31.12.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 373/8


REGOLAMENT TA' DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1398/2014

tal-24 ta' Ottubru 2014

li jistabbilixxi standards u proċeduri dwar il-voluntiera kandidati u l-Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 375/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Korp Volontarju Ewropew tal-Għajnuna Umanitarja (“l-Inizjattiva Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE”) (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 9(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Skont ir-Regolament (UE) Nru 375/2014, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi standards u proċeduri li jkopru l-kundizzjonijiet, l-arranġamenti u r-rekwiżiti meħtieġa li għandhom jiġu applikati mill-organizzazzjonijiet emittenti u dawk li jospitaw meta jidentifikaw, jagħżlu, iħejju, jimmaniġġaw u jimmobilizzaw il-voluntiera kandidati u l-Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE biex jappoġġjaw l-operazzjonijiet ta' għajnuna umanitarja fil-pajjiżi terzi. Ir-Regolament (UE) Nru 375/2014 jipprovdi biex dawn l-istandards jiġu adottati permezz ta' atti ta' delega u l-proċeduri li għandhom jiġu adottati permezz ta' atti ta' implimentazzjoni.

(2)

Il-partijiet interessati kollha tal-Inizjattiva Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE, inkluż il-voluntiera nfushom u l-organizzazzjonijiet emittenti u dawk li jospitaw, għandhom jiġu mħeġġa jaqsmu sens ta' identità fl-inizjattiva.

(3)

Il-qafas ta' kompetenza li għandu jintuża għall-inizjattiva Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE għandu jiddefinixxi kompetenzi trasversali meħtieġa f'ħafna setturi tal-volontarjat u l-impjiegi, u jistabbilixxi wkoll il-kompetenzi speċifiċi meħtieġa għall-inizjattiva Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE u biex taħdem f'għajnuna umanitarja. Hu għandu wkoll jagħti lista mhux eżawrjenti tal-kompetenzi tekniċi. Dan għandu jgħin sabiex tiġi żgurata għażla effikaċi u bbażata fuq il-ħtiġijiet u t-tħejjija ta' voluntiera kandidati, fuq il-bażi ta' qafas ta' kompetenza komuni.

(4)

Sabiex il-kompetenzi, il-bżonnijiet fit-tagħlim u r-riżultati tal-Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE jiġu dokumentati u vvalutati, dawn għandhom isegwu b'mod faċli, pjan ta' tagħlim u żvilupp tul il-parteċipazzjoni tagħhom fl-inizjattiva. It-tfassil ta' dan il-pjan se jkun ibbażat fuq lezzjonijiet minn inizjattivi tal-Youth Pass (2) u l-Europass (3).

(5)

Parteċipazzjoni fl-Inizjattiva Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE tista' ttejjeb l-impjegabbiltà tal-voluntiera, bħala riżultat tal-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi li jakkwistaw. Dan juri wkoll solidarjetà tagħhom man-nies fil-bżonn u l-impenn tagħhom biex jippromwovu b'mod viżibbli sens ta' ċittadinanza Ewropea. Dispożizzjonijiet speċifiċi għandhom għalhekk jiffaċilitaw, sa fejn possibbli, il-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali li jsir minn Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE, b'konformità mar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2012 dwar il-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali (4).

(6)

Standards li jirregolaw is-sħubijiet bejn l-organizzazzjonijiet emittenti u dawk li jospitaw huma ta' rilevanza kemm għas-settur umanitarju kif ukoll għal organizzazzjonijiet volontarji. Huma jappoġġjaw l-objettiv tal-bini ta' sħubiji bejn l-organizzazzjonijiet ta' implimentazzjoni u jirriflettu r-responsabbiltà reċiproka ta' dawn l-organizzazzjonijiet kemm biex jintlaħqu l-objettivi tal-inizjattiva Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE kif ukoll għall-Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE bħala individwi. Il-prinċipji li fuqhom hi bbażata s-sħubija jeħtieġ li jiġu definiti u l-Ftehim ta' Sħubija għandu jissodisfa r-rekwiżiti minimi sabiex l-imsieħba jkunu jistgħu japplikaw għal u jimmaniġġaw proġetti li jinvolvu l-iskjerament ta' Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE f'pajjiżi terzi.

(7)

Prinċipji relatati ma' opportunitajiet indaqs u n-nondiskriminazzjoni huma mħaddna fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u tal-Unjoni u għandhom dejjem jiġu rispettati u promossi mill-organizzazzjonijiet emittenti u dawk li jospitaw. Madankollu ssir dispożizzjoni għal eċċezzjonijiet speċifiċi għall-kuntest, fejn meħtieġ, relatati mad-definizzjoni tar-rwol u l-profil tal-Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE.

(8)

Il-konformità mal-istandards rilevanti nazzjonali u mal-liġi tal-Unjoni u mal-liġi tal-Istat fil-pajjiż ospitanti hija ta' importanza kbira. Din hija r-responsabbiltà tal-organizzazzjonijiet emittenti u dawk li jospitaw, li huma obbligati wkoll li jgħarrfu l-Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE tad-drittijiet tagħhom u l-obbligi legali li joħorġu minn din il-leġiżlazzjoni u d-dritt tagħhom għal kopertura tal-assigurazzjoni. Status legali ċar tal-voluntiera hi prekundizzjoni għall-iskjerament tagħhom u għalhekk għandu jiġi definit f'kuntratt ta' skjerament bejn l-organizzazzjonijiet mittenti u l-Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE. Għandha tingħata wkoll attenzjoni speċifika għall-protezzjoni tad-dejta personali, bil-ħtieġa ta' aġir b'integrità, skont il-kodiċi ta' kondotta, u għas-salvagwardja ta' tfal u adulti vulnerabbli, inkluż billi tistabbilixxi prinċipju ta' tolleranza żero fir-rigward ta' abbuż sesswali.

(9)

Sabiex tassigura implimentazzjoni fil-ħin tal-inizjattiva Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE, huwa meħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ bħala kwistjoni urġenti peress li din tistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ibbażati fuq liema organizzazzjonijiet ta' implimentazzjoni għandhom jibagħtu Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE f'pajjiżi terzi.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU 1

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi standards dwar voluntiera kandidati u Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE fir-rigward dawn il-materji elenkati fl-Artikolu 9(2) tar-Regolament (UE) Nru 375/2014:

(a)

qafas kompetenti li jintuża għall-identifikazzjoni, l-għażla u t-tħejjija tal-voluntiera bħala professjonisti fil-bidu jew professjonisti anzjani;

(b)

dispożizzjonijiet li jiżguraw opportunitajiet indaqs u n-nondiskriminazzjoni fil-proċess ta' identifikazzjoni u għażla;

(c)

dispożizzjonijiet li jiżguraw l-osservanza min-naħa tal-organizzazzjonijiet emittenti u dawk li jospitaw tal-liġijiet rilevanti nazzjonali u tal-Unjoni u l-liġi tal-pajjiż ospitanti;

(d)

standards li jirregolaw is-sħubijiet bejn l-organizzazzjonijiet emittenti u dawk li jospitaw; kif ukoll

(e)

dispożizzjonijiet dwar ir-rikonoxximent tal-ħiliet u l-kompetenzi miksuba mill-Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE b'konformità mal-inizjattivi rilevanti eżistenti tal-Unjoni.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għar-raġunijiet ta' dan ir-Regolament, se japplikaw id-definizzjonijiet fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) Nru 375/2014 u d-definizzjonijiet li hemm fir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni li għandhom jiġu adottati fuq il-bażi tal-Artikolu 9(3) tar-Regolament (UE) Nru 375/2014. Għandhom japplikaw ukoll id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“Kompetenzi” tfisser skont id-definizzjoni stipulata fil-Qafas Ewropew ta' Referenza dwar il-Kompetenzi Ewlenin għal Tagħlim tul il-Ħajja (5) taħlita flimkien ta' għarfien, ħiliet u attitudnijiet xierqa għall-kuntest, li jippermettu Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE li jikkontribwixxu għall-provvista ta' għajnuna umanitarja bbażata fuq il-ħtiġijiet.

