28.3.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 84/39


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2015/528

tas-27 ta' Marzu 2015

li tistabbilixxi mekkaniżmu sabiex jiġi amministrat il-finanzjament tal-ispejjeż komuni tal-operazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea li jkollhom implikazzjonijiet militari jew ta' difiża (Athena) u li tħassar id-Deċiżjoni 2011/871/PESK

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 26(2) u 41(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Il-Kunsill Ewropew, li ltaqa' f'Helsinki fl-10 u l-11 ta' Diċembru 1999, ftiehem b'mod partikolari li, “waqt li jikkoperaw volontarjament f'operazzjonijiet immexxija mill-Unjoni, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu, mill-2003 'l hawn, jiskjeraw fi żmien 60 jum, u jmantnu għal tal-inqas sena, forzi militari ta' minn 50 000 sa 60 000 persuna, kapaċi għall-firxa sħiħa tal-kompiti ta' Petersberg”.

(2)

Fis-17 ta' Ġunju 2002, il-Kunsill approva l-arranġamenti tal-finanzjament ta' operazzjonijiet immexxija mill-Unjoni tal-immaniġġar ta' kriżijiet li jkollhom implikazzjonijiet militari jew ta' difiża.

(3)

Il-Kunsill, fil-konklużjonijiet tiegħu tal-14 ta' Mejju 2003, ikkonferma l-ħtieġa ta' kapaċità ta' reazzjoni rapida, b'mod partikolari għal kompiti umanitarji u ta' salvataġġ.

(4)

Il-Kunsill Ewropew, li ltaqa' f'Tessaloniki fid-19 u l-20 ta' Ġunju 2003, laqa' l-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Kunsill fid-19 ta' Mejju 2003, fejn b'mod partikolari ġiet ikkonfermata l-ħtieġa ta' kapaċità ta' reazzjoni rapida militari tal-Unjoni.

(5)

Fit-22 ta' Settembru 2003, il-Kunsill iddeċieda li l-Unjoni għandha takkwista l-kapaċità sabiex tamministra flessibbilment il-finanzjament tal-ispejjeż komuni ta' operazzjonijiet militari ta' kwalunkwe skala, komplessità jew urġenza, b'mod partikolari bl-istabbiliment, sa mhux aktar tard mill-1 ta' Marzu 2004, ta' mekkaniżmu ta' finanzjament permanenti sabiex jassumi l-inkarigu tal-finanzjament tal-ispejjeż komuni ta' kwalunkwe operazzjoni militari futura tal-Unjoni.

(6)

Fit-23 ta' Frar 2004, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2004/197/PESK (1) li tistabbilixxi mekkaniżmu sabiex jiġi amministrat il-finanzjament tal-ispejjeż komuni tal-operazzjonijiet tal-Unjoni li jkollhom implikazzjonijiet militari jew ta' difiża. Dik id-Deċiżjoni ġiet sussegwentement emendata u sostitwita diversi drabi, l-aktar reċenti bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/871/PESK (2).

(7)

L-Unjoni hija kapaċi twettaq operazzjonijiet ta' rispons militari rapidu f'konformità mal-kunċett iddefinit mill-Kumitat Militari tal-UE. L-Unjoni hija kapaċi tiskjera Gruppi Tattiċi f'konformità mal-kunċett iddefinit mill-Kumitat Militari tal-UE.

(8)

L-iskema għall-finanzjament bikri hija maħsuba l-ewwel u qabel kollox għall-operazzjonijiet ta' rispons rapidu.

(9)

L-eżerċizzji fil-livell strateġiku politiku u militari tal-istrutturi u l-proċeduri ta' kmand u kontroll għall-operazzjonijiet militari tal-Unjoni permezz tal-eżerċizzji tal-kwartieri ġenerali tal-Unjoni, kif approvati mill-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà (KPS), jikkontribwixxu għat-titjib tat-tħejjija operattiva ġenerali tal-Unjoni.

(10)

Il-Kunsill jiddeċiedi fuq bażi ta' każ b'każ jekk operazzjoni għandhiex implikazzjonijiet militari jew ta' difiża, fis-sens tal-Artikolu 41(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE).

(11)

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 41(2) tat-TUE jipprevedi li l-Istati Membri, li r-rappreżentanti tagħhom fil-Kunsill ikunu għamlu dikjarazzjoni formali skont it-tieni subparagrafu tal-Artiklu 31(1) tiegħu, ma għandhomx ikunu obbligati jikkontribwixxu għall-finanzjament tal-operazzjoni li jkollha implikazzjonijiet militari jew ta' difiża.

(12)

F'konformità mal-Artikolu 5 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-TUE u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka ma tipparteċipax fl-elaborazzjoni u l-implementazzjoni ta' deċiżjonijiet u azzjonijiet tal-Unjoni li għandhom implikazzjonijiet ta' difiża. Id-Danimarka ma tipparteċipax f'din id-Deċiżjoni u għalhekk ma tipparteċipax fil-finanzjament tal-mekkaniżmu.

(13)

Għandhom jiġu adottati dispożizzjonijiet biex jiġi żgurat li Athena jipproteġi lill-individwi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali tagħhom.

(14)

F'konformità mal-Artikolu 43 tad-Deċiżjoni 2011/871/PESK, il-Kunsill irriveda dik id-Deċiżjoni u qabel li tiġi emendata.

(15)

Għal raġunijiet ta' ċarezza, id-Deċiżjoni 2011/871/PESK għandha titħassar u tiġi sostitwita b'Deċiżjoni ġdida,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni:

(a)

“Stati Membri parteċipanti” tfisser l-Istati Membri tal-Unjoni, ħlief id-Danimarka;

(b)

“Stati kontribwenti” tfisser Stat Membru li jikkontribwixxi għall-finanzjament tal-operazzjoni militari in kwistjoni konformement mal-Artikolu 41(2) tat-TUE u l-Istati terzi li jikkontribwixxu għall-finanzjament tal-ispejjeż komuni ta' din l-operazzjoni skont il-ftehimiet bejnhom u l-Unjoni;

(c)

“operazzjonijiet” tfisser l-operazzjonijiet tal-Unjoni li jkollhom implikazzjonijiet militari jew ta' difiża;

(d)

“azzjonijiet militari ta' appoġġ” tfisser operazzjonijiet tal-Unjoni, jew partijiet minnhom, deċiżi mill-Kunsill b'appoġġ għal Stat terz jew organizzazzjoni terza, li jkollhom implikazzjonijiet militari jew ta' difiża, iżda li ma jkunux taħt l-awtorità tal-Kwartieri Ġenerali tal-Unjoni;

(e)

“jum” tirriferi għal jum kalendarju, mhux ġurnata ta' xogħol, sakemm ma jiġix indikat mod ieħor.

KAPITOLU 1

MEKKANIŻMU

Artikolu 2

Stabbiliment tal-mekkaniżmu

1.   Huwa b'dan stabbilit mekkaniżmu sabiex jiġi amministrat il-finanzjament tal-ispejjeż komuni ta' operazzjonijiet.

2.   Il-mekkaniżmu jissejjaħ Athena.

3.   Athena għandu jaġixxi f'isem l-Istati Membri parteċipanti jew, fir-rigward tal-operazzjonijiet speċifiċi, f'isem l-Istati kontribwenti.

Artikolu 3

Kapaċità legali

Bil-ħsieb tal-ġestjoni amministrattiva tal-finanzjament ta' operazzjonijiet tal-Unjoni b'implikazzjonijiet militari jew ta' difiża, Athena għandu jkollu l-kapaċità ġuridika meħtieġa, b'mod partikolari, sabiex iżomm kontijiet bankarji, jakkwista, iżomm jew jiddisponi minn proprjetà, jidħol f'kuntratti u arranġamenti amministrattivi u jkun parti minn proċedimenti legali. Athena m'għandux jagħmel profitt.

Artikolu 4

Koordinazzjoni ma' partijiet terzi

Sa fejn ikun meħtieġ sabiex iwettaq il-kompiti tiegħu, u konformement mal-objettivi u l-linji politiċi tal-Unjoni, Athena għandu jikkoordina l-attivitajiet tiegħu mal-Istati Membri, mal-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni, u ma' organizzazzjonijiet internazzjonali.

KAPITOLU 2

STRUTTURA ORGANIZZATTIVA

Artikolu 5

Korpi amministrattivi u persunal

1.   Athena għandu jkun amministrat, taħt l-awtorità tal-Kumitat Speċjali minn:

(a)

l-amministratur;

(b)

il-kmandant ta' kull operazzjoni, fir-rigward tal-operazzjoni li tagħha jkollu l-kmand (“kmandant tal-operazzjoni”);

(c)

l-uffiċjal tal-kontabbiltà.

2.   Athena għandu juża l-istrutturi amministrattivi eżistenti tal-Unjoni sa fejn ikun l-aktar possibbli. Athena għandu jirrikorri għall-persunal li jkun sar disponibbli kif meħtieġ mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni jew li jkun issekondat mill-Istati Membri.

3.   Is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill jista' jipprovdi l-persunal meħtieġ lill-amministratur u lill-uffiċjal tal-kontabbiltà sabiex dawn iwettqu l-funzjonijiet tagħhom, u dan jista' jsir abbażi ta' proposta minn Stat Membru parteċipant.

4.   Il-korpi u l-persunal ta' Athena għandhom jiġu mobilizzati abbażi tal-ħtiġijiet operattivi.

Artikolu 6

Kumitat Speċjali

1.   Huwa b'dan stabbilit Kumitat Speċjali magħmul minn rappreżentant wieħed ta' kull Stat Membru parteċipanti.

Ir-rappreżentanti tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u tal-Kummissjoni għandhom jiġu mistiedna għal-laqgħat tal-Kumitat Speċjali mingħajr ma jieħdu sehem fil-votazzjonijiet tiegħu.

2.   Athena għandu jkun amministrat taħt l-awtorità tal-Kumitat Speċjali.

3.   Meta l-Kumitat Speċjali jkun qiegħed jiddiskuti l-finanzjament tal-ispejjeż komuni ta' operazzjoni partikolari:

(a)

il-Kumitat Speċjali għandu jkun magħmul minn rappreżentant wieħed ta' kull Stat Membru kontribwenti;

(b)

ir-rappreżentanti tal-Istati terzi kontribwenti għandhom jipparteċipaw fil-proċedimenti tal-Kumitat Speċjali. Huma la għandhom jieħdu sehem u lanqas ikunu preżenti fil-voti tiegħu;

(c)

il-kmandant tal-operazzjoni jew ir-rappreżentant tiegħu għandu jipparteċipa fil-proċedimenti tal-Kumitat Speċjali, mingħajr ma jieħu sehem fil-voti tiegħu.

4.   Il-Presidenza tal-Kunsill għandha ssejjaħ u tippresjedi l-laqgħat tal-Kumitat Speċjali. L-amministratur għandu jipprovdi s-segretarjat għall-Kumitat Speċjali. Hu għandu jfassal il-minuti tar-riżultat tad-diskussjonijiet tal-Kumitat. Hu ma għandux jieħu sehem fil-voti tiegħu.

5.   L-uffiċjal tal-kontabbiltà għandu jipparteċipa kif meħtieġ fil-proċedimenti tal-Kumitat Speċjali, mingħajr ma jieħu sehem fil-voti tiegħu.

6.   Fuq talba mill-Istat Membru parteċipant, l-amministratur jew il-kmandant tal-operazzjoni, il-Presidenza għandha tlaqqa' lill-Kumitat Speċjali fi żmien mhux aktar minn 15-il jum.

7.   L-amministratur għandu jinforma b'mod adegwat lill-Kumitat Speċjali dwar kwalunkwe pretensjoni jew tilwima li tinvolvi lil Athena.

8.   Il-Kumitat Speċjali għandu jiddeċiedi b'mod unanimu fost il-membri tiegħu, b'kont meħud tal-kompożizzjoni tiegħu kif definit fil-paragrafi 1 u 3. Id-deċiżjonijiet tiegħu għandhom ikunu vinkolanti.

9.   Il-Kumitat Speċjali japprova l-baġits kollha, filwaqt li jikkunsidra l-ammonti ta' referenza rilevanti, u ġeneralment jeżerċita l-kompetenzi skont din id-Deċiżjoni.

10.   Il-Kumitat Speċjali għandu jkun informat mill-amministratur, il-kmandant tal-operazzjoni u l-uffiċjal tal-kontabbiltà kif previst f'din id-Deċiżjoni.

11.   It-testi tal-atti approvati mill-Kumitat Speċjali skont din id-Deċiżjoni għandhom, fil-mument tal-approvazzjoni tagħhom, jiġu ffirmati mill-President tal-Kumitat Speċjali u mill-amministratur.

Artikolu 7

Amministratur

1.   Is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill, wara li jkun informa lill-Kumitat Speċjali, għandu jaħtar lill-amministratur u mill-inqas deputat amministratur wieħed għal perijodu ta' tliet snin.

2.   L-amministratur għandu jwettaq dmirijietu f'isem Athena.

3.   L-amministratur:

(a)

għandu jfassal u jippreżenta kull abbozz ta' baġit lill-Kumitat Speċjali. It-taqsima tan-“nefqa” għal operazzjoni fi kwalunkwe abbozz ta' baġit għandha titfassal abbażi ta' proposta mill-kmandant tal-operazzjoni;

(b)

għandu jadotta l-baġits wara l-approvazzjoni tagħhom mill-Kumitat Speċjali;

(c)

għandu jkun l-uffiċjal awtorizzanti għat-taqsimiet “tad-dħul”, “tal-ispejjeż komuni li jkunu saru fit-tħejjija għal, jew b'segwitu għal operazzjonijiet” u “tal-ispejjeż komuni operattivi” li jkunu saru barra mill-fażi attiva tal-operazzjoni;

(d)

fir-rigward tad-dħul, għandu jimplimenta l-arranġamenti finanzjarji magħmula ma' partijiet terzi fir-rigward finanzjament tal-ispejjeż komuni tal-operazzjonijiet militari tal-Unjoni;

(e)

għandu jiftaħ kont bankarju wieħed jew aktar f'isem Athena.

