19.5.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 122/31


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2015/778

tat-18 ta' Mejju 2015

dwar operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea fin-Nofsinhar tal-Mediterran Ċentrali (EUNAVFOR MED)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 42(4) u 43(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Fl-20 ta' April 2015, il-Kunsill ikkonferma l-impenn qawwi li jaġixxi sabiex jiġu prevenuti t-traġedji umani li jirriżultaw mill-faċilitazzjoni ta' dħul klandestin ta' persuni fil-Mediterran.

(2)

Fit-23 ta' April 2015 il-Kunsill Ewropew esprima l-għadab tiegħu dwar is-sitwazzjoni fil-Mediterran u ssottolinja li l-Unjoni ser timmobilizza il-mezzi kollha għad-dispożizzjoni tagħha biex tipprevjeni aktar telf ta' ħajja fuq il-baħar u biex tindirizza l-kawżi bażiċi ta' din l-emerġenza umana, f'kooperazzjoni mal-pajjiżi tal-oriġini u tat-tranżitu, u li l-prijorità immedjata tkun il-prevenzjoni ta' aktar imwiet ta' nies fil-baħar. Il-Kunsill Ewropew impenja ruħu li jsaħħaħ il-presenza tal-Unjoni fil-baħar, li jipprevjeni l-flussi ta' migrazzjoni illegali u li jirrinforza s-solidarjetà u r-responsabbiltà interni.

(3)

Il-Kunsill Ewropew tat-23 ta' April 2015 impejna ruħu wkoll li jikkumbatti t-traffikanti f'konformità mad-dritt internazzjonali, inkluż billi jsiru sforzi sistematiċi għall-identifikazzjoni, il-qabda u l-qerda ta' bastimenti qabel ma jintużaw mit-traffikanti, u stieden lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (RGħ) biex tibda t-tħejjijiet għal operazzjoni possibbli tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (PSDK) għal dan il-għan.

(4)

Fil-11 ta' Mejju 2015, ir-RGħ infurmat lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar il-kriżi tal-migranti fil-Mediterran u t-tħejjija li qed issir għal operazzjoni navali possibbli tal-Unjoni, fil-qafas tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni tal-Unjoni. F'dan ir-rigward, hija esprimiet il-ħtieġa li l-Unjoni taħdem bl-appoġġ tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU.

(5)

Fit-18 ta' Mejju 2015, il-Kunsill approva l-kunċett ta' maniġġar tal-kriżi għal operazzjoni tal-PSDK biex jiġu sfrattati n-netwerks ta' faċilitazzjoni ta' dħul klandestin ta' persuni fin-Nofsinhar tal-Mediterran Ċentrali.

(6)

L-operazzjoni tal-PSDK tal-Unjoni ser titmexxa f'konformità mad-dritt internazzjonali, b'mod partikolari mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Dritt tal-Baħar (UNCLOS) tal-1982, il-Protokolli tal-2000 kontra l-Faċilitazzjoni tad-Dħul Klandestin ta' Migranti fuq l-Art, bil-Baħar u bl-Ajru (il-Protokoll kontra l-Faċilitazzjoni tad-Dħul Klandestin ta' Migranti) u għall-Prevenzjoni, Soppressjoni u Punizzjoni tat-Traffikar ta' Persuni, speċjalment ta' Nisa u Tfal, li jissupplementa l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti Kontra l-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali, il-Konvenzjoni Internazzjonali għas-Salvagwardja tal-Ħajja Umana fuq il-Baħar (SOLAS) tal-1974, il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar it-Tfittxija u s-Salvataġġ Marittimi (SAR) tal-1979, il-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar u tar-Reġjun Kostali tal-Mediterran (Konvenzjoni ta' Barċellona) tal-1976, il-Konvenzjoni ta' Ġinevra dwar l-Istatus tar-Rifuġjati tal-1951 u l-prinċipju ta' non-refoulement u d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem.

Il-Konvenzjonijiet UNCLOS, SOLAS u SAR jinkludu l-obbligu ta' assistenza lil persuni li jkunu f'diffikultà fil-baħar u li s-superstiti jitwasslu f'post ta' sikurezza, u li għal dak l-għan il-bastimenti assenjati lill-EUNAVFOR MED ser ikunu lesti u mgħammra biex iwettqu d-dmirijiet relatati taħt il-koordinazzjoni taċ-Ċentru ta' Koordinazzjoni tas-Salvataġġ kompetenti.