(b)

“Kompetenzi trasversali” tfisser il-kompetenzi meħtieġa f'ħafna setturi tal-volontarjat u l-impjiegi u li mhumiex speċifiċi għal għajnuna umanitarja;

(c)

“Kompetenzi speċifiċi” tfisser l-kompetenzi meħtieġa għall-inizjattiva Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE u l-għajnuna umanitarja b'mod aktar wiesa';

(d)

“Kompetenzi” tfisser kompetenzi tekniċi li jirriżultaw minn għarfien speċjalizzat rilevanti fil-kuntest tal-għajnuna umanitarja;

(e)

'Riżultati tat-tagħlim' tfisser skont id-definizzjoni stipulati fil-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki (6) d-dikjarazzjonijiet ta' dak li jaf min jitgħallem, dak li jifhem u dak li jkun kapaċi jagħmel meta jtemm il-proċess tat-tagħlim. Huma espressi f'termini ta' għarfien, ħiliet u kompetenzi.

KAPITOLU 2

QAFAS TA' KOMPETENZA

Artikolu 3

Qafas ta' Kompetenza

1.   Il-qafas ta' kompetenza li għandu jintuża għall-inizjattiva Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE għandu jkollu tliet dimensjonijiet:

(a)

Kompetenzi trasversali;

(b)

Kompetenzi speċifiċi; kif ukoll

(c)

Kompetenza tekniċi;

2.   Il-qafas ta' kompetenza għandu jkun imfassal sabiex:

(a)

professjonisti żgħażagħ, partikolarment gradwati riċenti b'inqas minn ħames snin esperjenza professjonali u inqas minn ħames snin esperjenza f'azzjoni umanitarja; kif ukoll

(b)

professjonisti anzjani b'ħames jew aktar snin esperjenza professjonali f'pożizzjonijiet ta' responsabbiltà jew pożizzjonijiet ta' espert.

3.   Il-qafas ta' kompetenza għandu jippromwovi kemm il-proċess kontinwu ta' żvilupp personali li l-Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE jgħaddu minnu matul l-istadji differenti tal-parteċipazzjoni tagħhom f'din l-inizjattiva kif ukoll ikejjel il-progress tagħhom. Il-livelli ta' profiċjenza f'kull kompetenza għandha tiġi evalwata b'mod konsistenti mal-approċċ tal-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki u fuq l-iskala li ġejja:

(a)

Livell 4: Profiċjenza eċċellenti;

(b)

Livell 3: Profiċjenza sostnuta;

(c)

Livell 2: Profiċjenza mal-ħtiġijiet tal-iżvilupp;

(d)

Livell 1: Profiċjenza fqira.

4.   Definizzjonijiet tal-kompetenzi ewlenin użati huma stabbiliti fl-Anness.

Artikolu 4

Pjan ta' tagħlim u żvilupp

1.   Pjan ta' tagħlim u żvilupp għandu jiddikjara r-riżultati ta' tagħlim li l-Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE huma mistennija li jiksbu u għandhom jipprovdu informazzjoni dwar il-kompetenzi mistennija tal-Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE, il-bżonnijiet għat-tagħlim u l-kisbiet tagħhom matul l-istadji differenti ta' parteċipazzjoni fl-Inizjattiva Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE.

2.   L-informazzjoni li ġejja għandha tiġi inkluża fil-pjan ta' tagħlim u żvilupp:

(a)

Informazzjoni bażika dwar Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE;

(b)

Informazzjoni bażika dwar xogħol volontarju u deskrizzjoni tal-kompiti li jridu jitwettqu;

(c)

Il-kompetenzi stabbiliti fil-qafas ta' kompetenza u valutazzjoni tal-prestazzjoni tal-voluntier u r-riżultati tat-tagħlim skont dawn;

(d)

Il-ħtiġijiet tat-tagħlim u l-iżvilupp ippjanat fl-attivitajiet, fejn rilevanti;

(e)

Korsijiet b'attendenza matul it-taħriġ jew il-kollokament (jew inkella xogħol prattiku); kif ukoll

(f)

Kwalunkwe informazzjoni rilevanti oħra.

3.   L-użu ta' elementi differenti ta' tagħlim u żvilupp għandu jiddependi fuq il-bżonnijiet u l-aspirazzjonijiet individwali tal-Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE u għandu jiġi aġġornat b'mod regolari, inkluż fl-istadji li ġejjin:

(a)

Għażla;

(b)

Taħriġ, inkluż xogħol ta' apprendistat, fejn rilevanti;

(c)

Skjerament; kif ukoll

(d)

Informazzjoni fil-qosor ta' wara l-iskjerament, fejn rilevanti.

KAPITOLU 3

RIKONOXXIMENT TAL-ĦILIET U L-KOMPETENZI MIKSUBA MILL-VOLUNTIERA TAL-GĦAJNUNA TAL-UE

Artikolu 5

il-Proċess ta' valutazzjoni u dokumentazzjoni

1.   Il-valutazzjoni u d-dokumentazzjoni tal-kompetenzi miksuba minn Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE matul il-parteċipazzjoni tagħhom fl-inizjattiva Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE għandha tappoġġja:

(a)

ir-rikonoxximent professjonali tal-kompetenzi miksuba li jkunu jistgħu jintużaw f'kuntest professjonali u li jtejbu l-impjegabbiltà ta' voluntier; kif ukoll

(b)

ir-rikonoxximent soċjali tal-kontribuzzjoni tal-voluntiera biex jesprimu l-valuri ta' solidarjetà tal-Unjoni mal-persuni fil-bżonn u jippromwovu b'mod viżibbli sens ta' ċittadinanza Ewropea.

2.   L-ambitu u l-proċess ta' valutazzjoni u dokumentazzjoni għandu jiġi adattat biex ikun xieraq għal professjonisti żgħażagħ jew anzjani u għandu jiddependi fuq il-bżonnijiet u l-aspirazzjonijiet individwali tal-Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE.