4.   L-amministratur għandu jiżgura li jkun hemm konformità mar-regoli stabbiliti b'din id-Deċiżjoni, u li d-deċiżjonijiet tal-Kumitat Speċjali jiġu implimentati.

5.   L-amministratur huwa awtorizzat li jadotta kwalunkwe miżura li hu jqis meħtieġa għall-implimentazzjoni tan-nefqa ffinanzjata permezz ta' Athena. Hu għandu jinforma lill-Kumitat Speċjali b'dan.

6.   L-amministratur għandu jikkoordina l-ħidma dwar kwistjonijiet finanzjarji relatati mal-operazzjonijiet militari tal-Unjoni. Hu għandu jkun il-punt ta' kuntatt mal-amministrazzjonijiet nazzjonali u, skont il-każ, mal-organizzazzjonijiet internazzjonali dwar dawn il-materji.

7.   L-amministratur għandu jagħti rendikont lill-Kumitat Speċjali.

Artikolu 8

Kmandant tal-operazzjoni

1.   Il-kmandant tal-operazzjoni għandu jwettaq id-dmirijiet tiegħu f'isem Athena fir-rigward tal-finanzjament tal-ispejjeż komuni tal-operazzjoni li tagħha jkollu l-kmand.

2.   Għall-operazzjoni li tagħha jkollu l-kmand, il-kmandant tal-operazzjoni għandu:

(a)

jibgħat lill-amministratur il-proposti tiegħu għat-taqsima tan-“nefqa — spejjeż komuni operattivi” tal-abbozzi tal-baġits;

(b)

bħala uffiċjal awtorizzanti, jimplimenta l-approprjazzjonijiet fir-rigward tal-ispejjeż komuni operattivi kif ukoll in-nefqa skont l-Artikolu 28; hu għandu jeżerċita l-awtorità tiegħu fuq kwalunkwe persuna li tkun qed tipparteċipa fl-implimentazzjoni ta' dawk l-approprjazzjonijiet, inkluż il-prefinanzjament; hu jista' jagħti kuntratti u jidħol f'kuntratti f'isem Athena; hu għandu jiftaħ kont bankarju f'isem ATHENA għall-operazzjoni li tagħha jkollu l-kmand;

(c)

bħala uffiċjal awtorizzanti, jimplimenta l-approprjazzjonijiet fir-rigward tan-nefqa skont l-Artikolu 30; hu għandu jeżerċita l-awtorità tiegħu fuq kwalunkwe persuna li tkun qiegħda tipparteċipa fl-implimentazzjoni ta' dawk l-approprjazzjonijiet, abbażi tad-dispożizzjonijiet rilevanti fil-ftehim amministrattiv ad hoc mal-parti terza. Hu jista' jagħti kuntratti u jidħol f'kuntratti f'isem il-parti terza; hu għandu jiftaħ kont bankarju għal kull kontribuzzjoni minn parti terza.

3.   Il-kmandant tal-operazzjoni huwa awtorizzat li jadotta kwalunkwe miżura li hu jqis li tkun meħtieġa għall-implimentazzjoni tan-nefqa finanzjata permezz ta' Athena, għall-operazzjoni li tagħha jkollu l-kmand. Hu għandu jinforma lill-amministratur u lill-Kumitat Speċjali b'dan.

4.   Ħlief f'ċirkostanzi debitament ġustifikati approvati mill-Kumitat Speċjali fuq proposta mill-amministratur, il-kmandant tal-operazzjoni għandu juża s-sistema tal-kontabbiltà u tal-amministrazzjoni tal-assi pprovduta minn Athena. L-amministratur għandu jinforma lill-Kumitat Speċjali minn qabel meta hujkun tal-fehma li jkunu jeżistu tali ċirkostanzi.

Artikolu 9

Uffiċjal tal-kontabbiltà

1.   Is-Segretarju Ġenerali Kunsill għandu jaħtar l-uffiċjal tal-kontabbiltà u mill-inqas deputat uffiċjal wieħed tal-kontabbiltà għal perijodu ta' tliet snin.

2.   L-uffiċjal tal-kontabbiltà għandu jwettaq id-dmirijiet tiegħu f'isem Athena.

3.   L-uffiċjal tal-kontabbiltà għandu jkun responsabbli għal:

(a)

l-implimentazzjoni korretta ta' pagamenti, ġbir tad-dħul u rkupru tal-ammonti stabbiliti bħala riċevibbli;

(b)

it-tħejjija tar-rapporti finanzjarji għal Athena kull sena, u, wara t-tmiem ta' kull operazzjoni, il-kontijiet għal dik l-operazzjoni;

(c)

l-appoġġ għall-amministratur meta jippreżenta l-kontijiet annwali jew il-kontijiet għal operazzjoni lill-Kumitat Speċjali għall-approvazzjoni;

(d)

iż-żamma tal-kontijiet għal Athena;

(e)

l-istabbiliment tar-regoli tal-kontabbiltà u l-metodi u l-karta tal-kontijiet;

(f)

l-istabbiliment u l-validazzjoni tas-sistemi tal-kontabbiltà għad-dħul u, fejn ikun il-każ, il-validazzjoni tas-sistemi stabbiliti mill-uffiċjal awtorizzanti sabiex iforni jew jiġġustifika l-informazzjoni tal-kontabbiltà;

(g)

iż-żamma tad-dokumenti ta' prova;

(h)

l-amministrazzjoni tat-teżor, b'mod konġunt mal-amministratur.

4.   L-amministratur u l-kmandant tal-operazzjoni għandhom jipprovdu lill-uffiċjal tal-kontabbiltà, l-informazzjoni kollha meħtieġa għall-produzzjoni tal-kontijiet li jirrappreżentaw eżattament l-assi finanzjarji ta' Athena u l-implimentazzjoni tal-baġit amministrat minn Athena. Huma għandhom jiggarantixxu l-affidabbiltà tagħha.

5.   L-uffiċjal tal-kontabbiltà għandu jagħti rendikont lill-Kumitat Speċjali.

Artikolu 10

Dispożizzjonijiet ġenerali li japplikaw għall-amministratur, għall-uffiċjal tal-kontabbiltà u għall-persunal ta' Athena

1.   Il-funzjonijiet ta' amministratur jew deputat amministratur, fuq naħa waħda, u ta' uffiċjal tal-kontabbiltà jew deputat uffiċjal tal-kontabbiltà, fuq l-oħra, għandhom ikunu reċiprokament inkompatibbli.

2.   Kwalunkwe deputat amministratur għandu jaġixxi taħt l-awtorità tal-amministratur. Kull deputat uffiċjal tal-kontabbiltà għandu jaġixxi taħt l-awtorità tal-uffiċjal tal-kontabbiltà.

3.   Deputat amministratur għandu jissostitwixxi lill-amministratur meta dan ikun assenti. Deputat uffiċjal tal-kontabbiltà għandu jissostitwixxi lill-uffiċjal tal-kontabbiltà dan ikun assenti.

4.   L-uffiċjali u aġenti oħrajn tal-Unjoni, meta jkunu qed iwettqu funzjonijiet f'isem Athena, għandhom jibqgħu soġġetti għar-regoli u r-regolamenti applikabbli għalihom.

5.   Il-persunal li jkun tqiegħed għad-dispożizzjoni ta' Athena mill-Istati Membri għandu jkun soġġett għall-istess regoli bħal dawk stabbiliti fid-deċiżjoni tal-Kunsill dwar ir-regoli applikabbli għall-esperti nazzjonali li jkunu ġew issekondati, u għad-dispożizzjonijiet maqbula bejn l-amministrazzjoni nazzjonali tagħhom u l-istituzzjoni tal-Unjoni jew Athena.

6.   Qabel il-ħatra tagħhom, il-membri tal-persunal ta' Athena għandhom jkunu rċevew permess għall-aċċess għal informazzjoni klassifikata mill-inqas sal-livell “SECRET UE/UE SECRET” miżmuma mill-Kunsill, jew permess ekwivalenti minn Stat Membru.

7.   L-amministratur jista' jinnegozja u jidħol f'arranġamenti mal-Istati Membri jew ma' istituzzjonijiet u korpi tal-Unjoni bil-ħsieb li jinnominaw minn qabel dak il-persunal li, jekk meħtieġ, ikun jista' jsir immedjatament disponibbli għal Athena.

KAPITOLU 3

ARRANĠAMENTI AMMINISTRATTIVI U KUNTRATTI QAFAS

Artikolu 11

Arranġamenti amministrattivi u kuntratti qafas

1.   Jistgħu jiġu negozjati arranġamenti amministrattivi mal-Istati Membri, l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni Ewropea, Stati terzi u organizzazzjoni internazzjonali sabiex ikunu faċilitati l-akkwisti fuq il-post u/jew l-aspetti finanzjarji ta' appoġġ reċiproku fil-qafas ta' operazzjonijiet bl-aktar mod kost-effettiv.

2.   Tali arranġamenti għandhom ikunu:

(a)

soġġetti għall-konsultazzjoni tal-Kumitat Speċjali meta jiġu konklużi ma' Stati Membri, istituzzjonijiet jew korpi tal-Unjoni;

(b)

preżentati għall-approvazzjoni tal-Kumitat Speċjali meta jiġu konklużi ma' Stati terzi jew istituzzjonijiet internazzjonali.

3.   Tali arranġamenti għandhom jiġu ffirmati mill-amministratur jew, fejn ikun il-każ, mill-kmandant rispettiv tal-operazzjoni, li jaġixxi f'isem Athena, u mill-awtoritajiet amministrattivi kompetenti tal-partijiet l-oħrajn imsemmija fil-paragrafu 1.

4.   Jistgħu jiġu konklużi kuntratti qafas sabiex l-akkwist ikun iffaċilitat bl-aktar mod kost-effettiv. Tali kuntratti għandhom jiġu ppreżentati lill-Kumitat Speċjali għall-approvazzjoni qabel ma jiġu ffirmati mill-amministratur u għandhom isiru disponibbli għall-Istati Membri u l-kmandanti tal-operazzjoni jekk dawn ikunu jixtiequ jagħmlu użu minnhom. Din id-dispożizzjoni ma timponi l-ebda obbligu fuq xi Stat Membru biex juża jew jakkwista merkanzija jew servizzi abbażi ta' kuntratt qafas.

Artikolu 12

Arranġamenti amministrattivi permanent u ad hoc dwar modalitajiet għall-ħlas tal-kontribuzzjonijiet ta' Stati terzi

1.   Fil-qafas tal-ftehimiet konklużi bejn l-Unjoni u Stati terzi indikati mill-Kunsill bħala kontributuri potenzjali għall-operazzjonijiet tal-Unjoni jew bħala kontributuri ta' operazzjoni speċifika tal-Unjoni, l-amministratur għandu jinnegozja ma' dawn l-Istati terzi l-arranġamenti amministrattivi permanenti jew ad hoc, rispettivament. Dawn l-arranġamenti għandhom jieħdu l-forma ta' Skambju ta' Ittri bejn Athena u s-servizzi amministrattivi kompetenti tal-Istati terzi kkonċernati li jistabbilixxu l-modalitajiet meħtieġa sabiex jiġi ffaċilitat il-ħlas malajr tal-kontribuzzjonijiet.

2.   Sa meta jiġu konklużi l-ftehimiet imsemmija fil-paragrafu 1, l-amministratur jista' jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jiġu ffaċititati l-ħlasijiet mill-Istati terzi kontribwenti.

3.   L-amministratur għandu jinforma lill-Kumitat Speċjali minn qabel dwar l-arranġamenti previsti msemmija fil-paragrafu 1, qabel ma jiffirmahom f'isem Athena.

4.   Meta operazzjoni militari tiġi mnedija mill-Unjoni, għall-ammonti ta' kontribuzzjonijiet deċiżi mill-Kunsill, l-amministratur għandu jimplimenta l-arranġamenti mal-Istati terzi li jikkontribwixxu għal dik l-operazzjoni.

KAPITOLU 4

KONTIJIET BANKARJI

Artikolu 13

Ftuħ u għan

1.   Kwalunkwe kont bankarju għandu jinfetaħ f'istituzzjoni finanzjarja tal-ogħla kalibru li jkollha l-uffiċċju prinċipali tagħha fi Stat Membru u għandu jkun kont kurrenti jew kont bi skadenza qasira f'euro. F'ċirkostanzi debitament ġustifikati, u wara l-approvazzjoni tal-amministratur, jistgħu jinfetħu kontijiet f'istituzzjonijiet finanzjarji li jkollhom l-uffiċċju prinċipali tagħhom barra mill-Istati Membri.

2.   F'ċirkostanzi debitament ġustifikati, il-kontijiet jistgħu jinfetħu f'munita li mhijiex l-euro.

3.   Il-kontribuzzjonijiet minn Stati kontribwenti għandhom jitħallsu f'dawn il-kontijiet bankarji. Dawn għandhom jintużaw sabiex isiru l-ħlasijiet bil-quddiem meħtieġa lill-kmandant tal-operazzjoni għall-implimentazzjoni tan-nefqa relatata mal-ispejjeż komuni tal-operazzjoni militari.

4.   Kull waħda mill-kontribuzzjonijiet skont l-Artikoli 28 u 30 għandha titħallas f'kontijiet tal-bank separati. Dawn għandhom jintużaw biex tiġi implimentata n-nefqa li l-amministrazzjoni tiegħu tkun ġiet fdata lil Athena [kif speċifikat fl-Artikoli rispettivi].

Artikolu 14

Amministrazzjoni ta' fondi

1.   Kwalunkwe ħlas mill-kont ta' Athena għandu jeħtieġ il-firma konġunta tal-amministratur jew id-deputat amministratur, fuq naħa waħda, u tal-uffiċjal tal-kontabbiltà jew id-deputat uffiċjal tal-kontabbiltà, fuq l-oħra.

2.   Minn ebda kont bankarju ma jista' jsir overdraft.

KAPITOLU 5

SPEJJEŻ KOMUNI

Artikolu 15

Definizzjoni ta' spejjeż komuni u perijodi ta' eliġibbiltà

1.   L-ispejjeż komuni elenkati fl-Anness I għandhom ikunu għas-spejjeż ta' Athena kull meta dawn isiru. Meta jiddaħħlu f'artikolu tal-baġit li juri l-operazzjoni li magħha jkunu l-aktar relatati, dawn għandhom jiġu kkunsidrati bħala spejjeż operattivi ta' operazzjoni. Altrimenti, huma għandhom jiġu kkunsidrati bħala spejjeż komuni li jkunu saru fit-tħejjija għal, jew wara, operazzjonijiet.

