta' azzjonijiet dwar kwistjoni relatata mad-daqs tad-dejta dwar il-klieb il-baħar, mar-rapport tal-osservatur, mal-immarkar tal-irkaptu tas-sajd passiv u mar-rapport dettaljat dwar it-trażbord fil-port.

(88)

Il-problemi tat-Tajwan mal-IOTC huma aggravati mill-fatt li t-Tajwan għandu flotta tas-sajd fuq distanza twila kbira u skont l-istimi, 73 % tat-trażbord fuq il-baħar f'żona tal-IOTC jitwettqu minn bastimenti Tajwaniżi (18).

(89)

Il-kwistjonijiet ta' konformità tat-Tajwan mal-IOTC juru n-nuqqas tat-Tajwan li jissodisfa l-obbligi tiegħu bħala Stat tal-bandiera stabbilit fl-Artikolu 94 tal-UNCLOS (ara wkoll l-Artikolu 5 tal-Konvenzjoni ta' Ġinevra tal-1958 dwar l-Ibħra Miftuħa). Minbarra dan, b'hekk it-Tajwan naqas milli jsegwi r-rakkomandazzjonijiet tal-punti 31-33, 35 u 38 tal-Linji Gwida Volontarji tal-FAO dwar il-Prestazzjoni tal-Istat tal-Bandiera u tal-punt 24 tal-IPOA-IUU.

(90)

Il-Kummissjoni analizzat ukoll informazzjoni disponibbli mill-ICCAT dwar il-konformità tat-Tajwan mar-regoli tal-ICCAT u mal-obbligi tal-MCS. Għal dan, il-Kummissjoni użat it-Tabelli tal-ICCAT għal kwistjonijiet ta' nuqqas ta' konformità potenzjali li jirriżultaw minn Programmi ta' Osservatur Reġjonali tal-ICCAT misjuba matul l-osservazzjonijiet li saru permezz tal-osservaturi reġjonali tal-ICCAT (19).

(91)

L-informazzjoni disponibbli mill-ICCAT għall-2014, uriet li l-bastimenti Tajwaniżi naqsu milli jippreżentaw lill-osservaturi tal-ICCAT awtorizzazzjonijiet validi għat-trażbord u verżjonijiet aġġornati tad-dikjarazzjoni tat-trażbord (intużaw verżjonijiet preċedenti, li ma kinux jinkludu l-aħħar tibdiliet bħalma huma l-inklużjoni ta' referenza għall-istokk u għaż-żona). Barra minn hekk, il-bastimenti Tajwaniżi naqsu milli jippreżentaw awtorizzazzjonijiet validi għas-sajd fiż-żona tal-ICCAT u ġie identifikat għadd kbir ta' każijiet ta' nuqqas ta' konformità b'rabta mal-logbooks, pereżempju logbooks li ma kinux marbuta bi ksur tar-Rakkomandazzjoni 03-13 u folji tal-logbooks li ma kinux enumerati kif mitlub fl-Anness 1 tar-Rakkomandazzjoni 11-01 tal-ICCAT. Barra minn hekk, ġew identifikati nuqqas ta' konformità mar-rekwiżiti dwar l-immarkar u l-VMS u inkonsistenzi fir-rapportar ta' informazzjoni lill-osservaturi tal-ICCAT.

(92)

Jitfakkar ukoll li fl-2014 l-ICCAT ħarġet Ittra ta' Tħassib (20) lit-Tajwan dwar il-possibbiltà ta' trażbordi fuq il-baħar u l-attivitajiet IUU possibbli miċ-ċittadini Tajwaniżi u b'mod partikolari fir-rigward tal-kontroll fuq il-qabdiet u l-irregolaritajiet bejn id-dikjarazzjonijiet dwar il-qabdiet u l-qabdiet irrappurtati.

(93)

Wara ż-żjara tal-2015, it-Tajwan argumenta li mill-2007 sal-2012, u fl-2014, kien konformi għalkollox mar-regoli tal-ICCAT. Biex jiġu ammessi l-kwistjonijiet ta' konformità li jikkonċernaw is-sena 2013, it-Tajwan allega li huwa ħa l-miżuri kollha xierqa biex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet tal-ICCAT u konsegwentement ma tittieħdet l-ebda azzjoni mill-ICCAT.