3.   Il-valutazzjoni u d-dokumentazzjoni ta' esperjenzi ta' tagħlim għandha tirrifletti l-proċess kontinwu ta' żvilupp li Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE jgħaddu minnu, biex b'hekk ikun hemm għarfien u appoġġ tat-tagħlim u żvilupp tul l-istadji differenti ta' parteċipazzjoni ta' voluntier fl-inizjattiva. Valutazzjoni u dokumentazzjoni għandha tiġi mwettqa fuq il-bażi ta' pjan ta' tagħlim u żvilupp msemmi fl-Artikolu 4.

4.   L-organizzazzjonijiet emittenti u dawk li jospitaw għandhom juru l-impenn kontinwu ta' valutazzjoni u dokumentazzjoni ta' esperjenzi ta' tagħlim tal-Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE biex jiffaċilitaw ir-rikonoxximent professjonali u soċjali.

5.   Il-Kummissjoni u l-Istati Membri tal-UE għandhom jipprovdu l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti responsabbli għall-validazzjoni ta' tagħlim mhux formali u informali bl-informazzjoni rilevanti dwar l-inizjattiva Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE u dwar il-valutazzjoni u sabiex jiġi ffaċilitat il-proċess ta' dokumentazzjoni formali tal-proċessi tal-validazzjoni ta' esperjenzi ta' tagħlim tal-Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE f'pajjiżhom, fejn xieraq.

Artikolu 6

Rikonoxximent professjonali

1.   Il-Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE għandhom jirċievu, fuq talba, ċertifikat ta' tlestija ta' parteċipazzjoni fl-inizjattiva. Dan għandu jinħareġ mill-Kummissjoni u għandu jinkludi mill-inqas l-informazzjoni li ġejja:

(a)

dati tax-xogħol;

(b)

l-isem u d-dettalji tal-organizazzjonijiet emittenti u dawk li jospitaw;

(c)

l-isem u d-dettalji ta' kuntatt tal-mentor tal-volontier u l-maniġer tal-azzjoni;

(d)

l-isem u d-dettalji ta' persuni fl-organizzazzjonijiet emittenti u dawk li jospitaw lesti li jipprovdu referenza għall-volontier;

(e)

ix-xogħlijiet u r-responsabbiltajiet ewlenin tal-Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE;

(f)

deskrizzjoni tal-ksib ewlieni tal-Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE matul ix-xogħol;

(g)

deskrizzjoni tar-riżultati ta' tagħlim miksuba mill-Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE matul l-istadji differenti tal-parteċipazzjoni tagħhom fl-inizjattiva, ivvalutati skont l-Artikolu 3(3) ta' dan ir-Regolament.

2.   Fuq talba tal-Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE, kopja tal-pjan ta' tagħlim u żvilupp tista' tiġi mehmuża maċ-ċertifikat.

Artikolu 7

Rikonoxximent soċjali

1.   Rikonoxximent soċjali għandu jiġu promoss permezz ta' attivitajiet stabbiliti fil-pjan ta' komunikazzjoni msemmija fl-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) Nru 375/2014. Il-Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE għandhom ikollhom l-opportunità li jkunu involuti f'xogħol ta' komunikazzjonijiet esterni mfasslin biex jippubbliċizzaw l-inizjattiva u l-impenn li sar mill-voluntiera.

2.   Fejn xieraq, il-Kummissjoni għandha torganizza avvenimenti ta' livell għoli biex tqajjem il-kuxjenza pubblika u ssaħħaħ il-viżibbiltà tal-inizjattiva.

3.   L-organizzazzjonijiet li jibagħtu għandhom ixerrdu l-informazzjoni dwar u jippromwovu l-involviment man-netwerk għall-inizjattiva Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE li tenfasizza l-opportunitajiet li jipprovdi għal voluntiera biex jibqgħu impenjati fi kwistjonijiet relatati ma' għajnuna umanitarja u ċ-ċittadinanza Ewropea attiva wara l-iskjerament tagħhom.

4.   L-organizzazzjonijiet emittenti u dawk li jospitaw il-Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE għandhom ikunu konxji tal-opportunitajiet biex jibqgħu impenjati bi kwistjonijiet relatati mal-għajnuna umanitarja u ta' ċittadinanza Ewropea attiva. Huma għandhom, b'mod partikolari, jinkoraġġixxu l-Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE biex jieħdu sehem f'konferenzi u sessjonijiet ta' ħidma organizzati fuq livell tal-UE u nazzjonali, sabiex jaqsmu l-esperjenza tagħhom mal-partijiet interessati rilevanti.

KAPITOLU 4

STANDARDS LI JIRREGOLAW IS-SĦUBIJIET BEJN L-ORGANIZZAZZJONIJIET EMITTENTI U DAWK LI JOSPITAW

Artikolu 8

Objettiv u l-membri ta' sħubija

1.   Is-sħubija bejn l-organizzazzjonijiet emittenti u dawk li jospitaw għandha tistabbilixxi l-arranġamenti bejn l-imsieħba li qed japplikaw għal u l-ġestjoni ta' proġetti li jinvolvu l-iskjerament ta' Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE f'pajjiżi terzi li jistgħu jinkludu wkoll attivitajiet li jirrigwardaw bini ta' kapaċità u/jew għajnuna teknika.

2.   Il-membri tas-sħubija għandhom ikunu organizzazzjonijiet li jibagħtu li jikkonformaw mal-Artikolu 10(3) tar-Regolament (UE) Nru 375/2014 u l-organizzazzjonijiet li jospitaw li jikkonformaw mal-Artikolu 10(4) tar-Regolament (UE) Nru 375/2014.

3.   Meta jiffurmaw sħubija, l-organizzazzjonijiet emittenti u dawk li jospitaw jistgħu jinkludu bħala sħab organizzazzjonijiet oħrajn speċjalizzati f'xi oqsma rilevanti mal-objettivi jew l-azzjonijiet tal-proġetti msemmija fil-paragrafu 1 hawn fuq sabiex jikkontribwixxu l-għarfien speċifiku tagħhom.

4.   Fejn proġetti jinkludu attivitajiet relatati ma' bini ta' kapaċità u/jew għajnuna teknika, organizzazzjonijiet emittenti u dawk li jospitaw li diġà għaddew minn proċess ta' ċertifikazzjoni skont ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni li għandu jiġu adottat skont il-bażi tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament (UE) Nru 375/2014 iżda li ma ngħatawx ċertifikazzjoni jikkwalifikaw ukoll bħala sieħba eliġibbli sakemm ikollhom strateġija bbażata fuq il-ħtiġijiet għall-bini tal-kapaċità u/jew għajnuna teknika fis-seħħ.

5.   Fejn il-proġetti jservu biex jagħtu sostenn lill-operazzjonijiet ta' reazzjoni għall-emerġenzi, is-sħubija tista' tiġi ffurmata biss minn organizzazzjonijiet emittenti.

Artikolu 9

Prinċipji ta' sħubija

L-attivitajiet tal-Inizjattiva Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE għandhom jippromwovu sħubiji transnazzjonali bejn l-organizzazzjonijiet emittenti u dawk li jospitaw ibbażati fuq il-prinċipji ta':

(a)

Ugwaljanza;

(b)

Valuri komuni u viżjoni komuni;

(c)

Transparenza;

(d)

Responsabbiltà, trasparenza u affidabbiltà;

(e)

Fiduċja u rispett reċiproku;

(f)

Il-komplementarjetà, li tibni fuq id-diversità tal-komunità umanitarja u l-volontarjat b'enfasi qawwija fuq il-bini tal-kapaċità lokali;

(g)

Flessibbiltà u adattabbiltà; kif ukoll

(h)

Reċiproċità fl-allokazzjoni ta' riżorsi u t-twaqqif ta' objettivi.