2.   Addizzjonalment, Athena għandu jassumi l-ispejjeż komuni operattivi elenkati fl-Anness II matul il-perijodu mill-approvazzjoni tal-kunċett ta' maniġġar ta' kriżijiet għall-operazzjoni sal-ħatra tal-kmandant tal-operazzjoni. F'ċirkostanzi partikolari, wara li l-KPS ikun ġie kkonsultat, il-Kumitat Speċjali jista' jimmodifika l-perijodu li fih dawn l-ispejjeż għandhom jiġu sostnuti minn Athena.

3.   Matul il-fażi attiva ta' operazzjoni, li tibda mid-data li fiha jinħatar il-kmandant tal-operazzjoni sal-jum li fih tieqaf l-attività tal-kwartieri ġenerali tal-operazzjoni, Athena għandu jassumi bħala spejjeż komuni operattivi:

(a)

l-ispejjeż komuni elenkati fil-Parti A tal-Anness III;

(b)

l-ispejjeż komuni elenkati fil-Parti B tal-Anness III, meta l-Kunsill hekk jiddeċiedi;

(c)

l-ispejjeż komuni elenkati fil-Parti Ċ tal-Anness III, meta hekk jiġi mitlub mill-Kmandant tal-Operazzjoni u jekk dan jiġi approvat mill-Kumitat Speċjali.

4.   Matul il-fażi attiva ta' azzjoni militari ta' appoġġ, kif determinat mill-Kunsill, Athena għandu jerfa' bħala spejjeż komuni operattivi l-ispejjeż komuni definiti mill-Kunsill fuq bażi ta' każ b'każ b'referenza għall-Anness III.

5.   L-ispejjeż komuni operattivi ta' operazzjoni jinkludu wkoll in-nefqa meħtieġa sabiex din tiġi terminata, kif elenkat fl-Anness IV.

L-operazzjoni tkun terminata meta t-tagħmir u l-infrastruttura finanzjati b'mod komuni għall-operazzjoni jkunu sabu d-destinazzjoni finali tagħhom u l-kontijiet għall-operazzjoni jkunu ġew approvati.

6.   L-ebda nefqa li ssir bil-ħsieb li tkopri l-ispejjeż li fi kwalunkwe każ ikunu nġarrbu minn Stat kontribwent wieħed jew aktar, istituzzjoni tal-Unjoni jew organizzazzjoni internazzjonali, indipendentement mill-organizzazzjoni ta' operazzjoni, ma tista' tkun eliġibbli bħala spiża komuni.

7.   Il-Kumitat Speċjali jista' jiddeċiedi fuq bażi ta' każ b'każ li, minħabba ċirkostanzi partikolari, ċerti spejjeż inkrimentali diversi minn dawk elenkati fl-Anness III-B għandhom jitqiesu bħala spejjeż komuni għal operazzjoni waħda partikolari matul il-fażi attiva tagħha.

8.   Jekk l-unanimità ma tkunx tista' tinkiseb fil-Kumitat Speċjali, dan jista', fuq l-inizjattiva tal-Presidenza, jippreżenta din il-kwistjoni lill-Kunsill.

Artikolu 16

Eżerċizzji

1.   L-ispejjeż komuni tal-eżerċizzji tal-Unjoni għandhom ikunu finanzjati permezz ta' Athena skont ir-regoli u l-proċeduri simili għal dawk ta' operazzjonijiet li għalihom jikkontribwixxu l-Istati Membri kollha parteċipanti.

2.   Dawn l-ispejjeż komuni tal-eżerċizzju għandhom jikkonsistu minn, l-ewwelnett, spejjeż inkrimentali għall-kwartieri ġenerali li jistgħu jiġu mobilizzati jew li jkunu fissi, u t-tieni, spejjeż inkrimentali li jsiru minn rikors tal-Unjoni għall-assi u l-kapaċitajiet komuni tan-NATO meta dawn ikunu saru disponibbli għal eżerċizzju.

3.   L-ispejjeż komuni tal-eżerċizzju ma għandhomx jinkludu spejjeż relatati ma':

(a)

akkwisti kapitali, inklużi dawk relatati ma' bini, infrastruttura u tagħmir;

(b)

l-ippjanar u l-fażi preparatorja ta' eżerċizzji, sakemm mhux approvati mill-Kumitat Speċjali;

(c)

it-trasport, il-kwartieri u l-alloġġi għall-forzi.

Artikolu 17

Ammont ta' referenza

Kwalunkwe deċiżjoni tal-Kunsill li biha l-Kunsill jiddeċiedi li jistabbilixxi jew jestendi operazzjoni militari tal-Unjoni għandha tinkludi ammont ta' referenza għall-ispejjeż komuni ta' dik l-operazzjoni. Bl-appoġġ b'mod partikolari tal-persunal militari tal-Unjoni u, jekk ikun fil-kariga, tal-kmandant tal-operazzjoni, l-amministratur għandu jevalwa l-ammont meqjus meħieġ sabiex ikopri l-ispejjeż komuni tal-operazzjoni għall-perijodu ppjanat. L-amministratur għandu jipproponi dan l-ammont permezz tal-Presidenza lill-korp tal-Kunsill responsabbli għall-eżami tal-abbozz ta' deċiżjoni. Il-membri tal-Kumitat Speċjali għandhom jiġu mistiedna għad-diskussjonijiet ta' dan il-korp fir-rigward tal-ammont ta' referenza.

KAPITOLU 6

BAĠIT

Artikolu 18

Prinċipji baġitarji

1.   Il-baġit, stabbilit f'euro, huwa l-att li, għal kull sena finanzjarja, jistabbilixxi u jawtorizza d-dħul u n-nefqa kollha relatati mal-ispejjeż komuni amministrati minn Athena.

2.   In-nefqa kollha għandha tkun marbuta ma' operazzjoni speċifika, ħlief fejn ikun il-każ għall-ispejjeż elenkati fl-Anness I.

3.   L-approprjazzjonijiet imdaħħla fil-baġit huma awtorizzati għall-perijodu ta' sena finanzjarja li tibda fl-1 ta' Jannar u tintemm fil-31 ta' Diċembru tal-istess sena.

4.   L-introjtu u n-nefqa tal-baġit għandhom ikunu f'bilanċ.

5.   Ma jistgħu jiġu implimentati l-ebda dħul u l-ebda nefqa li jkunu relatati mal-ispejjeż komuni ħlief bl-allokazzjoni għal intestatura fil-baġit u fil-limitu tal-approprjazzjonijiet imdaħħla hemm, ħlief f'konformità mal-Artikolu 34(5).

Artikolu 19

Baġit annwali

1.   Kull sena l-amministratur għandu jfassal abbożż ta' baġit għas-sena finanzjarja sussegwenti, bl-assistenza ta' kull kmandant tal-operazzjoni għall-operazzjoni tiegħu.

2.   L-abbozz għandu jinkludi:

(a)

l-approprjazzjonijiet meqjusa bħala meħtieġa sabiex ikopru l-ispejjeż komuni li jsiru fit-tħejjija għal, jew b'segwitu għal operazzjonijiet;

(b)

l-approprjazzjonijiet meqjusa bħala meħtieġa sabiex ikopru l-ispejjeż komuni operattivi għall-operazzjonijiet kurrenti jew ippjanati, anke, fejn ikun il-każ, sabiex jiġu rimborżati l-ispejjeż komuni li jkunu ġew prefinanzjati minn Stat jew parti terza;

(c)

l-approprjazzjonijiet provviżorji kif imsemmija fl-Artikolu 26;

(d)

previżjoni tad-dħul meħtieġ sabiex ikopri n-nefqa.

3.   L-approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament għandhom ikunu kklassifikati f'titoli u kapitoli li jirraggruppaw in-nefqa flimkien skont it-tip jew l-għan, subdiviżi f'artikoli, kif meħtieġ. Għandhom ikunu inklużi kummenti ddettaljati f'kapitolu jew artikolu fl-abbozz ta' baġit. Għandu jkun iddedikat titolu speċifiku wieħed għal kull operazzjoni. Titolu speċifiku wieħed għandu jkun il-parti ġenerali tal-baġit u għandu jinkludi l-ispejjeż komuni li jsiru fit-tħejjija għal, jew bħala segwitu tal-operazzjonijiet.

4.   Kull titolu jista' jinkludi kapitolu intitolat “approprjazzjonijiet provviżorji”. Dawn l-approprjazzjonijiet għandhom jiddaħħlu fejn ikun hemm inċertezza, abbażi ta' raġunijiet serji, dwar l-ammont ta' approprjazzjonijiet meħtieġa jew l-ambitu għall-implimentazzjoni tal-approprjazzjonijiet imdaħħla.

5.   Id-dħul għandu jikkonsisti minn:

(a)

kontribuzzjonijiet li jkollhom jitħallsu mill-Istati Membri parteċipanti u kontribwenti u, fejn ikun il-każ, mill-Istati terzi kontribwenti;

(b)

dħul mixxellanju, subdiviż skont it-titolu, li jinkludi l-imgħax riċevut, id-dħul minn bejgħ u l-eżitu tal-baġit mis-sena finanzjarja preċedenti, wara li dan ikun ġie ddeterminat mill-Kumitat Speċjali.

6.   L-amministratur għandu jipproponi l-abbozz tal-baġit lill-Kumitat Speċjali sal-31 ta' Ottubru. Il-Kumitat Speċjali għandu japprova l-abbozz ta' baġit sa mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru. L-amministratur għandu jadotta l-baġit approvat u jinnotifika l-Istati Membri parteċipanti u l-Istati terzi kontribwenti.

Artikolu 20

Baġits emendatorji

1.   Fil-każ ta' ċirkostanzi inevitabbli, eċċezzjonali jew imprevisti, inkluż meta titnieda operazzjoni matul is-sena finanzjarja, l-amministratur għandu jipproponi abbozz ta' baġit emendatorju. L-abbozz ta' baġit emendatorju għandu jiġi mfassal, propost, approvat u adottat u n-notifika għandha tingħata konformement mal-istess proċedura tal-baġit annwali. Il-Kumitat Speċjali għandu jiddiskutih b'kont meħud tal-urġenza tiegħu.

2.   Meta dan l-abbozz ta' baġit emendatorju jirriżulta mit-tnedija ta' operazzjoni ġdida jew bidliet fil-baġit ta' operazzjoni li tkun għaddejja, l-amministratur se jinforma lill-Kumitat Speċjali dwar l-ispejjeż totali previsti għal din l-operazzjoni. Jekk dawn l-ispejjeż jaqbżu l-ammont ta' referenza b'mod sostanzjali, il-Kumitat Speċjal jista' jitlob lill-Kunsill biex japprovah.

3.   L-abbozz ta' baġit emendatorju li jirriżulta mit-tnedija ta' operazzjoni ġdida għandu jiġi ppreżentat lill-Kumitat Speċjali fi żmien perijodu ta' 4 xhur wara l-approvazzjoni tal-ammont ta' referenza, ħlief jekk il-Kumitat Speċjali jiddeċiedi dwar skadenza itwal.

Artikolu 21

Trasferimenti

1.   L-amministratur, meta jkun xieraq u abbażi ta' proposta mill-kmandant tal-operazzjoni, jista' jagħmel trasferimenti tal-approprjazzjonijiet. L-amministratur għandu jinforma lill-Kumitat Speċjali dwar l-intenzjoni tiegħu, sakemm tippermetti l-urġenza tas-sitwazzjoni, mill-inqas ġimgħa waħda minn qabel. Madankollu, l-approvazzjoni minn qabel tal-Kumitat Speċjali għandha tkun meħtieġa meta:

(a)

it-trasferiment ippjanat jemenda t-total tal-approprjazzjonijiet previsti għal operazzjoni;

jew

(b)

it-trasferimenti ppjanati bejn il-kapitoli matul is-sena finanzjarja jaqbżu 10 % tal-approprjazzjonijiet imdaħħla fil-kapitolu li minnu jkunu qed jitfasslu l-approprjazzjonijiet, bħal ma jkun jidher fil-baġit adottat għas-sena finanzjarja fid-data meta ssir il-proposta għat-trasferiment in kwistjoni.

2.   Meta jkun tal-fehma li dan ikun meħtieġ għat-tmexxija korretta ta' operazzjoni, fit-tliet xhur wara d-data tal-varar tal-operazzjoni, il-kmandant tal-operazzjoni jista' jagħmel trasferimenti tal-approprjazzjonijiet allokati għall-operazzjoni, bejn artikoli u bejn kapitoli fit-taqsima ta' “spejjeż komuni operattivi” tal-baġit. Hu għandu jinforma lill-amministratur u lill-Kumitat Speċjali b'dan.

Artikolu 22

Riportar ta' approprjazzjonijiet

1.   Fil-prinċipju, l-approprjazzjonijiet maħsuba sabiex ikopru l-ispejjeż komuni li jsiru fit-tħejjija għal, jew b'segwitu għal operazzjonijiet, li ma jkunux ġew impenjati, jiġu kkanċellati fl-aħħar tas-sena finanzjarja.

2.   L-approprjazzjonijiet maħsuba sabiex ikopru l-ispiża tal-ħżin ta' materjal u tagħmir amministrat minn Athena jistgħu jiġu riportati darba għas-sena finanzjarja sussegwenti, meta jkun sar impenn għal dak l-effett qabel il-31 ta' Diċembru tas-sena finanzjarja attwali. L-approprjazzjonijiet maħsuba sabiex ikopru l-ispejjeż komuni operattivi jistgħu jiġu riportati jekk ikunu meħtieġa għal operazzjoni li ma tkunx ġiet terminata għal kollox.

3.   L-amministratur għandu jippreżenta proposti għar-riportar ta' approprjazzjonijiet li m'humiex kommessi mis-sena finanzjarja preċedenti lill-Kumitat Speċjali sal-15 ta' Frar. Dawn il-proposti għandhom jitqiesu approvati sakemm il-Kumitat Speċjali ma jiddeċidix mod ieħor sal-15 ta' Marzu.

