25.2.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 53/14


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/296

tal-24 ta' Frar 2015

li tistabbilixxi arranġamenti proċedurali għal kooperazzjoni bejn l-Istati Membri dwar l-identifikazzjoni elettronika skont l-Artikolu 12(7) tar-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal transazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Ir-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Lulju 2014 dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal transazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern u li jħassar id-Direttiva 1999/93/KE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 12(7) tiegħu,

Billi:

(1)

Il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri dwar l-interoperabbiltà u s-sigurtà tal-iskemi ta' identifikazzjoni elettronika hija essenzjali ħalli jitrawwem livell għoli ta' fiduċja u sigurtà adatta għall-grad ta' riskju fi skemi bħal dawn.

(2)

L-Artikolu 7(g) tar-Regolament (UE) Nru 910/2014 jeħtieġ lill-Istat Membru li jkun għamel in-notifika jipprovdi lil Stati Membri oħra, deskrizzjoni ta' dik l-iskema sitt xhur minn qabel, sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jikkooperaw bil-mod deskritt fl-Artikolu 12(5) tar-Regolament (UE) Nru 910/2014.

(3)

Il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri teħtieġ proċeduri simplifikati. L-interoperabbiltà u s-sigurtà tal-iskemi ta' identifikazzjoni elettronika ma jistgħux jinħolqu minn proċeduri mwettqa b'lingwi differenti. L-użu tal-lingwa Ingliża matul il-kooperazzjoni għandu jiffaċilita l-kisba tal-interoperabbiltà u s-sigurtà tal-iskemi ta' identifikazzjoni elettronika, minkejja li t-traduzzjoni ta' dokumenti diġà eżistenti ma għandhiex toħloq piż sproporzjonat.

(4)

Diversi elementi tal-iskemi ta' identifikazzjoni elettronika huma ġestiti minn awtoritajiet jew korpi differenti fl-Istati Membri. Sabiex ikun hemm kooperazzjoni effettiva u jiġu ssimplifikati l-proċeduri amministrattivi, huwa xieraq li jiġi żgurat li kull Stat Membru jkollu punt uniku li permezz tiegħu l-awtoritajiet u l-korpi rilevanti jkunu jistgħu jintlaħqu.

(5)

L-iskambju ta' informazzjoni, esperjenza u prattika tajba bejn l-Istati Membri jiffaċilita l-iżvilupp ta' skemi ta' identifikazzjoni elettronika u jservi ta' għodda biex tintlaħaq l-interoperabbiltà teknika. Il-ħtieġa għal kooperazzjoni bħal din hija ġustifikata b'mod speċifiku meta tkun tikkonċerna aġġustamenti ta' skemi ta' identifikazzjoni elettronika li jkunu diġà ġew innotifikati, bidliet għal skemi ta' identifikazzjoni elettronika li fihom l-informazzjoni tkun ġiet ipprovduta lill-Istati Membri qabel in-notifika, u meta jseħħu żviluppi importanti jew inċidenti li jafu jaffettwaw l-interoperabbiltà jew is-sigurtà tal-iskemi ta' identifikazzjoni elettronika. L-Istati Membri għandhom ukoll ikollhom il-mezzi biex jitolbu din it-tip ta' informazzjoni dwar l-interoperabbiltà u s-sigurtà tal-iskemi ta' identifikazzjoni elettronika minn Stati Membri oħra.

(6)

Evalwazzjoni bejn il-pari tal-iskemi ta' identifikazzjoni elettronika għandha titqies bħala proċess ta' tagħlim reċiproku li jgħin biex tinbena fiduċja bejn l-Istati Membri, u jiżgura l-interoperabbiltà u s-sigurtà ta' skemi ta' identifikazzjoni elettronika notifikati. Dan jeħtieġ n-notifikazzjoni lill-Istati Membri biex jipprovdu biżżejjed informazzjoni dwar l-iskemi ta' identifikazzjoni elettronika tagħhom. Il-ħtieġa għall-Istati Membri li ċerta informazzjoni tinżamm kunfidenzjali, meta din hija ta' importanza kbira għas-sigurtà, għandha madankollu tiġi kkunsidrata wkoll.