Artikolu 10

Ftehim ta' Sħubija u standards

1.   Qabel l-organizzazzjonijiet emittenti u dawk li jospitaw jidħlu fi sħubija, se titwettaq valutazzjoni tal-ħtiġijiet mill-organizzazzjonijiet ospitanti, fejn xieraq b'kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet emittenti, filwaqt li jqisu l-valutazzjoni tal-ħtiġijiet tal-Kummissjoni tal-għajnuna umanitarja.

2.   Il-valutazzjoni tal-ħtiġijiet għandha tinkludi bħala minimu:

(a)

Valutazzjoni tal-vulnerabbiltà u r-riskju tal-pajjiż ta' skjerament, inkluża l-valutazzjoni ta' sigurtà, tal-ivvjaġġar u r-riskji tas-saħħa rilevanti għal Voluntiera tal-għajnuna tal-UE;

(b)

Konsiderazzjoni tal-kapaċità attwali tal-organizzazzjoni ospitanti biex tospita voluntiera tal-għajnuna tal-UE;

(c)

Analiżi tal-kompetenzi u l-kapaċitajiet attwalment nieqsa fi ħdan l-organizzazzjoni ospitanti u l-komunità lokali, u l-identifikazzjoni tal-ħtiġijiet u l-analiżi ta' kif l-aħjar jistgħu jiġu indirizzati;

(d)

Analiżi tal-valur miżjud mistenni mill-Voluntiera tal-għajnuna tal-UE u, fejn rilevanti, l-appoġġ previst għall-bini ta' kapaċità lill-organizzazzjoni ospitanti u l-komunità lokali.

3.   Se jiġi ffirmat ftehim ta' sħubija mill-imsieħba kollha sabiex jiżguraw il-konformità mal-istandards ta' sħubija minimi li ġejjin:

(a)

Is-sħubijiet għandhom ikunu bbażati fuq ftehim fuq valuri komuni u viżjoni komuni, b'mod partikolari kif jirrelata għall-volontarjat u l-għajnuna umanitarja;

(b)

Il-valur miżjud ta' kull imsieħeb u r-rwoli rispettivi tagħhom għandhom jiġu definiti b'mod ċar;

(c)

L-imsieħba kollha jaqblu dwar l-objettivi komuni tas-sħubija u l-modi ta' kif is-sħubija għandha tiġi amministrata, b'mod partikolari:

(i)

il-proċeduri għat-teħid ta' deċiżjonijiet u prattiki ta' xogħol;

(ii)

arranġamenti finanzjarji u mmaniġġjar;

(iii)

kanali ta' komunikazzjoni bejn il-partijiet kollha interessati; il-frekwenza tal-laqgħat u żjarat fuq il-post minn organizzazzjonijiet emittenti;

(iv)

pjan ta' ħidma u attivitajiet, inkluża skeda ta' żmien;

(v)

allokazzjoni ta' kompiti, skont il-pjan ta' komunikazzjoni tal-inizjattiva.

(vi)

monitoraġġ u evalwazzjoni tas-sħubija;

(vii)

kontabbiltà u dokumentazzjoni;

(viii)

irfinar u finalizzazzjoni tal-valutazzjoni tal-ħtiġijiet li hemm referenza għaliha fil-paragrafu 1;

(ix)

formulazzjoni u valutazzjoni konġunta tax-xogħlijiet ta' kompiti tal-Volontiera tal-Għajnuna tal-UE;

(x)

ir-rwoli u r-responsabbiltajiet fir-rigward il-voluntiera kandidati u l-Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE matul stadji differenti ta' parteċipazzjoni fl-Inizjattiva Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE;

(xi)

proċeduri għall-immaniġġjar ta' ilmenti (kemm dawk li saru fi ħdan is-sħubija u dawk minn partijiet esterni li għandhom x'jaqsmu mal-ħidma tiegħu) u r-riżoluzzjoni tal-kunflitti bejn l-imsieħba;

(xii)

politiki u proċeduri għall-ħruġ ta' sieħeb;

(xiii)

implikazzjonijiet finanzjarji; kif ukoll

(xiv)

implikazzjonijiet kuntrattwali (inkluż dawk li jirrigwardaw l-implikazzjonijiet tal-Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE u lill-komunitajiet ikkonċernati).

(d)

Fejn rilevanti, strateġija bbażata fuq il-ħtiġijiet għall-bini tal-kapaċità u/jew għajnuna teknika bejn l-imsieħba għandha tiġi żviluppata u jiġi allokat baġit iddedikat għal din l-istrateġija.

(e)

L-imsieħba għandhom jikkontribwixxu għal attivitajiet ta' tagħlim u għandhom jimpenjaw ruħhom li jwettqu azzjonijiet dwar komunikazzjoni u viżibbiltà skont il-pjan ta' komunikazzjoni msemmija fl-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) Nru 375/2014.

KAPITOLU 5

OPPORTUNITAJIET INDAQS U NONDISKRIMINAZZJONI

Artikolu 11

Il-prinċipju ġenerali

1.   L-inizjattiva Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE għandha tkun miftuħa għal kandidati eliġibbli kollha indipendentement min-nazzjonalità tagħhom, is-sess, ir-razza, l-oriġini etnika, l-età, l-isfond soċjali, ir-reliġjon jew twemmin, l-orjentazzjoni sesswali u mingħajr referenza għall-istat maritali jew minn jekk għandhomx diżabbilità.

2.   L-organizzazzjonijiet emittenti u dawk li jospitaw għandhom jimpenjaw ruħhom għall-prinċipji ta' trattament ugwali, l-opportunitajiet indaqs u n-nondiskriminazzjoni. Dawn il-prinċipji għandhom jiġu integrati b'mod sħiħ fil-proċedura għall-identifikazzjoni, l-għażla u r-reklutaġġ, u t-tħejjija ta' voluntiera u f'politiki u prattiki ta' ġestjoni ta' prestazzjoni.

Artikolu 12

L-ugwaljanza tat-trattament, opportunitajiet ugwali u n-nondiskriminazzjoni

1.   L-organizzazzjoni emittenti għandha jkollha dikjarazzjoni ta' prinċipju u politika fis-seħħ biex tiżgura li prattiki ta' fuq il-post tax-xogħol jirriflettu l-prinċipji ta' trattament ugwali, l-opportunitajiet indaqs u n-nondiskriminazzjoni u tippromwovi kultura organizzattiva inklużiva.