4.   L-approprjazzjonijiet impenjati mis-sena finanzjarja preċedenti għandhom jiġu riportati u l-Kumitat Speċjali għandu jiġi informat bihom mill-amministratur sal-15 ta' Frar.

Artikolu 23

Implimentazzjoni antiċipata

Ladarba l-baġit annwali jkun ġie approvat, jistgħu jintużaw approprjazzjonijiet sabiex ikopru impenji u pagamenti sa fejn dan ikun meħtieġ operattivament.

KAPITOLU 7

KONTRIBUZZJONIJIET U RIMBORŻI

Artikolu 24

Determinazzjoni ta' kontribuzzjonijiet

1.   L-approprjazzjonijiet ta' pagament sabiex ikopru spejjeż komuni li jsiru fit-tħejjija għal, jew b'segwitu għal operazzjonijiet li ma jkunux koperti minn dħul mixxellanju għandhom ikunu finanzjati mill-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri parteċipanti.

2.   L-approprjazzjonijiet ta' pagament sabiex ikopru l-ispejjeż komuni operattivi ta' operazzjoni għandhom ikunu koperti minn kontribuzzjonijiet tal-Istati.

3.   Il-kontribuzzjonijiet li jkollhom jitħallsu mill-Istati Membri kontribwenti għal operazzjoni għandhom ikunu ekwivalenti għall-ammont tal-approprjazzjonijiet ta' pagament imdaħħla fil-baġit u maħsuba sabiex ikopru l-ispejjeż komuni operattivi ta' dik l-operazzjoni, bit-tnaqqis tal-ammonti tal-kontribuzzjonijiet li jkollhom jitħallsu għall-istess operazzjoni mill-Istati terzi kontribwenti taħt l-Artikolu 12.

4.   It-tqassim tal-kontribuzzjonijiet bejn l-Istati Membri li mingħandhom tkun meħtieġa kontribuzzjoni, għandu jiġi ddeterminat f'konformità mal-iskala tal-prodott nazzjonali gross kif speċifikat fl-Artikolu 41(2) TUE u f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/335/UE, Euratom (3), jew kwalunkwe deċiżjoni oħra tal-Kunsill li tista' tieħu postha.

5.   Id-data għall-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet għandha tkun dik imniżżla fil-kolonna “riżorsi proprji bbażati fuq l-ING” fit-tabella “Sommarju tal-finanzjament tal-baġit ġenerali skont it-tip tar-riżorsa proprja u skont l-Istat Membru” annessa mal-aħħar baġit ġenerali adottat mill-Unjoni. Il-kontribuzzjoni ta' kull Stat Membru li minnu kontribuzzjoni hija dovuta għandha tkun proporzjonali għas-sehem tad-Dħul Gross Nazzjonali (DGN) ta' dak l-Istat Membru fl-ammont totali tad-DGN tal-Istati Membri li mingħandhom tkun dovuta kontribuzzjoni.

Artikolu 25

Skeda għall-ħlas ta' kontribuzzjonijiet

1.   Meta l-Kunsill ikun adotta ammont ta' referenza għal ħidma militari tal-Unjoni, l-Istati Membri kontribwenti għandhom iħallsu l-kontribuzzjonijiet tagħhom fuq livell ta' 30 % tal-ammont ta' referenza, kemm-il darba l-Kunsill ma jiddeċidix fuq persentaġġ ogħla. L-amministratur għandu jagħmel sejħa għal kontribuzzjonijiet skont il-ħtiġijiet operattivi għall-operazzjoni sal-livell maqbul.

2.   Il-Kumitat Speċjali jista', abbażi ta' proposta mill-amministratur, jiddeċiedi li ssir sejħa għal kontribuzzjonijiet addizzjonali qabel l-adozzjoni ta' baġit emendatorju għall-operazzjoni. Il-Kumitat Speċjali jista' jiddeċiedi li jirriferi l-kwistjoni lill-korpi preparatorji kompetenti fil-Kunsill.

3.   Meta jkun ġie adottat baġit emendatorju għal operazzjoni speċifika, l-Istati Membri għandhom iħallsu l-bilanċ tal-kontribuzzjonijiet li jkollhom jagħtu għal dik l-operazzjoni b'applikazzjoni tal-Artikolu 24. Madankollu, meta l-operazzjoni tkun ippjanata biex ddum iżjed minn sitt xhur f'sena finanzjarja, il-bilanċ tal-kontribuzzjonijiet għandu jitħallas f'żewġ pagamenti. F'tali każ, l-ewwel pagament għandu jitħallas fi żmien 60 jum mit-tnedija tal-operazzjoni; it-tieni pagament għandu jitħallas sa data ta' skadenza li għandha tiġi stabbilita mill-Kumitat Speċjali, li jaġixxi fuq proposta mill-amministratur, b'kont meħud tal-ħtiġijiet operattivi. Il-Kumitat Speċjali jista' ma jimxix ma' dawn id-dispożizzjonijiet ta' dan il-paragrafu.

4.   L-amministratur għandu jibgħat is-sejħiet korrispondenti għal kontribuzzjonijiet permezz ta' ittra lill-amministrazzjonijiet nazzjonali li d-dettalji tagħhom ikunu ġew ikkomunikati lilu meta:

(a)

jiġi approvat abbozz ta' baġit għal sena finanzjarja mill-Kumitat Speċjali kif stipulat fl-Artikolu 19. L-ewwel sejħa għal kontribuzzjonijiet tkopri l-ħtiġijiet operattivi għal tmien xhur. It-tieni sejħa għal kontribuzzjonijiet tkopri l-bqija tal-bilanċ tal-kontribuzzjonijiet, b'kont meħud tal-bilanċ tal-eżitu tal-baġit tas-sena preċedenti jekk il-Kumitat Speċjali jiddeċiedi li jdaħħal dan il-bilanċ fil-baġit attwali wara li tkun waslet l-opinjoni tal-awditjar;

(b)

ikun ġie adottat ammont ta' referenza kif stipulat fl-Artikolu 25(1); jew

(c)

jiġi approvat baġit emendatorju kif stipulat fl-Artikolu 20.

5.   Mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet l-oħra f'din id-Deċiżjoni, il-kontribuzzjonijiet għandhom jitħallsu fi żmien 30 jum wara t-trasmissjoni tas-sejħa rilevanti għal kontribuzzjonijiet, bl-eċċezzjoni tal-ewwel sejħa għal kontribuzzjonijiet għal baġit ta' sena finanzjarja ġdida, fejn id-data ta' għeluq tal-ħlas għandha tkun 40 jum wara t-trasmissjoni tas-sejħa rilevanti għal kontribuzzjonijiet.

6.   Ladarba l-abbozz tal-baġit aggregat ikun ippreżentat lill-Kumitat Speċjali, għal dawk l-Istati Membri bi proċeduri baġitarji u finanzjarji li ma jippermettux il-ħlas tal-kontribuzzjoni tagħhom fil-limiti tal-skadenzi stabbiliti l-amministratur jista' jagħmel għall-Istat konċernat sejħa antiċipata għal kontribuzzjonijiet qabel it-tmiem tas-sena finanzjarja attwali bħala ħlas minn qabel għas-sejħa għal kontribuzzjonijiet għall-baġit tas-sena finanzjarja sussegwenti.

7.   Kull Stat kontribwenti għandu jħallas il-piżijiet bankarji relatati mal-ħlas tal-kontribuzzjoni proprja tiegħu.

8.   L-amministratur għandu jgħarraf li jkun irċieva l-kontribuzzjonijiet.

Artikolu 26

Finanzjament bikri

1.   Fil-każ ta' operazzjoni ta' rispons rapidu militari tal-Unjoni, il-kontribuzzjonijiet għandhom ikunu dovuti minn Stati Membri kontribwenti fil-livell tal-ammont ta' referenza. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 25(3), il-ħlasijiet għandhom isiru kif definit hawn taħt.

2.   Għall-finijiet ta' finanzjament bikri ta' operazzjonijiet ta' rispons rapidu militari tal-Unjoni, l-Istati Membri parteċipanti għandhom jew:

(a)

iħallsu kontribuzzjoniet lil Athena minn qabel; jew

(b)

meta l-Kunsill jiddeċiedi li jmexxi operazzjoni ta' rispons rapidu militari tal-Unjoni li huma jikkontribwixxu għall-finanzjament tagħha, iħallsu l-kontribuzzjonijiet tagħhom għall-ispejjeż komuni ta' dik l-operazzjoni fi żmien ħamest ijiem wara t-trasmissjoni tas-sejħa fil-livell tal-ammont ta' referenza, sakemm il-Kunsill ma jiddeċidix mod ieħor.

3.   Għall-għan imsemmi fil-paragrafu 2, il-Kumitat Speċjali, magħmul minn rappreżentant wieħed ta' kull Stat Membru li jikkontribwixxi minn qabel, għandu jistabbilixxi approprjazzjonijiet provviżorji taħt titolu speċifiku fil-baġit. Dawn l-approprjazzjonijiet provviżorji għandhom jiġu koperti minn kontribuzzjonijiet li jkollhom jitħallsu mill-Istati Membri li jikkontribwixxi minn qabel fi żmien 90 jum wara t-trasmissjoni tas-sejħa għal dawn il-kontribuzzjonijiet.

4.   Kwalunkwe approprjazzjoni provviżorja msemmija taħt il-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu li tintuża għal operazzjoni għandha tiġi rifornuta fi żmien 90 jum wara t-trasmissjoni tas-sejħa.

5.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 1, kwalunkwe Stat Membru li jikkontribwixxi minn qabel jista' f'ċirkostanzi speċifiċi jawtorizza lill-amministratur sabiex juża l-kontribuzzjoni tiegħu mħallsa minn qabel sabiex ikopri l-kontribuzzjoni tiegħu għal operazzjoni li jipparteċipa fiha, ħlief għal operazzjoni ta' Rispons Rapidu. Għandu jsir riforniment tal-kontribuzzjoni mħallsa minn qabel mill-Istat Membru kkonċernat fi żmien 90 jum wara li ssir is-sejħa.

6.   Fejn ikunu meħtieġa fondi għal xi operazzjoni, li ma tkunx operazzjoni ta' rispons rapidu, qabel ma jkunu ġew riċevuti kontribuzzjonijiet suffiċjenti għal dik l-operazzjoni:

(a)

jistgħu jintużaw kontribuzzjonijiet imħallsa minn qabel minn Stati Membri li jikkontribwixxu għall-finanzjament ta' dik l-operazzjoni, wara l-approvazzjoni mill-Istati Membri li jikkontribwixxu minn qabel, sa 75 % tal-ammont tagħhom sabiex ikopru kontribuzzjonijiet dovuti għal dik l-operazzjoni. Għandu jsir riforniment tal-kontribuzzjoni mħallsa minn qabel mill-Istat Membru li jikkontribwixxi minn qabel fi żmien 90 jum wara t-trasmissjoni tas-sejħa;

(b)

fil-każ imsemmi fil-punt (a) ta' dan il-paragrafu, għandhom jitħallsu l-kontribuzzjonijiet dovuti għall-operazzjoni taħt l-Artikolu 25(1) mill-Istati Membri li ma jkunux ikkontribwew minn qabel, wara approvazzjoni mill-Istati Membri kkonċernati, fi żmien ħamest ijiem wara t-trasmissjoni tas-sejħa mill-amministratur.

7.   Il-kmandant tal-operazzjoni jista' jimpenja u jħallas l-ammonti li jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tiegħu, inklużi dawk skont l-Artikolu 34(3).

8.   Kwalunkwe Stat Membru jista' jreġġa' lura l-għażla tiegħu billi jinnotifika lill-amministratur mill-inqas tliet xhur minn qabel.

9.   L-imgħax miġbur minn fuq il-finanzjament bikri għandu kull sena jitqassam lill-Istati Membri li jkunu kkontribwew minn qabel u jiżdied mal-approprjazzjonijiet provviżorji tagħhom. L-ammonti għandhom jiġu notifikati lil dawk l-Istati Membri bħala parti mill-proċess annwali tal-approvazzjoni baġitarja.

Artikolu 27

Rimborż ta' prefinanzjament

1.   Stat Membru, Stat terz jew, skont il-każ, organizzazzjoni internazzjonali li tkun ġiet awtorizzata mill-Kunsill sabiex tipprovdi l-prefinanzjament ta' parti mill-ispejjeż komuni ta' operazzjoni tista' tikseb rimborż minn Athena billi tagħmel talba flimkien mad-dokumenti ta' prova meħtieġa u indirizzata lill-amministratur mhux aktar tard minn xahrejn wara d-data tat-tlestija tal-operazzjoni kkonċernata.

2.   L-ebda talba għar-rimborż ma tista' tkun onorata jekk din ma tkunx ġiet approvata mill-kmandant tal-operazzjoni, jekk ikun għadu fil-kariga, u mill-amministratur.

3.   Jekk tkun approvata talba għar-rimborż preżentata minn Stat kontribwent, din tista' titnaqqas mis-sejħa għal kontribuzzjonijiet li jkun imiss indirizzata lil dak l-Istat mill-amministratur.

4.   Jekk l-ebda sejħa għall-kontribuzzjonijiet ma tkun antiċipata meta t-talba tiġi approvata, jew jekk it-talba approvata għar-rimborż taqbeż il-kontribuzzjoni antiċipata, l-amministratur għandu jħallas l-ammont li għandu jiġi rimborżat fi żmien 30 jum, b'kont meħud tal-likwidità ta' Athena u ta' dak li jkun jinħtieġ għall-finanzjament tal-ispejjeż komuni tal-operazzjoni kkonċernata.

5.   Ir-rimborż għandu jkun dovut skont din id-Deċiżjoni wkoll jekk l-operazzjoni tiġi kkanċellata.

6.   Ir-rimborż għandu jinkludi l-imgħax li jkun inqala' fuq l-ammont li jkun sar disponibbli permezz tal-prefinanzjament.