(7)

Sabiex jiġi żgurat li l-proċess tal-evalwazzjoni bejn il-pari jkun kosteffettiv u jipproduċi riżultati ċari u konklużivi, u sabiex jiġi evitat li jitqiegħed piż bla bżonn fuq l-Istati Membri, l-Istati Membri għandhom iwettqu evalwazzjoni bejn il-pari unika kollettivament.

(8)

L-Istati Membri għandhom iqisu l-valutazzjonijiet indipendenti ta' parti terza, jekk dawn ikunu disponibbli, meta jikkooperaw fuq kwistjonijiet li għandhom x'jaqsmu ma' skemi ta' identifikazzjoni elettronika, inkluż fit-twettiq ta' evalwazzjonijiet bejn il-pari.

(9)

Sabiex jiġi ffaċilitat l-arranġament proċedurali biex jintlaħqu l-għanijiet tal- Artikolu 12(5) u (6) tar-Regolament (UE) Nru 910/2014, għandu jinħoloq in-Netwerk ta' Kooperazzjoni. Dan għandu jiżgura l-eżistenza ta' forum li jista' jinkludi lill-Istati Membri kollha u jħeġġeġ il-parteċipazzjoni tagħhom f'manjiera formalizzata biex jikkooperaw viżavì l-prattikalitajiet taż-żamma tal-qafas ta' interoperabbiltà.

(10)

In-Netwerk ta' Kooperazzjoni għandu jeżamina abbozz ta' formoli ta' notifikazzjoni pprovduti mill-Istati Membri skont l-Artikolu 7(g) tar-Regolament (UE) Nru 910/2014 u joħroġ opinjonijiet li jipprovdu indikazzjonijiet dwar il-konformità tal-iskemi deskritti fih mar-rekwiżiti tal-Artikolu 7, l-Artikolu 8(1) u (2) u l-Artikolu 12(1) ta' dak ir-Regolament u l-att ta' implimentazzjoni msemmi fl-Artikolu 8(3) ta' dak ir-Regolament. L-Artikolu 9(1)(e) tar-Regolament (UE) Nru 910/2014 jirrikjedi lill-Istati Membri notifikanti biex jiddeskrivu kif l-iskema ta' identifikazzjoni elettronika notifikata tissodisfa r-rekwiżiti tal-interoperabbiltà skont l-Artikolu 12(1) tar-Regolament (UE) Nru 910/2014. B'mod partikolari, l-opinjonijiet tan-Netwerk ta' Kooperazzjoni għandhom jiġu kkunsidrati mill-Istati Membri meta jkunu qed iħejju biex iwettqu l-obbligu tagħhom skont l-Artikolu 9(1)(e) tar-Regolament (UE) Nru 910/2014 biex jiddeskrivu lill-Kummissjoni kif skema ta' identifikazzjoni elettronika notifikata tissodisfa r-rekwiżiti tal-interoperabbiltà skont l-Artikolu 12(1) tar-Regolament (UE) Nru 910/2014.

(11)

Il-partijiet kollha involuti f'notifika għandhom jieħdu nota tal-opinjoni tan-Netwerk ta' Kooperazzjoni bħala gwida għall-kooperazzjoni sħiħa, in-notifika u l-proċessi tal-interoperabbiltà.

(12)

Sabiex tiġi żgurata l-effikaċja tal-proċess ta' evalwazzjoni bejn il-pari mwettqa skont din id-Deċiżjoni, huwa xieraq li n-Netwerk ta' Kooperazzjoni jipprovdi gwida lill-Istati Membri.