(7)

Fl-ibħra miftuħa, skont id-dritt domestiku u internazzjonali rilevanti, l-Istati jistgħu jimponu interdett fuq bastimenti suspettati b'faċilitazzjoni ta' dħul klandestin ta' migranti, fejn ikun hemm awtorizzazzjoni mill-Istat tal-bandiera għal imbark u tfittxija tal-bastiment jew fejn il-bastiment ma jkollux nazzjonalità, u jistgħu jieħdu miżuri xierqa kontra l-bastimenti, il-persuni u l-merkanzija.

(8)

Jistgħu jittieħdu miżuri wkoll fl-ilmijiet territorjali jew interni, it-territorju jew l-ispazju tal-ajru ta' Stat kontra bastimenti suspettati b'involviment fil-faċilitazzjoni tad-dħul klandestin jew it-traffikar ta' bnedmin, bil-kunsens ta' dak l-Istat jew skont Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, jew it-tnejn.

(9)

Stat jista' jieħu miżuri xierqa kontra persuni preżenti fit-territorju tiegħu, li huwa jissuspetta b'faċilitazzjoni tad-dħul klandestin jew it-traffiku ta' bnedmin, bil-għan possibbli ta' arrest u prosekuzzjoni, skont id-dritt internazzjonali u d-dritt domestiku tiegħu.

(10)

Il-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà (KPS) għandu jeżerċita, taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill u tar-RGħ, kontroll politiku fuq il-missjoni ta' operazzjoni ta' maniġġar ta' kriżi tal-Unjoni, jagħtiha direzzjoni strateġika u jieħu d-deċiżjonijiet rilevanti f'konformità mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 38 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE).

(11)

F'konformità mal-Artikolu 41(2) TUE u f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/528 (1), in-nefqa operazzjonali li tirriżulta minn din id-Deċiżjoni, li jkollha implikazzjonijiet militari jew ta' difiża, għandha titħallas mill-Istati Membri.

(12)

F'konformità mal-Artikolu 5 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka ma tiħux sehem fl-elaborazzjoni u fl-implementazzjoni ta' deċiżjonijiet u azzjonijiet tal-Unjoni li jkollhom implikazzjonijiet ta' difiża. Konsegwentement, id-Danimarka mhix tieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni, la hi marbuta minnha u lanqas hija soġġetta għall-applikazzjoni tagħha u ma tiħux sehem fil-finanzjament ta' din l-operazzjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Missjoni

1.   L-Unjoni għandha tmexxi operazzjoni militari ta' maniġġar ta' kriżi li tikkontribwixxi biex tisfratta l-mudell kummerċjali tan-netwerks ta' faċilitazzjoni ta' dħul klandestin u traffikar ta' bnedmin fin-Nofsinhar tal-Mediterran Ċentrali (EUNAVFOR MED), billi twettaq sforzi sistematiċi għall-identifikazzjoni, il-qbid u r-rimi ta' bastimenti u assi użati jew suspettati li qed jintużaw mill-faċilitaturi tad-dħul klandestin jew mit-traffikanti, skont id-dritt internazzjonali applikabbli, inkluż l-UNCLOS u kwalunkwe Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU.

2.   Iż-żona tal-operazzjoni għandha tkun definita, qabel it-tnedija tal-EUNAVFOR MED, fid-dokumenti rilevanti tal-ippjanar li għandhom jiġu approvati mill-Kunsill.

Artikolu 2

Mandat

1.   L-EUNAVFOR MED għandha topera f'konformità mal-objettivi politiċi, strateġiċi, politiko-militari li jinsabu fil-Kunċett ta' Maniġġar ta' Kriżi approvat mill-Kunsill fit-18 ta' Mejju 2015.

2.   L-EUNAVFOR MED għandha titmexxa f'fażijiet sekwenzjali, u skont ir-rekwiżiti tad-dritt internazzjonali. L-EUNAVFOR MED għandha:

a)

fl-ewwel fażi, tappoġġa l-kxif u l-monitoraġġ tan-netwerks ta' migrazzjoni permezz ta' ġbir ta' informazzjoni u pattulji fl-ibħra miftuħa skont id-dritt internazzjonali;

b)

f'tieni fażi,

i)

twettaq imbark, tfittxija, qbid u devjazzjoni fl-ibħra miftuħa ta' bastimenti suspettati li qed jintużaw għall-faċilitazzjoni ta' dħul klandestin jew traffikar ta' bnedmin, skont il-kondizzjonijiet previsti fid-dritt internazzjonali applikabbli, inkluż l-UNCLOS u l-Protokoll kontra l-Faċilitazzjoni tad-Dħul Klandestin ta' Migranti;