Artikolu 28

Amministrazzjoni minn Athena ta' nfiq mhux inkluż fl-ispejjeż komuni

1.   Il-Kumitat Speċjali, fuq bażi ta' proposta mill-amministratur, bl-assistenza tal-kmandant tal-operazzjoni, jew Stat Membru, jista' jiddeċiedi li t-tmexxija amministrattiva ta' ċerta nefqa relatata ma' operazzjoni (“spejjeż imħallsa min-nazzjon”), filwaqt li tibqa' r-responsabbilità tal-Istat Membru li tikkonċerna, għandha tkun fdata lil Athena.

2.   Fid-deċiżjoni tiegħu, il-Kumitat Speċjali jista' jawtorizza lill-kmandant tal-operazzjoni sabiex jidħol f'kuntratti f'isem l-Istati Membri parteċipanti f'operazzjoni u, fejn ikun il-każ, partijiet terzi, għall-akkwist tas-servizzi u l-provvisti li għandhom jiġu ffinanzjati bħala spejjeż imħallsa min-nazzjon.

3.   id-deċiżjoni tiegħu, il-Kumitat Speċjali għandu jistabbilixxi l-modalitajiet għall-prefinanzjament ta' spejjeż imħallsa min-nazzjon.

4.   Athena għandu jżomm kont tal-ispejjeż imħallsa min-nazzjon li jkun fdat bihom u li jsiru minn kull Stat Membru u, fejn ikun il-każ, partijiet terzi. Kull xahar hu għandu jibgħat lil kull Stat Membru u, fejn ikun il-każ, dawk il-partijiet terzi, rendikont tan-nefqa li jkun sostna u li tkun saret minnu jew mill-persunal tiegħu fix-xahar preċedenti, u għandu jitlob il-fondi meħtieġa sabiex titħallas din in-nefqa. L-Istati Membri u, fejn ikun il-każ, dawk il-partijiet terzi, għandhom iħallsu lil Athena l-fondi meħtieġa fi żmien 30 jum wara t-trasmissjoni tas-sejħa għall-fondi.

Artikolu 29

Amministrazzjoni minn Athena ta' prefinanzjament u ta' nfiq mhux inklużi fl-ispejjeż komuni sabiex ikun iffaċilitat l-iskjerament inizjali tal-forzi għal operazzjoni

Il-Kumitat Speċjali, jekk ċirkostanzi partikolari hekk ikunu jeħtieġu, fuq bażi ta' proposta mill-amministratur, bl-assistenza tal-kmandant tal-operazzjoni, jew Stat Membru, il-Kumitat Speċjali jista' jiddeċiedi li t-tmexxija amministrattiva tal-prefinanzjament u ta' ċerta nefqa relatati ma' operazzjoni, filwaqt li tibqa' r-responsabbilità tal-Istat Membru li lilu tkun tikkonċerna, għandha tkun fdata lil Athena sabiex ikun iffaċilitat l-iskjerament inizjali tal-forzi għal operazzjoni, qabel ma jiġu kkonfermati l-Istati Membri parteċipanti. Għandu jiġi żgurat li l-amministrazzjoni ta' dawn l-ispejjeż issir fil-limiti tal-mezzi u riżorsi eżistenti u li n-nefqa inizjali tinżamm sa 20 % tal-ammont ta' referenza. F'dan il-każ, il-Kumitat Speċjali għandu jagħti dettalij fid-deċiżjoni tiegħu tal-modalitajiet għall-prefinanzjament u r-rimborż ta' ammonti prefinanzjati mill-Istati Membri parteċipanti futuri u partijiet terzi.

Artikolu 30

Amministrazzjoni minn Athena ta' kontribuzzjonijiet finanzjarji ta' partijiet terzi

1.   F'konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-qafas legali tal-operazzjoni u b'segwitu għal deċiżjoni tal-KPS li tiġi aċċettata l-implimentazzjoni jew amministrazzjoni ta' proġett mill-operazzjoni jew kontribuzzjoni finanzjarja minn parti terza jew Stat Membru għall-ispejjeż riżultanti mill-operazzjoni, il-Kumitat Speċjali jista' jawtorizza li l-ġestjoni amministrattiva tal-finanzjament għal dak il-proġett jew ta' dik il-kontribuzzjoni finanzjarja tiġi fdata lil Athena, fil-limiti tal-mezzi u riżorsi eżistenti. Dan jista' jinkludi proġetti ffinanzjati mill-Unjoni.

2.   L-ispejjeż relatati mal-amministrazzjoni tal-kontribuzzjoni għandhom jiġu koperti mill-kontribuzzjoni stess. Il-Kumitat Speċjali jista' jiddeċiedi li ċerti spejjeż assoċjati mal-kontribuzzjoni u relattivi għall-fażi attiva tal-operazzjoni jkunu eliġibbli bħala spejjeż komuni fuq bażi ta' każ b'każ.

3.   Għall-finijiet tal-amministrazzjoni ta' kontribuzzjoni minn parti terza, mill-Unjoni jew minn Stat Membru, l-Amministratur għandu, fuq l-approvazzjoni mill-Kumitat Speċjali, jinnegozja u jiffirma arranġament amministrattiv ad hoc mal-parti terza, l-Unjoni jew l-Istat Membru, li jiddefinixxi l-iskop, l-ispejjeż li jkunu jeħtieġu li jiġu koperti mill-kontribuzzjoni u l-modalitajiet tal-amministrazzjoni tal-kontribuzzjoni, inkluża r-responsabbiltà tal-kmandant tal-operazzjoni lejn il-Kumitat Speċjali. L-Amministratur għandu jiżgura li l-amministrazzjoni tal-kontribuzzjoni tirrispetta l-arranġamenti ad hoc u għandu jipprovdi lill-kontributur ikkonċernat, direttament jew permezz tal-kmandant tal-operazzjoni, l-informazzjoni rilevanti kollha relatata mal-amministrazzjoni tal-kontribuzzjoni.

Artikolu 31

Imgħax fuq ħlas tardiv

1.   Jekk Stat ma jissodisfax l-obbligi finanzjarji tiegħu, għandhom japplikaw b'analoġija r-regoli tal-Unjoni dwar l-imgħax fuq ħlas tardiv iddeterminati bl-Artikolu 78 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (4) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jew kwalunkwe Regolament ieħor li jista' jieħu postu b'rabta mal-ħlas ta' kontribuzzjonijiet għall-baġit tal-Unjoni.

2.   Meta ħlas jittardja mhux iżjed minn 20 jum, ma għandu jiġi impost l-ebda mgħax. Meta ħlas isir iżjed minn 20 jum tard, għandhom jiġu imposti mgħaxijiet għad-dewmien kollu.

KAPITOLU 8

IMPLIMENTAZZJONI TAN-NEFQA

Artikolu 32

Prinċipji

1.   L-approprjazzjonijiet ta' Athena għandhom jintużaw skont il-prinċipji ta' amministrazzjoni finanzjarja tajba, jiġifieri tal-ekonomija, l-effettività u l-effiċjenza.

2.   L-uffiċjali awtorizzanti għandhom ikunu responsabbli għall-implimentazzjoni tad-dħul u tan-nefqa ta' Athena skont il-prinċipji ta' amministrazzjoni finanzjarja tajba u sabiex ikun żgurat li jkun hemm konformità mar-rekwiżiti tal-legalità u r-regolarità. Biex tiġi implimentata in-nefqa, l-uffiċjal awtorizzanti għandu jagħmel impenji baġitarji u impenji ġuridiċi, għandu jivvalida n-nefqa u jawtorizza l-ħlasijiet u għandu jieħu f'idejh il-preliminari għall-implimentazzjoni tal-approprjazzjonijiet. Uffiċjal awtorizzanti jista' jiddelega d-dmirijiet tiegħu b'deċiżjoni li tiddetermina:

(a)

il-persunal fuq livell xieraq għal tali delegazzjoni;

(b)

il-limitu tas-setgħat konferiti;

(c)

l-ambitu għal benefiċjarji sabiex jissubdelegaw is-setgħat tagħhom.

3.   L-implimentazzjoni tal-approprjazzjonijiet skont il-prinċipju ta' segregazzjoni tal-uffiċjal awtorizzanti u tal-uffiċjal tal-kontabbiltà għandha tkun żgurata. Id-dmirijiet ta' uffiċjal awtorizzanti u tal-uffiċjal tal-kontabbiltà għandhom ikunu reċiprokament inkompatibbli. Kwalunkwe ħlas li jsir mill-fondi amministrati minn Athena għandu jeħtieġ il-firma konġunta ta' uffiċjal awtorizzanti u ta' uffiċjal tal-kontabbiltà.

4.   Mingħajr preġudizzju għal din id-Deċiżjoni, meta l-implimentazzjoni tan-nefqa komuni tkun fdata lil Stat Membru, istituzzjoni tal-Unjoni jew, skont il-każ, organizzazzjoni internazzjonali, dak l-Istat, istituzzjoni jew organizzazzjoni għandhom japplikaw ir-regoli applikabbli għall-implimentazzjoni tan-nefqa proprja tagħhom. Meta l-amministratur jimplimenta n-nefqa direttament, din għandha tikkonforma mar-regoli applikabbli għall-implimentazzjoni tat-taqsima “Kunsill” tal-baġit ġenerali tal-Unjoni.

5.   Madankollu l-amministratur jista' jipprovdi lill-Presidenza b'elementi għal proposta lill-Kunsill jew lill-Kumitat Speċjali dwar regoli għall-implimentazzjoni tan-nefqa komuni.

6.   Il-Kumitat Speċjali jista' japprova regoli għall-implimentazzjoni tan-nefqa komuni li jmorru lil hinn mill-paragrafu 4.

Artikolu 33

Spejjeż komuni li jsiru fit-tħejjija, jew b'segwitu għal operazzjonijiet, jew li mhumiex marbutin direttament ma' operazzjoni speċifika

L-amministratur għandu jwettaq id-dmirijiet ta' uffiċjal awtorizzat għan-nefqa li tkopri l-ispejjeż komuni fil-preparazzjoni għal, jew b'segwitu għal operazzjonijiet, kif ukoll spejjeż komuni li ma jistgħux ikunu marbutin direttament ma' operazzjoni speċifika.

Artikolu 34

Spejjeż operattivi komuni

1.   Il-kmandant tal-operazzjoni għandu jwettaq id-dmirijiet ta' uffiċjal awtorizzanti għan-nefqa li tkopri l-ispejjeż komuni operattivi tal-operazzjoni li tagħha jkollu l-kmand. Madankollu, l-amministratur għandu jwettaq id-dmirijiet ta' uffiċjal awtorizzanti għan-nefqa li tkopri l-ispejjeż komuni operattivi li jkunu saru matul il-fażi preparatorja ta' operazzjoni speċifika, li huma implimentati direttament minn Athena, jew relatati mal-operazzjoni wara t-tmiem fażi attiva tagħha.

2.   Is-somom meħtieġa għall-implimentazzjoni tan-nefqa fuq operazzjoni għandhom ikunu trasferiti mill-kont bankarju ta' Athena mill-amministratur għall-kmandant tal-operazzjoni, fuq it-talba tiegħu, fil-kont bankarju miftuħ f'isem Athena, li tiegħu l-kmandant tal-operazzjoni jkun ipprovda d-dettalji.

3.   Permezz ta' deroga mill-Artikolu 18(5), l-adozzjoni tal-ammont ta' referenza għandha tattiva d-dritt tal-amministratur u tal-kmandant tal-operazzjoni, kull wieħed fil-qasam ta' kompetenza tiegħu, sabiex jintrabat li jħallas l-ispejjeż għall-operazzjoni kkonċernata sal-persentaġġ tal-ammont ta' referenza approvat kif stipulat fl-Artikolu 25(1), sakemm il-Kunsill ma jiddeċidix fuq livell ogħla għall-impenji.

Il-Kumitat Speċjali, abbażi ta' proposta mill-amministratur jew il-kmandant tal-operazzjoni u b'kont meħud tan-neċessità u l-urġenza tal-operazzjoni, jista' jiddeċiedi li jsir impenn għal, u fejn ikun il-każ, titħallas, nefqa addizzjonali. Il-Kumitat Speċjali jista' jiddeċiedi li jirriferi l-kwistjoni lill-korpi preparatorji kompetenti fil-Kunsill permezz tal-Presidenza, ħlief jekk iċ-ċirkostanzi operattivi jkunu jirrikjedu mod ieħor. Din id-deroga m'għandhiex tapplika midd-data tal-adozzjoni ta' baġit għall-operazzjoni kkonċernata.

4.   Matul il-perijodu qabel l-adozzjoni ta' baġit għal operazzjoni, l-amministratur u l-kmandant tal-operazzjoni jew ir-rappreżentant tiegħu għandhom jirrapportaw lill-Kumitat Speċjali kull xahar, kull wieħed jirrapporta fuq il-materji li jikkonċernaw lilu, fir-rigward tal-ispejjeż li jkunu eliġibbli bħala spejjeż komuni għal dik l-operazzjoni. Il-Kumitat Speċjali, abbażi ta' proposta mill-amministratur, kmandant tal-operazzjoni jew Stat Membru, jista' joħroġ direttivi dwar l-implimentazzjoni tan-nefqa matul dak il-perijodu.

5.   Permezz ta' deroga mill-Artikolu 18(5), fil-każ ta' periklu imminenti għall-ħajjiet persunal involuti f'operazzjoni militari tal-Unjoni, il-kmandant tal-operazzjoni għal dik l-operazzjoni jista' jimplimenta n-nefqa meħtieġa sabiex isalva l-ħajjiet ta' dak il-persunal, aktar mill-approprjazzjonijiet imdaħħla fil-baġit. Hu għandu jinforma lill-amministratur u lill-Kumitat Speċjali malajr kemm jista' jkun. F'dan il-każ, filwaqt li jikkomunika mal-kmandant tal-operazzjoni, l-amministratur għandu jipproponi t-trasferimenti meħtieġa sabiex tiġi finanzjata din in-nefqa mhux mistennija. Jekk ma jkunx possibbli li jiġi żgurat finanzjament suffiċjenti għal tali nefqa permezz ta' trasferiment, l-amministratur għandu jipproponi baġit emendatorju.