(13)

Il-miżuri stipulati f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 48 tar-Regolament (UE) Nru 910/2014,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Għan

Skont l-Artikolu 12(7) tar-Regolament, din id-Deċiżjoni tistabbilixxi arranġamenti proċedurali biex jiffaċilitaw il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, kif huwa meħtieġ sabiex tiġi żgurata l-interoperabbiltà u s-sigurtà tal-iskemi ta' identifikazzjoni elettronika li l-Istati Membri jkunu biħsiebhom jinnotifikaw jew ikunu diġà nnotifikaw lill-Kummissjoni. L-arranġamenti huma konnessi b'mod partikolari ma':

(a)

l-iskambju ta' informazzjoni, esperjenza u prassi tajba dwar skemi ta' identifikazzjoni elettronika u eżami tal-iżviluppi rilevanti fis-settur tal-identifikazzjoni elettronika kif stabbilit fil-Kapitolu II;

(b)

evalwazzjoni bejn il-pari tal-iskemi ta' identifikazzjoni elettronika kif stabbilit fil-Kapitolu III; kif ukoll

(c)

il-kooperazzjoni fi ħdan in-Netwerk ta' Kooperazzjoni kif stabbilit fil-Kapitolu IV.

Artikolu 2

Il-lingwa ta' kooperazzjoni

1.   Sakemm ma jkunx maqbul mod ieħor bejn l-Istati Membri kkonċernati, il-lingwa ta' kooperazzjoni għandha tkun l-Ingliż.

2.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 1, l-Istati Membri ma għandhomx ikunu obbligati li jittraduċu d-dokumenti ta' sostenn imsemmija fl-Artikolu 10(2) fejn dan joħloq piż sproporzjonat.

Artikolu 3

Punti ta' kuntatt uniku

1.   Għall-finijiet ta' kooperazzjoni bejn l-Istati Membri skont l-Artikolu 12(5) u (6) tar- Regolament (UE) Nru 910/2014, kull Stat Membru għandu jaħtar punt ta' kuntatt uniku.

2.   Kull Stat Membru għandu jikkomunika lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni informazzjoni dwar il-punt ta' kuntatt uniku. Il-Kummissjoni għandha tippubblika elettronikament lista tal-punti ta' kuntatt uniċi.

KAPITOLU II

L-ISKAMBJU TAL-INFORMAZZJONI, L-ESPERJENZA U L-PRASSI T-TAJBA

Artikolu 4

L-iskambju tal-informazzjoni, l-esperjenza u l-prassi t-tajba

1.   L-Istati Membri għandhom jaqsmu informazzjoni, esperjenza u prassi tajba dwar skemi ta' identifikazzjoni elettronika ma' Stati Membri oħra.

2.   Kull Stat Membru għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra b'dan meta huwa jintroduċi kwalunkwe bidla, żviluppi jew aġġustament li ġejjin li huma relatati mal-interoperabbiltà u l-livelli ta' assigurazzjoni tal-iskema:

(a)

żviluppi jew aġġustamenti għal skema ta' identifikazzjoni elettronika tiegħu li tkun diġà ġiet innotifikata, fejn ma jkunx hemm bżonn ta' notifika skont l- Artikolu 9(1) tar-Regolament (UE) Nru 910/2014;

(b)

bidliet, żviluppi jew aġġustamenti tad-deskrizzjoni tal-iskema ta' identifikazzjoni elettronika pprovduta skont l-Artikolu 7(g) tar-Regolament (UE) Nru 910/2014, meta dawn ikunu seħħew qabel in-notifika.

3.   Meta Stat Membru jsir konxju ta' kwalunkwe żvilupp importanti jew inċident li mhux relatat ma' skema ta' identifikazzjoni elettronika notifikata tiegħu iżda li jista' jaffettwa s-sigurtà tal-iskemi ta' identifikazzjoni elettronika notifikati l-oħra, huwa għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra.