2.   Il-politika tat-trattament ugwali, l-opportunitajiet indaqs u n-nondiskriminazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 bħala minimu għandha:

(a)

tkun konformi ma' leġiżlazzjoni tal-Unjoni u nazzjonali rilevanti u tfittex li tevita jew tindirizza u tneħħi politiki u prattiki diskriminatorji, inkluż kwalunkwe ostakolu għall-impjieg għal gruppi kollha identifikati f'dik il-leġiżlazzjoni u/jew magħrufa li huma responsabbli biex jiltaqgħu ma' preġudizzji meta jfittxu xogħol u għalhekk ikunu f'riskju ta' nuqqas ta' rappreżentanza;

(b)

tkopri, iżda ma tkunx limitata għall-aspetti kollha ta' esperjenza tal-voluntier individwali, inklużi standards ta' mġiba, reklam tal-kollokament, tar-reklutaġġ u tal-għażla, taħriġ u żvilupp, ġestjoni tal-prestazzjoni, il-kundizzjonijiet tax-xogħol, li jinkludu l-paga u l-proċeduri tas-sensja;

(c)

tiddikjara b'mod ċar ir-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-persunal u l-voluntiera kollha, il-maniġment superjuri u t-timijiet tat-tmexxija, id-dipartimenti tar-riżorsi umani u kwalunkwe partijiet interessati oħra identifikati mill-organizzazzjoni;

(d)

tkun sorveljata u rieżaminata regolarment biex ikun żgurat li jibqa' f'konformità mal-leġiżlazzjoni rilevanti u li qed tiġi implimentata b'mod korrett u effettiv.

3.   L-organizzazzjoni ospitanti għandha tagħti konferma bil-miktub lill-organizzazzjoni emittenti tal-prinċipju u l-politika fuq it-trattament ugwali, l-opportunitajiet indaqs u n-nondiskriminazzjoni, u għandha tavża l-organizzazzjoni emittenti ta' kull eċċezzjoni li ssir biex jiġi definit ir-rwol u l-profil ta' Voluntier tal-għajnuna tal-UE, li saru neċessarji minħabba l-kuntest speċifiku tax-xogħol tiegħu.

4.   L-organizzazzjoni emittenti għandha tappoġġja l-organizzazzjoni ospitanti fl-implimentazzjoni tal-politika dwar it-trattament ugwali, l-opportunitajiet indaqs u n-nondiskriminazzjoni u, bħala eċċezzjoni, tappoġġa organizzazzjonijiet ospitanti biex jagħmlu aġġustamenti speċifiċi għall-kuntest għal dawn il-prinċipji, fejn meħtieġ.

5.   Fejn possibbli, l-organizzazzjoni emittenti għandha tipprovdi taħriġ xieraq u informazzjoni dwar il-politika u l-prinċipji tagħha lill-persunal kollu fuq bażi regolari, sabiex ikun żgurat li l-partijiet interessati kollha jifhmu, jappoġġjaw u jimplimentaw il-politika.

KAPITOLU 6

KONFORMITÀ MAL-LIĠI NAZZJONALI U TAL-UNJONI U L-LIĠI TAL-PAJJIŻ OSPITANTI

Artikolu 13

Dispożizzjonijiet Ġenerali

1.   L-organizzazzjonijiet emittenti u dawk li jospitaw għandhom jiżguraw konformità mal-istandards rilevanti nazzjonali u tal-Unjoni u mal-liġi tal-pajjiż ospitanti, inklużi:

(a)

Ir-Regolament (UE) Nru 375/2014, inkluż ir-rispett tal-prinċipji ġenerali msemmija fl-Artikolu 5;

(b)

Il-leġiżlazzjoni applikabbli għall-istatus legali tal-Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE;

(c)

Il-leġiżlazzjoni applikabbli fuq il-kundizzjonijiet tax-xogħol, is-saħħa, is-sikurezza u s-sigurtà tal-voluntiera;

(d)

Il-leġiżlazzjoni dwar it-trattament ugwali u n-nondiskriminazzjoni; kif ukoll

(e)

Il-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tal-informazzjoni personali:

2.   L-organizzazzjonijiet emittenti u dawk li jospitaw għandhom jinfurmaw il-Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE tad-drittijiet tagħhom u l-obbligi legali li jirriżultaw mil-leġiżlazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 u d-drittijiet tagħhom għal kopertura tal-assigurazzjoni stabbiliti fir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni li se jiġi adottat fuq il-bażi tal-Artikolu 9(3) tar-Regolament (UE) Nru 375/2014.

Artikolu 14

Status legali ta' Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE

1.   L-organizzazzjoni emittenti għandha tikkonforma mal-leġiżlazzjoni applikabbli għall-istatus legali ta' Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE. Għandha għalhekk tħejji kuntratt ta' skjerament, kif imsemmi fl-Artikolu 14(5) tar-Regolament (UE) Nru 375/2014, li għandu jiġi ffirmat minnha stess u minn Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE. Il-kuntratt għandu jindika l-leġiżlazzjoni applikabbli u l-ġurisdizzjoni tal-kuntratt.

2.   L-organizzazzjoni emittenti għandha tiżgura r-rispett tal-kuntratt mill-organizzazzjoni ospitanti u tkun responsabbli għal vjolazzjonijiet tad-dispożizzjonijiet tal-kuntratt ta' skjerament mill-organizzazzjoni ospitanti.

Artikolu 15

Id-dmir li tinforma Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE dwar ir-regoli tat-taxxa

1.   Qabel l-iskjerament, l-organizzazzjoni emittenti għandha tinforma l-Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE dwar kwalunkwe regoli li japplikaw għall-pagamenti tal-indennizzi fiskali fil-pajjiż fejn tkun stabbilita l-organizzazzjoni emittenti u, fejn rilevanti, fil-pajjiż ta' skjerament tagħhom.

2.   Fejn Voluntier tal-Għajnuna tal-UE mhuwiex resident tal-pajjiż ta' stabbiliment tal-organizzazzjoni emittenti, l-organizzazzjoni emittenti għandha tinforma l-Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE dwar l-obbligu tagħhom li jiffamiljarizzaw ruħhom mar-regoli fiskali fil-pajjiż ta' residenza tagħhom stess li japplikaw għas-sitwazzjoni speċifika tagħhom.

Artikolu 16

Protezzjoni tad-Dejta

1.   L-ipproċessar ta' dejta personali mill-organizzazzjonijiet emittenti u dawk li jospitaw għandhom jikkonformaw mad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) u r-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8), fejn applikabbli.

2.   L-organizzazzjonijiet emittenti u dawk li jospitaw għandhom jiżguraw li l-abbuż u l-użu ħażin tad-dejta personali huma evitati waqt l-ipproċessar, inkluż il-ġbir, l-użu, l-iżvelar u t-tħassir tad-dejta personali kollha dwar il-voluntiera kandidati u l-Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE. Dan jikkonċerna l-azzjonijiet kollha dwar il-voluntiera kandidati u l-Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE, b'mod partikolari:

(a)

ir-reklutaġġ u l-għażla (inklużi formoli ta' applikazzjoni, noti ta' intervista u kwestjonarji ta' awtovalutazzjoni); kif ukoll

(b)

it-tħejjija u l-ġestjoni tal-Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE (inklużi pjanijiet ta' tagħlim u żvilupp, l-evalwazzjonijiet tal-prestazzjoni u r-reġistri ta' appoġġ ta' mentoring, eżamijiet mediċi jew kwalunkwe kwistjonijiet dixxiplinarji).