KAPITOLU 9

DESKRIZZJONI FINALI TAT-TAGĦMIR U L-INFRASTRUTTURA FFINANZJATI B'MOD KOMUNI

Artikolu 35

Tagħmir u infrastruttura

1.   Ir-rata tad-deprezzament għat-tagħmir u assi oħra għall-operazzjonijiet kollha għandha tiġi proposta mill-amministratur lill-Kumitat Speċjali. Jekk hekk ikun meħtieġ miċ-ċirkostanzi operattivi, u hekk kif dan ikun approvat mill-Kumitat Speċjali, il-kmandant tal-operazzjoni jista' japplika rata tad-deprezzament differenti.

2.   Bil-ħsieb tat-terminazzjoni tal-operazzjoni li kien kmandant tagħha, il-kmandant tal-operazzjoni għandu jipproponi lill-Kumitat Speċjali destinazzjoni finali għat-tagħmir u l-infrastruttura ffinanzjati b'mod komuni għal dik l-operazzjoni.

3.   L-amministratur għandu jieħu f'idejh il-ġestjoni tat-tagħmir u l-infrastruttura li jibqgħu wara t-tmiem tal-fażi attiva tal-operazzjoni, bil-ħsieb, jekk hekk ikun meħtieġ, li jsib id-destinazzjoni finali tagħhom.

4.   Id-destinazzjoni finali tat-tagħmir u l-infrastruttura finanzjati b'mod komuni għandha tkun approvata mill-Kumitat Speċjali, filwaqt li jittieħed kont tal-ħtiġijiet operattivi u l-kriterji finanzjarji. Id-destinazzjoni finali tista' tkun kif ġej:

(a)

fil-każ tal-infrastruttura, tinbiegħ jew tiġi trasferita permezz ta' Athena lill-pajjiż ospitant, lil Stat Membru jew lil parti terza;

(b)

fil-każ ta' tagħmir, jinbiegħ permezz ta' Athena lil Stat Membru, lill-pajjiż ospitant jew lil parti terza, jew ikun maħżun u miżmum minn Athena, Stat Membru jew parti terza, għal użu f'operazzjoni sussegwenti.

5.   Meta jinbiegħu, it-tagħmir u l-infrastruttura għandhom jinbiegħu għall-valur fis-suq tagħhom, jew, fejn l-ebda valur fis-suq ma jista' jiġi ddeterminat, għal prezz ġust u raġonevoli b'kont meħud tal-kondizzjonijiet lokali speċifiċi.

6.   Il-bejgħ jew it-trasferiment lejn pajjiż ospitanti jew parti terza għandu jsir f'konformità mar-regoli rilevanti tas-sigurtà li jkunu fis-seħħ.

7.   Meta jkun deċiż li Athena għandu jżomm it-tagħmir iffinanzjat b'mod komuni għal operazzjoni, l-Istati Membri kontribwenti jistgħu jitolbu kumpens finanzjarju mill-Istati Membri l-oħra parteċipanti. Il-Kumitat Speċjali, magħmul mir-rappreżentanti tal-Istati Membri parteċipanti kollha, għandu jieħu d-deċiżjonijiet xierqa abbażi ta' proposta mill-amministratur.

KAPITOLU 10

KONTIJIET U INVENTARJU

Artikolu 36

Kontabbiltà għal spejjeż komuni operattivi

Il-kmandant tal-operazzjoni għandu jżomm kontijiet ta' trasferimenti riċevuti minn Athena, ta' nfiq li hu jkun impenja u l-ħlasijiet li jkunu saru u ta' dħul riċevut, kif ukoll inventarju tal-proprjetà mobbli ffinanzjata mill-baġit ta' Athena u użata għall-operazzjoni li tagħha jkollu l-kmand.

Artikolu 37

Kontijiet konsolidati

1.   L-uffiċjal tal-kontabbiltà għandu jżomm il-kontijiet ta' kontribuzzjonijiet mitluba u ta' trasferimenti li jkunu saru. Hu għandu wkoll iħejji l-kontijiet għall-ispejjeż komuni li jkunu saru fit-tħejjija għal, jew b'segwitu għal operazzjonijiet, u għan-nefqa u d-dħul operattivi implimentati taħt ir-responsabbiltà diretta tal-amministratur.

2.   L-uffiċjal tal-kontabbiltà għandu jħejji l-kontijiet konsolidati għad-dħul u n-nefqa ta' Athena. Kull kmandant ta' operazzjoni għandu jibgħatlu l-kontijiet għan-nefqa li jkun impenja u l-ħlasijiet li jkun għamel, kif ukoll tad-dħul li jkun irċieva.

KAPITOLU 11

AWDITU U PREŻENTAZZJONI TAL-KONTIJIET

Artikolu 38

Rapporti regolari lill-Kumitat Speċjali

Kull tliet xhur, l-amministratur għandu jippreżenta lill-Kumitat Speċjali rapport dwar l-implimentazzjoni tad-dħul u n-nefqa mill-bidu tas-sena finanzjarja. Għal dan il-għan, kull kmandant tal-operazzjoni għandu jipprovdi lill-amministratur rapport dwar in-nefqa relatata mal-ispejjeż komuni operattivi tal-operazzjoni li tagħha jkollu l-kmand.

Artikolu 39

Kondizzjonijiet għat-twettiq ta' kontrolli

1.   Il-persuni responsabbli għall-awditu tad-dħul u n-nefqa ta' Athena għandhom, qabel ma jwettqu l-kompitu tagħhom, ikunu rċevew permess għall-aċċess għal informazzjoni klassifikata mill-inqas sal-livell “SECRET UE/UE SECRET” miżmuma mill-Kunsill, jew permess ekwivalenti minn Stat Membru jew min-NATO, skont il-każ. Dawk il-persuni għandhom jiżguraw li huma jirrispettaw il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni u jipproteġu d-data li tagħha jiksbu konoxxenza waqt il-kompitu tagħhom ta' awditu, skont ir-regoli applikabbli għal dik l-informazzjoni u d-data.

2.   Il-persuni responsabbli għall-awditjar tad-dħul u n-nefqa ta' Athena għandu jkollhom aċċess, mingħajr dewmien u mingħajr ma jagħtu avviż minn qabel, għad-dokumenti u l-kontenut tal-ġustifikazzjonijiet kollha tad-data relatati ma' dak id-dħul u dik in-nefqa, u għas-siti fejn jinżammu dawk id-dokumenti. Huma jistgħu jagħmlu kopji. Il-persuni involuti fl-implimentazzjoni tad-dħul u n-nefqa ta' Athena għandhom jagħtu lill-amministratur u lill-persuni responsabbli għall-awditu ta' dak id-dħul u dik in-nefqa, l-assistenza meħtieġa fit-twettiq tal-kompitu tagħhom.

Artikolu 40

Awditu estern tal-kontijiet

1.   Meta l-implimentazzjoni tan-nefqa ta' Athena tkun fdata lil Stat Membru, waħda mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni jew organizzazzjoni internazzjonali, dak l-Istat, dik l-istituzzjoni jew dik l-organizzazzjoni għandha tapplika r-regoli li japplikaw għall-awditjar tan-nefqa proprja tagħha.

2.   Madankollu, l-amministratur jew il-persuni maħtura minnu jistgħu, fi kwalunkwe żmien, iwettqu awditu tal-ispejjeż komuni ta' Athena li jkunu saru fit-tħejjija għal, jew b'segwitu għal operazzjonijiet, jew l-ispejjeż komuni operattivi ta' operazzjoni. Barra minn dan, il-Kumitat Speċjali, abbażi ta' proposta mill-amministratur jew minn Stat Membru, jista', fi kwalunkwe żmien, jaħtar awdituri esterni, li l-kompiti u l-kondizzjonijiet tal-impjieg tagħhom huwa għandu jiddetermina.

3.   Bil-għan li jsir awditjar estern, huwa b'dan stabbilit Kulleġġ tal-Awdituri magħmul minn sitt membri. Il-Kumitat Speċjali għandu jaħtar membri għal perijodu ta' tliet snin, li jista' jiġġedded darba, minn kandidati proposti mill-Istati Membri. Il-Kumitat Speċjali jista' jestendi mandat ta' membru sa mhux aktar minn 6 xhur.

Il-kandidati għandhom ikunu membri tal-ogħla korp nazzjonali tal-awditjar ta' Stat Membru, jew rakkomandati minn dak il-korp, u joffru garanziji adegwati ta' sigurtà u indipendenza. Huma għandhom ikunu disponibbli sabiex iwettqu kompiti f'isem Athena, kif meħtieġ. Waqt li jkunu qed iwettqu dawn il-kompiti:

(a)

il-membri tal-Kulleġġ tal-Awdituri għandhom jibqgħu jitħallsu mill-istituzzjoni ta' awditu tal-oriġini tagħhom, filwaqt li Athena għandu jsostni l-ispejjeż tal-missjoni tagħhom skont ir-regoli applikabbli għall-uffiċjali tal-Unjoni ta' grad ekwivalenti;

(b)

il-membri ma għandhom la jitolbu u lanqas jirċievu struzzjonijiet li mhumiex tal-Kumitat Speċjali; fi ħdan il-mandat tal-awditjar tiegħu, il-Kulleġġ tal-Awdituri u l-membri tiegħu għandhom ikunu kompletament indipendenti u responsabbli huma biss għat-tmexxija tal-awditu estern;

(c)

l-membri għandhom jirrapportaw dwar il-kompitu tagħhom lill-Kumitat Speċjali biss;

(d)

il-membri għandhom jivverifikaw, kemm matul kif ukoll wara s-sena finanzjarja kif ukoll ex post, permezz ta' kontrolli fuq il-post kif ukoll bl-għoti ta' dokumenti ta' prova, li n-nefqa ffinanzjata jew prefinanzjata permezz ta' Athena tkun implimentata f'konformità mal-leġislazzjoni applikabbli u l-prinċipji ta' amministrazzjoni finanzjarja tajba, jiġifieri ta' ekonomija, effettività u effiċjenza, u li l-kontrolli interni jkunu adegwati.

Kull sena, il-Kulleġġ tal-Awdituri għandu jeleġgi l-president tiegħu minn fost il-membri tiegħu jew jestendi l-mandat tiegħu. Huwa għandu jadotta r-regoli applikabbli għall-awditi mwettqa mill-membri tiegħu f'konformità mal-ogħla standards internazzjonali. Il-Kulleġġ tal-Awdituri għandu japprova r-rapporti tal-awditu mfassla mill-membri tiegħu qabel ma dawn jingħataw lill-amministratur u lill-Kumitat Speċjali.

4.   Il-Kumitat Speċjali jista' jiddeċiedi, każ b'każ, u skont motivazzjonijiet speċifiċi li juża korpi esterni oħrajn.

5.   L-ispiża tal-awditi li jsiru minn awdituri li jaġixxu f'isem Athena għandha titqies bħala spiża komuni li għandha tiġi sostnuta minn Athena.

Artikolu 41

Awditu intern tal-kontijiet

1.   Abbażi ta' proposta mill-amministratur u wara li jkun informa lill-Kumitat Speċjali, is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill għandu jaħtar awditur intern tal-mekkaniżmu Athena, u għallinqas deputat awditur intern wieħed, għal perijodu ta' erba' snin, li jista' jiġġedded b'perijodu totali li ma jaqbiżx 8 snin; l-awdituri interni għandu jkollhom il-kwalifiki professjonali meħtieġa u joffru garanziji suffiċjenti ta' sigurtà u indipendenza. L-awditur intern la jista' jkun uffiċjal awtorizzanti u lanqas uffiċjal tal-kontabbiltà. L-awditur intern ma jistax jipparteċipa fit-tħejjija tar-rapporti finanzjarji.

2.   L-awditur intern għandu jirrapporta lill-amministratur dwar kif jindirizza r-riskji, billi jagħti opinjonijiet independenti dwar il-kwalità tas-sistemi ta' amministrazzjoni u kontroll u billi joħroġ rakkomandazzjonijiet għat-titjib tal-awditu intern fl-operazzjonijiet u jippromwovi amministrazzjoni finanzjarja tajba. Huwa għandu jkun responsabbli b'mod partikolari għall-valutazzjoni tal-adegwatezza u l-effiċjenza tas-sistemi interni ta' amministrazzjoni u tal-prestazzjoni tad-dipartimenti fl-implimentazzjoni ta' linji politiċi u fil-ksib ta' objettivi b'referenza għar-riskji assoċjati magħhom.

3.   L-awditur intern għandu jwettaq id-dmirijiet tiegħu fir-rigward tad-dipartimenti kollha involuti fil-ġbir tad-dħul ta' Athena jew fl-implimentazzjoni tan-nefqa ffinanzjata minn Athena.

4.   L-awditur intern għandu jwettaq awditu wieħed jew aktar matul is-sena finanzjarja, kif meħtieġ. Huwa għandu jirrapporta lill-amministratur u jinforma lill-kmandant tal-operazzjoni bis-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu. Il-kmandant tal-operazzjoni u l-amministratur għandhom jiżguraw li tittieħed azzjoni b'segwitu għar-rakkomandazzjonijiet li jirriżultaw mill-awditi.

5.   L-amministratur għandu jippreżenta rapport kull sena lill-Kumitat Speċjali dwar ix-xogħol tal-awditu intern li jkun sar, fejn jindika l-għadd u t-tip ta' awditi interni li jkunu saru, l-osservazzjonijiet li saru, ir-rakkomandazzjonijiet ippreżentati u l-azzjoni meħuda b'segwitu għal dawk ir-rakkomandazzjonijiet.

6.   Barra minn hekk, kull kmandant tal-operazzjoni għandu jagħti aċċess sħiħ lill-awditur intern għall-operazzjoni li tagħha jkollu l-kmand. L-awditur intern għandu jivverifika li s-sistemi u l-proċeduri finanzjarji u baġitarji jaħdmu tajjeb, u għandu jiżgura li jkunu operattivi sistemi robusti u effiċjenti ta' awditjar intern.

7.   Il-proċediemnti u r-rapporti tal-awditur intern għandhom jitpoġġew għad-dispożizzjoni tal-Kulleġġ tal-Awdituri flimkien mad-dokumenti ta' prova kollha relatati magħhom.