ii)

f'konformità ma' kwalunkwe Riżoluzzjoni applikabbli tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU jew bil-kunsens tal-Istat kostali konċernat, twettaq imbark, tfittxija, qbid u devjazzjoni, fl-ibħra miftuħa jew fl-ilmijiet territorjali u interni ta' dak l-Istat, ta' bastimenti suspettati li qed jintużaw għall-faċilitazzjoni ta' dħul klandestin jew traffikar ta' bnedmin, skont il-kondizzjonijiet stipulati f'dik ir-Riżoluzzjoni jew il-kunsens;

c)

f'tielet fażi, f'konformità ma' kwalunkwe Riżoluzzjoni applikabbli tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU jew bil-kunsens tal-Istat kostali konċernat, tieħu l-miżuri kollha meħtieġa kontra bastiment u l-assi relatati, inkluż billi tarmihom jew iġġibhom inoperabbli, li jkunu suspettati li qed jintużaw għall-faċilitazzjoni ta' dħul klandestin jew traffikar ta' bnedmin, fit-territorju ta' dak l-Istat, skont il-kondizzjonijiet stipulati f'dik ir-Riżoluzzjoni jew il-kunsens.

3.   Il-Kunsill għandu jivvaluta jekk ikunux jeżistu l-kondizzjonijiet għat-tranżizzjoni lil hinn mill-ewwel fażi, wara li jitqiesu kwalunkwe Riżoluzzjoni applikabbli tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u l-kunsens mill-Istati kostali konċernati.

4.   L-EUNAVFOR MED tista' tiġbor, f'konformità mad-dritt applikabbli, data personali li tikkonċerna l-persuni meħuda abbord bastimenti li jipparteċipaw fl-EUNAVFOR MED u li tirrigwarda l-karatteristiċi li x'aktarx jgħinu biex ikunu identifikati, inkluż il-marki tas-swaba', kif ukoll id-dettalji li ġejjin, bl-esklużjoni ta' data personali oħra: kunjom, kunjom ix-xbubija, ismijiet mogħtija u kwalunkwe psewdonimu jew isem assunt; data u post tat-twelid, nazzjonalità, sess; post tar-residenza, professjoni u fejn tinsab; liċenzji tas-sewqan, dokumenti ta' identifikazzjoni u data dwar il-passaport. Hija tista' tibgħat dik id-data u data dwar il-bastimenti u t-tagħmir użati minn dawk il-persuni lill-awtoritajiet rilevanti tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri u/jew lill-korpi kompetenti tal-Unjoni.

Artikolu 3

Ħatra tal-Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE

Il-Kontrarmirall Enrico Credendino huwa b'dan maħtur Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE tal-EUNAVFOR MED.

Artikolu 4

Għażla tal-Kwartieri Ġenerali tal-Operazzjoni ta-UE

Il-Kwartieri Ġenerali tal-EUNAVFOR MED għandhom ikunu f'Ruma, l-Italja.

Artikolu 5

Ippjanar u tnedija tal-operazzjoni

Id-Deċiżjoni li titnieda l-EUNAVFOR MED għandha tiġi adottata mill-Kunsill fuq ir-rakkomandazzjoni tal-Kmandat tal-Operazzjoni EUNAVFOR MED wara l-approvazzjoni tal-Pjan tal-Operazzjoni u tar-Regoli tal-Kumbattiment meħtieġa għall-eżekuzzjoni tal-mandat.

Artikolu 6

Kontroll politiku u direzzjoni strateġika

1.   Taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill u tar-RGħ, il-KPS għandu jeżerċita l-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika ta' EUNAVFOR MED. Il-Kunsill b'dan jawtorizza lill-KPS sabiex jieħu d-deċiżjonijiet rilevanti f'konformità mal-Artikolu 38 tat-TUE. Din l-awtorizzazzjoni għandha tinkludi s-setgħat li jiġu emendati d-dokumenti tal-ippjanar, inkluż il-Pjan tal-Operazzjoni, il-Linja tal-Kmand u r-Regoli ta' Kumbattiment. Din għandha tinkludi wkoll is-setgħat li jittieħdu deċiżjonijiet dwar il-ħatra tal-Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE u tal-Kmandant tal-Forza tal-UE. Is-setgħat ta' deċiżjoni rigward l-għanijiet u t-tmiem tal-operazzjoni militari tal-UE għandhom jibqgħu f'idejn il-Kunsill. Soġġett għall-Artikolu 2(3) ta' din id-Deċiżjoni, il-KPS għandu jkollu s-setgħa li jiddeċiedi meta ssir it-tranżizzjoni bejn il-fażijiet differenti tal-operazzjoni.