Artikolu 5

Talba għal informazzjoni dwar l-interoperabbiltà u s-sigurtà

1.   Meta Stat Membru jikkunsidra li sabiex tiġi żgurata l-interoperabbiltà bejn l-iskemi ta' identifikazzjoni elettronika jeħtieġ li jkollu aktar informazzjoni li ma tkunx diġà pprovduta mill-Istat Membru li jinnotifika skema ta' identifikazzjoni elettronika, huwa jista' jitlob tali informazzjoni mingħand dan tal-aħħar. L-Istat Membru notifikanti għandu jipprovdi tali informazzjoni, sakemm:

(a)

ma jkunx fil-pussess ta' din l-informazzjoni u biex jiksibha jikkawżalu piż amministrattiv sproporzjonat;

(b)

din l-informazzjoni tikkonċerna kwistjonijiet ta' sigurtà pubblika jew sigurtà nazzjonali;

(c)

din l-informazzjoni tikkonċerna kwistjonijiet ta' sigrieti kummerċjali, professjonali jew tal-kumpaniji.

2.   Sabiex itejjeb is-sigurtà tal-iskemi ta' identifikazzjoni elettronika, Stat Membru li jkollu tħassib dwar is-sigurtà li jaffettwa skema li ġiet notifikata jew li tinsab fil-proċess li tiġi notifikata, jista' jitlob informazzjoni fuq it-tħassib dwar is-sigurtà. L-Istat Membru li tkun saritlu t-talba għandu mbagħad jipprovdi lill-Istati Membri kollha bl-informazzjoni relevanti meħtieġa biex jiġi stabbilit jekk ikunx seħħ ksur tas-sigurtà kif msemmi fl-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) Nru 910/2014 jew biex jiġi stabbilit jekk hemmx riskju reali li tali ksur seta' seħħ, sakemm:

(a)

ma jkunx fil-pussess ta' din l-informazzjoni u biex jiksibha jikkawżalu piż amministrattiv sproporzjonat;

(b)

din l-informazzjoni tikkonċerna kwistjonijiet ta' sigurtà pubblika jew sigurtà nazzjonali;

(c)

din l-informazzjoni tikkonċerna kwistjonijiet ta' sigrieti kummerċjali, professjonali jew tal-kumpaniji.

Artikolu 6

Skambju ta' informazzjoni permezz ta' punti ta' kuntatt uniċi

L-Istati Membri għandhom jiskambjaw informazzjoni skont l-Artikoli 4 u 5 permezz tal-punti ta' kuntatt uniċi u għandhom jipprovdi l-informazzjoni rilevanti mitluba mingħajr dewmien żejjed.

KAPITOLU III

EVALWAZZJONI BEJN IL-PARI

Artikolu 7

Prinċipji

1.   L-evalwazzjoni bejn il-pari hija mekkaniżmu għall-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri mfassla biex jiżguraw l-interoperabbiltà u s-sigurtà ta' skemi ta' identifikazzjoni elettronika notifikati.

2.   Il-parteċipazzjoni tal-Istati Membri pari għandha tkun volontarja. L-Istat Membru li l-iskema ta' identifikazzjoni elettronika tiegħu tkun se tiġi evalwata mill-pari ma jistax jirrifjuta l-parteċipazzjoni ta' kwalunkwe Stat Membru pari fil-proċess ta' evalwazzjoni bejn il-pari.

3.   Kull Stat Membru involut fil-proċess ta' evalwazzjoni bejn il-pari għandu jħallas l-ispejjeż li jġarrab minħabba l-parteċipazzjoni f'dan il-proċess.

4.   Kwalunkwe informazzjoni miksuba permezz ta' proċess ta' evalwazzjoni bejn il-pari għandha tintuża biss għal dan l-iskop. Ir-rappreżentanti tal-Istati Membri li jwettqu l-evalwazzjoni bejn il-pari ma għandhomx jiżvelaw informazzjoni kunfidenzjali jew sensittiva miksuba matul l-evalwazzjoni bejn il-pari lil partijiet terzi.