Artikolu 42

Preżentazzjoni annwali u għeluq tal-kontijiet

1.   Kull kmandant tal-operazzjoni għandu jipprovdi lill-uffiċjal tal-kontabbiltà ta' Athena sal-31 ta' Marzu wara t-tmiem tas-sena finanzjarja, jew fi żmien erba' xhur mit-tmiem tal-operazzjoni, skont liema data tiġi l-ewwel, bl-informazzjoni meħtieġa sabiex jiġu stabbiliti l-kontijiet annwali għall-ispejjeż komuni, il-kontijiet annwali għall-infiq skont l-Artikolu 28, u r-rapport annwali tal-attività.

2.   L-amministratur, bl-assistenza tal-uffiċjal tal-kontabbiltà u kull kmandant tal-operazzjoni, għandu jistabbilixxi u jipprovdi lill-Kumitat Speċjali u lill-Kulleġġ tal-Awdituri, sal-15 ta' Mejju wara t-tmiem tas-sena finanzjarja, ir-rapporti finanzjarji u r-rapport annwali tal-attività.

3.   Il-Kumitat Speċjali għandu jkun ipprovdut, fi żmien tmien ġimgħat mit-trasmissjoni tar-rapporti finanzjarji, mill-Kulleġġ tal-Awdituri, b'opinjoni tal-awditjar, u mill-amministratur, li jkollu l-assistenza tal-uffiċjal tal-kontabbiltà u kull kmandant tal-operazzjoni, bir-rapporti finanzjarji awditjati ta' Athena.

4.   Il-Kumitat Speċjali għandu jiġi pprovdut, sat-30 ta' Settembru wara t-tmiem tas-sena finanzjarja, bir-rapport tal-awditjar mill-Kulleġġ tal-Awdituri, u għandu jeżamina r-rapport tal-awditjar, l-opinjoni tal-awditjar u r-rapporti finanzjarji bil-ħsieb li jagħti rilaxx lill-amministratur, lill-uffiċjal tal-kontabbiltà u lil kull kmandant tal-operazzjoni.

5.   B'mod konsistenti mar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 jew kwalunkwe Regolament ieħor li jista' jieħu postu, il-kontijiet, l-inventarji u d-dokumenti kollha relatati għandhom jinżammu, kull wieħed fil-livell tiegħu, mill-uffiċjal tal-kontabbiltà, kull kmandant tal-operazzjoni u, meta applikabbli, mill-amministratur għal perijodu ta' ħames snin mid-data li fiha jkun ingħata r-rilaxx korrispondenti. Meta tintemm operazzjoni, il-kmandant tal-operazzjoni għandu jiżgura li l-kontijiet u l-inventarji kollha jiġu trasmessi lill-uffiċjal tal-kontabbiltà.

6.   Il-Kumitat Speċjali għandu jiddeċiedi li jdaħħal il-bilanċ tal-eżitu baġitarju għal sena finanzjarja li għaliha l-kontijiet jkunu ġew approvati fil-baġit għas-sena finanzjarja sussegwenti, bħala dħul jew nefqa u skont iċ-ċirkostanzi, permezz ta' baġit emendatorju. Madankollu, il-Kumitat Speċjali jista' jiddeċiedi li jdaħħal il-bilanċ tal-eżitu baġitarju msemmi hawn fuq wara li jkun irċieva l-opinjoni tal-awditjar mill-Kulleġġ tal-Awdituri.

7.   Il-parti tal-bilanċ tal-eżitu tal-baġit għal sena finanzjarja li tiġi mill-implimentazzjoni tal-approprjazzjonijiet maħsuba sabiex ikopru l-ispejjeż komuni li jkunu saru fit-tħejjija għal, jew b'segwitu għal operazzjonijiet, għandha tiddaħħal kontra l-kontribuzzjonijiet li jkun imiss mill-Istati Membri parteċipanti.

8.   Il-parti tal-bilanċ tal-eżitu tal-baġit li tiġi mill-implimentazzjoni ta' approprjazzjonijiet maħsuba sabiex ikopru l-ispejjeż komuni operattivi ta' operazzjoni partikolari għandha tiddaħħal kontra l-kontribuzzjonijiet li jkun imiss mill-Istati Membri li jkunu kkontribwixxew għal dik l-operazzjoni.

9.   Jekk ir-rimborż ma jkunx jista' jsir bit-tnaqqis mill-kontribuzzjonijiet dovuti lil Athena, il-bilanċ tal-eżitu tal-baġit għandu jitħallas lura lill-Istati Membri kkonċernati, skont il-kodiċi tal-ING tas-sena tar-rimborż.

10.   Kull Stat Membru li jipparteċipa f'operazzjoni jista' jipprovdi informazzjoni sal-31 ta' Marzu ta' kull sena lill-amministratur, fejn ikun il-każ permezz tal-Kmandant tal-Operazzjoni, dwar l-ispejjeż inkrimentali li jkun għamel għall-operazzjoni matul is-sena finanzjarja preċedenti. Din l-informazzjoni għandha titqassam sabiex turi l-elementi prinċipali tan-nefqa. L-amministratur għandu jiġbor din l-informazzjoni sabiex jipprovdi lill-Kumitat Speċjali b'idea ġenerali tal-ispejjeż inkrimentali tal-operazzjoni.

Artikolu 43

Għeluq tal-kontijiet ta' operazzjoni

1.   Meta tintemm operazzjoni, il-Kumitat Speċjali jista' jiddeċiedi, abbażi ta' proposta mill-amministratur jew minn Stat Membru, li l-amministratur, bl-assistenza tal-uffiċjal tal-kontabbiltà u tal-kmandant tal-operazzjoni, għandu jippreżenta lill-Kumitat Speċjali r-rapporti finanzjarji ta' dik l-operazzjoni, mill-inqas sad-data meta tkun intemmet, u, jekk possibbli, sad-data li fiha tkun ġiet terminata. L-iskadenza imposta fuq l-amministratur ma tistax tkun inqas minn erba' xhur mid-data li fiha tkun ġiet kompluta l-operazzjoni.

2.   Jekk ir-rapporti finanzjarji ma jistgħux, sat-terminu tal-iskadenza mogħtija, jinkludu d-dħul u n-nefqa marbuta mat-terminazzjoni ta' dik l-operazzjoni, dak id-dħul u dik in-nefqa għandhom jidhru fir-rapporti finanzjarji ta' Athena u għandhom ikunu eżaminati mill-Kumitat Speċjali fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 42.

3.   Il-Kumitat Speċjali għandu, abbażi ta' opinjoni tal-Kulleġġ tal-Awdituri, japprova r-rapporti finanzjarji għall-operazzjoni li jkunu ġew ippreżentati lilu. Huwa għandu jagħti rilaxx lill-amministratur, lill-uffiċjal tal-kontabbiltà u lil kull kmandant tal-operazzjoni għall-operazzjoni in kwistjoni.

4.   Jekk ir-rimborż ma jkunx jista' jsir bit-tnaqqis mill-kontribuzzjonijiet dovuti lil Athena, il-bilanċ tal-eżitu tal-baġit għandu jitħallas lura lill-Istati Membri kkonċernati, skont il-kodiċi tal-ING tas-sena tar-rimborż.

KAPITOLU 12

DISPOŻIZZJONIJIET MIXXELLANJI

Artikolu 44

Responsabbiltà

1.   Il-kondizzjonijiet li jirregolaw ir-responsabbiltà dixxiplinari jew kriminali tal-kmandant tal-operazzjoni, tal-amministratur u ta' persunal ieħor li jsiru disponibbli b'mod partikolari mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni jew minn Stati Membri, fil-każ ta' kondotta skorretta jew ta' negliġenza fl-implimentazzjoni tal-baġit, għandhom ikunu rregolati mir-regolamenti tal-persunal jew mill-arranġamenti applikabbli għalihom. Barra minn hekk, Athena jista', fuq inizjattiva tiegħu stess jew fuq it-talba ta' Stat kontribwent jew parti terza, jagħmel rikors ċivili kontra l-persunal imsemmi hawn fuq.

2.   Fl-ebda każ ma jistgħu l-Unjoni jew is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill jinżammu responsabbli minn Stat kontribwenti bħala riżultat tal-adempiment tad-dmirijiet tagħhom mill-amministratur, mill-uffiċjal tal-kontabbiltà jew mill-persunal assenjat lilhom.

3.   Ir-responsabbiltà kuntrattwali li tista' tirriżulta minn kuntratti konklużi fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-baġit għandha tkun koperta minn Athena mill-Istati kontribwenti jew partijiet terzi. Din għandha tkun regolata mil-liġi applikabbli għall-kuntratti inkwistjoni.

4.   Fil-każ ta' responsabbiltà mhux kuntrattwali, kull dannu kkawżat mill-kwartieri ġenerali tal-operazzjoni, il-kwartieri ġenerali tal-forzi u l-kwartieri ġenerali tal-komponenti tal-istruttura tal-kriżi, li l-kompożizzjoni tagħhom għandha tiġi approvata mill-kmandant tal-operazzjoni, jew mill-persunal tagħhom fil-qadi ta' dmirijiethom, għandu jkun kopert permezz ta' Athena mill-Istati kontribwenti jew partijiet terzi, skont il-prinċipji ġenerali komuni għal-liġijiet tal-Istati Membri u r-regolamenti tal-persunal tal-forzi, applikabbli fil-post tal-operazzjonijiet.

5.   L-Unjoni jew l-Istati Membri fl-ebda każ ma jistgħu jinżammu responsabbli minn Stat kontribwenti għal kuntratti konklużi fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-baġit jew għal dannu kkawżat mill-unitajiet u d-dipartimenti tal-istruttura tal-kriżi, li l-kompożizzjoni tagħhom għandha tiġi approvata mill-kmandant tal-operazzjoni, jew mill-persunal tagħhom fil-qadi ta' dmirijiethom.

Artikolu 45

Sigurtà

Għandha tapplika d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE (5) jew kwalunkwe Deċiżjoni oħra tal-Kunsill li tista' tieħu postha fir-rigward ta' informazzjoni klassifikata marbuta mal-proċedimenti ta' Athena.

Artikolu 46

Protezzjoni ta' data personali

Athena għandu jipproteġi lill-individwi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali tagħhom f'konformità mal-prinċipji u l-proċeduri stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6). Għal dan il-għan, il-Kumitat Speċjali għandu jadotta r-regoli ta' implimentazzjoni meħtieġa fuq proposta tal-Amministratur.

Artikolu 47

Rieżami u reviżjoni

Din id-Deċiżjoni, kollha jew parti minnha, inklużi l-Annessi tagħha, għandha tiġi rieżaminata, fejn meħtieġ, fuq talba ta' Stat Membru jew wara kull operazzjoni. Hija għandha tiġi riveduta mill-anqas kull tliet snin. Matul ir-rieżami jew ir-reviżjoni, jistgħu jiġu kkonsultati l-esperti kollha rilevanti għall-proċedimenti, inklużi dawk fil-korpi ta' amministrazzjoni ta' Athena.

Artikolu 48

Tħassir

Id-Deċiżjoni 2011/871/PESK hija b'dan imħassra.

Artikolu 49

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, is-27 ta' Marzu 2015.

Għall-Kunsill

Il-President

E. RINKĒVIČS


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/197/CFSP tat-23 ta' Frar 2004 li tistabbilixxi mekkaniżmu biex tamministra l-finanzjament tal-ispejjeż komuni ta' ħidmiet l-Unjoni Ewropea li għandhom implikazzjonijiet militari jew tad-difiża (ĠU L 63, 28.2.2004, p. 68).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/871/PESK tad-19 ta' Diċembru 2011 li tistabbilixxi mekkaniżmu sabiex jiġi amministrat il-finanzjament tal-ispejjeż komuni tal-operazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea li jkollhom implikazzjonijiet militari jew ta' difiża (ATHENA) (ĠU L 343, 23.12.2011, p. 35).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/335/UE, Euratom: tas-26 ta' Mejju 2014 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 168, 7.6.2014, p. 105).

(4)  Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).

(5)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE tat-23 ta' Settembru 2013 dwar ir-regoli tas-sigurtà għall-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU L 274, 15.10.2013, p. 1).

(6)  Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta' dak id-data (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).


ANNESS I

SPEJJEŻ KOMUNI SOSTNUTI MINN ATHENA KULL META JSIRU

F'każijiet meta l-ispejjeż komuni li ġejjin ma jkunux jistgħu jiġu marbuta direttament ma' operazzjoni speċifika, il-Kumitat Speċjali jista' jiddeċiedi li jalloka l-approprjazzjonijiet korrispondenti mal-parti ġenerali tal-baġit annwali. Sa fejn ikun possibli, dawn l-approprjazzjonijiet għandhom jiddaħħlu fl-artikoli li juru l-operazzjoni li magħha jkunu l-aktar relatati.

1.

In-nefqa tal-missjoni li ssir mill-kmandant tal-operazzjoni u l-persunal tiegħu għall-preżentazzjoni tal-kontijiet ta' operazzjoni lill-Kumitat Speċjali.

2.

L-indennizzi għal danni u spejjeż li jirriżultaw minn pretensjonijiet u rikorsi legali li jkollhom jitħallsu permezz ta' Athena.

3.

L-ispejjeż skont kwalunkwe deċiżjoni sabiex jinħażen materjal li jkun inkiseb b'mod komuni għal operazzjoni (fejn dawn l-ispejjeż ikunu attribwiti għall-parti ġenerali tal-baġit annwali, għandha tkun indikata rabta ma' operazzjoni speċifika).

Il-parti ġenerali tal-baġit annwali għandha addizzjonalment tinkludi approprjazzjonijiet, fejn meħtieġ, sabiex ikopru l-ispejjeż komuni, li ġejjin, f'operazzjonijiet li għall-finanzjament tagħhom jikkontribwixxu l-Istati Membri parteċipanti:

1.

Spejjeż bankarji.

2.

Spejjeż ta' awditjar.

3.

Spejjeż komuni relattivi għall-fażi preparatorja ta' operazzjoni kif definit fl-Anness II.

4.

Spejjeż relatati mal-iżvilupp u l-manutenzjoni tas-sistema tal-kontabbiltà u tal-amministrazzjoni tal-assi ta' Athena.