2.   Il-KPS għandu jirrapporta lill-Kunsill f'intervalli regolari.

3.   Il-President tal-Kumitat Militari tal-UE (EUMC) għandu, f'intervalli regolari, jirrapporta lill-KPS fir-rigward tat-tmexxija tal-EUNAVFOR MED. Il-KPS jista' jistieden lill-Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE jew lill-Kmandant tal-Forza tal-UE għal-laqgħat tiegħu, kif adatt.

Artikolu 7

Direzzjoni militari

1.   L-EUMC għandu jissorvelja l-eżekuzzjoni korretta tal-EUNAVFOR MED li ssir taħt ir-responsabbiltà tal-Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE.

2.   Il-Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE għandu, f'intervalli regolari, jirrapporta lill-EUMC. L-EUMC jista' jistieden lill-Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE jew lill-Kmandant tal-Forza tal-UE għal-laqgħat tiegħu, skont kif ikun meħtieġ.

3.   Il-President tal-EUMC għandu jaġixxi bħala l-punt ta' kuntatt ewlieni mal-Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE.

Artikolu 8

Konsistenza tar-rispons u l-koordinazzjoni tal-Unjoni

1.   Ir-RGħ għandha tiżgura l-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni u l-konsistenza tagħha mal-azzjoni esterna kollha tal-Unjoni, inklużi l-programmi ta' żvilupp tal-Unjoni u l-għajnuna umanitarja tagħha.

2.   Ir-RGħ, assistita mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), għandha taġixxi bħala l-punt ta' kuntatt ewlieni man-Nazzjonijiet Uniti, l-awtoritajiet tal-pajjiżi fir-reġjun, u atturi internazzjonali u bilaterali oħra, inklużi n-NATO, l-Unjoni Afrikana u l-Lega tal-Istati Għarab.

3.   L-EUNAVFOR għandha tikkoopera mal-awtoritajiet rilevanti tal-Istati Membri u għandha tistabbilixxi mekkaniżmu ta' koordinazzjoni, u skont kif meħtieġ, tikkonkludi arranġamenti ma' aġenziji u korpi oħra tal-Unjoni, b'mod partikolari l-FRONTEX, l-EUROPOL, l-EUROJUST, l-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil, u missjonijiet rilevanti tal-PSDK.

Artikolu 9

Parteċipazzjoni ta' Stati terzi

1.   Mingħajr preġudizzju għall-awtonomija tat-teħid ta' deċiżjonijiet tal-Unjoni jew għall-qafas istituzzjonali uniku, u skont il-linji gwida rilevanti tal-Kunsill Ewropew, Stati terzi jistgħu jiġu mistiedna jieħdu sehem fil-missjoni.

2.   Il-Kunsill b'dan jawtorizza lill-KPS biex jistieden lil Stati terzi joffru kontributi u jieħu d-deċiżjonijiet rilevanti dwar jekk jiġux aċċettati l-kontributi offerti, fuq ir-rakkomandazzjoni tal-Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE u l-EUMC.

3.   L-arranġamenti dettaljati għall-parteċipazzjoni ta' Stati terzi għandhom ikunu s-soġġett ta' ftehimiet konklużi f'konformità mal-Artikolu 37 TUE u f'konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Fejn l-Unjoni u Stat terz ikunu kkonkludew ftehim li jistabbilixxi qafas għall-parteċipazzjoni ta' dan tal-aħħar f'missjonijiet ta' maniġġar ta' kriżijiet tal-Unjoni, id-dispożizzjonijiet ta' tali ftehim għandhom japplikaw fil-kuntest tal-EUNAVFOR MED.

4.   L-Istati terzi li jagħmlu kontributi militari sinifikanti għall-EUNAVFOR MED għandu jkollhom l-istess drittijiet u obbligi fir-rigward tal-ġestjoni ta' kuljum tal-operazzjoni bħall-Istati Membri li jieħdu sehem fl-operazzjoni.

5.   Il-Kunsill b'dan jawtorizza lill-KPS biex jieħu d-deċiżjonijiet rilevanti rigward l-istabbiliment ta' Kumitat ta' Kontributuri, fil-każ li xi Stati terzi jipprovdu kontributi militari sinifikanti.