3.   L-organizzazzjonijiet emittenti u dawk li jospitaw għandhom jiżguraw li tiġi pproċessata d-dejta rilevanti biss u li kwalunkwe dejta personali bħalma huma l-isem, l-età, l-indirizz u d-data tat-twelid, inkluża dejta sensittiva, informazzjoni dwar ir-reklutaġġ, l-impjiegi u l-prestazzjoni tagħhom għandhom ikunu:

(a)

miġbura skont il-liġi u b'mod adegwat għal raġuni xierqa;

(b)

ipproċessata b'mod ġust u legali;

(c)

koreġuta jew aġġornata, fejn meħtieġ;

(d)

tkun aċċessibbli biss minn persunal awtorizzat;

(e)

tkun aċċessibbli fuq talba mill-voluntier kandidat jew mill-Voluntier tal-Għajnuna tal-UE kkonċernat;

(f)

tinżamm b'mod sigur; kif ukoll

(g)

miżmuma għal żmien mhux itwal minn dak neċessarju.

4.   Meta l-ipproċessar tad-dejta msemmija fil-paragrafu 3, l-organizzazzjonijiet emittenti u dawk li jospitaw għandhom ifittxu l-kunsens espliċitu tal-Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE.

5.   L-organizzazzjonijiet emittenti u dawk li jospitaw għandhom jinfurmaw il-voluntier kandidat jew il-Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE tad-dritt tagħhom għall-protezzjoni tad-dejta personali, id-dritt tagħhom li jilmentaw u li jużaw u jaċċessaw id-dejta tagħhom u d-dritt tagħhom li jkunu jafu l-identità tal-entitajiet li se jkollhom aċċess għad-dejta personali tagħhom u li jkunu jafu x'tip ta' dejta se jkollhom aċċess għal kull entità.

Artikolu 17

L-integrità u l-kodiċi ta' kondotta

1.   L-organizzazzjonijiet emittenti u dawk li jospitaw għandhom jaqblu dwar l-integrità politika mfassla biex jipprevjenu l-korruzzjoni u t-tixħim u dwar kodiċi ta' kondotta bbażata fuq il-politika ta' tmexxija tal-organizzazzjoni emittenti li għandha tkun adatta għal u tapplika għall-Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE bi gwida dwar l-imġiba mistennija, id-diċenza u l-integrità meħtieġa matul il-parteċipazzjoni tagħhom fl-Inizjattiva Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE.

2.   Il-kodiċi ta' kondotta għandha torbot fuq il-Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE u għandha tinkludi bħala minimu dawn ir-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

Timpenja ruħha li tiżviluppa sens ta' identità madwar l-inizjattiva Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE u tikkontribwixxi għall-objettivi tagħha;

(b)

Ir-rispett għal nies oħra u tad-dinjità tagħhom u r-rispett tal-prinċipju ta' nondiskriminazzjoni;

(c)

Rispett għall-prinċipji tal-għajnuna umanitarja kif imsemmi fl-Artikolu 5(1) tar-Regolament (UE) Nru 375/2014;

(d)

Impenn lejn is-salvagwardja tat-tfal u għall-protezzjoni ta' adulti vulnerabbli, inkluż permezz ta' “tolleranza żero” fir-rigward ta' abbuż sesswali;

(e)

Tolleranza żero fir-rigward l-użu ta' drogi illegali fil-pajjiż ta' skjerament;

(f)

Rispett tal-liġijiet lokali;

(g)

L-integrità, il-ġlieda kontra l-frodi u kontra l-korruzzjoni;

(h)

Iż-żamma ta' standards għoljin ta' kondotta personali u professjonali;

(i)

L-osservanza ta' sigurtà u proċeduri ta' saħħa u sikurezza;

(j)

Id-dmir li tirrapporta ksur u dispożizzjonijiet għal żvelar ta' informazzjoni protetta;

(k)

Regoli dwar kuntatt mal-midja u ġestjoni tal-informazzjoni; kif ukoll

(l)

Regoli li jipprojbixxu l-użu ħażin ta' tagħmir tal-organizzazzjoni.

3.   Kwalunkwe ksur tal-kodiċi ta' mġiba minn Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE għandu jiġi ttrattat skont il-politika ta' tmexxija tal-organizzazzjoni emittenti.

4.   Jekk il-ksur jitqies li jikkostitwixxi mġiba ħażina aggravata, għandha twassal għal ritorn kmieni tal-Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE u, jekk meħtieġ, l-aġir tagħhom se jiġi rapportat lil kwalunkwe organizzazzjonijiet jew awtoritajiet professjonali jew legali.

Artikolu 18

Is-salvagwardja tat-tfal u l-adulti vulnerabbli, inkluża t-tolleranza żero lejn l-abbuż sesswali

1.   L-organizzazzjonijiet emittenti u dawk li jospitaw għandhom jimpenjaw ruħhom għal politika ta' tolleranza żero fir-rigward ta' kwalunkwe abbuż tat-tfal u/jew adulti vulnerabbli, inkluż l-abbuż sesswali. Huma għandhom ikunu jistgħu jirrappurtaw l-abbuż, jitrattaw kif suppost u fil-pront l-inċidenti, l-appoġġ tal-vittmi, biex tkun evitata l-vittimizzazzjoni tal-informaturi u jżommu responsabbli lil dawk li jwettquha.

2.   L-organizzazzjonijiet emittenti u dawk li jospitaw għandhom jipprevjenu l-abbuż permezz tal-proċess użat għall-għażla tal-Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE u għat-trawwim u t-taħriġ tagħhom, bil-ħolqien ta' kultura ta' ftuħ u ta' kuxjenza madwar il-kwistjoni bl-assenjazzjoni ċara tal-ġestjoni u permezz ta' responsabbiltajiet ta' sorveljanza.

3.   L-organizzazzjoni emittenti għandha twettaq il-verifiki statutorji kollha meħtieġa legalment sabiex tinkiseb approvazzjoni għal voluntiera kandidati biex jaħdmu ma' dawn il-gruppi mmirati.

4.   L-organizzazzjonijiet emittenti u dawk li jospitaw għandhom jinformaw lill-voluntiera kandidati jew il-Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE dwar ir-riskji u jirrakkomandaw miżuri preventivi, sabiex jiġi żgurat li ma jkunx hemm abbuż.

KAPITOLU 7

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 19

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta' Ottubru 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 122, 24.4.2014, p. 1.

(2)  https://www.youthpass.eu/en/youthpass/.

(3)  https://europass.cedefop.europa.eu/editors/en/esp/compose#.

(4)  ĠU C 398, 22.12.2012, p. 1.

(5)  ĠU L 394, 30.12.2006, p. 10.

(6)  ĠU C 111, 6.5.2008, p. 1.

(7)  Id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46/KE tal-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data (ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31).

(8)  Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta' dak id-data (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).