5.

Spejjeż relatati mal-Arranġamenti Amministrattivi u kuntratti qafas taħt l-Artikolu 11.


ANNESS II

SPEJJEŻ OPERATTIVI KOMUNI RELATATI MAL-FAŻI PREPARATORJA TA' OPERAZZJONI LI JIĠU SOSTNUTI MINN ATHENA

L-ispejjeż inkrimentali meħtieġa għal missjonijiet esploratorji u għal tħejjijiet (b'mod partikolari missjonijiet ta' inkjesta u tkixxif) li jsiru minn persunal militari u ċivili bil-ħsieb ta' operazzjoni militari speċifika tal-Unjoni: trasport, akkomodazzjoni, użu ta' mezzi ta' komunikazzjoni operattivi, reklutaġġ ta' persunal ċivili lokali għat-twettiq tal-missjoni bħal pereżempju interpreti u xufiera.

Servizzi mediċi: l-ispiża marbuta ma' evakwazzjonijiet mediċi ta' emerġenza (Medevac) ta' persuni li jkunu qed jieħdu sehem f'missjonijiet esploratorji u preparazzjonijiet minn persunal militari u ċivili bil-ħsieb ta' operazzjoni militari speċifika tal-Unjoni, meta ma jkunx jista' jiġi pprovdut trattament mediku fuq il-post.


ANNESS III

PARTI A

SPEJJEŻ OPERATTIVI KOMUNI RELATTIVI GĦALL-FAŻI ATTIVA TA' OPERAZZJONIJIET LI DEJJEM JIĠU SOSTNUTI MINN ATHENA

Għal kwalunkwe operazzjoni militari tal-Unjoni, Athena ser issotni bħala spejjeż komuni operattivi l-ispejjeż inkrimentali meħtieġa għall-operazzjoni definiti hawn taħt.

1.   Spejjeż inkrimentali għall-kwartieri ġenerali (li jistgħu jiġu mobilizzati jew li huma fissi) għal operazzjonijiet immexxija mill-Unjoni

1.1.   Definizzjoni tal-kwartieri ġenerali li l-ispejjeż inkrimentali tagħhom jitħallsu b'mod komuni:

(a)   Kwartieri Ġenerali (HQ): il-kwartieri ġenerali (HQ), il-persunal ta' kmand u ta' servizz approvati fil-pjan operattiv (OPLAN).

(b)   Kwartieri Ġenerali Operattivi (OHQ): il-kwartieri ġenerali statiċi, barra miż-żona, tal-kmandant tal-operazzjoni, li jkunu responsabbli għall-bini, it-tnedija, l-appoġġ u l-irkupru ta' forza tal-Unjoni.

Id-definizzjoni ta' spejjeż komuni applikabbli għal OHQ għal operazzjoni għandha tkun applikabbli wkoll għas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill, is-SEAE u Athena dment li dawn jaġixxu direttament għal dik l-operazzjoni.

(c)   Kwartieri Ġenerali tal-Forza (FHQ): il-kwartieri ġenerali ta' forza tal-Unjoni mobilizzati fiż-żona tal-operazzjonijiet.

(d)   Kwartieri Ġenerali tal-Kmand tal-Komponenti (CCHQ): il-kwartieri ġenerali tal-kmand tal-komponenti tal-Unjoni mobilizzati għall-operazzjoni (jiġifieri l-kmandanti tal-ajru, tal-art, marittimi u oħrajn tal-forzi speċjali li jista' jitqies li jkun meħtieġ li jinħatru, skont in-natura tal-operazzjoni).

(e)   Kwartieri Ġenerali tal-Missjoni (MHQ): il-kwartieri ġenerali ta' operazzjoni tal-Unjoni mobilizzati lejn il-post tal-operazzjonijiet li jissostitwixxu wħud mill-funzjonijiet kemm tal-OHQ kif ukoll tal-FHQ, jew kollha kemm huma.

1.2.   Definizzjoni tal-ispejjeż inkrimentali ffinanzjati b'mod komuni:

(a)   Spejjeż tat-trasport: trasport lejn u mill-post tal-operazzjonijiet għall-mobilizzazzjoni, is-sostenn u l-irkupru tal-FHQs u s-CCHQs.

(b)   Ivvjaġġar u akkomodazzjoni: l-ispejjeż tal-ivvjaġġar u l-akkomodazzjoni li jsiru mill-OHQ għal vjaġġi uffiċjali meħtieġa għal operazzjoni; l-ispejjeż tal-ivvjaġġar u l-akkomodazzjoni li jsiru minn persunal minn HQs mobilizzati li jagħmlu vjaġġi uffiċjali lejn Brussell u/jew għal laqgħat marbutin mal-operazzjonijiet.

(c)   Trasport/ivvjaġġar (esklużi spejjeż 'per diem') ta' HQs fil-post tal-operazzjonijiet: infiq marbut mat-trasport bil-vetturi u vjaġġi oħrajn b'mezzi oħrajn u spejjeż marbutin mal-ġarr ta' merkanzija, inkluż il-vjaġġi minn rinforzi u viżitaturi nazzjonali; spejjeż inkrimentali ta' karburanti lil hinn mill-ispiża għal operazzjonijiet normali; kiri ta' vetturi addizzjonali; spejjeż tal-assigurazzjoni ta' partijiet terzi imposti minn xi pajjiżi fuq organizzazzjonijiet internazzjonali li jmexxu operazzjonijiet fit-territorju tagħhom.

(d)   Amministrazzjoni: tagħmir supplimentari għall-uffiċċji u l-akkomodazzjoni, servizzi u utilitajiet kuntrattwali, spejjeż għall-manutenzjoni tal-binjiet tal-HQs.

(e)   Persunal ċivili li jiġi rreklutat speċifikament fl-HQs eliġibbli għar-rekwiżiti tal-operazzjoni: persunal ċivili li jaħdem fl-Unjoni, persunal internazzjonali u lokali rreklutat fil-post tal-operazzjoni meħtieġ għat-twettiq tal-operazzjoni lil hinn mir-rekwiżiti operattivi normali (inkluż kwalunkwe ħlas għall-kumpens tas-sahra).

(f)   Komunikazzjonijiet bejn l-HQs eliġibbli u bejn l-HQs eliġibbli u l-forzi direttament subordinati: nefqa kapitali għax-xiri u l-użu ta' tagħmir tal-IT u ta' komunikazzjoni supplimentari u l-ispejjeż għal servizzi mogħtija (kera u manutenzjoni ta' modems, linji tat-telefon, satphones, cryptofaxes, linji siguri, fornituri tal-Internet, linji għat-trasmissjoni ta' data, netwerks ta' żona lokali).

(g)   Barracks u alloġġjar/infrastruttura: infiq għall-akkwist, il-kiri jew r-rinnovazzjoni ta' faċilitajiet tal-HQ meħtieġa fil-post tal-operazzjoni (kiri ta' binjiet, shelters, tined), jekk meħtieġ.

(h)   Informazzjoni għall-pubbliku: l-ispejjeż relatati ma' kampanji ta' informazzjoni u ta' għoti ta' informazzjoni lill-mezzi tax-xandir fil-livell ta' HQ, f'konformità mal-istrateġija tal-informazzjoni żviluppata mill-HQ.

(i)   Rappreżentanza u ospitalità: l-ispejjeż għar-Rappreżentanza; l-ispejjeż fil-livell tal-HQ meħtieġa għat-twettiq ta' operazzjoni.

2.   Spejjeż inkrimentali li jsiru sabiex jingħata appoġġ għall-forza fl-intier tagħha

L-ispejjeż definiti hawn taħt huma dawk li jsiru bħala konsegwenza tal-mobilizzazzjoni tal-forza fil-lokalità tagħha:

(a)   Xogħlijiet għall-mobilizzazzjoni/infrastruttura: nefqa assolutament meħtieġa sabiex il-forza inġenerali twettaq il-missjoni tagħha (ajruporti, linji tal-ferrovija, portijiet, toroq loġistiċi ewlenin, inklużi punti tal-iżbark u żoni tal-assemblea avvanzati li jintużaw b'mod konġunt; analiżi tal-ilma, ippumpjar, trattament, distribuzzjoni u rimi tal-ilma, forniment tal-elettriku u l-ilma, xogħlijiet tal-art u protezzjoni statika tal-forzi, faċilitajiet tal-ħżin (b'mod partikolari ta' karburant u munizzjon), żoni loġistiċi ta' assemblea; appoġġ tekniku għall-infrastruttura ffinanzjata b'mod konġunt).

(b)   Marki tal-identifikazzjoni: marki speċifiċi ta' identifikazzjoni, karti tal-identità tal-'Unjoni Ewropea', għeliem, medalji, bnadar bil-kuluri tal-Unjoni jew marki ta'identifikazzjoni oħrajn tal-Forza jew tal-HQ (esklużi ħwejjeġ, kpiepel jew uniformijiet).

(c)   Servizzi u faċilitajiet mediċi: evakwazzjonijiet mediċi ta' emerġenza (Medevac). Servizzi u faċilitajiet tar-rwol 1 fil-livell ta' elementi operattivi fuq il-post, jekk ikunu pprovduti għall-forzi fuq bażi ġenerali. Servizzi u faċilitajiet tar-rwol 2 fil-livell ta' fuq il-post/fuq il-post. Servizzi u faċilitajiet tar-rwol 3 fil-livell tal-elementi operattivi fuq il-post, bħall-ajruporti u l-portijiet ta' żbark approvati fil-pjan operattiv (OPLAN).

(d)   Ksib ta' informazzjoni: Immaġini bis-satellita għall-intelligence approvati fil-pjan operattiv (OPLAN), jekk ma jkunux jistgħu jiġi ffinanzjati mill-fondi disponibbli fil-baġit taċ-Ċentru Satellitari tal-Unjoni Ewropea (EUSC).

3.   Spejjeż inkrimentali sostnuti mir-rikors tal-Unjoni għall-assi u l-kapaċitajiet komuni tan-NATO li jsiru disponibbli għal operazzjoni mmexxija mill-Unjoni.

L-ispiża għall-Unjoni tal-applikazzjoni għal waħda mill-operazzjonijiet militari tagħha tal-arranġamenti bejn l-Unjoni u n-NATO relatata mar-rilaxx, monitoraġġ u ritorn jew sejħa mill-ġdid tal-assi u l-kapaċitajiet komuni tan-NATO magħmula disponibbli għal operazzjoni mmexxija mill-Unjoni. Rimborżi min-NATO lill-Unjoni.

4.   L-ispejjeż inkrimentali sostnuti mill-Unjoni għal merkanzija, servizzi jew xogħlijiet inklużi fil-lista ta' spejjeż komuni u magħmula disponibbli f'operazzjoni mmexxija mill-Unjoni, minn Stat Membru, minn istituzzjoni tal-Unjoni, minn Stat terz jew organizzazzjoni internazzjonali skont l-arranġament imsemmi fl-Artikolu 11. Rimborżi minn Stat, istituzzjoni tal-Unjoni jew organizzazzjoni internazzjonali bbażati fuq tali arranġament.

PARTI B

SPEJJEŻ OPERATTIVI KOMUNI RELATATI MAL-FAŻI ATTIVA TA' OPERAZZJONI SPEĊIFIKA, SOSTNUTI MINN ATHENA SKONT DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

Spejjeż ta' trasport: trasport lejn u mill-post tal-operazzjonijiet sabiex jiġu mobilizzati, appoġġati u rkuprati l-forzi meħtieġa għall-operazzjoni.

Kwartieri ġenerali multinazzjonali tat-task-forces: il-kwartieri ġenerali tat-task-forces multinazzjonali tal-Unjoni mobilizzati fiż-żona tal-operazzjoni.

PARTI C

SPEJJEŻ OPERATTIVI KOMUNI SOSTNUTI MINN ATHENA META JINTALBU MILL-KMANDANT TAL-OPERAZZJONI U APPROVATI MILL-KUMITAT SPEĊJALI

(a)   Barracks u alloġġjar/infrastruttura: infiq għall-akkwist, il-kiri jew r-rinnovazzjoni ta' siti fil-post tal-operazzjoni (binjiet, shelters, tined), kif meħtieġ għall-forzi mobilizzati għall-operazzjoni.

(b)   Tagħmir addizzjonali essenzjali: il-kiri jew ix-xiri matul l-operazzjoni ta' tagħmir speċifiku mhux previst li jkun essenzjali għat-twettiq tal-operazzjoni,dment li t-tagħmir mixtri ma jkunx ripatrijat fi tmiem il-missjoni.

(c)   Servizzi u faċilitajiet mediċi: Servizzi u faċilitajiet tar-rwol 2 fuq il-post, li mhumiex dawk imsemmija fil-Parti A.

(d)   Ksib ta' informazzjoni: ksib ta' informazzjoni (immaġini bis-satellita; intelligence, tkixxif u sorveljanza (ISR) fil-post tal-operazzjoni, inkluż sorveljanza tal-ajru u l-art (AGSR); intelligence umana).

(e)   Kapaċitajiet kritiċi oħrajn fil-post tal-operazzjoni: tneħħija ta' mini, fejn meħtieġ għall-operazzjoni, il-protezzjoni kimika, bijoloġika, radjoloġika u nukleari (CBRN); ħżin u qerda ta' armi u munizzjon miġbura fiż-żona ta' operazzjoni.


ANNESS IV

SPEJJEŻ OPERATTIVI KOMUNI RELATTIVI GĦAT-TERMINAZZJONI TA' OPERAZZJONI, SOSTNUTI MINN ATHENA

Spejjeż li jkunu saru sabiex tinstab id-destinazzjoni finali għat-tagħmir u l-infrastruttura ffinanzjati b'mod komuni għall-operazzjoni.

Spejjeż inkrimentali għat-tħejjija tal-kontijiet għall-operazzjoni. L-ispejjeż komuni eliġibbli għandhom ikunu ddeterminati f'konformità mal-Anness III, b'kont meħud tal-fatt li l-persunal li jkun meħtieġ għat-tħejjija tal-kontijiet jappartjeni għall-kwartieri ġenerali għal dik l-operazzjoni, anke wara li dawn tal-aħħar ikunu temmew l-attivitajiet tagħhom.