(94)

Fir-rigward tad-WCPFC, huwa nnotat li matul il-missjoni tal-2015, il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Tajwaniżi ddiskutew il-konformità tat-Tajwan mal-Miżuri ta' Konservazzjoni u Ġestjoni (CMMs) adottati minn dik l-organizzazzjoni reġjonali.

(95)

It-Tajwan innotifika lill-Kummissjoni li huwa inkorpora l-Konvenzjoni tad-WCPFC u s-CMMs fis-sistema legali nazzjonali tiegħu u kien qed jaħdem biex isolvi għadd ta' kwistjonijiet ta' nuqqas ta' konformità fir-rigward tas-CMMs tad-WCPFC.

(96)

Huwa wkoll innotat li l-għaxar Kumitat Xjentifiku tad-WCPFC qajjem il-kwistjoni ta' lakuni fid-dejta tal-flotta tas-sajd bil-purse seine tat-Tajwan u talab li fil-11-il Kumitat Xjentifiku, it-Tajwan jipprovdi dokument li jiddeskrivi l-metodoloġija użata biex jiġu stmati l-qabdiet ta' speċijiet tat-tonn fid-dejta aggregata tiegħu dwar il-purse-seine li jipprovdi lid-WCPFC (21).

(97)

L-informazzjoni disponibbli mill-SPRFMO (22), turi li fl-2014 it-Tajwan naqas milli jilħaq l-istandards tal-Ġbir, tar-Rapportar, tal-Verifika u tal-Iskambju ta' Dejta (CMM 2.02 (1e)) u naqas milli jikkonforma bis-sħiħ mar-rekwiżiti għad-Dejta tal-Ħatt l-Art u tat-Trażbord (CMM 2.02 (1d)).

(98)

Wara ż-żjara tal-2015, it-Tajwan bagħat lill-Kummissjoni li kienet obbligata li tipprovdi sommarju ta' dejta skont CMM 2.02(1e) minħabba kwistjonijiet ta' protezzjoni tad-dejta nazzjonali. Huwa spjega wkoll li ma kienx jikkonforma b'mod parzjali biss ma' CMM 2.02 (1d).

(99)

Il-kwistjonijiet ta' konformità tat-Tajwan mal-WCPFC u mal-SPRFMO juru n-nuqqas tat-Tajwan li jissodisfa l-obbligi tiegħu bħala Stat tal-bandiera stabbilit fl-Artikolu 94 tal-UNCLOS (ara wkoll l-Artikolu 5 tal-Konvenzjoni ta' Ġinevra tal-1958 dwar l-Ibħra Miftuħa). Barra minn hekk, it-Tajwan naqas milli jsegwi r-rakkomandazzjonijiet tal-punti 31-33, 35 u 38 tal-Linji Gwida Volontarji tal-FAO dwar il-Prestazzjoni tal-Istat tal-Bandiera u tal-punt 24 tal-IPOA-IUU.

(100)

Fid-dawl tas-sitwazzjoni spjegata f'din it-Taqsima tad-Deċiżjoni u abbażi tal-elementi fattwali kollha miġbura mill-Kummissjoni, kif ukoll tad-dikjarazzjonijiet kollha li għamel il-pajjiż, jista' jiġi stabbilit, skont l-Artikolu 31(3) u (6) tar-Regolament IUU, li t-Tajwan naqas milli jaqdi dmirijietu skont il-liġi internazzjonali fir-rigward tar-regoli, tar-regolamenti u tal-miżuri ta' konservazzjoni u ġestjoni internazzjonali.

3.4.   Limitazzjonijiet speċifiċi tal-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp (l-Artikolu 31(7) tar-Regolament IUU)

(101)

Ta' min ifakkar li t-Tajwan, minħabba l-istatus politiku tiegħu, mhuwiex membru tan-Nazzjonijiet Uniti. Abbażi tal-istatistika tal-HDI li t-Tajwan ġabar bl-użu tal-metodoloġija tan-UN, it-Tajwan huwa meqjus bħala pajjiż bi żvilupp għoli tal-bniedem (ikklassifikat fil-21 post minn 188 pajjiż) (23).