ANNESS

Qafas ta' kompetenza

1.   Kompetenzi trasversali meħtieġa f'ħafna setturi tal-volontarjat u l-impjiegi u li mhumiex speċifiċi għall-qasam tal-għajnuna umanitarja

Kompetenza

Deskrizzjoni

1)   L-iżvilupp u ż-żamma ta' relazzjonijiet kollaborattivi

Ħidma ma' oħrajn

Li żżomm amment, tirrispetta u hija kapaċi tadatta għal stili differenti ta' ħidma.

Tifhem u taċċetta r-rwol tiegu jew tagħha f'tim u tikkontribwixxi b'mod pożittiv u proattiv biex jintlaħqu l-objettivi tat-tim.

Taqsam informazzjoni utli u għarfien ma' kollegi u b'mod aktar wiesa' meta xieraq.

tieħu azzjoni kostruttiva biex issolvi kull kunflitt li jista' jinqala'.

Komunikazzjoni

Tikkomunika b'mod effikaċi mal-membri l-oħra tat-tim u ma' oħrajn barra l-grupp.

Tisma' b'mod attiv għal perspettivi ġodda u differenti offruti minn oħrajn fit-tim tiegħu jew tagħha.

Tuża firxa ta' mezzi ta' komunikazzjoni (personali, it-telefown u l-indirizz tal-posta elettronika) inklużi t-tranżazzjonijiet, adattati għall-kuntest lokali u s-sitwazzjoni.

2)   Il-mentalità tal-volontarjat

 

Issib ix-xogħol volontarju sodisfaċenti.

Ikollu/ha fehim u opinjoni dwar il-kunċetti ta' volontarjat u ċittadinanza attiva u r-rwol tagħhom fis-soċjetà.

Huwa/hija lesta li tagħmel kontribuzzjoni mingħajr ma tirċievi premju finanzjarju bi tpattija.

Huwa/hija impenjata li l-kompiti li hu jew hi huwa/hija mogħti/ja u j/twettaqhom bl-aħjar mod tal-abbiltà tiegħu jew tagħha, anki fin-nuqqas ta' premju finanzjarju.

I/tfittex li j/tikkontribwixxi bħala voluntier lill-organizzazzjoni u biex j/tgħin lill-benefiċjarji (jiġifieri l-komunitajiet lokali).

3)   Il-ġestjoni ta' persuna nnifisha f'ambjent bi pressjoni qawwija ta' xogħol u fejn qed jinbidel l-ambjent

Awtokoxjenza u r-reżiljenza

Kapaċi li tiflaħ għat-tensjoni u tegħleb id-diffikultajiet.

J/tidentifika s-sorsi ta' stress u tkun taf kif j/timminizza l-effetti negattivi tagħhom.

Huwa/hija lest/a li j/titkellem dwar l-istress u diffikultajiet u j/tfittex appoġġ meta jkun meħtieġ.

I/tkun kapaċi tadatta għall-kondizzjonijiet tal-għajxien fejn ir-riżorsi huma limitati ħafna u l-livell ta' kumdità huwa baxx ħafna.

J/tadatta bil-kalma u tirreaġixxi b'mod kostruttiv għal sitwazzjonijiet li qed jinbidlu u limitazzjonijiet.

Huwa/hija konxju tal-punti tajbin u l-limitazzjonijiet tiegħu jew tagħha u ta' kif dawn jistgħu jinfluwenzaw ix-xogħol tiegħu jew tagħha.

Awtonomija

J/torganizza l-attivitajiet tiegħu jew tagħha fuq il-post tax-xogħol u matul il-ħin liberu b'mod awtonomu.

J/tamministra fil-jum tax-xogħol tiegħu jew tagħha u tagħti prijorità b'mod xieraq.

J/tirrikonoxxi l-limitazzjonijiet tar-responsabbiltajiet tiegħu jew tagħha u r-rapporti lil persuna/i l-aktar anzjan/i responsabbli fejn xieraq.

Ġestjoni tal-aspettattivi tal-persuna stess

Ikollu/ha għarfien realistiku tal-kontribuzzjoni tiegħu jew tagħha lill-organizzazzjoni u l-għajnuna li hu jew hi tista' toffri lill-benefiċjarji.

J/taġġusta l-aspettattivi għal sitwazzjonijiet li qed jinbidlu.

Għarfien interkulturali

Evitar ta' stereotipi kulturali.

Huwa/hija miftuħ għal u tħaddan differenzi kulturali.

J/tirrispetta kulturi oħra u j/taġġusta l-imġiba tiegħu jew tagħha stess biex jiġi evitat in-nuqqas ta' ftehim.

J/tagħti attenzjoni għal tranżazzjonijiet f'kuntest multi-kulturali.

J/tadotta approċċ imparzjali għal twemmin differenti, konvenzjonijiet soċjali u valuri.

J/turi empatija u sensittività.

4)   Turija ta' tmexxija

 

J/timmotiva membri oħra tat-tim (lokali jew internazzjonali) għal dan il-kompitu.

J/tagħti s-setgħa lin-nies biex jieħdu r-responsabbiltà fi ħdan l-ambitu tal-azzjonijiet tagħhom.

J/tisma' b'mod attiv lil oħrajn.

J/tispira fiduċja f'oħrajn.

Jekk fir-rwol ta' responsabbiltà:

J/tifformula b'mod ċar il-kompiti li għandhom jitlestew minn oħrajn u l-aspettattivi tiegħu jew tagħha fuqhom.

Kontrolli li dawn ġew mifhuma.

J/tipprovdi rispons riċevut u j/tagħraf il-kontribut minn oħrajn.

J/tieħu deċiżjonijiet li jirriflettu l-livell ta' riskju li jirriżultaw minn azzjoni relattiva għall-urġenza tagħha.

5)   Il-kisba ta' riżultati

J/tikseb u tikkomunika r-riżultati tal-azzjoni immedjata u l-progress li sar f'termini ta' bini ta' kapaċità

J/tadotta approċċ “tista' tagħmel” u j/turi attitudni proattiva.

J/tidentifika t-titjib meħtieġ kritiku biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà tar-riżultati.

J/tikkomunika r-riżultati b'mod effikaċi.

J/tidentifika l-individwi li mistennija jitgħallmu mill-kontribuzzjoni tiegħu jew tagħha u j/tipprova tagħti lil dawk li huma mistennija jsostnu r-riżultati fehim tax-xogħol li sar.

I/tfittex għal soluzzjonijiet.

J/tieħu azzjoni kostruttiva biex issolvi kull kunflitt li jista' jinqala'.

Jekk b'mod partikolari rwol fil-bini tal-kapaċità:

I/tkun j/taf u j/tapplika metodi diversi ta' bini ta' kapaċità organizzattiva f'ċirkustanzi fejn ir-riżorsi huma limitati.

I/tkun j/taf u j/tapplika metodi u għodod għall-evalwazzjoni tal-bżonnijiet, sabiex j/tidentifika l-oqsma li għandhom ikunu fil-mira fil-bini tal-kapaċità.

Responsabilità

J/tiffoka fuq il-kisba tar-riżultati fil-ħin.

I/tfittex reazzjonijiet u j/tieħu azzjoni bbażata fuq ir-rispons riċevut.

Rapporti lill-persuna/i xierqa.

J/tisfida deċiżjonijiet u mġiba li jiksru l-kodiċi ta' kondotta organizzattiva u/jew standards umanitarji rilevanti oħra.