5.   Stat Membru pari għandu jiżvela kull kunflitt ta' interess li jaf ikollhom ir-rappreżentanti nominati minnu biex jieħdu sehem fl-attivitajiet tal-evalwazzjoni bejn il-pari.

Artikolu 8

L-inizjazzjoni tal-proċess ta' evalwazzjoni bejn il-pari

1.   Il-proċess tal-evalwazzjoni bejn il-pari jista' jinbeda f'wieħed minn żewġ modi:

(a)

Stat Membru jitlob li l-iskema ta' identifikazzjoni elettronika tiegħu tiġi evalwata mill-pari.

(b)

Stat Membru jew Stati Membri jesprimu x-xewqa għal evalwazzjoni bejn il-pari ta' skema ta' identifikazzjoni elettronika ta' Stat Membru ieħor. Fit-talba tagħhom, huma għandhom jindikaw ir-raġunijiet li għalihom ikunu jixtiequ jwettqu l-evalwazzjoni bejn il-pari u għandhom jispjegaw kif l-evalwazzjoni bejn il-pari se tikkontribwixxi għall-interoperabbiltà jew is-sigurtà tal-iskemi ta' identifikazzjoni elettronika tal-Istati Membri.

2.   Talba skont il-paragrafu 1 għandha tiġi mħabbra lin-Netwerk ta' Kooperazzjoni skont il-paragrafu 3. Kwalunkwe Stat Membru li għandu l-intenzjoni li jieħu parti f'evalwazzjoni bejn il-pari għandu jinforma lin-Netwerk ta' Kooperazzjoni fi żmien xahar.

3.   L-Istat Membru li l-iskema ta' identifikazzjoni elettronika tiegħu ssirilha evalwazzjoni bejn il-pari għandu jipprovdi lin-Netwerk ta' Kooperazzjoni bl-informazzjoni li ġejja:

(a)

l-iskema ta' identifikazzjoni elettronika li tkun se ssirilha l-evalwazzjoni bejn il-pari;

(b)

l-Istat(i) Membru(i) pari;

(c)

l-iskeda ta' żmien biex ir-riżultat ikun mistenni li jitressaq quddiem in-Netwerk ta' Kooperazzjoni; kif ukoll

(d)

l-arranġamenti dwar kif għandhom jitwettqu r-reviżjoni bejn il-pari skont l- Artikolu 9(2).

4.   Skema ta' identifikazzjoni elettronika ma għandhiex tkun soġġetta għal aktar evalwazzjonijiet bejn il-pari fi żmien sentejn minn meta tkun ġiet konkluża evalwazzjoni bejn il-pari, sakemm dan ma jkunx miftiehem min-Netwerk ta' Kooperazzjoni.

Artikolu 9

Preparazzjoni għall-evalwazzjoni bejn il-pari

1.   L-Istati Membri pari għandhom jipprovdu lill-Istat Membru li l-iskema ta' identifikazzjoni elettronika tiegħu tkun qed tiġi evalwata bejn il-pari l-ismijiet u d-dettalji ta' kuntatt tar-rappreżentanti tagħhom li jkunu se jwettqu l-evalwazzjoni bejn il-pari fi żmien ġimagħtejn (2) wara li l-Istati Membri jkunu għarrfu l-intenzjoni tagħhom li jieħdu sehem fl-evalwazzjoni skont l-Artikolu 8(2). L-Istat Membru li l-iskema ta' identifikazzjoni elettronika tiegħu tkun qed tiġi evalwata mill-pari jista' jirrifjuta l-parteċipazzjoni ta' kwalunkwe rappreżentant f'każ ta' konflitt ta' interess.