Artikolu 10

Status tal-persunal immexxi mill-Unjoni

L-istatus tal-unitajiet u l-persunal immexxija mill-Unjoni għandhom jiġu definiti fejn ikun meħtieġ f'konformità mad-dritt internazzjonali.

Artikolu 11

Arranġamenti finanzjarji

1.   L-ispejjeż komuni tal-operazzjoni militari tal-UE għandhom jiġu amministrati skont id-Deċiżjoni (PESK) 2015/528.

2.   L-ammont ta' referenza finanzjarja għall-ispejjeż komuni tal-EUNAVFOR MED għandu jkun ta' EUR 11,82 miljun. Il-perċentwal tal-ammont ta' referenza msemmi fl-Artikolu 25(1) tad-Deċiżjoni (PESK) 2015/528 għandu jkun ta' 70 % f'impenji u 40 % għal pagamenti.

Artikolu 12

Ħruġ ta' informazzjoni

1.   Ir-RGħ għandha tkun awtorizzata li tgħaddi lill-Istati terzi assoċjati ma' din id-Deċiżjoni, kif adatt u f'konformità mal-ħtiġijiet tal-EUNAVFOR MED, informazzjoni klassifikata tal-UE ġġenerata għall-finijiet tal-operazzjoni, f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE (2), kif ġej:

(a)

sal-livell previst mill-Ftehimiet applikabbli dwar is-Sigurtà tal-Informazzjoni konklużi bejn l-Unjoni u l-Istat terz konċernat; jew

(b)

sal-livell “CONFIDENTIEL UE/EU CONFIDENTIAL” f'każijiet oħrajn.

2.   Ir-RGħ għandha tkun awtorizzata wkoll li tgħaddi lin-NU, f'konformità mal-ħtiġijiet operazzjonali tal-EUNAVFOR MED, informazzjoni klassifikata tal-UE sal-livell “RESTREINT UE/EU RESTRICTED” li tiġi ġġenerata għall-finijiet tal-EUNAVFOR MED, f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE. Għandhom jitfasslu arranġamenti għal dan l-iskop bejn ir-RGħ u l-awtoritajiet kompetenti tan-Nazzjonijiet Uniti.

3.   Ir-RGħ għandha tkun awtorizzata li tgħaddi lill-Istati terzi assoċjati ma' din id-Deċiżjoni kwalunkwe dokument mhux klassifikat tal-UE marbut mad-deliberazzjonijiet tal-Kunsill dwar l-operazzjoni u li jkun kopert mill-obbligu ta' segretezza professjonali skont l-Artikolu 6(1) tar-Regoli ta' Proċedura tal-Kunsill (3).

4.   Ir-RGħ tista' tiddelega tali awtorizzazzjonijiet, kif ukoll il-kapaċità li jiġu konklużi l-arranġamenti msemmijin f'dan l-Artikolu, lil uffiċjali tas-SEAE, lill-Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE jew lill-Kmandant tal-Forza tal-UE f'konformità mat-taqsima VII tal-Anness VI tad-Deċiżjoni 2013/488/UE.

Artikolu 13

Dħul fis-seħħ u terminazzjoni

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

L-EUNAVFOR MED għandha tintemm mhux aktar tard minn 12-il xahar wara li tkun laħqet Kapaċità Operattiva Sħiħa (FOC).

Din id-Deċiżjoni għandha titħassar mid-data tal-għeluq tal-Kwartieri Ġenerali tal-Operazzjoni tal-UE f'konformità mal-pjanijiet approvati għat-terminazzjoni tal-EUNAVFOR MED, u mingħajr preġudizzju għall-proċeduri rigward l-awditu u l-preżentazzjoni tal-kontijiet tal-EUNAVFOR MED stipulati fid-Deċiżjoni (PESK) 2015/528.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta' Mejju 2015.

Għall-Kunsill

Il-President

F. MOGHERINI


(1)  Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/528 tas-27 ta' Marzu 2015 li tistabbilixxi mekkaniżmu sabiex jiġi amministrat il-finanzjament tal-ispejjeż komuni tal-operazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea li jkollhom implikazzjonijiet militari jew ta' difiża (Athena) u li tħassar id-Deċiżjoni 2011/871/PESK (ĠU L 84, 28.3.2015, p. 39).

(2)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE tat-23 ta' Settembru 2013 dwar ir-regoli tas-sigurtà għall-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU L 274, 15.10.2013, p. 1).

(3)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/937/UE tal-1 ta' Diċembru 2009 li tadotta r-Regoli ta' Proċedura tiegħu (ĠU L 325, 11.12.2009, p. 35).