(102)

Ta' min jinnota li n-notifika tat-Tajwan bħala Stat tal-bandiera kienet aċċettata mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 20 tar-Regolament IUU fit-28 ta' Jannar 2010. It-Tajwan ikkonferma, kif mitlub mill-Artikolu 20(1) tar-Regolament IUU, li għandu fis-seħħ arranġamenti nazzjonali għall-implimentazzjoni, il-kontroll u l-infurzar tal-liġijiet, ir-regolamenti u l-miżuri ta' konservazzjoni u ġestjoni li magħhom għandhom ikunu konformi l-bastimenti tas-sajd tiegħu.

(103)

Meta wieħed iqis il-klassifika tal-HDI u l-osservazzjonijiet matul iż-żjarat tal-2012 sal-2015, l-ebda evidenza ma tissuġġerixxi li n-nuqqas tat-Tajwan milli jaqdi l-obbligi tiegħu skont il-liġi internazzjonali huwa r-riżultat ta' livelli baxxi ta' żvilupp. Ma teżisti l-ebda evidenza tanġibbli li tikkorrelata n-nuqqasijiet fil-monitoraġġ, fil-kontroll u fis-sorveljanza tas-sajd man-nuqqas ta' kapaċitajiet u infrastruttura. It-Tajwan qatt ma sostna li l-limitazzjonijiet fl-iżvilupp jaffettwaw l-abbiltà tiegħu li jkollu MCS b'saħħitha u qatt ma talab appoġġ mill-Unjoni.

(104)

Fid-dawl tas-sitwazzjoni kif spjegata f'din it-Taqsima, u abbażi tal-elementi fattwali kollha miġbura mill-Kummissjoni kif ukoll tad-dikjarazzjonijiet kollha magħmulin mill-pajjiż, jista' jiġi stabbilit, skont l-Artikolu 31(7) tar-Regolament IUU, li l-istatus tal-iżvilupp u l-prestazzjoni globali tat-Tajwan fir-rigward tal-ġestjoni tas-sajd mhumiex ostakolati mil-livell tal-iżvilupp tiegħu.

4.   KONKLUŻJONI DWAR IL-POSSIBBILTÀ TA' IDENTIFIKAZZJONI BĦALA PAJJIŻ TERZ LI MA JIKKOOPERAX

(105)

Fid-dawl tal-konklużjonijiet li ntlaħqu dwar in-nuqqas tat-Tajwan milli jaqdi dmirijietu skont il-liġi internazzjonali bħala Stat tal-bandiera, tal-port, kostali jew tas-suq u milli jieħu azzjoni biex jipprevjeni, jiskoraġġixxi u jelimina s-sajd IUU, it-Tajwan għandu jiġi nnotifikat, skont l-Artikolu 32 tar-Regolament IUU, bil-possibbiltà li l-Kummissjoni tidentifikah bħala pajjiż terz li ma jikkooperax fil-ġlieda kontra s-sajd IUU.

(106)

Skont l-Artikolu 32(1) tar-Regolament IUU, il-Kummissjoni għandha tinnotifika lit-Tajwan bil-possibbiltà li jiġi identifikat bħala pajjiż terz li ma jikkooperax. Il-Kummissjoni għandha tieħu d-démarches kollha stipulati fl-Artikolu 32 tar-Regolament IUU fir-rigward tat-Tajwan. Fl-interess tal-amministrazzjoni tajba, għandu jiġi stabbilit perjodu ta' żmien li matulu dak il-pajjiż jista' jwieġeb bil-miktub għan-notifika u jirranġa s-sitwazzjoni.

(107)

Barra minn hekk, in-notifika lit-Tajwan dwar il-possibbiltà li jiġi identifikat bħala pajjiż li ma jikkooperax, la tipprekludi u lanqas ma tfisser b'mod awtomatiku li l-Kummissjoni jew il-Kunsill se jieħdu xi azzjoni sussegwenti għall-finijiet tal-identifikazzjoni u tal-istabbiliment ta' lista ta' pajjiżi li ma jikkooperawx.

IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:

Artikolu Uniku

It-Tajwan għandu jiġi nnotifikat bil-possibbiltà li jiġi identifikat mill-Kummissjoni bħala pajjiż terz li ma jikkooperax fil-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat.

Magħmul fi Brussell, l-1 ta' Ottubru 2015.

Għall-Kummissjoni

Karmenu VELLA

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 286, 29.10.2008, p. 1.

(2)  It-territorju doganali separat tat-Tajwan, Penchu, Kinmen u Matscu (it-Taipei Ċiniża).

(3)  It-termini “Stat” u “pajjiż” f'dak li għandu x'jaqsam mal-entità tas-sajd tat-Tajwan qed jintużaw fil-kuntest tar-Regolament IUU biss.

(4)  Informazzjoni miġjuba minn:

https://treaties.un.org/pages/ViewDetails.aspx?src=TREATY&mtdsg_no=XXI-2&chapter=21&lang=en#1

https://treaties.un.org/pages/HistoricalInfo.aspx#China

(5)  Informazzjoni miġjuba minn:

https://treaties.un.org/pages/ViewDetails.aspx?src=TREATY&mtdsg_no=XXI-1&chapter=21&lang=en

https://treaties.un.org/pages/HistoricalInfo.aspx#China

(6)  Ara r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni i Nru 137/2014 tat-12 ta' Frar 2014 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 468/2010 li jistabbilixxi l-lista tal-UE ta' bastimenti involuti f'sajd illegali, mhux rappurtat u mhux regolat (ĠU L 43, 13.2.2014, p. 47).

(7)  Informazzjoni miġjuba minn: http://www.radionz.co.nz/international/pacific-news/266070/arrests-in-marshalls-over-illegal-fishing

(8)  Informazzjoni miġjuba minn: http://legal.un.org/ilc/texts/instruments/english/conventions/8_1_1958_high_seas.pdf

(9)  “Voluntary Guidelines on Flag State Performance”, 2014, miksub minn: http://www.fao.org/3/a-mk052e.pdf

(10)  “International Plan of Action to prevent, deter and eliminate illegal, unreported and unregulated fishing, Food and Agriculture Organization of the United Nations”, 2001.

(11)  Riżoluzzjoni tal-IOTC 11/03, miġjuba minn: http://www.iotc.org/sites/default/files/documents/compliance/cmm/iotc_cmm_11-03_en.pdf

(12)  Konvenzjoni tad-WCPFC, miġjuba minn: https://www.wcpfc.int/system/files/text.pdf

(13)  http://eng.stat.gov.tw/ct.asp?xItem=25280&ctNode=6032&mp=5

(14)  Rapport ta' Konformtà mal-IOTC għat-Tajwan, Dok. Nru IOTC-2015-CoC12-CR36, 23 ta' Marzu 2015.

(15)  IOTC Dok. Nru IOTC-2015-CoC12-08c Add_1, 27 ta' Marzu 2015.

(16)  IOTC Dok. Nru IOTC-2014-CoC11-08c Add_1, 26 ta' April 2014.

(17)  Ir-Rapport tal-Ħdax-il Sessjoni tal-Kumitat ta' Konformità, Colombo, Sri Lanka, Mejju 26-28, 2014, pp. 14-15.

(18)  Informazzjoni miġjuba minn:

http://www.iotc.org/sites/default/files/documents/2015/03/IOTC-2015-CoC12-04bE_-_IOTC_ROP_-_Contractors_Report.pdf

(19)  ICCAT Regional Observer Programmes and Responses, 5 ta' Novembru 2014, COC-305/2014, pp 33 - 49.

(20)  Ittra ta' Tħassib fit-13 ta' Frar 2014.

(21)  Summary Report of the WCPFC Scientific Committee 10th Regular Session, il-punt 82.

(22)  Il-Valutazzjoni tal-Konformità tal-Membri u s-CNCPS, it-tieni laqgħa tal-Kumitat ta' Konformità u Tekniku, Auckland, New Zealand, it-30 u l-31 ta' Jannar 2015.

(23)  http://eng.stat.gov.tw/ct.asp?xItem=25280&ctNode=6032&mp=5