2.   B'qies tal-gwida mogħtija min-Netwerk ta' Kooperazzjoni, l-Istat Membru li l-iskema ta' identifikazzjoni elettronika tiegħu tkun qed tiġi evalwata u l-Istati Membri pari għandhom jaqblu dwar:

(a)

il-kamp ta' applikazzjoni u l-arranġamenti tal-evalwazzjoni bejn il-pari abbażi tal-kamp ta' applikazzjoni tal-Artikolu 7(g) jew l-Artikolu 9(1) tar- Regolament (UE) Nru 910/2014 u l-interess espress mill-Istati Membri pari fil-fażi tal-bidu;

(b)

iż-żmien tal-attivitajiet tal-evalwazzjoni bejn il-pari billi tiġi determinata skadenza ta' żmien li ma tistax taqbeż it-tliet (3) xhur wara li l-Istati Membri pari jkunu pprovdew l-ismijiet u d-dettalji ta' kuntatt tar-rappreżentanti tagħhom skont il-paragrafu 1;

(c)

arranġamenti organizzattivi oħra li jirrigwardaw il-proċess tal-evalwazzjoni bejn il-pari.

L-Istat Membru li l-iskema ta' identifikazzjoni elettronika tiegħu tkun qed issirilha evalwazzjoni bejn il-pari għandu jinforma lin-Netwerk ta' Kooperazzjoni b'dak li jkun intlaħaq qbil dwaru.

Artikolu 10

Evalwazzjoni tal-pari

1.   L-Istati Membri involuti għandhom iwettqu l-evalwazzjoni bejn il-pari b'mod konġunt. Ir-rappreżentanti tal-Istati Membri għandhom jagħżlu rappreżentant wieħed minn fosthom biex jikkoordina l-evalwazzjoni bejn il-pari.

2.   L-Istat Membru li l-iskema ta' identifikazzjoni elettronika tiegħu tkun qed tiġi evalwata bejn il-pari għandu jipprovdi lill-Istati Membri pari l-formola ta' notifika ppreżentata lill-Kummissjoni jew deskrizzjoni tal-iskema skont l-Artikolu 7(g) tar-Regolament (UE) Nru 910/2014 jekk l-iskema ta' identifikazzjoni elettronika rispettiva tkun għadha ma ġietx innotifikata. Għandhom jingħataw ukoll id-dokumenti kollha ta' sostenn u kull informazzjoni rilevanti addizzjonali.

3.   L-evalwazzjoni bejn il-pari tista' tinkludi, iżda mhijiex limitata għal, wieħed jew aktar mill-arranġamenti li ġejjin:

(a)

valutazzjoni tad-dokumentazzjoni rilevanti;

(b)

eżami tal-proċessi;

(c)

seminars tekniċi; kif ukoll

(d)

konsiderazzjoni ta' valutazzjoni indipendenti minn parti terza.

4.   L-Istati Membri pari jistgħu jeħtieġu aktar dokumentazzjoni marbuta man-notifika. L-Istat Membru li l-iskema ta' identifikazzjoni elettronika tiegħu hija suġġetta għall-evalwazzjoni bejn il-pari għandu jipprovdu din l-informazzjoni sakemm:

(a)

ma jkunx fil-pussess ta' din l-informazzjoni u biex jiksibha jikkawżalu piż amministrattiv sproporzjonat;

(b)

din l-informazzjoni tikkonċerna kwistjonijiet ta' sigurtà pubblika jew sigurtà nazzjonali;

(c)

din l-informazzjoni tikkonċerna kwistjonijiet ta' sigrieti kummerċjali, professjonali jew tal-kumpaniji.

Artikolu 11

Ir-riżultat tal-evalwazzjoni bejn il-pari

L-Istati Membri pari għandhom jippreparaw u jippreżentaw fi żmien xahar mit-tmiem tal-proċess tal-evalwazzjoni bejn il-pari rapport għan-Netwerk ta' Kooperazzjoni. Il-Membri tan-Netwerk ta' Kooperazzjoni jistgħu jitolbu aktar tagħrif jew kjarifika ulterjuri mingħand l-Istat Membru li l-iskema ta' identifikazzjoni elettronika tiegħu tkun ġiet evalwata bejn il-pari jew mingħand l-Istati Membri pari.