2.   Kompetenzi speċifiċi tfisser l-kompetenzi meħtieġa għall-inizjattiva Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE u l-għajnuna umanitarja b'mod aktar wiesa';

Kompetenza

Deskrizzjoni

6)   Fehim tal-kuntest umanitarju tal-inizjattiva Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE u l-applikazzjoni tal-prinċipji umanitarji

 

J/turi fehim tas-sistema tal-għajnuna umanitarja, id-diversi atturi involuti u r-rabtiet bejn dan u politiki esterni oħra, partikolarment minn perspettiva tal-UE.

J/tapplika għarfien teoretiku ta' prinċipji u prattiki komuni li jsaħħu l-azzjoni umanitarja.

J/turi għarfien rilevanti ta' għajnuna umanitarja ta' standards u kodiċijiet ta' kondotta, inkluż kif għandhom x'jaqsmu r-responsabbiltà u l-ġestjoni tal-kwalità, u tal-qafas legali għal għajnuna umanitarja.

J/turi għarfien tal-fażijiet ta' reazzjoni umanitarja inkluża l-prevenzjoni u t-tħejjija, it-tnaqqis tar-riskju ta' diżastri, il-ġestjoni tar-riskju ta' diżastri, rispons u rkupru.

J/turi għarfien tat-teorija u l-prattika marbuta mal-għajnuna u l-iżvilupp u l-approċċ ta' reżiljenza.

J/tikkunsidra l-ħtiġijiet, il-ħiliet, il-kapaċitajiet u l-esperjenza ta' persuni milquta minn diżastri jew kriżijiet ta' għajnuna umanitarja.

J/tifhem l-għanijiet ta' inizjattiva tal-Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE u l-implikazzjonijiet ta' dawn l-objettivi għax-xogħol tagħhom meta jiġu mmobilizzati.

J/tifhem il-proċess ta' għażla, taħriġ u skjerament.

J/tifhem li r-rwol ta' voluntier u l-azzjoni li għandha tittieħed qabel, matul u wara l-iskjerament.

J/tapplika l-għarfien tiegħu jew tagħha għall-fini ta' din l-inizjattiva fi ħdan il-kuntest usa' tal-għajnuna umanitarja tal-UE.

7)   Użu b'sikurezza u b'sigurtà f'kull ħin

 

J/tifhem l-importanza ta' proċeduri ta' sikurezza tal-organizzazzjonijiet li ġejjin meta jiġu mmobilizzati.

J/tifhem u j/tapplika l-prinċipju ta' “tagħmel l-ebda ħsara”.

J/tidentifika u j/tipprevjeni r-riskji waqt proġett.

Huwa/Hija j/tista' j/tieħu azzjoni f'sitwazzjonijiet fejn xi forma ta' periklu tippreżenta ruħha.

I/tkun kapaċi j/tamministra stress relatat ma' inċidenti tas-sigurtà.

Għandu/ha livell bażiku ta' ħiliet tal-ewwel għajnuna.

8)   Ġestjoni ta' proġetti f'kuntesti umanitarji

 

I/tkun j/tista' j/tiddeskrivi u j/tanalizza l-istadji differenti taċ-ċiklu ta' proġett f'għajnuna umanitarja, inkluża valutazzjoni tal-ħtiġijiet, proposta ewlenija u l-iżvilupp tal-baġit u t-twassil, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-proġett.

J/tifhem u j/tapplika l-prinċipji bażiċi ta' bbaġitjar u l-kitba tal-proposti.

J/tifhem u j/tapplika l-prinċipji bażiċi ta' ġestjoni finanzjarja u l-kitba tal-proposti.

J/tifhem u ssostni t-trasparenza fil-proċessi tal-ġestjoni tal-proġett.

J/tifhem u j/tapplika l-prinċipji bażiċi ta' ġestjoni tal-prestazzjoni il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni.

9)   Komunikazzjoni u sensibilizzazzjoni

 

Huwa/Hija konxju/a u j/tinvolvi ruħu/ruħha attivament ma' pjan ta' komunikazzjoni tal-Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE u j/tissodisfa r-rwol tiegħu jew tagħha fl-implimentazzjoni tagħha.

J/titkellem b'mod ċar għal valuri organizzattivi u għal dawk tal-Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE fejn rilevanti.

J/tidentifika partijiet interessati primarji, sekondarji u kritiċi f'kuntesti umanitarji lokali.

J/tifhem u j/tapplika l-għodod użati biex jimmobilizzaw l-appoġġ tal-partijiet interessati internazzjonali u lokali għall-għajnuna umanitarja fil-qasam li fih i/tkun qed j/taħdem.

J/tifformula argumenti ċari u bbażati fuq l-evidenza bħala sostenitur tal-inizjattiva u j/tiżviluppa strateġija effettiva ta' komunikazzjoni.

3.   Kompetenzi tekniċi li jirriżultaw minn għarfien speċjalizzat rilevanti fil-kuntest tal-għajnuna umanitarja;

Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE jista' jkollhom kompetenzi fl-oqsma li ġejjin (lista mhux eżawrjenti):

finanzi u kontabilità

affarijiet legali

ġestjoni ta' proġett u amministrazzjoni

monitoraġġ u evalwazzjoni

komunikazzjonijiet (inkluża l-viżibbiltà, ir-relazzjonijiet pubbliċi u sensibilazzjoni)

loġistika u trasport

ġestjoni tar-riżorsi umani u t-tagħlim

żvilupp organizzazzjonali u trawwim ta' kapaċità

tfassil tal-politika u l-ippjanar strateġiku

komunikazzjoni tar-riskju u t-teknoloġija tal-informazzjoni

ilma u faċilitajiet sanitarji

protezzjoni u kenn

ikel, nutrizzjoni u saħħa

refuġjati u persuni spostati internament

kwistjonijiet tas-sessi

protezzjoni tat-tfal

għajxien

rabta bejn l-għajnuna, ir-riabilitazzjoni u l-iżvilupp

ġestjoni tar-riskju ta' diżastri

bini ta' reżiljenza

dejta u għarfien ta' diżastri

valutazzjoni u mmappjar tar-riskju u l-vulnerabbiltà u l-fraġilità u l-analiżi tal-kunflitt

ġestjoni bbażata fuq l-ekosistema u l-adattament tat-tibdil fil-klima

tqajjim ta' kuxjenza u edukazzjoni

reżiljenza urbana u l-ippjanar tal-użu tal-art

żvilupp bbażat fil-komunità

protezzjoni soċjali u xbieki tas-sikurezza

negozju reżiljenti u l-infrastruttura, inkluża l-protezzjoni tal-infrastruttura kritika

finanzjament ta' riskju

monitoraġġ u sistemi ta' twissija bikrija

tħejjija għad-diżastri u l-ippjanar ta' kontinġenza

il-protezzjoni ċivili u r-rispons f'każ ta' emerġenza

valutazzjoni u rkupru ta' wara l-kunflitti u ta' wara d-diżastri

servizzi mediċi u paramediċi

inġinerija

ġestjoni tal-volontarjat