KAPITOLU IV

IN-NETWERK TA' KOOPERAZZJONI

Artikolu 12

Stabbiliment u metodi ta' ħidma

B'dan huwa stabbilit netwerk għall-promozzjoni tal-kooperazzjoni skont l-Artikolu 12(5) sa (6) tar-Regolament (UE) Nru 910/2014 (“in-Netwerk ta' Kooperazzjoni”). In-Netwerk ta' Kooperazzjoni għandu jwettaq ħidmietu permezz ta' taħlita ta' laqgħat u ta' proċedura bil-miktub.

Artikolu 13

Abbozz tal-formola tan-notifika

Meta l-Istat Membru notifikanti jipprovdi d-deskrizzjoni tiegħu dwar skema ta' identifikazzjoni elettronika skont l-Artikolu 7(g) tar-Regolament (UE) Nru 910/2014, hu għandu jipprovdi lin-Netwerk ta' Kooperazzjoni abbozz tal-formola tan-notifika mimlija korrettament u kull dokumentazzjoni ta' akkumpanjament meħtieġa kif speċifikat fl-Artikolu 9(1) tar-Regolament (UE) Nru 910/2014 u fl-att ta' implimentazzjoni msemmi fl-Artikolu 9(5) tar-Regolament (UE) Nru 910/2014.

Artikolu 14

Kompiti

In-Netwerk ta' Kooperazzjoni għandu jkollu l-mandat biex:

(a)

jiffaċilita l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri dwar l-istabbiliment u l-funzjonament tal-qafas ta' interoperabbiltà skont l-Artikolu 12(5) sa (6) tar- Regolament (UE) Nru 910/2014, permezz tal-iskambju ta' informazzjoni;

(b)

jistabbilixxi metodi għal skambju effiċjenti ta' informazzjoni dwar il-kwistjonijiet kollha li jikkonċernaw l-identifikazzjoni elettronika;

(c)

jistħarreġ l-iżviluppi rilevanti fis-settur tal-identifikazzjoni elettronika u jiddiskuti u jiżviluppa prattiki tajba dwar l-interoperabbiltà u s-sigurtà għal skemi ta' identifikazzjoni elettronika;

(d)

jadotta opinjonijiet dwar żviluppi konnessi mal-qafas ta' interoperabbiltà msemmi fl-Artikolu 12(2) sa (4) tar-Regolament (UE) Nru 910/2014;

(e)

jadotta opinjonijiet dwar żviluppi li jikkonċernaw speċifikazzjonijiet tekniċi, standards u proċeduri minimi rigward il-livelli ta' assigurazzjoni stabbiliti fl-att ta' implimentazzjoni adottat skont l-Artikolu 8(3) tar-Regolament (UE) Nru 910/2014, u l-gwida li takkumpanja lil dak l-att ta' implimentazzjoni;

(f)

jadotta gwida dwar il-kamp ta' applikazzjoni tal-evalwazzjoni bejn il-pari u l-arranġamenti tagħha;

(g)

jeżamina r-riżultat tal-evalwazzjonijiet bejn il-pari skont l-Artikolu 11;

(h)

jeżamina l-abbozz tal-formola tan-notifika mimlija;

(i)

jadotta opinjonijiet dwar kif skema ta' identifikazzjoni elettronika li tiġi nnotifikata, li d-deskrizzjoni tagħha ġiet ippreżentata skont l-Artikolu 7(g) tar-Regolament (UE) Nru 910/2014, tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 7, l-Artikolu 8(1) sa (2) u l-Artikolu 12(1) ta' dak ir-Regolament u l-att ta' implimentazzjoni msemmi fl-Artikolu 8(3) ta' dak ir-Regolament.

Artikolu 15

Sħubija

1.   L-Istati Membri u l-pajjiżi fiż-Żona Ekonomika Ewropea għandhom ikunu l-membri tan-Netwerk ta' Kooperazzjoni.

2.   Ir-rappreżentanti ta' pajjiżi aderenti għandhom jiġu mistiedna mill-President biex jattendu l-laqgħat tan-Netwerk ta' Kooperazzjoni bħala osservaturi mid-data tal-iffirmar tat-Trattat tal-Adeżjoni.

3.   Il-President jista' jistieden esperti minn barra n-Netwerk ta' Kooperazzjoni b'kompetenza speċifika f'suġġett li jkun fuq l-aġenda biex jieħdu sehem fil-ħidma tan-Netwerk ta' Kooperazzjoni jew ta' sottogrupp fuq bażi ad hoc, wara li jiġi kkonsultat in-Netwerk ta' Kooperazzjoni. Barra minn hekk, il-President jista' jagħti status ta' osservatur lil individwi u organizzazzjonijiet wara li jiġi kkonsultat in-Netwerk ta' Kooperazzjoni.

Artikolu 16

Operat

1.   Il-laqgħat tan-Netwerk ta' Kooperazzjoni għandhom ikunu ppreseduti mill-Kummissjoni.

2.   Bi ftehim mal-Kummissjoni, in-Netwerk ta' Kooperazzjoni jista' jistabbilixxi sottogruppi biex jeżaminaw kwistjonijiet speċifiċi abbażi ta' termini ta' referenza ddefiniti min-Netwerk ta' Kooperazzjoni. Kif jintemm il-mandat tagħhom, it-tali sottogruppi għandhom jiġu xolti.

3.   Il-membri tan-Netwerk ta' Kooperazjoni kif ukoll l-esperti u l-osservaturi mistiedna għandhom jikkonformaw mal-obbligi tas-segretezza professjonali stabbiliti mit-Trattati u r-regoli tal-implimentazzjoni tagħhom, kif ukoll mar-regoli tal-Kummissjoni dwar is-sigurtà relatata mal-protezzjoni tal-informazzjoni klassifikata tal-UE, stabbilita fl-Anness tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/844/KE, KEFA, Euratom (2) Jekk jonqsu milli jħarsu dawn l-obbligi, il-Kummissjoni tista' tieħu l-miżuri xierqa kollha.

4.   In-Netwerk ta' Kooperazzjoni għandu jżomm il-laqgħat tiegħu fil-bini tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi servizzi segretarjali.

5.   In-Netwerk ta' Kooperazzjoni għandu jippubblika l-opinjonijiet adottati skont l-Artikolu 14(i) f'websajt apposta. Meta tali opinjoni jkun fiha informazzjoni kunfidenzjali, in-Netwerk ta' Kooperazzjoni għandu jadotta verżjoni mhux kunfidenzjali ta' din l-opinjoni għall-finijiet ta' tali pubblikazzjoni.

6.   In-Netwerk ta' Kooperazzjoni għandu jadotta, b'maġġoranza sempliċi tal-membri tiegħu, ir-regoli tal-proċedura tiegħu.

Artikolu 17

L-ispejjeż tal-laqgħat

1.   Il-Kummissjoni ma għandhiex tirremunera lil dawk involuti fl-attivitajiet tan-Netwerk ta' Kooperazzjoni għas-servizzi tagħhom.

2.   L-ispejjeż tal-ivvjaġġar imġarrba mill-parteċipanti fil-laqgħat tan-Netwerk ta' Kooperazzjoni jistgħu jiġu rimburżati mill-Kummissjoni. Ir-rimborż għandu jsir f'konformità mad-dispożizzjonijiet fis-seħħ fil-Kummissjoni u fil-limiti tal-approprjazzjonijiet disponibbli allokati lis-servizzi tal-Kummissjoni skont il-proċedura annwali għall-allokazzjoni tar-riżorsi.

Artikolu 18

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta' Frar 2015.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 257, 28.8.2014, p. 73.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/844/KE, KEFA, Euratom tad-29 ta' Novembru 2001 li temenda r-Regoli Interni tal-Proċedura (ĠU L 317, 3.12.2001, p. 1).